Monday, 26 June 2017
           
Home
IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA 2015 FEJN HEMM IL-GHAQDA JGHAMMAR IL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 25 September 2015

Din hija il- Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa

san_gwann_evangelista.jpg
 San Gwann Evangelista

 

Il-kbuirja, is-suppervja hija l-għerq tad-dnubiet kollha.  Kienet is-suppervja li daħlet tgħammar f’moħħ il-bniedem qabel ma tawwal idu biex jaqta’ mis-siġra fil-Ġnien tal-Għeden.  Il-Ħażin żera’ l-gidba meta kellem lill-bniedem fil-profond tiegħu u qallu: “Int tkun bħal Alla!”  Il-bniedem emmnu dan, twebbel b’din l-ambizzjoni u beda jara lil Alla bħala rival minflok bħal benefattur tant kbir tiegħu, Dak li tah l-esperjenza meraviljuża tal-Ħajja u tal-Ħbiberija miegħU.  Is-suppervja hija l-cancer spiritwali li jgħammar fina lkoll, li jgħamina u ma nibqgħux naraw il-verità li aħna ħlejjaq li ngħixu fil-qies li aħna ħbieb ta’ Dak li ħalaqna.  Naħsbu li kapaċi nkun sidien tal-Ħajja, li nistgħu nippjanawha u nakkwistaw il-ferħ indipendentement minn Alla. 

 

Imma d-dnub joqtol.  Id-dnub jerdagħlna l-Ħajja.  Neżistu, għax nieklu, nxorbu, norqdu, naħdmu... imma ma ngħixux tassew.  Il-Mulej Ġesù darba qal: “Ħallu l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom!”  Għax b’għajnejh kien jara li l-biċċa l-kbira tan-nies kienu mejta minħabba d-dnub.  U aħna lkoll nafu x’inhi din il-mewt.  Ilkoll doqniha għax ilkoll dnibna, għax anke fina hemm is-susa tas-suppervja.

 

Fuq kollox is-suppervja ġġib il-firda għax iġġegħelna naraw lill-ieħor bħala rival.  Mhux lil Alla biss, imma anke lil seħibna, lill-mara, lir-raġel...  X’faqar ta’ Ħajja, li wieħed flok iħobb, huwa mġiegħel li jikkompeti mal-oħrajn!  X’inkwiet, x’tensjoni! 

 

Din il-firda daħlet saħansitra fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, fil-Knisja tiegħu.  Dan hu tal-għaġeb!  Ġisem Kristu mifni mill-għejja tas-suppervja għax magħmul minn nies dgħajfa.  Hija s-suppervja li firdet il-merħla f’”Kattoliċi”, “Ortodossi”, “Protestanti” u elf setta oħra.  Malli tinbet il-firda, ħadd ma jrid iċedi pulżier għax kulħadd jibża’ li jidher ġifa, tellief, imċekken.  Oh umiltà qaddisa ta’ Kristu!  Kemm aħna ’l bogħod mill-kenosi, min-niżla, mit-tneżżih ta’ Kristu!  “Hu li kien Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, sar bniedem...”

 

Imma s-suppervja taħdem il-kontra.  Kulma nagħmlu nagħmluh biex ninbnew, ibda minni.  Iktar kemm nitbegħdu mill-Mulej għax tikber fina s-suppervja, iktar inħossu l-vojt ġo fina, iktar hemm bżonn nimpressjonaw, nidhru li aħna ‘bully’, li nagħmlu suċċess.  ’Il bogħod minn Alla aħna ‘zero’, ma naċċettawx lilna nfusna, u allura l-bżonn li nkunu xi ħadd, li nsiru xi ħaġa.  Dan idaħħalna f’kumbattiment mal-Ħajja minflok ma ngawduha u kif għidna qabel, kulħadd jista’ jkun rival f’din it-tellieqa ma taqta’ qatt biex insiru dak li, wara kollox, wieħed isibu biss fil-ħbiberija ma’ Alla.  X’ironija!  Infittxu l-Ferħ u l-Ħajja billi niġru kemm nifilħu ’il bogħod minnhom!

 

L-Ewwel Qari

 

Is-suppervja tista’ tinqeda anke bl-iktar ħwejjeġ qaddisa u tużahom fil-għatx tagħha li tikber.  Nistgħu nużaw il-parroċċa u x-xogħol li nagħmlu fiha biex nikbru mhux fl-umiltà imma fis-suppervja!  Kemm nies tgerrxu mill-Knisja minħabba f’hekk!  Ġożwè kien bniedem ‘tajjeb’, ġenwin, qaddej fidil ta’ Mosè imma bla ma nduna... għax dawn l-affarijiet jinbtu fina ħafna drabi bla ma nindunaw... hu kien qed jibni lilu nnifsu b’Mosè.  Għalhekk beda jifred in-nies f’dawk li huma magħna u dawk li m’humiex.  Ekku l-firda li titwieled mis-suppervja. 

 

Imma kemm jirraġuna b’mod differenti l-Mulej!  Kemm jiddiżappuntana għax aħna jidhrilna li għandu jkun mod u Hu joħroġilna b’mod ieħor.  Mosè jċekken lil Ġożwè għall-ġid tiegħu.  Dan dejjem jiġri lill-magħżulin tal-Mulej.  Alla jonġor, iċekken, jumilja lil dawk li jrid jagħġinhom biex minn tafal bla sura joħroġ minnhom vażun mill-isbaħ, kapulavur li jkun xhieda tal-qawwa tiegħU quddiem in-nies.  Għall-bniedem, ħelwa hija s-suppervja, imma morra l-umiljazzjoni.  Iżda l-bniedem li jibda jitwieled fih xi ftit ta’ dixxerniment, xi ftit ta’ Għerf ta’ Alla, jagħraf il-qerq li hemm jgħammar fih u jaċċetta d-daqqiet li jaqla’ u jara fihom rigali ta’ Alla mgeżwra f’“wrapping paper” kerha, rigali mgeżwra f’gażżetti.

 

F’dan il-qari Mosè jixxennaq għal xi ħaġa kbira u qaddisa: li l-poplu kollu jkun profeti, xandara tal-għeġubijiet tal-Mulej.  Kull min iħobb lill-Knisja jixxennaq għal dan ukoll.  J’Alla l-Knisja tkun poplu sħiħ ta’ profeti.  Diġa l-Magħmudija mmarkatna biex inkun hekk.  Fiż-żerriegħa tal-Magħmudija hemm il-potenzjal, jekk inħalluha tikber, li tagħmel minna saċerdoti lkoll kemm aħna li jinterċedu għad-dinja quddiem Alla; slaten werrieta tas-Sultan il-Kbir kollha kemm aħna; u profeti li għandhom għajnejn spiritwali li jaraw dak li d-dinja ma tistax tara.  Kollu qiegħed fil-Magħmudija li rċivejna ta’ żgħar imma li issa trid tikber fil-qies li kbirna fiżikament.

 

Tkun profeta jfisser li int tara dak li sieħbek mhux jara u tgħinu billi ddawlu.  In-Nisrani jdawwal lid-dinja ta’ madwaru bil-Kelma imma wkoll bl-istil ta’ Ħajja tiegħu. In-Nisrani jkun profeta meta dak li hu qrib tiegħu jixxennaq li jsir bħalu.  Għalhekk hu imperattiv li jien u int nikkonvrtu dejjem iktar għax mal-konverżjoni tagħna hemm marbuta l-konverżjoni ta’ oħrajn u lanqas biss nafu ta’ kemm.

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri.  11, 25-29.

 

F’dak iż-żmien: Il-Mulej niżel fi sħaba jkellem ’il Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu fih u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew iħabbru, imma ma ssokktawx.  Issa fil-kamp kien baqa’ żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu.  Hekk dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax għalkemm ma marrux fit-Tinda, bdew iħabbru fil-kamp.

 

Dlonk mar wieħed żagħżugħ igħarraf b’dan ’il Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin iħabbru fil-kamp.”  U Ġożwè, bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta’ Mosè, qabad u qal: “Sidi Mosè, tħallihomx aktar.”  Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija?  J’Alla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u j’Alla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-Ispirtu tiegħu.”

 

Salm Responsorjali

 

Salm 18 jgħanni l-Glorja tal-Liġi ta’ Alla.  Huwa ta l-Liġi tiegħu lil Israel biex il-poplu jagħraf x’inhi l-Qdusija, x’inhi s-Sewwa, liema hi r-Rieda tal-Mulej, fejn tassew hemm il-Ħajja vera.  Hija Liġi sħiħa bla nikta ta’ difett li tinftiehem mill-għaref u minn mhux l-istess.  Min jobdi l-Liġi jgħix; min ma jobdihiex imut.  Għalhekk il-Liġi tnissel biża’ qaddis fil-bniedem ta’ Alla għax jaf li jekk jitbiegħed minnha jkun qed jitbiegħed mill-vera Ħajja, anzi jkun qed jitlef lil Dak li tah il-Ħajja u li ħalaq il-Ħajja.

 

Imma kif għidna ħafna, ħafna drabi f’dawn il-kitbiet, hemm problema bil-Liġi:  ma nstab ħadd li kien kapaċi jobdiha.  Il-bniedem, bin-natura mwaqqa’ tiegħu ma jistax jobdi dejjem il-Liġi għolja u qaddisa u li Israel ġabar f’sentenza waħda, fix-Xemà: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bis-saħħa tiegħek kollha; u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”  Min jgħix dan l-għamar ta’ Alla hu ħaj.  Min ma jgħixux hu mejjet, anke jekk qed jieħu n-nifs, anzi jipprova jfittex il-milja tal-Ħajja ’l hemm u ’l hawn. 

 

Anke meta naħsbu li qed ngħixu ħajja tajba, anzi niġu ttentati nħarsu madwarna u naraw li ħafna m’humiex jippruvaw daqsna biex jgħixu l-Liġi, ekku, dak il-ħin stess inti sirt agħar mill-oħrajn għax rikbitek is-suppervja!  Qisek qatt ma bdejt.  Naqgħu u nerġgħu naqgħu.  Għalhekk is-Salmista jgħid: “In-nuqqasijiet min jista’ jagħrafhom?  Minn dak li ma nafx bih naddafni u mill-kburija ħares lill-qaddej tiegħek.” 

 

Minħabba fil-mard tal-bniedem, San Pawl jisħaq li l-Liġi mhix it-triq li tiftħilna l-mixja lejn il-Ħajja ta’ Dejjem.  Imma l-Liġi hija ferm pożittiva f’aspett importanti: tagħmel lil min għandu rieda tajba, umli.  Għax, ngħiduha kif inhi, trid tkun tassew imqarraq biex ma tindunax li int midneb u dgħajjef u saħansitra x-xjuħ tal-Vanġelu, nies li kienu jaħsbu li huma l-primi quddiem Alla, beżgħu jitfgħu huma l-ewwel ġebla għall-mara li nqabdet tiżni.  Ninsabu fl-istess dgħajsa; hawn min dnubu jidher u hawn min le.  Il-lejla stess jien u int, jekk il-Mulej jerfa’ idu minn fuqna, lesti li niċħdu lil Kristu.  Jekk inħossuna tassew mhedda, aħna lesti li niċħdu lil Kristu għax dak li hemm miktub fl-Iskrittura huwa miktub għalija u għalik.  Jekk inkunu konxji ta’ dan, insiru umli u nersqu biex ngħarfu xi ħaġa enormi: li Alla jħobbna hekk kif aħna bid-ndub tagħna b’kollox, anke jekk id-dnub tagħna Hu jobogħdu b’mibegħda qaddisa għax jaf li qed jirvinalna Ħajjitna.

 

Ritornell: Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb.

 

Salm 18

 

Il-liġi tal-Mulej sħiħa,

Tagħti l-Ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej sewwa,

tgħallem lil min ma jafx.

 

Il-biża’ tal-Mulej nadif,

Jibqa’ għal dejjem;

l-ordnijiet tal-Mulej sewwa,

imseddqa għal kollox.

 

Il-qaddej tiegħek tgħallimhom sewwa:

Hemm ħlas tajjeb għall-ħarsien tagħhom.

In-nuqqasijiet min jagħrafhom?

Minn dak li ma nafx bih naddafni.

 

Mill-kburija ħares il-qaddej tiegħek,

Biex ma taħkimx fuqi.

Imbagħad inkun bla ħtija

U safi minn dnub kbir.

 

It-Tieni Qari

 

Inkomplu naqraw l-Ittra ta’ San Ġakbu, u l-Appostlu hawn għandu kliem tassew aħrax għal dawk li huma għomja biżżejjed li m’humiex kapaċi li jaraw dnubhom.  Kemm hu faċli għalina li ninżlu għakupptejna quddiem xi alla falż u nagħtuh qima b’qalbna kollha u jekk xi ħadd jitkaża bid-dnub tagħna malajr ngħidulu: “Għax ma tarax tiegħek?  Midneb int u...!” 

 

Din hi s-suppervja li tagħmina u ma tħallina qatt li nikkonvertu.  Illum ma tista’ tkellem lil ħadd fuq ‘dnub’.  Is-soċjetà tagħna tat iċ-ċittadinanza lid-dnub, qal San Ġwanni Pawlu II.  Id-dnub qed jiġi llegaliżżat u allura biex forsi tinfed qalb il-bniedem aħjar titkellem fuq il-jasar tiegħu, il-mard tal-ispirtu, in-nuqqas ta’ kuntentizza u sliem, il-firda li hemm f’kull bniedem li tifnih, donnu hemm tnejn min-nies jgħamru ġewwa fih, wieħed jiġbed lejn it-‘tajjeb’ u l-ieħor lejn il-‘ħażin’. 

 

Il-bniedem kapaċi jinżel sal-qiegħ, kif juri dan il-qari, jagħmel inġustizzji kontra l-proxxmu, jaħraq ħajtu f’attentat kontinwu biex jistagħna bla ma qatt jasal biex jgħid: “Daqshekk biżżejjed!”  Min se jsalva lil bniedem bħal dan?  Il-Liġi?  Lanqas lill-ġust ma ssalva l-Liġi għax il-ġust, tgħidilna l-Kelma, jikser il-Liġi seba’ darbiet kuljum. 

 

Is-Salvazzjoni hija din: Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex kull min jemmen fiH ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem u ma jintilifx.  Xi jfisser temmen fl-Iben?  Temmen li Hu ħa fuqu d-dnubiet kollha tiegħek, il-mard u l-jasar ta’ ruħek, il-ġibdiet, il-vizzji tiegħek, tgħabba bihom u mexa bihom lejn il-forka minflokok.  Għax il-Liġi, għalkemm m’għandhiex saħħa ssalva lil ħadd, tgħid il-verità u l-verità hi li ħadd ma jgħix jekk jiksirha.  Il-mewt ta’ dejjem taħkem lil kull min jikser il-Liġi, hu min hu. 

 

Imma issa dehret triq ġdida ta’ salvazzjoni: Kristu Ġesù, l-Iben għażiż tal-Missier, daħal Hu minfloki u minflokok biex il-kundanna li kien hemm imdendla fuqna ħadha Hu.  Din hija l-Grazzja li tgħaġġeb!  Dak li ma konniex kapaċi nakkwistaw aħna bil-ħila tagħna, akkwistah għalina Kristu bil-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħU.  Din hi l-Aħbar it-Tajba li jxandar il-Kristjaneżmu.  Hu Nisrani biss min għandu din il-Fidi.

 

Din il-Fidi, iktar kemm timmatura u tikber fina bis-smigħ u l-qari tal-Kelma, bil-grazzja tas-Sagramenti u bl-esperjenza tal-Ħajja li biha jkellimna l-Mulej, iktar jikber ukoll l-Ispirtu ta’ wlied adottivi ta’ Alla, Spirtu li kapaċi jwettaq u jgħix il-Liġi għax hu l-Ispirtu ta’ Ġesù.  Huwa b’hekk biss li nistgħu ngħixu l-Liġi tal-Qdusija u tal-Ħajja.  Kif jgħid San Ġwann l-Evanġelista: “Minn din il-Ħajja stess inkunu għaddejna mill-mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem”, nibdew induqu l-Ġenna ġa minn hawn.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.  5, 1-6.

 

Ejjew, intom il-għonja, ibku u okorbu fuq il-għawġ li ġej fuqkom.  Il-ġid tagħkom tħassar, ħwejjiġkom mikula mill-kamla.  Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħhom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħal nar.  Mingħalikom ħżintu ġid li se jibqa’ sal-aħħar!

 

Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed igħajjat kontra tagħkom u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti.

 

Fuq l-art għextu fix-xalar u l-frugħa, qgħadtu tissemmnu għal jum il-qatla. Intom għamiltu ħaqq mill-ġust, għax ma jistax jiqfilkom!

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu tal-lum jitkellem, fost ħafna affarijiet oħra, fuq l-ekumeniżmu, suġġett tant importanti li dwaru għandna l-obligu li nitolbu lill-Mulej.  L-ekumeniżmu huwa r-relazzjoni li hemm bejn il-Knejjes Insara mifruda minn xulxin.  Huwa l-attentat li qegħdin isiru biex, f’dinja fejn l-Insara qed ikunu ppersegwitati iktar minn qatt qabel, huma jingħaqdu flimkien u mill-ġdid isiru merħla waħda taħt Ragħaj Wieħed.  Għandna nitolbu għall-umiltà biex naraw li kull denominazzjoni jew grupp ta’ Nsara għandha l-kariżmi tagħha mogħtija mill-Mulej u fl-għaqda ilkoll ingawdu mit-teżori partikulari li kull knisja ġġorr. 

 

Per eżempju, mill-Protestanti, aħna nistgħu nitgħallmu biex nikbru fl-imħabba lejn il-Kelma ta’ Alla miktuba, il-Bibbja, li għandha tkun dik li sseħibna fil-mixja tagħna ta’ konverżjoni.  Minn għandna huma jistgħu jistagħnu bil-grazzji li jnixxu mis-Sagramenti u mis-sens ta’ “Knisja”, ta’ ġemgħa li takkumpanja l-bniedem fil-mixi tiegħu fid-deżert tal-konverżjoni.  Għax ħadd m’għandu l-ħila jikkonverti waħdu, jaqsam id-deżert waħdu.  Għandna bżonn il-Knisja Omm. Biex ma nsemmux it-teżor l-ieħor tal-Knisja tagħna li hi l-qima lejn il-Verġni Marija, l-Omm ta’ Alla u l-Omm tagħna lkoll.  Kif se jgħid Kristu f’dan il-qari: “Min mhux kontra tagħna hu magħna” għax ħadd m’għandu l-ħila jxandar lil Kristu bħala l-uniku Salvatur tal-bniedem mingħajr ma jkollu l-Ispirtu Qaddis ġewwa fih.

 

Din il-firda bejn il-Knejjes ta’ Kristu hija skandlu mhux biss għall-Insara imma, wisq agħar, għal dawk l-imbegħdin li jfittxu l-għaqda u l-imħabba ta’ bejn l-aħwa u ma jarawhom imkien.  Għalhekk għandna nkunu konxji tal-bżonn urġenti li f’dan iż-żmien tikber l-għaqda fost l-Insara għax kemm Kattoliċi, kemm Protestanti u kemm Ortodossi qegħdin imutu għal Kristu kuljum.  Kif jista’ jkun li nħobbu lil Kristu tant, u xorta nibqgħu bid-duda tas-suppervja li ma tħalliniex nersqu lejn xulxin?

 

Versett:  Hallelujah.  Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’ min joqgħod fuqhom, imwettqin għal dejjem ta’ dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark. 9, 38-43. 45. 47-48.

 

F’dak iż-żmien: Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li soltu ma jkunx magħna rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhux wieħed minn tagħna.”  Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax m’hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.

 

Għax min mhux kontra tagħna, huwa magħna.  Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.  Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.

 

U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex.  U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja mili tixteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern.  U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tixteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex.”

 
< Prev   Next >