Monday, 26 June 2017
           
Home
IL-WIEHED U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2015) ALLA HU MHABBA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 01 November 2015

Din hija il- Liturgija tat- wiehed uTletin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

all-saints.jpg
                 Il-Qaddisin fil-Genna

Fuq Alla l-Imbierek wieħed jista’ jgħid ħafna, imma l-Iskrittura taqta’ fil-qasir meta tgħid li Alla hu Mħabba.  Hu wera l-Imħabba x’inhi meta bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex jiġġudika d-dinja jew biex jikkundannaha imma biex jieħu fuqu l-ħtija tagħha u jħallas għaliha Hu.  Il-milja tal-Imħabba hi meta min iħobb jagħti ħajtu għal dawk li jħobb, u Kristu wriena kemm kbira hi l-Imħabba, li hi Alla, meta huwa miet għalina mhux meta konna tajbin jew xerqilna dan, imma meta konna midinbin u għedewwa tiegħu.

 

Hija traġedja li ħafna jgħixu ħajjithom kollha mingħajr ma jobsru li huma maħbubin f’dan il-qies.  Għalhekk fid-dinja hawn tant inġustizzji, tant gwerer, tant moħqrijiet, tant qima lill-allat foloz, tant għira u mibegħda.  Infatti f’qalbu l-bniedem iġorr ġerħa enormi, ġerħa dejjem tnixxi l-ħajja, u din il-ġerħa hija l-fatt li ma skopriex l-Imħabba li hi Alla.  M’hemmx fejqan għall-bniedem mingħajr din l-iskoperta.  Jagħmel x’jagħmel biex ineħħi t-tbatija mid-dinja, il-bniedem mhux se jfejjaq dan l-uġigħ misterjuż li jgħammar fil-profond ta’ qalbu.  Għax id-dieqa tal-bniedem mhux mit-tbatijiet ġejja imma min-nuqqas ta’ Mħabba li jbati minnu.  Meta l-bniedem iħossu tassew maħbub, ma jibżax mit-tbatija, anzi jbati għal min iħobb.  Mhux it-tbatija li teqirdu l-bniedem imma n-nuqqas ta’ Mħabba. 

 

 

Hu għalhekk li l-Mulej Ġesù jgħid li l-ħażen kollu minn qalb il-bniedem ħiereġ, għax l-egoiżmu jaħkem b’mod naturali lill-qalb mhix maħbuba.  Il-frott naturali tan-nuqqas ta’ Mħabba huwa l-egoiżmu li mbagħad minnu joħorġu l-friegħi tad-dnubiet kollha.  Għax il-qalb tħoss l-insigurtà u l-mewt, u tagħmel minn kollox biex tiggranfa mal-ħajja.  Għalhekk, waqt li l-politiċi tad-dinja kollha minn dejjem ippruvaw itejbu l-qagħda materjali tal-bniedem biex jgħinuh jasal għall-ferħ u s-sigurtà, il-vera politika għamilha Ġesù Kristu, u jagħmluha dawk kollha li jwasslu l-Aħbar it-Tajba tiegħU, għax hija l-qalb li trid titfejjaq u mhux l-affarijiet li huma ’l barra minnha.  Fejjaq qalb il-bniedem u ssolvi l-problemi kollha li hawn fid-dinja. Din, nerġa’ ngħid, hija l-vera politika.

 

Imma dan kollu jiddependi milli wieħed jiltaqa’ ma’, u jiskopri l-Imħabba li huwa mkebbeb fiha.  Kemm hi vera t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija fil-katekiżmu ta’ dari li konna nitgħallmu bl-amment meta konna tfal: “Alla ħalaqna biex ngħarfuH, inħobbuH u naqduH tul ħajjitna u mmorru ngawduH għal dejjem.”  L-ewwel trid tgħarfu, imbagħad kollox jaqa’ f’postu.

 

L-Ewwel Qari

 

Dan il-qari li ġej huwa ħafna, ħafna mportanti.  F’sentenza waħda, sentenza famuża, jiġbor il-messaġġ kollu tal-Iskrittura, juri t-triq tal-ħelsien, u se jgħidilna x’inhi l-Qdusija.  Din is-sentenza l-Lhud isejħulha ix-“Xemà”, kelma li bi lsienna tfisser “Isma’”.  Araw kemm jixxiebaħ il-Malti mal-Lhudi u mal-Aramajk, il-lingwa li biha kienu jitkellmu Ġesù, il-Madonna, l-Appostli eċċ.  Għandna tassew għax inkuru kburin b’dan.

 

Trid tkun taf x’inhi l-Ħajja vera?  Mela “isma’”, “xema’”:  “Isma’, O Israel, Wieħed hu l-Mulej Alla tagħna.  Ħobb, mela, lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.”  Maż-żmien żdiedet frażi oħra li toħroġ b’mod naturali mill-ewwel parti u li anke Ġesù jsemmiha: “u ħobb li għajrek bħalek innifsek.”  Nerġa’ ngħid, din hija l-ġabra kollha tal-Iskrittura u tat-tagħlim tal-Knisja.  Meta wieħed iwettaq din il-Kelma meraviljuża jkun “qed jgħix”, ikun fil-Ħajja, ikun fil-Qdusija.  Barra minn din il-Kelma hemm biss eżistenza, ħafna drabi mdallma, solitarja u mimlija dubji.

 

Imma bħalma wieħed jinduna mill-ewwel, din il-Kelma mhux biss hija diffiċli ħafna imma hija mpossibbli għan-natura mwaqqa’ tal-bniedem li wiret l-effetti kollha tad-dnub ta’ Adam.  Quddiem din il-Kelma qiesna bħal wieħed marbut bil-ktajjen ġo ċella imsakkra tajjeb u xi ħadd minn barra jgħajjatlu: “Għax ma toħroġx minn hemm ġew; kemm se ddum hemm!”  Jew bħal żiemel mejjet fl-art li sidu jsawtu biex iqum u jiġri.  Jew inkella bħal wieħed paralitiku li ma jiflaħx iċaqlaq għadmu u int tiġġudikah għax tarah dejjem hemm jittallab il-karità, u tgħidlu: “Għax ma tqumx minn hemm u ssib xogħol!”

 

Hija ħasra li mill-Imħabba għamilna Liġi.  L-Imħabba hi prezzjuża wisq, hi sabiħa wisq biex tagħmel Liġi minnha, sforz: “Jew tħobb jew inkella...”  Minn dik it-triq m’aħna se naslu qatt!  In-nies iċċaqlaq spallejha u tgħid: “Mela jien Ġesù Kristu!  U ħallina!”  U jkollhom raġun, għax Alla biss kapaċi jħobb b’dan il-mod:  Alla l-ewwel u qabel kollox u l-proxxmu bħalek innifsek.  Fuq l-ewwel parti aktarx li ningannaw ruħna li għalina Alla jiġi l-ewwel, imma t-tieni parti tpoġġina fil-frisk, fil-verità u jekk ma tħobbx lill-proxxmu bħalek innifsek lanqas tħobb lil Alla fuq kollox.

 

San Pawl, f’isem il-bniedem imħawwad quddiem din il-Kema jgħajjat: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  Jiġifieri, min se jagħtini l-possibiltà li nħobb b’dan il-mod.  Għax ma jistax ikun li l-Mulej jurina fejn hu l-veru Ferħ, il-vera Ħajja, il-Qdusija biex imbagħad malli ntawlu jdejna lejha jgħidilna “Appa!”.  Fi Kristu hu possibbli tpoġġi lil Alla l-ewwel u qabel kollox!  Fi Kristu huwa possibbli li tħobb li Alla b’saħħtek kollha, b’qalbek kollha u b’moħħok kollu!  Fi Kristu hu possibbli, iva hu possibbli li tħobb li għajrek bħalek innifsek, anke jekk din il-Kelma qajla nifhmu x’inhi.  Forsi l-iktar mod li nistgħu nispjegawha huwa b’mod negattiv meta ngħidu “tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tixtieqx li ħaddieħor jagħmel lilek”.  Imma iktar minn hekk hi l-Imħabba!

 

Xi jfisser meta ngħidu li fi Kristu iva, dan hu possibbli?  Għax l-Imħabba hi Grazzja mhux Liġi.  L-opri tal-Imħabba joħorġu b’mod naturali mhux bi sforz.  L-Imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu titwieled meta int tagħraf il-għoli u l-fond, il-wisgħa tal-Imħabba li Alla għandu għalik u li wrihielek fi Kristu.  Tagħraf lil Kristu jfisser tagħraf l-Imħabba.  Meta int titbellah quddiem din l-Imħabba miġnuna li biha int maħbub minn Alla, qalbek tħabbat sitta sitta, timtela b’Imħabba lejn Dak li ħabbha tant u għamel tant għaliha... lejn Dak li offendietu tant, għax m’emmnitux, imma li xorta baqa’ jħobbha... u l-qalb, bi Grazzja, b’rigal mhux mistħoqq, issir ħuġġieġa qaddisa ta’ Mħabba.  Titfejjaq il-ġerħa tal-qalb!  Alla, fi Kristu u bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu biss għandu l-ħila jfejjaq il-ġerħa tiegħek.  Imbagħad, iva, tinsa lilek innifsek; imbagħad iva, m’hemmx għalfejn tkun egoista iktar; imbagħad iva tkun tista tħares lejn l-ieħor bl-għajnejn ta’ Kristu nnifsu u tersaq lejh biex twieżnu, biex tħobbu bħalma tħobb lilek innifsek.

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  6, 2-6.

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ibża’ mill-Mulej Alla tiegħek, billi int, ibnek, u bin ibnek, tħarsu dejjem il-liġijiet u t-twissijiet kollha tiegħu, li jien qiegħed nagħtikom, biex ikollkom għomor twil.

 

Isma’, O Israel, u ħu ħsieb agħmilhom, biex ikollok il-ġid u toktor ħafna, bħalma wiegħed il-Mulej, Alla ta’ missirijietek, li jagħtik art tnixxi ħalib u għasel.

 

Isma’, O Israel: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna.  Ħobb, mela, lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.  Żomm f’qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum”.

 

 

 

 

Salm Responsorjali

 

Il-bniedem li jaqgħulu l-qxur minn għajnejh u “jara” x’għamel Kristu għalih, jimtela bi gratitudni li ma jkunx jista’ jfissirha bi kliem.  Fil-Presepju huwa l-“Għaġeb” l-iktar wieħed għaref għax ra bl-għajnejn spiritwali dak li oħrajn ma kinux jaraw: “ra” l-Imħabba hekk kif inhi; li tħobbok anke meta int ma temminhiex; meta int għadu tagħha; li tmut għalik.  M’hemmx Nisrani veru li mhux mistagħġeb b’dan kollu. 

 

Salm 17 huwa tentattiv tal-bniedem li skopra lil Alla biex ifaħħru, biex jurih kemm għandu gratitudni lejh f’qalbu.  Għax f’Alla, hu li hu dgħajjef skopra l-qawwa tiegħu, il-fortizza u l-ħellies tiegħu.  Skopra li Alla hu sur, tarka, saħħa u kenn tiegħu.  Skopra li dak li kienu qalulu, li Alla hu tassew ħaj, tassew jeżisti u tassew qed jieħu ħsieb, hu veru wara kollox!  Hu veru!  Hu veru li Alla hu l-Blata tagħna l-aktar meta l-ħażen jidher tant b’saħħtu, tant jiddomina kollox.  Għax, jgħidu l-Padres tad-deżert, jekk int tħares lejn il-punent tara kullimkien miżgħud bil-karrijiet u l-gwerriera tas-setgħat tad-dlamijiet u dawn huma kollha kontrik.  Imma jekk tħares lejn il-lvant tara qtajjiet akbar u aktar setagħna ta’ anġli lesti biex jiddefenduk.  Int għażiż għal Alla!  Int għalih tiswa d-Demm Qaddis ta’ Ibnu.  Tinsiha qatt din.

 

Ritornell: Inhobbok, Mulej, qawwa tiegħi.

 

Salm 17

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.

Mulej, blata tiegħi,

Fortizza tiegħi, ħellies tiegħi!

 

Alla tiegħi, sur tiegħi, li fih nistkenn,

Tarka tiegħi, saħħa tas-salvazzjoni tiegħi, kenn tiegħi!

Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,

U nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

 

‘Ħaj il-Mulej!  Ikun imbierek, hu l-blata tiegħi;

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Hu jagħti r-rebħ lis-sultan tiegħu,

U juri mħabbtu lill-midluk tiegħu.

 

 

It-Tieni Qari

 

Ir-reliġjożità fil-qalb tal-bniedem dejjem imbuttatu biex ifittex lil Alla li jista’ kollox biex Dan jgħinu fid-diffikultajiet li kien jiltaqa’ magħhom.  Għall-bniedem il-ħajja ta’ hawn kienet kollox u kien jipprova jogħġob lil Alla biex din il-ħajja jgħaddiha mill-aħajr li jista’, bla wisq problemi.  Kien joffrilu sagrifiċċji mill-annimali li kellu biex Alla jsalvalu l-annimali mill-mard, għax ħajtu kienet tiddependi minn dawn l-annimali.  Kien joffrilu mill-frott tal-art li ma jmurx u jinkorla għalih u jżommlu x-xita u kollox jinxef u jmut bil-ġuħ.

 

B’din ir-reliġjożità l-bniedem kien jibża’ minn Alla, kien jemmen fih, kien iqimu imma ma kienx iħobbu, għax kif tista’ tħobb lil min tibża’ minnu u ma tafx biex jista’ joħroġlok.  F’din il-qagħda ta’ dlamijiet, li fiha l-bniedem kien qed jipprova jiltaqa’ ma’ Alla bla ma jirnexxilu, Alla nnifsu jiġi jiltaqa’ mal-bniedem f’Ibnu Kristu Ġesù biex jurih min kien tassew.  Il-bniedem fetaħ għajnejh beraħ meta nduna li Alla huwa Mħabba, Missier, Dak li jħobb anke lill-għedewwa tiegħu!  Fi Kristu, Alla niżel jgħammar magħna biex ikun Hu s-sagrifiċċju li aħna noffru għas-salvazzjoni tagħna.  Mhux iktar il-bniedem li jġib l-offerta, imma issa Alla nnifsu jsir sagrifiċċju, offerta.  Kristu huwa l-Qassis Perfett li, għalkemm bla dnub, jiċċappas, jitkalla, u jitgħabba bid-dnubiet ta’ kulħadd biex dak li tgħid il-Liġi jseħħ fiH u mhux fina li dnibna.  Din hi Providenza eternament aqwa milli tfejjaq il-mard jew tibgħat ix-xita!  Fi Kristu, l-bniedem isir adult fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla li ħalqu għax jidħol f’relazzjoni ta’ Mħabba.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  7, 23-28.

 

Ħuti: Dawk tal-imgħoddi kienu jsiru qassisin f’għadd kbir, għax, minħabba fil-mewt, ma kinux jistgħu jibqgħu.  Imma Ġesù, billi jibqa’ għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt.  Għalhekk ukoll huwa jista’ jsalva għal kollox lil dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom.

 

Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien igħodd għalina: qaddis, bla ħtija, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet; li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum sagrifiċċji l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu.  Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.  Għax il-liġi tqiegħed, bħala qassisin il-kbar, bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.

 

Evanġelju

 

Wieħed mill-kittieba staqsa lil Ġesù liema hu l-ewwel, jew l-akbar fost il-kmandamenti kollha.  San Luqa jgħid li staqsieh, “X’għandi nagħmel, Mgħallem, biex ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem?”  Irridu nżommu f’moħħna li bil-kelma “kmandament” in-nies tal-lvant jifhmu xi ħaġa xi ftit differenti minna tal-punent li writtna mingħand ir-Rumani mentalità legalista.  Għalihom kmandament, iktar minn xi ħaġa li trid twettaqha bil-fors għax inkella hemm il-kastig, tfisser xi ħaġa li ma tistax tgħaddi mingħajrha, hija indispensabbli.  Din hi dehra iktar pożittiva.  Ġesù se jgħid li mingħajr l-Imħabba m’hemmx Ħajja, m’hemmx Qdusija, m’hemmx Salvazzjoni għall-bniedem.  Anzi l-bniedem huwa maħluq għall-Imħabba u ma jista’ qatt jgħix tassew, isib il-milja tal-kuntentizza mingħajr l-Imħabba.

 

U x’inhi din l-Imħabba?  Diġa semmejniha: hija x-“Xema’”; hija l-“Isma’” tal-poplu Lhudi.  Ġesù mhu qiegħed iżid xejn mat-tagħlim l-iktar importanti li diġa kellu l-poplu Lhudi.  Imma Hu jwettaq ix-“Xemà”.  Għall-ewwel darba tidher fostna din l-Imħabba.  Ġesù huwa ix-“Xema’”.  Il-Ħajja deħret fostna, il-Ħajja vera.  Min għandu lil Kristu hu Ħaj, min le hu mejjet.  Ħares lejk innifsek u tkun taf jekk intix Ħaj jew mejjet, jekk għandekx lil Kristu jew le.

 

Din il-Kelma li tgħidilna nħobbu lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu bħalna nfusna, tixlina lkoll, għax id-dnubiet tagħna huma kollha atti kontra din il-Kelma.  Imma x’ħaġa tal-għaġeb!  Din il-Kelma, ix-“Xema’”, ġiet fid-dinja fil-persuna ta’ Ġesu mhux biex tiġġudikana jew tikkundannana, imma biex tagħtina Spirtu Ġdid li jkun jista’ jgħix din il-Kelma.  Kristu ma ġiex biex jgħidilna: “Tajjeb, intom rajtu x’għamilt, kif għixt.  Issa għamlu hekk intom ukoll u ixbħuni!”  Le!  Kristu huwa mudell erba’ darbiet itqal minn Mosè, jgħidu l-istudjużi.  L-ebda bniedem, l-ebda qaddis minnu nnifsu qatt ma kellu s-saħħa jimita lil Kristu. Kristu ġie sabiex jiżra’ fina din l-Imħabba għax din l-Imħabba trid tiġi minn barra minna.  Ħadd mhu kapaċi jħobb b’dan il-mod imma min jitwieled mill-ġdid, iva.  Min jemmen fi Kristu u jinagħtalu l-Ispirtu tiegħu rebbieħ fuq il-mewt, iva, kapaċi jħobb f’dan il-qies, mhux bis-saħħa tiegħu imma b’dik ta’ Kristu li tibda tgħammar fih.

 

Għalhekk il-Mulej jistenna mingħandi ħaġa waħda u sempliċi: li ninduna li hemm bżonn nikkonverti biex ikolli dan it-Teżor.  Hemm bżonn “nimxi” lejn din l-Imħabba, interraq lejn Art ġdida.  Hemm bżonn nammetti b’umiltà li jien m’inix kapaċi nobdi l-Liġi tal-Ħajja.  Imma kuraġġ!  Ġesù huwa Spirtu li jinagħta.  Jekk trid tista’ tħobb f’dan il-qies, dejjem jekk jiġi jgħammar Kristu fik!  Mhux li kien li jkollna x-xorti ngħidu ma’ San Pawl: “Mhux jien li ngħix imma Kristu jgħix fija.”  Għax jekk Kristu jgħix fina, allura iva, mingħajr ma jkollna biex niftaħru, inkunu nistgħu inħobbu kif iħobb Kristu, jiġifieri lil Alla l-ewwel u qabel kollox, bis-serjetà, u lill-proxxmu tagħna daqs kemm inħobbu lilna nfusna.  Ta’ barra minn hawn?  Iva!  Imma Alla hu ta’ barra minn hawn u anke l-Grazzja tiegħu.

 

Versett: Hallelujah.  Ishru u kunu lesti, għax ma tobsruha qatt is-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  12, 28-34.

 

F’dak iż-żmien: Wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”  U Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’, Israel: Il-Mulej, Alla tagħna, huwa biss il-Mulej, u int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.  U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.  M’hemmx kmandament ieħor aqwa minn dawn.”

 

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem: għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li m’hemmx ieħor ħliefu.  Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.”  Ġesù, meta ra kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta Alla.”

Last Updated ( Monday, 02 November 2015 )
 
< Prev   Next >