Monday, 26 June 2017
           
Home
IT-TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2015) KEMM GHANDNA BZONN “NARAW”! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 25 October 2015

Din hija il- Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus-of-nazareth.jpg
 gesu' jfejjaq il-morda

 

Id-dnub jagħmi lill-bniedem.  Ma jibqax “jara” l-Imħabba ta’ Alla. Allura jsir egoista, jiġbed lejh għax  mingħajr Alla jħossu mhedded; mhedded minn x’jista’ jiġrilu, mhedded minnn ħaddieħor, mhedded mill-Istorja.  U dan il-biża’ jkompli jagħmih u jsib ruħu f’ċirku ma jaqtax ta’ tħassib u dnub.  Dan hu l-jasar tal-bniedem minn Adam ’il hawn.  Din hija n-natura mwaqqa’ li writtna minn missirijietna.  Dan huwa l-bniedem il-qadim li jgħammar fina u l-intenzjonijiet “tajba” u l-karattru “tajjeb” ftit li xejn jiswew għax jekk xi ħadd jirfsilna l-kallu, ipoġġi subgħajh fuq xi ferita moħbija, forsi anke mingħajr ma jinduna, ninbidlu għal kollox u nsiru bħal orsa li tiddefendi ż-żgħar tagħha.  Aħna mmorru nqerru imma diġa nafu li l-ġimgħa d-dieħla se nerġgħu naqgħu. 

 

Min jista’ jsalva lil dan il-bniedem li fih tgħammar id-duda tal-mewt għax ma jistax “jara” li hu tassew maħbub minn Dak li ħalqu?  Min se jagħtih li “jara” bl-għajnejn ta’ qalbu?  Min se jwettaq miegħu dan il-Miraklu Morali?  Ħaġa waħda hi ċerta: m’hemmx ferħ għall-bniedem jekk ma jinżax min-natura l-qadima, “għamja”, li għandu u jitwieled mill-ġdid b’natura ġdida li “tara” tajjeb.  Kellu raġun Kristu lil Nikodemu, raġel “tajjeb” , “tat-Tempju”, imma li kien “għama”, jgħidlu: “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.”

 

Għaliex tant nies li tistedinhom biex jibdew proċess ta’ għarfien aktar profond tal-Imħabba ta’ Kristu, ma juru l-ebda interess għax il-familja tiġi l-ewwel, ix-xogħol jiġi l-ewwel, il-passatemp jiġi l-ewwel, il-ballet, id-drama, il-‘fitness’, il-‘part-time’... anke l-kelb jiġi l-ewwel?  Għaliex il-bniedem qed jitlef l-interess fi Kristu li għalih hu biss dmir li “jeħles” minnu bil-Quddiesa tal-Ħadd?  X’Fidi se ngħaddulhom lil uliedna, aħna, n-nies tal-Quddiesa tal-Ħadd?  Li jmorru jisimgħu il-Quddiesa tal-Ħadd huma wkoll?  Ahhh!  Uliedna se jkunu ħafna iktar sinċiera minna u Quddiesa l-Ħadd mhux se jmorru jisimgħuha aktar għax jarawha dik li hi... rit vojt, bżonn soċjali li ma jkunx hemm iktar bżonnu għaxar, ħmistax-il sena oħra.

 

Illum hemm urġenza li l-parroċċi jużaw l-influwenza li għad baqagħlhom, u li qed tintilef, biex jikkonvinċu li kulħadd għandu bżonn daħla serja fil-Fidi biex għajnejna jfiequ u nkunu nistgħu “naraw” li Kristu tassew hu l-Uniku li jista’ jimla t-thannin tal-qalb... li Kristu huwa l-Unika Imħabba li kull bniedem qed ifittex fiż-żwieġ, fl-adulterju, fir-regħba għall-flus, fl-aljenazzjoni tal-passatempi, fil-pjaċir u l-gosti tal-ġisem...  Kollox hu frugħa barra Kristu!  Min jinduna b’dan għandu xi ħaġa x’jgħaddi lil uliedu.  Imma jrid “jara” l-ewwel għax ħadd ma jista’ jagħti milli m’għandux.  U biex “jara” m’hemmx xi buttuna maġika x’tagħfas.  Hemm proċess li l-Knisja minn dejjem kellha imma li tlaqna maż-żmien għax ħadna l-fidi tal-kotra “for granted” u ntlaqna fis-servizz “ħafif” tar-riti u l-liturġija u nsejna li biex is-Sagramenti Qaddisa jsaqqu d-deżert li hemm fil-bniedem jitolbu qabel xejn il-Fidi; u l-Fidi qegħda tnin, u f’ħafna nbidlet f’”kultura” u għad jasal żmien fejn il-Knisja ma tkunx tista’ iktar tieħu ħsieb il-knejjes tagħha u dawn isiru tal-Istat li jagħmel minnhom mużewijiet, u l-festi jorganiżżahom l-Istat għax it-turisti jriduhom u l-flus jiġu l-ewwel u qabel kollox.

 

Huwa Kristu l-uniku li hu kapaċi jagħti d-dawl lill-bniedem biex ikun jista’ “jara” li kollox hu Mħabba, li l-mewt ġiet mirbuħa, li d-djun ġew imħallsa, li hemm wirt glorjuż lest għalina u li xejn m’għandu jbeżżagħna milli nrattbu qalbna u nħobbu lil xulxin.  Imma l-bniedem għandu bżonn Knisja li tlaqqgħu ma’ Kristu u l-Knisja trid tiskopri, fit-talb, dak li jolqot lill-bniedem “għama” tal-lum.

 

L-Ewwel Qari

 

Imma f’dan ix-xenarju li jidher negattiv, il-Knisja ma taqtax qalbha, ma tistax taqta’ qalbha, għax hija hi l-Ġisem ta’ Xi Ħadd li rebaħ il-mewt.  Il-bniedem ta’ Alla għandu għajnejn biex “jara” r-rejaltà u jwiddeb kemm jiflaħ għax hu qed “jara” dak li ħaddieħor mhux “jara”.  Il-bniedem ta’ Alla jħoss dieqa li ħaddieħor ma jħosshiex għax mhux aljenat bħal ħaddieħor.  Imma fil-qalba tad-dieqa tiegħu hu jibqa’ dejjem ottimist, jibqa’ dejjem jemmen li Kristu hu Sid tal-Istorja u li f’kull ġenerazzjoni se jirbaħ it-taqtigħa terribli għal ruħ il-bniedem.

 

Ġeremija kellu din l-esperjenza.  Miskin, Alla poġġieh fl-agħar perijodu storiku tal-Poplu ta’ Alla.  Il-Poplu nesa l-wegħdiet ta’ Alla, ċekken il-ħolma tiegħu, u ħaseb li din il-ħajja hi kollox, li l-ekonomija hi kollox, li d-drittijiet t’hawn huma kollox, li l-ħbiberiji, l-allejanzi mad-dinja, min jista’ jgħinek materjalment, dawn huma kollox.  Il-profeta kien jaf, għax kien “jara”, li kollox kien se jinqered, bħalma ċ-ċiviltà tal-punent li għandna llum miexja lejn il-qerda u donnu ħadd mhu jinduna.  Il-fatt biss li l-pajjiżi tal-punent kollha qed jixjieħu għax ma jridux it-tbatija li jrabbu t-tfal, dan qed jagħmilha ħaġa ċerta li hemm tmiem li hu riesaq.  Ħadd ma jista’ jżomm l-emigrazzjonijiet, iktar u iktar l-Ewropa “xiħa”.

 

Għaliex dan?  Fl-Iskrittura hemm kollox miktub.  Bħal Israel, l-Ewropa ppruvat tibni l-Ġenna hawn, dinja bla tbatija, dinja bla salib, dinja bla Alla.  Il-bniedem sar “alla” u ħadd ma jista’ jgħidlu aktar x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin.  Ġeremija kien imdawwar minn dawn l-affarijiet.  Kien jaf li ġej l-Eżilju.  Imma, fil-qalba ta’ dan kollu, il-profeta jifraħ għax jaf li Alla ma jagħmel xejn b’kastig imma kulma jippermetti li jiġri jippermettih bħala “mediċina” biex jikkonverti qalb il-bniedem.  Kien jaf li l-poplu kien se jkun itturrufnat mill-għedewwa, Ġerusalemm meqruda, saħansitra t-Tempju mwaqqa’.  Imma kellu jżernaq l-Għid.  Il-Qawmien.  Il-poplu kellu jerġa’ jinġieb lura mill-Mulej, fdal imsoffi, imfejjaq, imnaddaf, mogħti li “jara” dak li qabel ma kienx “jara”.  Kemm drabi l-Mulej jinqeda bl-Istorja biex jagħtina li “naraw” dak li fil-bluha ta’ qabel ma konniex nafu bih!  U l-Profeta jifraħ.  Ġeremija jifraħ.  Il-Profeta li dejjem kien jokrob għall-Poplu, jifraħ għax fl-aħħar mill-aħħar “Alla Magħna” u mhux kontra tagħna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  31, 7-9.

 

Dan igħid il-Mulej: Għannu bil-ferħ għal Ġakobb, sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus!  Xandru, faħħru u niedu: “Il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-bqija ta’ Israel!”

 

Arawni, se nġibhom lura mit-tramuntana, niġborhom mill-ibgħad artijiet.  Fosthom hemm il-għomja u z-zopop, ilkoll kemm huma, ġemgħa kbira terġa’ lura ’l hawn bil-biki u l-krib; imma jien infarraġhom, u ngħaddihom minn ħdejn ix-xmajjar, minn triq dritta li ma jitfixklux fiha. Għax jien sirt missier għal Israel, u Efrajm it-tifel il-kbir tiegħi.

 

Salm Responsorjali

 

Alla dejjem jgħaddi fid-dlam tal-Istorja, meta l-bniedem ikun dahru mal-ħajt, konvint li ma jista’ jagħmel xejn biex jeħles lilu nnifsu.  Huwa f’dak il-ħin li l-bniedem (jew il-Knisja) jkun l-aktar qrib il-Mulej, bla ma jaf.  Dan hu l-Għid tal-Mulej.  Jekk nosservaw ftit naraw li ħajjitna hi kolha kemm hi Għid wara Għid.  L-Għid huwa l-ewwelnett kriżi serja, “il-Ġimgħa l-Kbira”.  Kriżi tkun li tkun: xi falliment, pjanijiet li ma jseħħux, inkwiet fil-familja, inġustiżżja, traġedja, mard, mewt... hu hawn li jħobb jgħaddi l-Mulej biex jgħallem il-Fidi lill-bniedem.  Wara l-“Ġimgħa l-Kbira” tal-kriżi, jiddi Jum il-Qawmien.  Dan hu l-Għid: mogħdija mill-mewt għall-ħajja, mill-kriżi għas-soluzzjoni, mill-jasar għall-ħelsien, mill-vistu għall-festa!  Darba wara darba.  U Kristu jdawwal kollox; u jekk xi ħadd jistaqsik għaliex temmen f’Alla, int ma tweġbux b’xi ħaġa ta’ bl-amment li tgħallimt pappagalment meta kont zgħir, imma billi tirrakkonta l-esperjenza li għandek ta’ Alla: “Jien nemmen għax darba waħda...”  U dak li jkun, jisimgħek b’widnejn miftuħa beraħ.

 

Għax meta jgħaddi l-Mulej dejjem jissorprendi u taħseb li qed toħlom, kif se jgħid is-Salm tal-lum; imbagħad tidħaq, tifraħ, tfaħħar lil Alla u tgħajjat bi-ferħ għax ksibt il-Fidi.  L-oħrajn jgħidu: “Kbir f’għemilu l-Mulej miegħu dan il-bniedem!”  U tassew hekk ikun.  Għax int mort tiżra fit-tbatija mingħajr ma kont ċert li se taħsad.  It-tbatija ġagħlitek tibki... imma ġejt lura tgħajjat bil-ferħ bil-qatgħet tal-Fidi fi ħdanek għax Alla kien fidil miegħek u ma telqikx.  Dan hu l-Għid li fih tikber il-Fidi.

 

Ritornell: Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

 

Salm 125

 

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imtarrfin ta’ Sijon,

Konna qisna mitlufa f’ħolma;

Imbagħad bid-daħk imtela fommna,

U lsienna nħall b’għajjat ta’ ferħ.

 

Imbagħad bdew igħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna mtlejna bil-ferħ.

 

Biddel, Mulej, xortina,

Bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

Jaħsdu fil-ferħ.

 

Hu u sejjer, imur jibki,

Iġorr iż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Imma hu u ġej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ

Bil-qatgħet f’idejh.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Qassis huwa dak li jinagħta għall-poplu ta’ Alla, dak li jressaq l-offerta tal-poplu u tiegħu biex joffriha bħala tpattija għad-dnubiet.  Huwa dak li jintervjeni għall-poplu quddiem Alla mhux biss bl-offerta tal-liturġija imma wkoll bit-talb tiegħu.  Huwa jgħader lill-poplu għax jaf li huwa dgħajjef bħalhom għax wieħed minnhom.

 

Imma l-Qassis veru, il-Qassis il-Kbir li hu tassew kbir u li l-qassisin kollha huma biss xbiha tiegħu, huwa Kristu.  Huwa jidħol għalina quddiem il-Missier mhux bid-demm tal-annimali imma bid-Demm Qaddis tiegħu stess. Hu inagħata bħal Ħaruf innoċenti biex jieħu fuqu d-dnubiet tagħna lkoll u fil-kastig li hu qala’ tħassru d-dnubiet tad-dinja kollha.  Dan hu tal-għaġeb!  Din l-Aħbar ma ssibha fl-ebda reliġjon!  Il-bniedem ma jistax ipatti għal dnubu għax l-offiża saret lil Alla u mhux lil xi bniedem.  Imma d-dejn tħallas u l-bniedem li “jara” dan jiġrilu bħal dak tal-parabbola li inħafrulu l-ħames mitt talent dejn li qatt u qatt ma seta’ jħallas.  Hu jibda jħobb lil min kien tant ġeneruż miegħu u jagħti ħajtu biex iwettaq ir-rieda tiegħu.  Imma min jaħseb li dejnu huwa żgħir għax mhux “jara” r-rejaltà tigħu, dan ftit iħobb, għax jaħseb li ftit li xejn inħafirlu.  Mhux impressjonat bil-Maħfra ta’ Alla.  Qed tara kemm għandhom bżonn jinfetħu għajnejn il-bniedem!

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  5, 1-6.

 

Kull qassis il-kbir, meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Allam, biexjoffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet.  Hu dak li jista’ jagħder ’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax hu wkoll hu dgħajjef; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu.

 

Ħadd ma għandu jieħu b’idejh għalih innifsu dal-pieh, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwa sew kif kien imsejjaħ Aron.  Għax hekk ukoll Kristu, ma tax lilu nnifsu l-ġieh li jkun qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu:  “Ibni int; illum jien nissiltek.”  U kif igħid ukoll band’oħra: “Int qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek.”

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu tal-lum huwa propjament katekeżi.  Il-Knisja tal-bidu li ġabret il-Vanġeli u kitbithom, għamlet dan biex tikkatekiżża lill-katekumeni tagħha.  Għandna wieħed għama li kien fettex li jsib min ifejqu imma kollu ta’ xejn.  Kien sema’ bil-profeta ta’ Nazaret u darba jinduna li kien għaddej minn quddiemu u jibda jgħajjat kemm jiflaħ għax f’Ġesù ra l-unika tama għal ħajtu.  Imma Kristu baqa’ miexi ’l quddiem qisu ma semgħux.  Anke l-folla bdiet titbiegħed, imma Bartilmew, għax hekk kien jismu l-għama, baqa’ jgħajjat u jgħajjat.  Kontra dak li kien jidher minn barra, Kristu ma kienx moħħu fil-folla imma f’dak li kien qed jgħajjatlu.  F’daqqa waħda jieqaf u jgħid lin-nies biex iġibuhulu.  Huwa jtajjar minn fuqu l-mantar tiegħu, dak kollu li kien itellfu milli jimxi mgħaġġel u jħalli n-nies jeħduh għand Dak li hu ma kienx qed jaraH imma kien qed jemmen fiH.  Il-bqija nafuha l-istorja.

 

Dan il-bniedem huwa jien u int.  Kemm għandna bżonn ngħarfu li aħna “għomja”.  Bartilmew kien jaf li hu għama.  Malajr f’ħajtu nduna li n-nies ma kinux bħalu, dejjem fid-dlam.  Induna li kien differenti.  Induna li ħajtu setgħet kienet ħafna, ħafna aħjar.  Dan tefgħu fi kriżi tremenda li damet is-snin.  Sar tallab.  Anke aħna tallaba.  Nittalbu l-imħabba, l-affetti, l-prosit, it-tbissim, il-ħbiberiji... nittalbu li nkunu stmati, li jaċċettawna.  Dan kollu għax fl-għamad, fid-dlam tagħna ma narawx l-Imħabba ta’ Alla għalina; ma narawx li Alla hu nnamrat magħna; maqtugħin mill-Imħabba tiegħu u għalhekk issir ħafna mportanti l-imħabba tal-bnedmin.

 

Dan l-għama ma sab lil ħadd li kien kapaċi jfejqu.  Kemm ġrejna wara nies, wara affarijiet, wara idoli tad-dinja biex jagħtun s-sens tal-ħajja, il-milja tal-kuntentizza.  L-iktar, l-iktar li wasalna kien li nkun aljenati għal xi żmien.  Imbierek huwa l-bniedem li jinsab tassew iddiżappuntat wara li pprova ħafna minn dak li tagħti d-dinja.  Mhux imqarraq.

 

Bartilmew għaraf f’Ġesù tama ġdida għal ħajtu.  Mhux faċli li wieħed b’diżabilità bħal dik jemmen li wara ħajja sħiħa jittama, daqqa f’dan u daqqa f’dak, jibda jemmen li fl-aħħar wasal Xi Ħadd li kellu setgħu fuq dak li kien qed jeqridlu ħajtu.  Min jaf kemm smajna b’Ġesù u fuq Ġesù.  Kemm tagħlim!  Imma nippruvaw kollox barra lilu.  Qatt pruvajtu bis-serjetà lil Kristu int?  Tassew bis-serjetà?  Jekk iva, żgur li ma bqajtx iddiżappuntat.

 

Bartilmew jgħajjat kemm jiflaħ.  Jekk int temmen, sa fl-aħħar temmen, li f’Ġesù Kristu hemm ir-risposta għall-mistoqsijiet kollha tiegħek, li Hu huwa l-uniku l rebaħ kull tip ta’ mewt li teqred il-bniedem, allura int se tgħajjat, se titlob, jum, tnejn, tlieta, u bil-lejl ukoll: “Ġesù Bin David ikollok ħniena minni.  Ma tarx fejn ninsab? Ħenn għalija għax mingħajrek jien nintilef!”  U anke jekk ma jweġibx mill-ewwel, ibqa’ itlob, toħroġx mill-Fidi. Emmen li Hu qed jisimgħek imma qed jara kemmm se ddum tgħajjat, kemm temmen tassew, bħalma għamel mal-għama tal-Vanġelu.

 

Kuraġġ.  Int mhux titgħallem fuq Kristu għandek bżonn imma tiltaqa’ miegħu.  Fuqu smajt biżżejjed, issa emmen fih!  Min jaf... forsi l-qari ta’ dan il-Ħadd kapaċi jkun “turning point” f’ħajtek.

 

Versett: Hallelujah. Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  10, 46-52.

 

F’dak iż-żmien: Waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko, flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartilmew bin Timew, bilqiegħda fil-ġenb tat-triq.  Dan, meta sema’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad igħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”  Kien hemm ħafna li bdew igħajtu miegħu biex jiskot, imma hu aktar kompla igħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”

 

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.”  Huma sejħu ’l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.”  Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.  U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”  “Li nara, mgħallem,”  wieġbu l-agħma.  “Mur”, qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejqitek.”  U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

 
< Prev   Next >