Sunday, 22 October 2017
           
Home
ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2015) NIZLA HI T-TRIQ GHALL-GLORJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 18 October 2015

Malli l-bniedem esperjenzja l-ewwel dnub, dak oriġinali, in-natura tiegħu tħassret u minn dak il-ħin id-DNA tiegħu ġiet immarkata mis-susa tal-mewt.  Kollox fil-ħolqien jinsab miexi lejn il-mewt għax kollox għandu t-taħsir fih anke tarbija li għadha titwieled jew xitla li għadha kif inżergħet u għad issir siġra kbira u  b’saħħitha.  F’daqqa waħda ż-żmien sar importanti għax il-ħajja ma baqgħetx eterna.  Fis-subkonxju tiegħu, il-bniedem għandu minqux il-biża’ tal-mewt. Dan jimmarkalu kulma jagħmel.  Kollox huwa f’dell il-mewt anke meta l-bniedem mhux jaħseb fiha, anżi hu aljenat fid-divertiment, ferħan f’xi festa, mehdi għal kollox biex jagħmel suċċess minn din il-ħajja.

 

San Pawl jgħid li kull għemil li jagħmel dan il-bniedem b’natura mwaqqa’ hi għemil mejjet, anke dawk l-għemejjel li jidhru tajbin.  Hu stess jgħid: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  Pawlu kien jafha r-risposta.  In-natura mwaqqa’ tiegħu lilu kienet waslitu biex jaħqar lil dawk li ma kinux tal-istess fehma.  Bl-intenzjonijiet tajba kollha tiegħu kien sar qisu annimal, iqatta’ bi snienu lil dawk li f’għajnejh kienu għedewwa tat-‘tajjeb’.  Kien bniedem mejjet li minnu kienu joħorġu għemejjel mejta. Fi żmienna naraw kif f’isem Alla l-bniedem ‘mejjet’ jasal biex iwettaq ħniżrijiet u atroċitajiet ta’ barra minn hawn.

 
 

 

Din in-natura li kull bniedem jiret sa minn ġuf ommu, bla tort tiegħu, iġġegħlu jipprova jaħrab minnha billi jistinka kemm jiflaħ biex jagħmel suċċess minn ħajtu. Il-bniedem ifittex il-glorja, skont il-qagħda tiegħu. Hawn min ifittex il-glorja billi jsib tfajla u jiżżewwiġha. Hawn min ifittixha billi jibni imperu u jkollu setgħa kbira fuq l-oħrajn. Fl-aħħar, kull bniedem jinduna li l-glorja li fettex ma sabhiex, għax din il-glorja, irid u ma jridx, hija waħda: ħajja għal dejjem, ħelsien mill-mewt, natura ġdida mingħajr taħsir. Possibbli li l-bniedem isibha din? Possibli li jien u int ngħixu għal dejjem, li l-mewt tagħna tiġi mirbuħa? Possibbli li jekk inħarsu lejn il-kwiekeb f’lejl ċar u sabiħ ma nħossuniex mitlufin u waħedna f’univers enormi u bla sens? L-Aħbar it-Tajba tgħidilna li l-Missier bagħat lil Ibnu Ġesù Kristu fid-dinja biex dawk li jemmnu fiH ikollhom il-Ħajja ta’ Dejjem. Dawk li jemmnu fi Kristu jkollhom natura ġdida bla susa tal-mewt fiha. Fuq is-Salib Glorjuż tiegħu, Kristu akkwista għalina, rebaħ għalina, immerita għalina, natura ġdida li tista’ timxi lejn il-mard u x-xjuħija u l-mewt fiżika bla biża’ għax taf, għandha issa mmarkat fid-DNA tagħha, li mhix se tmut, anke jekk il-ġisem jitmermer u jsir trab. Din in-natura hi merfugħa biss għal dawk li jemmnu f’dak li Kristu għamel għalihom bil-Passjoni u l-Qawmien tiegħU. Għal bniedem bħal dan, il-Glorja vera, mhix aktar flus, suċċessi jew fama imma ħajja għal dejjem. Din hi tassew il-Glorja li tiswa u li tibqa’. U t-triq għal din il-Glorja hi l-kontra ta’ dak li timmaġina n-natura l-qadima. Hi għan-niżla mhux ’il fuq. Flok ma togħla, titbaxxa; flok ma tikber, tiċċekken; flok ma tistagħna, tiftaqar mill-frugħat tad-dinja, minn dak kollu li jgħaddi, biex tilbes dak li jibqa’ għal dejjem. Dawn huma żewġ viżjonijiet totalment differenti fuq il-ħajja. Għalhekk lin-Nisrani veru ma jifhmu ħadd. Id-dinja ma tifhimx Presbiteru, patri jew soru, lajk li jitlaq għall-missjoni bil-familja tiegħu, nies li f’daqqa waħda jagħtu ġidhom f’karità... ma tifhimx kif dawn telqu dak li jidher sabiħ. Dawn m’humiex imġienen imma sabu xi ħaġa li d-dinja ma sabitx: triq differenti għall-Glorja differenti. L-Ewwel Qari Il-qari li ġej huwa żewġ versi minn waħda mill-erba’ poeżiji ta’ Isaija li jitkellmu fuq il-persunaġġ misterjuż imsejjaħ “il-Qaddej ta’ Jahweh”. Dan il-Qaddej iwettaq eżatt dak li konna qed nitkellmu fuqu. Huwa jersaq lejn il-Glorja billi jagħmel ‘niżla’, ‘kenosi’, jgħaddi mill-falliment. Id-dinja tħares lejh u tgħid: “Miskin!” Huwa jdur u jgħid lin-nies: “Tibkux lili imma ibku lilkom u lil uliedkom!” Huwa jista’ jgħid hekk għax Huwa l-uniku wieħed ħaj imdawwar b’kotra ta’ mejtin. Huwa jaf fejn hu sejjer. Huwa dak li sab il-ġawhra li tiswa iktar mill-ġawhar kollha tad-dinja flimkien. Din il-profezija titkellem dwar Kristu, imma wkoll dwar in-Nisrani li jimxi warajH. Isaija jiġi mogħti li jara fil-futur imdallam dak li kellu jseħħ. Minn ġoċ-ċpar taż-żmien jilmaħ leħħa ta’ x’kien il-Pjan meraviljuż ta’ Alla għall-bniedem. Jinduna li quddiem il-Liġi kulħadd hu mitluf għax minħabba n-natura mejta tagħna kulħadd jidneb. Imma kellu jidher Wieħed li jpatti għad-dnubiet ta’ kulħadd; Wieħed li jiġġustifika, jagħmel ġusti f’għajnejn il-Missier lil dawk li ma kienu ġusti xejn imma ggranfaw bil-Fidi fiH. Fuq dan il-Wieħed, il-Missier fl-Imħabba tiegħu għall-kotra, tefa’ d-dnubiet tal-kotra, ta’ kulħadd. B’dan il-mod, meta dan il-Wieħed ġie maqtul għax kien imċappas b’tant u tant dnubiet, il-kotra ħelset mill-kastig tad-dnub tagħha. Il-kastig inagħta, imma mhux lil min kien ħaqqu iżda lill-Ħaruf li ta ħajtu għall-kotra. U parti mill-kotra nagħmlu jien u int. Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 53, 10-11. Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Jekk joffri ruħu b’safrifiċċju ta’ tpattija, huwa għad jara nisel bla tmiem, u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu. Il-qaddej il-ġust tiegħi jiġġustifika l-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu. Salm Responsorjali Dan is-Salm ifaħħar lill-Mulej għat-tjieba kbira tiegħu mal-bnedmin. It-tjieba tal-Missier intweriet fl-aqwa tagħha meta huwa ssagrifika lil Ibnu stess biex iġorr fuqu d-dnubiet tiegħi u tiegħek, biex waqt li jeħel Hu, ‘nidhru’ ġusti aħna li nemmnu fiH. Din hi l-Aħbar it-Tajba. Mingħajr il-Fidi f’dan il-Misteru, m’aħniex Insara. Nistgħu inkunu nies reliġjużi ħafna imma dak li jimmarka lin-Nisrani huwa l-għarfien li hu midneb, imma li d-dnub tiegħu tħallas, id-dejn tiegħu inagħta lura, il-mewt li toħroġ mid-dnub batiha Ħaddieħor floku. U dan il-Ħaddieħor huwa Kristu Ġesù. Fuq is-Salib, elfejn sena ilu, kien hemm l-umanità kollha mdendla. Jien u int konna msallbin fuq is-Salib ta’ Kristu, imma dan b’tixbiha, għax issallab Hu biex ma nissalbux aħna. Minħabba dan, jekk nemmnu tassew, tinfetaħ it-triq tal-Glorja għalina: aħna għandna Ħajja għal Dejjem! Jekk il-biża’ tal-mewt iġagħalna niġbdu dejjem lejna u nsiru egoisti minħabba l-insigurtà, u bla kapaċità li nħobbu lil min idejjaqna... issa għandna natura ġdida bil-Fidi fi Kristu. Din mhix teorija. Inti taf, jiena naf jekk għandniex din in-natura ġdida jew le. Aktarx li għadna le. Aktarx li ninsabu fi proċess ta’ Fidi dejjem tikber biex naslu għall-punt li jmut il-bniedem il-qadim tagħna u jitwieled ieħor ġdid, kopja ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Kristu ħalla l-Knisja, ħalla l-Kelma, ħalla s-Sagramenti biex dawn ikunu s-sieħba tagħna f’din it-triq, f’dan il-proċess qaddis. Min se jfaħħar lil Alla b’qalbu kollha anke jekk il-mard jagħfas fuqu? Min se jkanta s-Salmi b’emozzjoni u jara lil ħajtu miktuba fihom? Min se tinbidillu qalbu bis-serjetà? Dak li jagħraf, fid-dawl tal-Fidi, li Kristu xtralu b’Demmu Ħajja bla tmiem, eternità ta’ Glorja li la għajn qatt ma rat u lanqas widna qatt ma semgħet. Ritornell: Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej, kif fik hi t-tama tagħna. Salm 32 Sewwa hi l-kelma tal-Mulej, Kull ma għamel kollu fedeltà; Iħobb is-sewwa u l-ġustizzja, U t-tjieba tal-Mulej imliet l-art. Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, Fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu, Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, U jħallihom igħixu fi żmien il-ġuħ. Ruħna tixxennaq għall-Mulej Hu l-għajnuna u t-tarka tagħna. Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej, Kif fik hi t-tama tagħna. It-Tieni Qari L-Ittra lil-Lhud titkellem kollha kemm hi fuq Ġesù li hu “l-Qaddej” li fuqu tkellem Isaija fl-Ewwel Qari. Il-Fidi f’Ġesù hi kollox. Il-Fidi f’dan il-Qaddej li bata minflokna hi l-garanzija, iċ-ċekk li jħallas għad-dħul fil-Ħajja. U l-Fidi ma ġġibhiex int. Il-Fidi hi rigal. Hi rigal ‘gratis’, mogħti b’xejn bla mistħoqq. Din hi l-Grazzja. Aħna ngħidu li naqilgħu ħafna grazzji, imma dawn huma grazzji żgħar ħafna ħdejn il-Grazzja vera, il-Grazzja l-Kbira li hi l-Fidi fi Kristu. Meta ngħidu li jkollok Fidi fi Kristu ma rridux nifhmu li int temmen li Kristu twieled fl-għar ta’ Betlehem biss, li tnissel minn Marija Verġni biss, li kien bniedem kbir ta’ Alla, li għallem u għamel il-mirakli biss. Fuq kollox, il-Fidi fi Kristu tfisser li int temmen fil-Misteru tal-Għid tiegħu, għax kollox idur madwar l-Għid. L-Għid huwa l-festa tiegħi u l-festa tiegħek. Li temmen fl-Għid ta’ Kristu jfisser li int tinduna li minħabba n-natura midinba tiegħek ma ħaqqekx tgħix, imma Kristu daħal għalik, fetaħ idejh fuq is-salib għalik, ta ruħu għalik. Hawn irid jidħol il-miraklu tal-Ispirtu s-Santu. Għax, ngħiduha kif inhi, dan il-kliem smajnih miljun darba f’ħajjitna u jekk il-lejla xi ħadd idejjaqna bis-serjetà nibagħtu kollox jixxejjer. Il-qalb tinbidel biss jekk imissha l-Ispirtu s-Santu. Huwa Hu li jġib il-Fidi vera. Għalhekk, il-bniedem li għandu għajnejn biex ‘jara’, jitlob b’qalbu kollha biex l-Ispirtu s-Santu jmiss lil qalbu u jdawwallu għajnejh bid-dawl tal-Fidi. Imbagħad tassew li ħajjitna tinbidel f’festa! Qari mill-Ittra lil-Lhud. 4, 14-16. Ħuti: Meta aħna għandna l-qassis il-kbir li hu tassew kbir, qassis li daħal fis- smewwiet, Ġesù Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-istqarrija tal-Fidi tagħna. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder in-nuqqas ta’ ħila tagħna, imma għandna wieħed li ġie mġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu grazzja għall-għajnuna meħtieġa f’waqtha. Evanġelju Kristu huwa l-Qassis il-Kbir tagħna għax flok ma jikkmanda fuqna sar il-qaddej tagħna u inagħta sal-punt li ta ħajtu għalina. Dan huwa r-rwol tal-qassis: li jinagħta għall-merħla tiegħu, li jidħol għall-poplu quddiem il-Missier, li jitgħabba bil-ħażen ta’ ħaddieħor biex ħaddieħor jeħlisha. Kristu huwa l-Qassis il-Kbir tagħna għax jinterċiedi għalina quddiem il-Missier. Waqt li int qed taqra dawn il-versi fqajra, Kristu qiegħed fuq il-lemin tal-Missier jidħol għalik biex tinagħta l-Grazzja tal-Ispirtu s-Santu li kapaċi minn żkuk niexfa li hu dan il-kliem jagħmel ħuġġieġa tal-għaġeb f’qalbek. Hu kapaċi jagħmlu dan! Din l-interċessjoni quddiem il-Missier hija wkoll il-missjoni ta’ kull saċerdot. Huwa jitlob, jishar, jokrob quddiem il-Mulej għall-merħla tiegħu biex tikber fil-Fidi, biex titqaddes, biex jinbtu fiha kariżmi ġodda, biex issir dejjem iżjed Knisja Ħajja. U dan kollu huwa anke r-rwol ta’ kull Nisrani li kiber fil-Fidi. Huwa jinterciedi għad-dinja kollha. Kristu ħalla l-Knisja biex hi tinterċiedi għad-dinja quddiem il-Missier. Hi titlob għad-dinja anke jekk id-dinja tippersegwitaha, u tkompli l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu billi tmut għad-dinja bħalma qegħda tmut bħalissa fil-Lvant Nofsani. Għalhekk, il-Knisja hija kbira fl-Istorja tad-dinja u hekk twettaq il-Kelma ta’ Kristu fil-Vanġelu tal-lum: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.” Ħafna nies ta’ setgħa kbira ġew u marru; anke ċiviltajiet kbar għabu; imma l-Knisja ta’ Kristu tibqa’ hemm, u dan mhux bi trijonfaliżmi, anzi l-kontra. Jiret l-art min iservi u jaqdi, bħall-Qaddej ta’ Jahweh, li hu Kristu. Ħaġa waħda hija mportanti għan-Nisrani, hu min hu: li jikseb il-Glorja ta’ Kristu, l-istess kif se jgħidilna l-versett ta’ qabel l-Evanġelju. U l-Glorja ta’ Kristu hija r-rebħa fuq il-mewt u l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn imma ssib il-milja tagħha fil-Ġenna. Versett: Hallelujah. Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju, biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hallelujah. Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark. 10, 35-45. F’dak iż-żmien: Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejn Ġesù u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.” “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorb l-kalċi li se nixrob jien u titgħammdu bil-Magħmudija li biha se nitgħammed jien?” “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-Magħmudija li biha se nitgħammed jien. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imhejjija.” Il-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies li l-bnedmin igħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”
Last Updated ( Sunday, 18 October 2015 )
 
< Prev   Next >