Sunday, 22 October 2017
           
Home
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2015) L-IMPORTANTI L-KONVERZJONI PERSONALI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 November 2015

Din hija il- Liturgija tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

model-temple_fjenkins_120609_56sm2.jpg
 It-tempju ta' Gerusalem

 

Huwa veru li l-Fidi ta’ kull wieħed trid tidher mill-opri li nwettqu għax il-Fidi li ma tagħtix frott f’ħajja tajba ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu hija Fidi mejta.  Meta sid il-għalqa, fil-parabbola ta’ Ġesù, mar ifittex il-frott f’siġra kollha weraq għal sena, sentejn, tlieta, u ma sabx ordna li tiġi maqlugħa biex ma tkiddx l-art.  Għal kull wieħed u waħda minna hemm Pjan ta’ għemejjel tajba li aħna biss nistgħu nagħmlu, għemejjel merfugħa għalina.  Jekk il-Magħmudija tagħna tibqa’ ċkejkna, jekk il-Fidi tagħna tibqa’ ma tikbirx, allura dawn l-għemejjel jintilfu u ma jsirux.

 

Imma ħafna drabi dawn l-għemejjel tal-Fidi li l-Missier kiteb fuq isimna mhumiex xi affarijiet ta’ barra minn hawn.  M’aħniex se naqilbu d-dinja jew inġeddu l-Knisja bl-isforzi tagħna!  Imma jekk f’qalbna għandna mħabba lejn il-Mulej li tissarraf fi mħabba lejn il-proxxmu, aħna nagħmlu dawk l-għemejjel umli, ċkejknin, imma li huma bżonnjużi.  L-għemejjel ċkejknin ta’ kotra ta’ nies jippermettu lil Alla jwettaq ħwejjeġ kbar bihom. 

 

L-iktar ħaġa mportanti mhux li noqogħdu nkejlu x’għamilna, għax malajr ninqdew b’dawn l-affarijiet qaddisa biex nidinbu flok nitqaddsu għax insiru suppervi u niġġudikaw lil ħaddieħor.  Biex iħarisna minn dan, il-Mulej, ħafna drabi, ma jħalliniex naraw it-tajjeb li nwettqu.  L-importanti hu li qalbna tikkonverti xi ftit kuljum; li nikbru xi ftit kuljum fil-Fidi; li l-Magħmudija tagħna ma tibqax rit li sar darba imma l-ilma tagħha jsir dagħbien fejn jegħreq il-bniedem il-qadim tad-dnub.  Kollox bi Grazzja.  Mingħajr Grazzja, xejn.  Kollox xogħol Alla.  Huwa Hu l-fuħħari li minn ċappa tafal bla sura jagħmel minna vażun tant sabiħ.  Imma Hu ma jisforza lil ħadd.  Billi hu Mħabba Hu ma jaħdimx fina mingħajr l-“Iva” tagħna, l-istess kif ma ħadimx f’Marija mingħajr l-“Iva” tagħha.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-profeta ta’ Alla ġie salvat mill-mewt minn mara umli, fqira u fuq kollox pagana li lanqas biss ma kienet tagħmel parti mill-poplu ta’ Alla.  Għandha bagħtu Alla lil Elija.  Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ imma lejn il-qalb.  Anke Ġesù sab wieħed mill-ikbar eżempji ta’ Fidi sempliċi f’waħda mara barranija li ġiet titkarrab mingħandu l-fejqan għal bintha.  Sikwit ir-reliġjożità tagħna, tiegħi l-ewwel wieħed, tkun biss qoxra pulita minn barra, imma x’ħin tagħfas b’sebgħek jibqa’ dieħel għax ġewwa kollox vojt.  Fidi taparsi!  Reliġjożità finta.  Kultura minn barra.  Għadda ż-żmien ta’ dan kollu.  Riesaq żmien fejn il-Fidi trid tkun pruvata fin-nar u dan mad-dinja kollha.  Diġa ħafna qegħdin ixerrdu demmhom għal Kristu u f’inħawi fejn konna naħsbu li l-Knisja hi fqira, ċkejkna, f’minoranza... fejn ma jeżistux knejjes kbar u sbieħ u fejn il-Knisja m’għandhiex ġid ħlief il-Fidi... Knisja barranija bħal din l-armla ta’ Sarefta.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  17, 10-16.

 

F’dak iż-żmien: Il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta.  Kif wasal ħdejn il-bieb tal-belt kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab.  Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob!”

 

Hi u sejra, Elija reġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idejk!”  Hja wieġbet: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarr u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli.  Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nhejji xi ħaġa għalija u għal ibni, u mbagħad nikluha u mmutu.”

 

Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għidtli; imma l-ewwel agħmel ftira żgħira għalija u ġibhieli.  Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Israel: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.”

 

Dik marret u għamlet kif qalilha Elija.  Damu jieklu għal żmien, hi, hu u binha.  U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

 

Salm Responsorjali

 

Ħafna drabi naħsbu li Alla jrid jeħdilna xi ħaġa u għalhekk nibżgħu minnu u nfittxu li nagħmlu r-rieda tagħna u mhux tiegħu.  Kemm nies jiddarsu x’ħin tistedinhom biex ifittxu l-Mulej bis-serjetà għax għandhom karikatura kerha ta’ Alla f’moħħhom.  Għalihom Alla hu Dak li jgħidlek agħmel hekk u tagħmilx hekk.  Liġi u daqshekk. 

 

Alla m’għandu bżonn xejn minn tagħna, anzi għandu x’jagħtina, u kif!  Alla hu teżor u hieni l-bniedem li jsibu.  Dawk li jsibu l-Imħabba tal-Missier murija fi Kristu huma “Ulied is-Sultan” u ma jonqoshom xejn!  Hu veru li jiġu mumenti meta l-Fidi timbuttak biex tirriskja, u kull tant tirriskja kollox, bħal din l-armla li smajna fuqha fl-Ewwel Qari.  Imma x’xorti tajba messitha!  Hi wettqet dak lil qalilha l-bniedem ta’ Alla u sabet il-Ħajja għaliha u għal binha fi żmien meta n-nies kienu qed imutu fit-triq bil-ġuħ wara tliet snin bla xita.  Alla huwa l-uniku li jżomm Kelmtu.  Hu fidil u ma jidħaq b’ħadd.  Hu jwiegħed Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn. Mhux il-Ġenna biss qegħda l-Ħajja ta’ Dejjem, imma din tibda’ ġa minn hawn, għalkemm issib il-milja tagħha fil-Ġenna.  Għax min jitwieled mill-ġdid fi Kristu diġa qiegħed fil-Ġenna. 

 

Kulħadd qed ifittex il-Ġenna, imma l-ingann tal-paganeżmu tad-dinja tal-lum jikkonvinċi lill-bniedem biex ifittex il-Ġenna hawn, fejn kollox qed imut madwaru.  M’hemmx Ġenna fejn il-mewt tiddomina kollox u l-biża’ li tnissel fil-qalb tal-bniedem jaffettwalu u jikkundizzjonalu kulma jagħmel.  Il-Ġenna hi l-post fejn hemm il-Ħajja għal Dejjem u l-bniedem li jsib l-Imħabba ta’ Kristu għalih diġa daħal f’din il-Ħajja għax għandu rebħa fuq il-mewt.  Għandu ċertezza, garanzija li hu mhu se jmut qatt għax Alla hu Missieru u jħobbu b’Imħabba aqwa mill-mewt.

 

Dan kollu mill-ġenerożità tal-Mulej li fuqha jitkellem Salm 145.  Dan is-Salm jagħmel lista ta’ għemejjel materjali li Alla kapaċi jagħmel mal-bniedem, imma li huma xbieha ta’ xi ħaġa ikbar li jagħmel miegħu: il-Miraklu Morali li jfisser il-bidla tal-qalb, il-konverżjoni, ir-rigal tal-Fidi.  Dawn huma aqwa milli wieħed imur jorqod b’sieq waħda u jqum bi tnejn!  Il-konverżjoni tal-qalb hi tassew xi ħaġa kbira li l-bniedem mhux kapaċi jagħmilha.  Alla biss hu l-awtur ta’ dawn l-affarijiet u għalhekk li min jesperjenzja l-konverżjoni vera għandu qalbu tbaqbaq bi gratitudni u radd il-ħajr lejn il-Mulej għax fiH sab dak li dejjem fettex għalxejn band’ oħra.

 

Ritornell:  Faħħar, ruħ tiegħi, ’il Mulej.

 

Salm 145

 

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,

Jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

Jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej jeħles ’l-imjassrin.

 

Il-Mulej jiftaħ għajnejn ’il-għomja.

Il-Mulej jerfa’ lill-milwijin,

Il-Mulej iħobb ’il-ġusti.

Il-Mulej iħares ’il-barranin.

 

Il-Mulej iżomm l-iltim u l-armla,

Imma triqat il-ħżiena jħarbathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem,

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 

It-Tieni Qari

 

Inkomplu naqraw l-Ittra lil-Lhud li hija bbażata ħafna fuq it-tradizzjonijiet liturġiċi tal-Lhud u li tpoġġilna quddiemna lil Kristu bħala l-Qassis il-Kbir, is-Saċerdot li jidħol għal dawk li jemmnu fiH quddiem il-Missier.  Il-qassis il-Kbir tal-Lhud kien jidħol fis-santwarju, fejn hu biss seta’ jidħol, bid-demm tal-annimali li jkunu ġew maqtula bħala tpattija għad-dnubiet tal-poplu.  Dan kollu Alla kien ordna lil Mosè biex jagħmlu mingħajr ma Mose’ kien jaf eżatt xi jfissru dawn ir-riti, u lanqas il-Lhud l-oħra.  Kienu biss xbiha minn qabel ta’ dak li ġie jwettaq fid-dinja l-Messija.

 

Il-Messija ma ġiex hawn biex iwaqqaf xi Saltna politika; lanqas ġie biex jeħles politikament lil xi ħadd.  Il-moħħ ta’ Alla jaħseb lil hemm minn tagħna u Hu jaf li l-problema tal-bniedem tinsab f’qalbu u mhux barra minnu.  Mhux il-politika li ssalva imma l-Fidi. Liema Fidi?  Li Alla jeżisti tassew; li jħobbok ħafna iktar milli qatt tista’ tifhem int;  li offra lil Ibnu stess u ma ħafirhilux biex ipatti hu, u mhux l-annimali, għal-ħtijiet tiegħi u tiegħek.  Id-dnubiet tagħna kollha ġew maħfura fi Kristu!  Jien u int nistgħu, illum stess, nidhru għal kollox ġusti quddiem it-tron tal-Missier, jekk nemmnu f’dak li għamel għalina l-Missier.  Dan hu l-qofol tal-Ittra lil-Lhud: Kristu mhux biss jiddefendina, jidħol għalina u jgħid lill-Missier “Dawn ma jafux x’inhuma jagħmlu”, imma joffri Demmu stess b’sagrifiċċju ta’ tpattija għalina.  Imma biex ngħarfu l-kobor immens ta’ din l-opra ta’ Kristu irridu ngħarfu wkoll id-dnub tagħna qabel.  Għax min jaħseb li ftit għandu bżonn jinħafirlu, ftit se jħobbu lil Kristu.  Imma min jaf li kbir huwa d-dnub tiegħu u kbira hija l-maħfra li tħassru, allura dan se jħobb ħafna lil Kristu.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  9, 24-28.

 

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin, li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal saħansitra fis-sema, biex issa jidher għalina quddiem Alla.  U anqas daħal hemm biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu, bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ta’ ħaddieħor.  Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.

 

Imma issa deher biss darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu.  U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss – u wara dan isir il-ġudizzju – hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet ta’ kulħadd, għad jerġa’ jidher darba oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva ’l dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

 

Evanġelju

 

Min jaf kemm-il darba l-Fidi tinstab moħbija, ċkejkna u bla daqq ta’ trombi!  Dik il-mara li ħajjitha kollha ġewwa tieħu ħsieb lil żewġha f’qiegħ ta’ sodda, l-istess żewġha li ma kienx irrispettaha meta kien fl-aqwa tiegħu.  Jew dak il-bniedem fil-Lvant Nofsani li ma jgħaddix mingħajr il-Quddiesa u li jaf li jekk imur qed jażżarda bil-kbir għax il-knejjes qed ituru waħda wara l-oħra bil-bombi.  U tant eżempji oħra.  Dawn huma nies li qatt m’huma se jiġu kkanoniżżati imma huma l-ħajja tal-Knisja.  Bihom iżżomm il-Knisja minn ġenerazzjoni għall-oħra u mhux bl-organizzazzjoni jew elf ħaġa li jivvinta l-bniedem.

 

Alla jifli l-qalb!  Hu jitgħaxxaq biċ-ċokon tal-umli l-istess kif itgħaxxaq biċ-ċokon tal-Fidi kbira ta’ Marija.  Il-bniedem jimpressjona ruħu bl-istorbju, bl-għajat, bir-reklami, bis-suċċess.  Imma lil Alla ssibu fil-ġenb, fl-imwarrab, fil-fqir fl-ispirtu, f’dak li ħajtu mimlija fallimenti.  Hemm issib lil Alla!  Kemm nies imdawlin marru joqogħdu ħdejn nies batuti biex ikunu fil-preżenza ta’ Alla!

 

L-armla tal-Vanġelu, fis-skiet, bla ħadd ma nduna, bla ma qalgħet il-prosit, irriskjat kollox f’Alla.  Tat kollox lil Alla bla ħadd ma nduna.  Għaliha kien iktar minn biżżejjed li Dak li hi ħabbet induna.  X’għaġeb meta bniedem jirriskja kollox fis-skiet u jagħmel esperjenza kbira ta’ Alla, esperjenza moħbija imma kbira.

 

Versett: Hallelujah. Ishru, u itolbu l-ħin kollu, biex tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-bniedem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  12, 38-44.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù kien qiegħed igħallem u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu.  Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”

 

Ġesù kien qiegħed biswit it-Teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-Teżor.  Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna.  Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet milleżmi.

 

Hu sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-Teżor.  Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

 
< Prev   Next >