Saturday, 16 December 2017
           
Home
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2015) IL-MULEJ GEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 13 November 2015

Din hija il- Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus-returns.jpg
 Gesu lura fl-ahhar tad-dinja

In-Nisrani huwa l-bniedem li jistenna.  Fil-qies tal-Fidi tagħna, nistennew b’ħerqa.  X’nistennew?  Il-Miġja tal-Messija.  Hemm tipi differenti ta’ Miġja, ta’ żjara, ta’ passaġġ tal-Mulej f’ħajjitna.  Jekk il-Mulej huwa fiċ-ċentru ta’ ħajtek, int tistennih ġej; l-ispirtu tiegħek jokrob imqar għal jum wieħed tiegħu.  Il-fqar fl-Ispirtu, l-anawim tal-Mulej, huma dawk li huma l-aktar imħejjija għall-Miġja ta’ Kristu f’ħajjithom.  Huma dawk li ġew magħmula fqar mill-fallimenti, l-umiljazzjonijiet, it-tiġrib, is-slaleb li bihom saffihom il-Mulej.  Huma dawk li m’humiex marbutin mal-frugħa, mal-istorbju, mal-bluha li tgħaddi tad-dinja.  Il-fqar fl-ispirtu huma dawk li ġew imneżża’ mill-pretenzjonijiet giddieba u tad-daħq ta’ ħafna mill-bnedmin.  Huma dawk li għarfu l-verità fuqhom infushom: indunaw li għalihom, jew iżurhom il-Mulej fil-ħniena tiegħu jew il-ħajja ma fihiex sens.

 

Dawn in-nies jixxennqu għal waħda mill-mogħdijiet tal-Mulej fl-Istorja tagħhom.  Kif diġa għidna, hemm tipi differenti ta’ żjarat tal-Mulej.  Hu jżur lil dawk li għandhom l-għatx għalih f’xi mument diffiċli tal-ħajja biex jagħtihom l-esperjenza meraviljuża tal-Għid, rebħa fuq xi mewt li tkun theddidhom, ħelsien minn xi sitwazzjoni fejn il-bniedem isib ruħu dahru mal-ħajt.  Din tkun esperjenza li l-bniedem ma jinsiha qatt, Memorjal dejjiemi għalih li fuqu jibni l-Fidi tiegħu.

 

 

Imma hemm Miġja oħra, Ritorn tal-Mulej Ġesù li għalih tixxennaq il-Knisja.  Fl-aħħar Ħdud tas-sena liturġika u fl-ewwel tnejn tal-Avvent, il-Knisja tikkonċentra l-attenzjoni ta’ mħabba tagħha fuq ir-Ritorn ta’ Kristu fl-aħħar jiem, il-Parusija tiegħu, meta l-Messija għandu jerġa’ jiġi fid-dinja, mimli glorja u rebħ.  Ikun it-tmiem tat-taħbit għall-Knisja f’did-dinja.  Ħafna jibżgħu b’mod naturali mid-diskorsi tat-tmiem id-dinja.  L-immaġinazzjoni tal-bniedem hi ħafna fertili dwar x’jista’ jiġri.  Ix-xjentisti skoprew li l-pjaneta tagħna diġa għaddiet minn diversi taqlibiet enormi li fihom kemm kemm baqgħet teżisti l-ħajja fuq l-art, per eżempju meta sparixxew ir-razez tad-dinosawri miljuni ta’ snin ilu. 

 

Il-bniedem jistkenn minn dan kollu billi jgħid li l-aħħar tad-dinja mhux se jseħħ fi żmienu.  Il-fatt jibqa’ li kulma hawn madwarna huwa mmarkat mill-korruzzjoni.  Kollox jgħaddi.  Kollox qiegħed imut u tmiem id-dinja għalih jiġi mal-mewt.  In-Nisrani li kiber fil-Fidi dan ma jdejqux.  Anzi n-Nisrani huwa mmarkat minn xi ħaġa stramba li jsejħulha “l-Eskatoloġija”.  L-Eskatoloġija hi l-ħsieb dwar it-tmiem ta’ kollox, il-ħarsa lejn l-aħħar jiem, jekk mhux tad-dinja, tiegħek.  Huwa suġġett li jidher iswed, makabru u negattiv għall-aħħar.  Id-dinja warrbitha l-Eskatoloġija u tgħid li tkun moħħok marid jekk toqgħod taħseb fuq il-mewt tiegħek jew it-tmiem tad-dinja.  Għall-kuntrarju, xi qaddisin huma rrappreżentati fl-arti b’ras ta’ mewt maġenbhom, u dawn ma kinux nies morda b’moħħhom, anzi!  Kienu nies li għalihom it-tmiem kien pożittiv mhux negattiv.  Sabu ħelsien tant kbir li l-mewt ma kinitx tbeżżagħhom iktar, li d-diżappunti, l-fallimenti, il-persekuzzjonijiet ta’ hawn ma kinux itellfulhom iktar is-sliem tagħhom għax kienu jħarsu lejn it-tmiem ta’ kollox u l-bidu ta’ xi ħaġa aqwa, isbaħ, iktar dejjiema.  Kienu jżommu ras ta’ mewt għax il-mewt kienet mirbuħa, Kristu kien rebaħha għalihom.  Ma kinitx għadha l-monstru li jwerwer lill-bniedem imma l-ħabiba li kellha taqbadhom minn idejhom biex twaħħadhom għal dejjem mal-Għarus li dejjem ħabbhom.  Mhux ta’ b’xejn Franġisku ta’ Assisi kien isejħilha: “Oħti l-Mewt”.

 

L-Ewwel Qari

 

Lil Danjel nistgħu insejħulu l-Profeta tal-Eskatoloġija, il-Profeta li l-aktar li ħabbar dwar it-taqlib tal-aħħar jiem.  Huwa bata ħafna minħabba d-dehriet li l-Mulej urih dwar dak kollu li kellu jiġri lill-Poplu tiegħu kif ukoll lid-dinja.  Għalhekk il-qari li għandna jiftaħ bil-kliem: “F’dawk il-jiem, jien, Danjel, bdejt nibki.”  Saħħtu kienet tħallih quddiem dak li kien jiġi muri lilu.  Imma l-Mulej kien jgħidlu u jerġa’ jgħidlu: “Tibżax!  Int bniedem għażiż!”  Dan l-istess kliem il-Mulej jgħidu lin-Nisrani quddiem il-biża’ tal-mewt fiżika u anke quddiem il-ħsieb tal-aħħar tad-dinja.  “Tibżax, int speċjali, int emmint f’Ibni, int għażiż għalija.  Lanqas xagħara waħda minn rasek ma tintilef.  Anzi dan hu żmien ir-rebħa għalik; żmien it-tmiem għal taħbitek u d-dħul fil-glorja.”

 

Hemm ktieb li jismu “l-Ktieb tal-Ħajja” li fuqu hemm miktuba l-ismijiet ta’ dawk kollha li ħabbew lill-Mulej, li fettxew li jikbru fl-Għerf tiegħu, li jgħarfu dejjem iktar kemm ħabbhom il-Missier meta bagħtilhom lil Ibnu.  Dawn huma n-nies li għamlu l-almu tagħhom kollu biex jgħixu fir-Rieda ta’ Alla, mhux bi sforż jew biex jobdu l-Liġi, imma għax ħabbew kemm lil Dak li ħalaqhom u fdihom, kif ukoll lill-proxxmu ta’ madwarhom.  Dawn huma n-nies li ġarrew fihom, bħal f’ġarra dgħajfa tal-fuħħar, l-Ispirtu ta’ Ġesù.  Huma dawk li għandhom isimhom miktub fil-Ktieb tal-Ħajja u huma mmarkati għal Ħajja ta’ Dejjem.  Huma ma jibżgħux mill-mewt, lanqas mill-aħħar tad-dinja u lanqas mill-ġudizzju.  Anzi San Ġwann l-Evanġelista jażżarda jgħid li aħna li emminna fi Kristu diġa għaddejna mill-Ħaqq u diġa dħalna fil-Ħajja għal dejjem ġa minn hawn.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Danjel.  12, 1-3

 

F’dawk il-jiem, jien, Danjel, bdejt nibki, u smajt lill-Mulej jigħidli: “F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ li qatt ma jkun deher ieħor bħalu min mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien.  Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb.  U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem, u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.

 

Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.”

 

Salm Responsorjali

 

Ġesù, darba, lill-appostli tiegħu qalilhom: “Tifirħux li x-xjaten joqogħdu għalikom.  Iktar għandkom tifirħu li għandkom isimkom miktuba fil-Ktieb tal-Ħajja.”  Dan il-kiem misterjuż kellhom jifhmuh aktar tard, wara l-Pentekostè meta ġew mixgħula bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Li tkun immarkat minn Alla, li jkollok ismek imniżżel fil-Ktieb tal-Ħajja jfisser ikollok garanzija, serħan il-moħħ totali, “assurance” fil-Mulej li int ġejt salvat għal dejjem minn Kristu fuq is-salib u dan il-fatt jixhidulek l-Ispirtu s-Santu ġewwa fik.  Minħabba dan l-Ispirtu Qaddis, int issejjaħ lil Alla: “Abba, Missier!”  Pa!  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jixhidlek li int għażiż u prezzjuż f’għajnejn Alla għax tiswa d-Demm Qaddis ta’ Ibnu!  Imma dan kollu hu merfugħ ġo ġarra tal-fuħħar, kif diġa għidna.  Teżisti l-libertà tal-bniedem għax l-Imħabba ma tafx tisforza lil ħadd.  Jien nista’ nibgħat din ix-xorti hienja tixxejjer minħabba xi ħmerija li ppjanajt f’din id-dinja tad-dlamijiet u fallietli, u, minħabba f’hekk, niksirha mal-Mulej.  Il-wirt jibqa’ miktub f’ismi, imma jien inwebbes qalbi u ma mmurx niġbru.  Xi traġedja!  Kif jista’ jkun li l-bniedem jagħma tant?  Jista’ jkun għax din il-ħaġa tiġri, u tiġri sikwit.  Kbira hi s-suppervja tagħna meta l-qalb tibbies.

 

Salm 15 ipoġġi kliem ħelu fuq fomm in-Nisrani: “Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija!”  Dan hu tassew il-wirt tal-għaġeb li ma jittikilx mis-sadid u l-kamla, li hu etern u l-uniku li jimla l-vojt ta’ qalb il-bniedem.  Kemm aħna boloh ninħlew fuq wirt id-dinja li tgħaddi!  Kemm aħna stupidi li ma nħabblux rasna fuq il-wirt tal-Missier li hu Ibnu Ġesù Kristu, għax moħħna għejjien bl-inkwiet tal-wirt tal-ġenituri!  Kemm hi kbira l-aljenazzjoni tad-dinja!  Tqarraq bina, u nafu, u nindunaw, imma aħna nkompli nitqarrqu u nħallu lil min iqarraq bina.  Tant nies li jixjieħu u joqorbu lejn is-sodda tal-mewt u ma jafux għalfejn għexu... jaraw kulma għamlu bla sens.  Sadanittant f’isimhom kien hemm wirt tal-għaġeb li huma semgħu bih imma ma apprezzawhx u ma marrux ifittxuh biex jakkwistawh.

 

Hienja dawk li jfittxu l-Mulej, dawk li f’qalbhom jgħidu: “Il-Mulej biżżejjed!”  Ruħhom tifraħ u qalbhom tithenna u l-ġisem jistrieħ fil-kwiet u s-sliem għall-ħsieb biss li għandhom isimhom miktub fil-Ktieb tal-Ħajja għax fettxew li jgħarfu l-Imħabba tal-Missier għalihom murija fi Kristu Ġesù. Dan hu l-milja tal-ferħ, l-għaxqa għal dejjem fil-lemin ta’ Alla.

 

Ritornell: Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.

 

Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija,

Inti żżomm f’idejk xortija.

Dejjem quddiemi żammejt ’il-Mulej,

Għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt.

 

Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi,

U ġismi jistrieħ bil-kwiet.

Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,

Ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir.

 

Inti turini t-triq tal-ħajja,

Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

Hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek.

 

It-Tieni Qari

 

Salm 15 li għadna kif smajna huwa Salm paskwali, li għandu x’jaqsam mal-Għid għax is-salmista juri ċ-ċertezza tiegħu, il-garanzija, l-“assurance” li Missieru ma kienx se jħallih imut u jispiċċa għal dejjem.  L-Imħabba ta’ Alla għalija u għalik ma tmut qatt.  Alla hu Mħabba u l-Imħabba tiegħu hi għal dejjem mhux għal sittin, sebgħin tmenin sena jew inqas. Jekk aħna l-oġġett tal-Imħabba ta’ Alla li ssagrifikat ruħha sal-mewt fuq salib, mela aħna se nirbħu fuq il-mewt u se ngħixu għal dejjem għax Alla ma jħobbx it-trab ta’ ġol-qabar.  Dan hemm bżonn ngħiduh u nerġgħu ngħiduh għax għalkemm ħafna jgħidu li jemmnu f’dan, il-fatt li nitwerwru quddiem il-mewt li riesqa jista’ jkun frott ta’ nuqqas ta’ Fidi.

 

Is-Salm qalilna: “Int ma tħallix ruħi fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir.”  Dan għandu jimlina bil-faraġ u b’ħerqa biex niltaqgħu mal-Mulej lil hinn mill-mewt.  Aħna l-qaddisin tal-Mulej, l-imsejħin tiegħu, l-aħwa li għandna isimna miktub fil-Ktieb tal-Ħajja.  Dan mhux għax aħna aħjar minn ħaddieħor jew għax jitħoqqilna imma għax fdiena Kristu bl-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier.  Il-qari mil-Lhud se jgħidilna li Hu, b’offerta waħda, għamel perfetti għal dejjem lil dawk li hu jqaddes.  Min huma dawn?  Huma dawk il-bnedmin, kotra bla għadd, li emmnu u qed jemmnu li Kristu hu l-Iben ta’ Alla, li Hu huwa Alla, li Hu ġie biex fuq is-salib jagħti lilu nnifsu bħal Ħaruf bħala tpattija għad-dnubiet tagħna.  Din il-Fidi hi Grazzja, rigal ta’ Alla.  Hawn ħafna li qatt ma messew ma din il-Fidi.  Ħafna oħrajn messew magħha, semgħu it-tħabbira tagħha imma ma mmarkathomx.  Kulħadd huwa ħieles jagħti l-“Iva” tiegħu quddiem it-tħabbira ta’ din l-Imħabba hekk kbira.

 

Mhux biss patta għalina, ħasilna b’demmu u akkwistalna wirt li ma jintemm qatt fil-Ġenna, imma Kristu jinsab fuq il-lemin tal-Missier jidħol għalina issa stess waqt li juri l-pjagi tiegħu lill-Missier.  Jekk nemmnu dan kollu fuq Kristu, Hu jagħtina l-Ispirtu tiegħu li jgħidilna u jerġa jgħidilna fil-profond tagħna li aħna se ngħixu għal dejjem.  Minn hawn tinbet l-Eskatoloġija, li nħarsu ’il quddiem lejn it-tmiem ta’ kollox, anke lejn it-tmiem ta’ ħajjitna hawn, bil-kuraġġ, b’konvinzjoni li Alla hu fidil.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  10, 11-14. 18

 

Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu u joffri u jerġa’ joffri l-istess sagrifiċċji li ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet.  Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh.  Għax hu, b’offerta waħda, għamel perfetti għal dejjem ’il dawk li hu jqaddes.  Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet m’hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

 

Evanġelju

 

Kif nafu li l-aħħar tad-dinja għad iseħħ żgur?  Għax Kristu kien ċar fuq dan.  Ix-xemx għad tiddallam u l-qamar jitlef id-dija tiegħu u l-kwiekeb għad jidhru qed jaqgħu fis-sema, u dan nemmnu fih għax qalu Kristu.  Imma n-Nisrani ma jibżax f’dak il-jum għax Kristu qal li fil-qalba ta’ dan kollu għad jidher Hu fil-Parusija tiegħu, fit-Tieni Miġja tiegħu, biex jiġbor il-maħturin tiegħu, dawk li kienu emmnu fih, mill-erbat irjieħ tad-dinja.  Jiġborhom biex jeħodhom miegħu igawdu l-Ġenna għal dejjem, il-post li dwaru San Pawl jgħidilna, li għajn qatt ma rat, u widna qatt ma semgħet dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh. 

 

Kuraġġ!  Ħwejjeġ kbar u sbieħ hemm jistennewna minħabba l-merti li kiseb għalina Kristu!  Min qatt jista’ jqis il-wirt enormi li kiseb għalina l-Mulej fuq l-altar tas-salib?  Min qatt jista’ jħallsu lura?  Kif ma nħobbuhx b’qalbna kollha meta niskopru kemm ġeneruż kien Alla magħna!  Kemm huma ċkejkna u bla mportanza l-mexxejja, l-għorrief u l-għonja ta’ did-dinja!  X’jistgħu qatt jagħtuna li jħabbatha ma’ dak li għandu lest għalina l-Mulej, ikun imbierek Ismu!

 

Versett: Hallelujah.  Ibqa’ fidil sal-mewt, igħid il-Mulej, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.  Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  13, 24-32

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.  Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.  Imbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbru flimkien ’il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf sa tarf is-sema.

 

Tgħallmu din il-parabbola mis-siġra tat-tin.  Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib.  Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.  Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu.  Is-sema u l-art igħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.  Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.”

 
< Prev   Next >