Monday, 26 June 2017
           
Home
IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2015) L-IDOL L-KBIR PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 09 October 2015

Din hija il- Liturgija tat-Tmienja u Ghoxrin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

tencommandments-1024.jpg
              L-Ghaxar Kmandamenti

 

L-Antifona tad-Dħul tal-Liturġija ta’ dan il-Ħadd tuża kliem kommoventi meta tgħid: “Jekk tal-ħtijiet Int tagħti kas, Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?” Hija stqarrija umli tal-bnieden li jagħraf ir-rejaltà tiegħu, tal-istat ta’ miżerja li fiha waqgħet il-kundizzjoni tal-bniedem minħabba d-dnub li writtna, il-waqgħa primordjali fil-Ġnien tal-Għeden.  Għax tassew, ilkoll kemm aħna dnibna fuq li dnibna, żbaljajna eluf u eluf ta’ drabi. “Imma għandek hemm il-Maħfra; għandek insibu l-Imħabba” jkompli jgħid Salm 129 li minnu hi meħudha l-Antifona.

 

San Pawl għandu kliem memorabbli dwar il-qagħda ta’ kull bniedem li għadu ma sabx lil Kristu.  Ma jiswewx l-intenzjonijiet tajba, lanqas il-proponimenti.  Il-bniedem huwa dgħajjef minnu nnifsu u iktar kemm jagħraf dan malajr iktar isir umli u jdur lejn Dak li minnu tnixxi l-unika saħħa li teżisti.  Imma anke din li ddur lejn Kristu mhix daqshekk faċli, anżi hija Grazzja, rigal ta’ Alla mogħtija b’xejn għax ma tistax tinxtara.  Meta huwa mbiegħed minn Alla, il-bniedem ibigħ ruħu lill-qawwiet tad-dinja, ifittex il-Ħajja mhux f’min ħalqu imma fl-allat li joħloq hu.  Lilhom jagħti qima, fuqhom jaħli l-enerġija kollha tiegħu.  Ilkoll kemm aħna għaddejna minnu dan saħansitra dak li jidher qaddis għax anke bil-ħwejjeġ qaddisa jinqeda l-bniedem u jsawwar minnhom allat rivali ta’ Alla l-veru.

 

L-iprem fost dawn ir-rivali ta’ Alla huma l-flus.  Il-Bibbja ssemmih lil dan l-idolu b’mod dirett: “Ma tistax taqdi lil Alla u lill-flus.”  L-ikbar tentazzjoni li għandu l-bniedem, ikbar miż-żina u l-bqija, huwa li jfittex li jqiegħed is-sigurtà tiegħu fl-għana tad-dinja.  Din hija sfida diretta lil Alla għaliex huwa Alla l-unika sigurtà, huwa Alla l-Uniku li hu ikbar mill-mewt li hi l-ikbar għadu tas-serħan il-moħħ, u li l-ebda għana ma jista’ jixtri l-mewt nafuh ilkoll.  Imma l-bniedem li ma jemminx li hemm sigurtà f’Alla, jibqa’ jdur lejn is-sigurtà tal-flus, anke jekk huwa ‘reliġjuż’ u ‘tal-knisja’.  Din hija tentazzjoni li ma taħfirha lil ħadd.

 

Jasal mument fil-ħajja tal-bniedem li jfittex bis-serjetà lil Kristu, li fih hu jrid jagħmel għażla ċara u prattika bejn Kristu u l-flus.  Mhix kwistjoni li wieħed jagħmel karità biex iserraħ il-kuxjenza ħalli jibqa’ ankrat fil-jasar ta’ dan l-idolu.  Hawn qed nitkellmu fuq xi ħaġa ferm ikbar minn sempliċi karità.  Wieħed jista’ jmur u jaqbad ġidu u jitfgħu il-baħar, għax l-importanti hu ċ-ċaħda, li wieħed jagħraf li t-triq tal-għana mhix vera t-triq tal-ħelsien u l-ferħ, lanqas mhi t-triq tal-Imħabba.  Alla m’għandux bżonn il-flus tagħna u ma jrid jeħdilna xejn anżi jrid jagħtina l-vera Ħajja.  Fil-qima lejn l-idoli, l-aktar lejn il-flus, wieħed, bla ma jinduna, jkun qed ifittex biss lilu nnifsu, jgħum fl-egoiżmu tiegħu u jiskopri d-disperazzjoni ta’ rejaltà fejn xejn mhu biżżejjed biex iserraħlu moħħu.  Jistagħna kemm jistagħna l-bniedem, dejjem jibqa’ mdawwar biċ-ċirku tal-mewt li Kristu biss jista’ jkisser.

 

L-Ewwel Qari

 

Għandna qari qawwi mill-Ktieb tal-Għerf li jurina liema hu l-‘għana’ veru, l-għerf li jsalva lill-bniedem.  Il-bniedem tassew ‘għani’ f’għajnejn Alla huwa dak li jiskopri t-teżor tal-Imħabba li Alla għandu għalih u li wriha fi Kristu.  Fil-wiċċ batut ta’ Kristu fuq is-salib għandna s-sbuħija tal-Imħabba li biha aħna maħbubin.  Imma dan kollu huwa paroli li tgħallimnih bl-amment minn meta konna żgħar u dan mhux biżżejjed biex isalva lill-bniedem u jbiddillu r-rotta ta’ ħajtu.  Hija l-ispark tal-Ispirtu s-Santu li minn dawn iz-zkuk xotti tat-tagħlim jagħmel ħuġġieġa waħda u kbira f’qalbna biex hi tinħall mis-silġ tal-egoiżmu u tibda tħobb lill-ieħor hekk kif inhu.  L-Ispirtu s-Santu ta’ Alla biss jista’ jwettaq dan il-miraklu morali fija u fik.  Sforza kemm trid imma int m’intix kapaċi tbiddel lil qalbek. 

 

Li tiskopri lil Kristu, li takkwista l-għana veru, huwa li tagħraf fiH l-uniku li rebaħ il-mewt għalik.  Min hu għani f’dan ma jibżax mill-mewt u għalhekk sab is-sigurtà li qabel fettex fl-idoli tad-dinja.  Din il-Grazzja mhix merfugħa biss għal xi San Franġisk.  Kristu nnifsu jgħidilna li jekk aħna, nies ħżiena bħalna, mhux se nagħtu ġebla lil uliedna li jitolbuna l-ħobż, mela kemm aktar il-Missier tas-Sema jagħtina l-Ispirtu tiegħU jekk nitolbuhulu.  Dan hu l-Ispirtu li jagħmilna għorrief iktar mill-pampaluni tal-universitajiet li ma jemmnux f’dak li hu ogħla mill-għerf naturali tagħhom.  Ħdejn li tagħraf min hu Kristu, l-għana tad-dinja mhu xejn, jgħidilna l-qari.  Anzi d-deheb kollu tad-dinja, il-fama, il-popolarità, is-saħħa... dan kollu mhu xejn ħlief ramel ħdejn l-iskoperta meraviljuża tal-Imħabba ta’ Kristu.

 

Matul is-sekli, f’kull ġenerazzjoni Alla qajjem kotra ta’ nies li taw xhieda għal dan.  Min jiskopri lil Kristu huwa dawl għan-nies ta’ madwaru u ħafna jaqbduh mill-komma tal-qmis u jitolbuh jiġu miegħu għax xammew li dak li dejjem fettxew fil-frugħa jinsab għandu.  Mill-ġdid: Kristu ma jrid jeħodlok xejn, anzi.  Min jiskopri lilU jgawdi d-dinja aktar!  Min hu ħieles fi Kristu jgawdi flusu u ġidu fejn qabel kien irekken inkwetat u mħasseb.  Għalhekk dan il-qari jgħid b’ħafna verità profonda li ma’ dan l-għerf (ta’ Alla) l-ġid kollu ġie għandu, u permezz tiegħu imtela’ b’għana liema bħalu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  7, 7-11.

 

Jiena tlabt, u sirt għaqli; sejjaħt lil Alla, u mtlejt bil-għerf.  U dan il-għerf qistu aqwa mix-xetri u t-tronijiet, u ntbaht li l-għana m’hu xejn ħdejh.

 

Anqas ma xebbaht miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża, għax id-deheb kollu ħdejh mhux ħlief ftit ramel, u l-fidda qisha daqsxejn tajn jekk tqabbilha miegħu.  Jien dan l-għerf ħabbejtu aktar mis-saħħa u s-sbuħija, għoġobni aktar mid-dawl, għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.  Ma’ dan il-għerf il-ġid kollu ġie għandi, u permezz tiegħu mtlejt b’għana liema bħalu.

 

Salm Responsorjali

 

Huwa tal-għaġeb kif il-bniedem jagħma fuq l-affarijiet tad-dinja; kif jien u int nintilfu, niskru, niddrogaw ruħna fuq dak li naraw u mmissu u naljenaw ruħna u ninsew lil Dak li minnu ħriġna, li ħalaqna, li qed jagħtina n-nifs tal-Ħajja u li għal għandu qegħdin interrqu biex nidhru quddiemu, għonja u foqra, setagħna u dgħajfa, magħrufa u minsija.

 

Dan is-Salm jitlob lill-Mulej biex jgħallimna ngħoddu żmien Ħajjitna, biex ngħarfu kemm m’aħna xejn u jkollna l-għaqal.  Min hu għaref juża flusu, igawdihom, iferraħ lill-oħrajn bihom u jagħmel bihom teżor fis-sema fejn la hemm kamla u lanqas sadid.  Ħa nitolbu lill-Mulej biex jimliena bit-tjieba tiegħu biex nifirħu u nithennew tul Ħajjitna kollha.  Din it-tjieba tal-Mulej mhi xejn ħlief Ibnu Ġesù Kristu.  FiH biss il-bniedem isib lilu nnifsu.  Id-dinja wkoll tgħinna f’dan għax tiddiżappuntana, tagħmilna żgħar, iċċekkina meta naraw li anke jekk jirnexxu l-pjanijiet tagħna xorta waħda hemm il-vojt etern ġo fina, il-ħofra li donnu xejn ma jimliha għax għandha l-għoli u l-fond, il-wisgħa u l-forma ta’ Alla nnifsu.

 

Ritornell: Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.

 

Salm 89

 

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

Biex hekk nimxu b’moħħ għaqli.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

 

Imliena malajr bit-tjieba tiegħek,

Biex nifirħu u nithennew tul jiemna kollha.

Ferraħna skont il-jiem li fihom għakkistna,

Skont is-snin li fihom rajna l-ħsara.

 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,

U l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna int xogħol idejna,

Xogħol idejna wettaq.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Kelma ta’ Alla hi setagħna u bħal vleġġa tmur dritt lejn il-qalb tal-bniedem biex tikxiflu l-verità fuqu nnifsu u tiftaħlu għajnejh fuq l-Imħabba li Alla għandu għalih hekk kif inhu, midneb.  Huwa dan l-għarfien tal-Imħabba ta’ Alla li jbiddel lill-bniedem biex jobgħod id-dnub li dejjem qatlu u jħobb lil Dak li tah kollox. 

 

Poeta Indjan jismu Tagorè kiteb poeżija mill-aqwa fuq din l-esperjenza tal-bniedem li jibqa’ mbellah u sorpriż b’din l-iskoperta ta’ Alla.  Hu jqabblu ma’ wieħed li qabel kien marbut fil-ktajjen imma issa dawn inħallu għax id-djun kollha li kellu jagħti tħallsu, mhux minnu imma minn Xi Ħadd li ħabbu u ħenn għalih.  Huwa jiġġennen bil-ferħ quddiem dan il-ħelsien li ġie fuqu f’daqqa waħda u jħoss qisu li l-bibien tal-Ħajja infetħu beraħ quddiemu, donnu qatt ma għex qabel.  Mill-banda l-oħra jħares madwaru u jara lil sħabu l-bnedmin għadhom fid-djun u fl-irbit tagħhom, jilagħbu biż-żmien, “iqattgħu il-ħin” fi frugħat bla sens jew inkella jpoġġu fit-trab jgħoddu, jgħoddu, jgħoddu l-muniti tagħhom.  Huma jsejħulu biex jerġa’ lura, jerġa’ jinagħqad magħhom u jgħajruh miġnun, imma ż-żiemel tiegħu ħerqan biex jitlaq biex ilebbet lejn is-Saltna.

 

Din il-Kelma li tbiddel lill-bniedem meta tiġi emmnuta, ħadet ġisem fil-ġuf tal-Verġni Marija u hija l-Mulej Ġesù.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  4, 12-13.

 

Ħuti: Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa fejn jinfirdu minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.  Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ u mikxuf għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

 

L-Evanġelju

 

Kien hemm raġel li mingħalih kien iwettaq il-Liġi u li kien ‘tajjeb’, imma kien fi kriżi u frustrat għax xorta ma kienx kuntent.  Donnu fettex u ma sabx; żera’ u ma ħasadx.  Min qatt ma ħassu hekk fil-mixja personali ta’  konverżjoni?  Kien ingannat imma ma kienx jaf.  Qalulu bir-Rabbi ta’ Nazaret u mar jgħaġġel ifittxu. Kristu jpoġġilu quddiemu l-kmandamenti kollha, minbarra l-iktar wieħed importanti.  Dan Kristu żammu fil-komma. 

 

Ir-raġel kien ċert li l-kmandamenti kollha kien ilu jwettaqhom.  Għaliex mela ma kienx ferħan?  X’kien hemm mistur li kien qed jimblukkalu l-għarfien sħiħ tas-sbuħija ta’ Alla?  Importanti li nagħmluhom tagħna dawn il-mistoqsijiet għax m’hemm xejn li hu miktub li mhux għalina.  Għaliex niekol l-għatba tal-Knisja u ma nħossnix aħjar minn dak li moħħu fid-dinja?  Għaliex immur fil-grupp reliġjuż u naħdem kemm nista’ u xorta nħossni xott, deżert minflok ġnien, ġewwa fija? 

 

F’daqqa waħda Ġesù jpoġġi l-Ewwel u l-aqwa kmandament tal-Ħajja quddiem għajnejn ir-raġel imħawwad.  L-Ewwel Kmandament jgħid li Alla wieħed biss hemm u lilu għandna nobdu u fiH għandna nemmnu jekk irridu l-Ħajja vera.  Ix-Xemà Israel (Isma’ Israel) li hi l-ogħla talba tal-Lhud tgħid: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bis-saħħa tiegħek kollha!”  Naturalment dak ir-raġel kien mingħalih li dan kien qed iwettqu.  Forsi aħna hekk ukoll naħsbu.  Iżda quddiem il-Ħajja huma l-fatti li jgħoddu u l-Mulej fl-Imħabba u l-Ħniena tiegħU jixtieq jaqlagħna mill-inganni, kemm lil dak ir-raġel tal-Vanġelu kif ukoll lilna.  Għalhekk jgħidlu, “Mur bigħ kulma għandek, agħtih li foqra u ejja warajja!”

 

Din kienet sajjetta għal dak il-bniedem, u l-istess għalina. Għalih il-flus kienu mportanti aktar minn Alla.  Alla ma kienx fl-ewwel post.  Il-problema tiegħu kienet li Alla ma kienx l-alla tiegħu.  Bejn Alla u l-flus għażel il-flus.  

 

Alla mhu qed jistenna xejn mingħandna ħlief li nintebħu bl-inganni tagħna u nersqu bir-rejaltà fqira tagħna quddiem il-Mulej li jagħder u jħenn u lest li jagħtina Fidi ħafna iktar matura milli għandna.  Bis-saħħa tagħna biss aħna lanqas ewro m’aħna kapaċi nagħtu, aħseb u ara ġidna kollu, imma dak ir-raġel telaq minn quddiem Ġesù mhux iktar ingannat, mhux iktar aljenat.  Issa kien jafha l-verità. Hu kellu ħafna ġid u kien miżżewweġ lilu.  L-għana kien l-alla tiegħu u ma kienx lest li jiċħdu bis-saħħa tiegħu biss.  Induna li l-Ewwel Kmandament qatt ma obdieh... ma kellux saħħa... u jekk ma obdiex l-Ewwel wieħed ma kienx qed jobdi l-bqija anke jekk kellu opinjoni tajba ħafna fuqu nnifsu.  Telaq imdejjaq, imma umli.

 

Ġesù jgħidilna kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna tal-Ħajja ta’  Dejjem.  Forsi ħafna minna jistkennu wara din il-Kelma u jgħidu “Jien m’inix daqshekk għani, tafx.”  Mhux kemm għandek għana li jgħodd imma kemm għandek irbit.  Wieħed fqir jista’ joqtol għall-għaxar ewros li għandu.  Hija l-idolatrija l-problema.  Għalhekk aħna nistaqsuH:  “Mela min jista’ jsalva?” 

 

U hawn tidwi r-risposta li lkoll kemm aħna għandna bżonn: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”  Il-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu iżda huwa Kristu li jsalvah.  Jgħajtu favur tagħna hemm merti enormi li huma ferm ikbar mill-merti li nistgħu qatt niġbru aħna f’Ħajjitna; u dawn il-merti huma l-merti ta’ Kristu, li rebaħ għalina fl-ubbidjenza li wasslitu sa fuq is-salib.  Il-merti ta’ Kristu huma l-merti tagħna jekk aħna nemmnu f’din il-ġenerożità enormi tal-Missier.  Inti tista’ tilbes il-merti ta’ Kristu u tkun iġġustifikat quddiem il-Misser jekk temmen tassew f’dak li għamel Kristu għalik. 

 

Għalhekk mhux iktar dak li tagħmel imma dak li temmen.  Mingħajr għarfien ta’ Kristu, mingħajr Fidi fiH, ma tistax tgħix il-kmandamenti tal-Ħajja.  Bil-Fidi fi Kristu iva, għax tinagħta Spirtu Ġdid, l-Ispirtu ta’ Kristu nnifsu.

 

Versett: Hallelujah.  Il-Kelma ta’ Alla hija ħajja u qawwija, u tgħarbel il-ħsibijiet u l-feħmiet tal-qalb.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  10, 17-30.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù kien fit-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkopptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”  Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?  Ħadd m’hu tajjeb ħlief Alla biss.  Inti l-kmandamenti tafhom: La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhedx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor, weġġah ’il missierek u ’l ommok.”

 

U dak wieġbu u qallu:  “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu sa minn żgħożiti.”  Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur, biegħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.”  Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

 

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”  Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù reġa’qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla!  Eħfef li ġemel igħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!”  Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew igħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”  Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”

 

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb!  Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.”  Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u fil-Bxara t-Tajba jħallu ’l ommhom jew ’il missierhom jew ’l uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, m’hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar u aħwa u ommijiet u wlied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.”

 
< Prev   Next >