Sunday, 22 October 2017
           
Home
Il-Parrocca trodd hajr lill-arcipriet emeritus Mons. Carmelo Mercieca PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Tuesday, 06 October 2015

Nhar is-Sibt 3 ta' Ottubru fil-knisja Rotunda tax-Xewkija ġiet organizzata Siegħa Adorazzjoni ta' radd il-ħajr għall-ħidma pastorali tal-arċipriet emeritus Mons. Carmelo Mercieca. Kienu preżenti s-saċerdoti tal-parroċċa u membri mid-diversi Għaqdiet reliġjużi, soċjali u ċivili tax-Xewkija flimkien ma' għadd kbir ta' fidili. Kienet preżenti wkoll rappreżentanza tal-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann.

  Waqt l-Adorazzjoni Mons. Mercieca qasam xi riflessjonijiet tal-Papa Pawlu VI dwar l-Ewkaristija. Imbagħad diversi persuni, f'isem il-komunità, offrew talb ta' radd il-ħajr lil Alla għall-ħidma mwettqa mill-arċipriet Mercieca. Dawn kienu akkumpanjati minn diversi tfal li, ma' kull talba, poġġew xemgħat jixgħelu f'riġlejn l-artal.

 dsc_0320-1024.jpg

           L-Arcipriet Dun Daniel Xerri
                     jipprezenta
       tifkira lil Mons. Carmelo Mercieca

 

 

Għal din l-okkażjoni l-knisja kienet imżejna bi dwal apposta li ħolqu atmosfera mill-isbaħ għal dawk preżenti. Tqassmet ukoll bookmark bħala tifkira tal-okkażjoni. Il-kant kien taħt id-direzzjoni tas-Sur Ivan Farrugia. L-adorazzjoni kienet imxandra wkoll fuq Radju Prekursur, li ħejja skeda speċjali ta' programmi għal din l-okkażjoni.

  Fi tmiem l-adorazzjoni l-arċipriet il-ġdid tal-parroċċa, Mons. Daniel Xerri, f'isem il-komunità rringrazzja lil Mons. Carmelo Mercieca għas-snin ta' ħidma pastorali tiegħu fi ħdan il-parroċċa u għall-mod tat-tmexxija tiegħu. Huwa qal li Mons. Mercieca qatt ma fittex lilu nnifsu imma kien mogħti totalment għall-merħla fdata lilu u b'għaqal u dehen fittex li jaqdiha f'kull ħtieġa tagħha. F'isem il-komunità parrokkjali huwa ppreżentalu bħala rigal sett kotba fuq l-Omeliji tal-Ħadd u ta' matul il-ġimgħa kif ukoll kalċi u patena għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Huwa feraħlu wkoll għall-ħatra tiegħu bħala Monsinjur Teologu tal-Katidral ta' Għawdex u ħabbar li Mons. Mercieca kien se jieħu l-pussess tiegħu fil-Katidral fit-18 ta' Ottubru li ġej u stieden lill-komunità biex dakinhar ukoll tkun preżenti għal din iċ-ċerimonja.

  Wara l-Adorazzjoni ntwera Dokumentarju ġdid dwar il-knisja Rotunda, li kien ippreparat minn Mario Borg, Luke Galea u Ivan Farrugia. Fl-aħħarnett, fuq iz-zuntier tal-knisja, Mons. Mercieca qasam cake tal-okkażjoni u dawk preżenti setgħu igawdu wkoll spettaklu tan-nar li kien imħejji apposta għal din l-okkażjoni.[ Ritratti: John Apap ]

dsc_0260-1024.jpg
 dsc_0301-1024.jpg
 dsc_0333-1024.jpg

 

Last Updated ( Tuesday, 06 October 2015 )
 
< Prev   Next >