Sunday, 22 October 2017
           
Home
IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA 2015 IT-TLIET ARTALI FIL-HAJJA MIZZEWGA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Thursday, 01 October 2015

Din hija il- Liturgija tas-Seba u Ghoxrin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa

 mose.jpg
                            Mose

 

Ħadd daqs il-Knisja Kattolika ma jagħraf il-valur, l-importanza u l-bżonn enormi li s-soċjetà għandha tal-familja mibnija b’saħħitha, familja ffurmata, skont kif turina n-natura, bejn raġel u mara li jġibu t-tfal fid-dinja.  Meta għandek dan in-nukleju b’saħħtu, int se jkollok soċjetà b’saħħitha. 

 

Iżda s-soċjetà tal-punent, fil-ġenn tagħha warrbet lill-Ħallieq u għamlet lilha nnifisha alla u qed tikkommetti d-‘Dnub il-kbir’: li ttawwal idejha lejn is-Siġra tal-Ħajja li tissemma fi tmiem il-Kapitlu 3 tal-Ġenesi.  Il-bniedem modern qed jilgħab mal-Ħajja b’ħafna modi u wieħed minnhom hu f’illi jibdel il-kunċett ta’ x’inhi familja.  Dan hu perikoluż immens u l-istess Kapitlu tal-Ġenesi jipprofetiżża l-qerda ta’ din is-soċjetà li tagħha nagħmlu parti anke aħna għax Alla poġġa l-kerubini tiegħu biex iħarsu s-Siġra tal-Ħajja flimkien mas-sejf tan-nar iżiġġ.  Imma din is-soċjeta li rremettiet il-kultura nisranija, fuq dan ma taf xejn għax tilfet il-Memorja, ftaqret mill-għana nisrani li rċeviet fl-imgħoddi.

 

Personalment, ma nistax nimmaġina żwieġ b’saħħtu jekk ma jkunx Nisrani, u b’Nisrani ma rridx niftiehem li qed nirreferi għal kull min hu mgħammed imma għal dawk li jinteressahom immens li jkabbru l-Magħmudija tagħhom u jiskopru dejjem aktar minn hu Kristu u t-teżor li hu għandu għal kull min jemmen fiH.  Ma nemminx li koppja li flimkien tinsab tfittex li tikber fi Kristu, li għandha għatx li tgħarfu dejjem iktar, li ssir intima mal-Iskrittura u tixrob mill-għejun tas-Sagramenti tal-Knisja... ma nemminx li koppja bħal din tista’ titfarrak.  Bħal kull koppja oħra se tħabbat wiċċha mal-problemi u l-għawġ, imma x’differenza tgħix iż-żwieġ bil-Fidi Adulta jew mingħajrha!

 

Din mhix kwistjoni ta’ nies li huma aħjar mill-oħrajn.  Dak li jimmarka lin-Nisrani hu li jaf li hu dgħajjef, li ma jilgħabx sold fuq l-intenzjonijiet  tiegħu, u għalhekk huwa umli u jħoss il-bżonn ta’ Alla f’ħajtu.  Jaf li mingħajr Alla kollox għandu d-duda tal-mewt fih.  Kollox!  Il-Knisja dejjem libbset bil-ġieh is-sejħa għaż-żwieġ għax taf li mingħajr żwieġ m’hemmx Knisja. Din hija sejħa kbira f’għajnejn Alla, l-aktar fis-soċjetà tal-lum meta n-Nisrani m’għadux igħix f’kultura nisranija imma f’ambjent fejn li tkun Nisrani veru jfisser li tkun differenti.  Dalwaqt naslu biex li tkun Nisrani jfisser li tiġbed is-suspetti tal-Istat fuqek. 

 

Għalhekk huwa ċar li familja nisranija hija xi ħaġa ta’ ħajja jew mewt għall-Knisja u biex tistagħna l-familja l-Knisja dejjem offritilha tliet għejun li jnixxu l-Ħajja u jagħtu s-saħħa.  Dawn huma t-tliet artali li joffru l-Preżenza ta’ Alla, is-Xekinà tiegħu fil-ħajja tal-familja.  L-ewwel artal huwa l-artal tal-Ewkaristija fejn Alla jagħmel ruħu preżenti permezz tal-Liturġija qaddisa tal-Knisja.  Din hija l-iktar laqgħa ovvja, laqgħa mad-duwa tal-Mulej li bħal balzmu tindilek fuq il-ġrieħi taż-żwieġ u jitfejqu.  It-tieni artal huwa l-mejda tal-ikel tal-familja fejn il-ġenituri u l-ulied jinġabru flimkien u fl-istess ħin, biex iroddu ħajr lil Alla għall-Providenza tiegħu, fejn jissaħħu fiżikament u jikkomunikaw flimkien u hekk tissaħħaħ l-għaqda.

 

It-tielet artal, li fuqu ftit li xejn nisimgħu dwaru imma li hu ta’ importanza enormi, huwa s-sodda taż-żwieġ li fuqha jsir l-att ta’ mħabba intima magħmul skont ir-Rieda tal-Mulej.  L-att sesswali huwa azzjoni qaddisa għax il-bniedem jinagħqad ma’ Alla fil-ħolqien ta’ Ħajja Eterna!  Mhix Ħajja ta’ ftit snin imma Ħajja Eterna, għal dejjem, li tant tiswa f’għajnejn il-Missier li Hu bagħat lil Ibnu biex iċedi Ħajtu ħalli din il-Ħajja Eterna li tinbet mill-att sesswali ta’ raġel u mara miżżewġin ma’ xulxin ma tintilifx għal dejjem!  L-att ta’ mħabba huwa qaddis għax huwa fih li tinagħta l-grazzja taż-żwieġ nisrani permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Il-grazzja taż-żwieġ ma tinagħtax biss fir-rit tat-tieġ li jsir darba fil-knisja, imma jibqa’ jinagħta u jerġa’ jinagħta kull darba li r-raġel u l-mara jinħabbu bla passjonijiet żienja imma b’safa li tfisser li jkun hemm il-ftuħ għall-Ħajja.  Meta hemm il-ftuħ għall-Ħajja hemm il-qdusija, hemm il-preżenza ta’ Alla, hemm tinagħta s-saħħa biex il-familja tkompli miexja l-mixja nisranija tagħha.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla jrid li kulħadd jiżżewweġ u li ħadd ma jibqa’ waħdu!  Anke Presbiteru (qassis) huwa msejjaħ għaż-żwieġ: żwieġ mal-Knisja.  Alla jobogħdha s-solitudni għax hija kontra n-natura tiegħU stess.  Is-solitudni hija l-arma tax-xjaten għax fejn hemm hi hu faċli li l-ħażen ifesfes lill-bniedem f’qalbu li hu mhux maħbub, li m’hemmx imħabba għalih, li Alla mhux veru li hu Mħabba.  Is-soċjetà tal-lum hija soċjetà mdallma għax tippriedka l-individwaliżmu u bil-ħsieb li tkun ħieles u liberu tippridkalek li jkun aħjar li ma jkollok x’taqsam ma’ ħadd, tkun indipendenti, għax sikwit, kif qal filosofu ateju, l-‘ieħor’ hu l-infern, l-‘ieħor’ hu differenti minnek u jdejqek.  Ħarsu lejn it-tfal illum: ħadd m’għandu bżonn ħadd, kulħadd jilgħab bil-ġugarelli teknoloġiċi meta qabel kulħadd f’xi ċorma  jiġru wara l-ballun fit-triq. 

 

Il-Mulej jgħid fil-qari li ġej: “Mhux sewwa li Adam jibqa’ waħdu.”  Din hi verità għal kulħadd u mill-ewwel paġni tar-rivelazzjoni, Alla juri li għalih iż-żwieġ hu qaddis u ta’ għajnuna għall-bniedem.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  2, 18-24.

 

Il-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li Adam jibqa’ waħdu; ħa nagħtih għajnuna tgħodd għalih.”  U l-Mulej Alla sawwar mill-art l-annimali selvaġġi kollha u t-tajr tal-ajru, u ħadhom lil Adam biex jara xi jsemmihom, ħalli kull annimal jibqa’ bl-isem li jagħtih Adam.  U Adam ta ismijiet lill-bhejjem kollha tad-dar, lit-tajr tal-ajru, u lill-annimali selvaġġi kollha.  Iżda lil Adam ma sablux għajnuna tgħodd għalih.

 

Għalhekk il-Mulej Alla tefa’ ngħasa tqila fuqu li raqqditu; imbagħad ħadlu waħda mill-kustilji tiegħu, u flokha mlieh bil-laħam.  U l-kustilja li ħa minn Adam il-Mulej għamel minnha mara, u ħadha lil Adam.  U Adam qal: “Sa fl-aħħar din għadma minn għadmi, din laħam minn laħmi!  Għalhekk mara din tissejjaħ, għax mir-raġel ittieħdet din!”

 

Għalhekk ir-raġel iħalli ’il missieru u ’l ommu u jinagħqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 127 jagħti glorja liż-żwieġ hieni bejn raġel u mara mibni fuq il-biża’ tal-Mulej, jiġifieri żwieġ li fih hemm il-biża’ li jintilef it-teżor il-kbir li huwa Alla li waħdu huwa l-garanżija tal-għaqda u tal-imħabba.  Il-biża’ ta’ Alla mhux il-biża’ tal-Liġi meta wieħed jobdi mhux għax ikun iħobb jew jirrispetta lil min jobdi imma għax jibża’ minn xi kastig, jibża’ li tiġrilu xi waħda u għalhekk jobdi, xi trid tagħmel.  Mhux dan hu l-biża’ ta’ Alla.  Il-biża’ ta’ Alla hu li int tiskopri kemm hu sabiħ il-Mulej, kemm kbira hi l-imħabba li għandu għalik u tagħmel minn kollox biex din ir-relazzjoni ma titlifhiex b’xi ħmerija tad-dinja, imma ssaħħaħha.

 

L-istess biża’ qaddis jinfiltra fiż-żwieġ.  Għar-raġel, martu hi l-għeżeż ħaġa li għandu u jibża’ għalija u jgħasses li qatt ma jweġġagħlha qalbha.  L-istess il-mara lir-raġel tagħha.  Dawn it-tnejn, imbagħad, iħossu responsabiltà biex jagħmlu kollox għal uliedhom, jinagħtaw għalihom bħalma jinagħtaw għal xulxin.  Din hija l-barka tal-Mulej fuq id-dar nisranija. 

 

Ritornell:  Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

 

Salm 127

 

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

Kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol,

hieni int, u riżqek tajjeb.

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

’il ġewwa f’darek;

Uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

Madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

Li jibża’ mill-Mulej!

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm.

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Tul il-jiem kollha ta’ ħajtek!

 

U tara wlied uliedek!

Is-sliem lil Israel!

 

It-Tieni Qari

 

Matul il-ġimgħat li ġejjin se naqraw partijiet mill-Ittra lil-Lhud li titkellem ħafna fuq is-Saċerdożju ta’ Kristu.  Min huwa s-Saċerdot?  Huwa dak li jinagħta għall-oħrajn.  Huwa dak li jagħti lilu nnifsu għall-ġid tal-merħla.  Huwa dak li jmut għall-merħla.  Huwa dak li l-ħin kollu jinterċiedi għall-aħwa quddiem il-Mulej bit-talb tiegħu biex jaqla’ l-grazzja tal-qdusija għalihom.  Dan hu li jagħmel Kristu.  Dan hu li jagħmel kull saċerdot.  U kollox frott tal-imħabba għax dawn l-affarijiet ma tistax tagħmilhom b’Liġi u għax hekk suppost.  F’dan is-sens, allura, anke Kristu kien miżżewweġ: miżżewweġ lill-Knisja tiegħu, l-Għarusa tiegħu li Hu ħabb sal-qies tal-mewt fuq is-salib biex iqaddisha, jagħmilha dejjem isbaħ bla tikmix jew xejn minn dan.  U bħalma Kristu huwa miżżewweġ lill-Knisja, hekk ukoll kull Presbiteru.  Għalhekk il-Presbiterat huwa sejħa kbira għall-imħabba, għal esperjenza ta’ namur mal-Knisja.  Din il-Ħuġġieġa fil-qalb jixegħlha l-Ispirtu s-Santu li minnu jitnisslu x-xrar tal-imħabba.

 

U kif Kristu u l-Presbiteru jagħtu ħajjithom għall-Knisja, hekk ir-raġel, billi għandu l-istess Spirtu ġewwa fih, jagħti ħajtu għal martu, u l-mara għal żewġha.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  2, 9-11.

 

Ħuti: Lil dak li, għal ftit taż-żmien, ġie magħmul inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen bis-sebħ u l-ġieh minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.  Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għas-sebħ, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tat-tbatijiet.  Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed.  U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu.

 

Evanġelju

 

L-Imħabba vera hi għal dejjem, hi eterna.  Kif naf li l-Ħajja hi eterna, li jien mhux se mmut imma se ngħix bl-istess Ħajja ta’ Alla nnifsu, jiġifieri għal dejjem?  Kif naf li l-mewt m’għandix saħħa teqridni?  Kif jafu dan, in-Nisrani?  Għax jaf li Alla jħobbu u wrieħ din l-Imħabba enormi fi Kristu Ġesù.  U jekk Alla jħobb, Huwa jħobb għal dejjem għax l-Imħabba hi Alla u għalhekk ma tmut qatt.  Din hi l-garanzija ta’ Ħajja għal dejjem.  Għax jekk Alla jħobbni għal sebgħin, tmenin sena, din mhix Imħabba li ma tmut qatt għax min iħobb it-trab li darba kien bniedem?  Imma jekk aħna maħbubin mill-Imħabba li hi Alla, dan ifisser li aħna maħbubin għal dejjem u din l-Imħabba ma tissaportix li tmut jew li tara lill-maħbub imut.

 

Meta din il-Fidi u l-fiduċja fl-Imħabba tal-Missier titnissel bi grazzja fil-qalb tal-bniedem, din l-Imħabba ma tinżammx arrestata hemm imma toħroġ u tfittex lil min se tinagħta.  Ir-raġel li jiżżewweġ u għandu l-Imħabba eterna ta’ Alla tgħammar fih, iħobb lil martu għal dejjem.  L-istess il-mara.  Fuq dan hu mibni l-kunċett taż-żwieġ nisrani għal dejjem.  Mhux b’Liġi.  Nerġa’ ngħid li bis-sens tal-Liġi jintilef is-sens Nisrani.  Kulma hu tassew Nisrani hu mibni fuq l-Imħabba ta’ Alla.  Meta din ma teżistix għax mhix emmnuta, allura tifhem il-bżonn tad-divorzju u l-inkapaċità li għandu l-bniedem li jmut għal martu jew viċiversa.

 

Iż-żwieġ mibni fuq il-valuri nsara għandu qawwa ta’ għaqda fih ġejja minn Alla mhux mill-emozzjonijiet tal-bnedmin u għalhekk ikun żwieġ għal dejjem.  Il-Vanġelu tal-lum jitkellem ċar ħafna fuq dak li hu nisrani, mhux fuq dak li hu pagan. Il-Knisja ma tistax titkellem għall-pagani.  Iżda fil-qari li se nisimgħu in-Nisrani għandu gwida u dawl ċar fuq ħafna affarijiet li s-soċjeta qegħda tiddibatti llum u tillegaliżża fuqu wkoll.  “Sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.”  “Dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem.” 

 

Versett: Hallelujah.  Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  10, 2-16

 

F’dak iż-żmien: Resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq ’il martu.  Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”  Qalulu: “Mosè ta permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibagħtha.  Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba fl-ebusija ta’ raskom kitbilkom din l-ordni.  Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.

 

Għalhekk mela jħalli r-raġel ’il missieru u ’l ommu u jinagħqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed.  Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.  Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”

 

X’ħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq ’il martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq ’il żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.”

Last Updated ( Thursday, 01 October 2015 )
 
< Prev   Next >