Saturday, 16 December 2017
           
Home
L-AHHAR HADD MATUL IS-SENA (2015) KRISTU TASSEW SULTAN TA’ KOLLOX? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 November 2015

Din hija il- Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

is.jpg
                           Kristu Sultan

 

Meta s-slaten u l-irġejjen kienu għadhom moda, u tista’ tgħid kull pajjiż kellu xi re jew reġina, kien mod naturali għall-Knisja li tlibbes b’dan l-unur il-figura tas-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu.  Din hija ideja anke biblika għax jekk Kristu kienx Sultan jew le kien is-suġġett tad-diskors bejn Kristu u Pilatu ftit sigħat qabel l-għotja tiegħu fuq il-Kalvarju. Infatti Kristu ddefenda t-titlu li hu kien Sultan; ma ċaħdux imma kkwalifikah, fissru.  Hu qal li ma kienx Sultan ta’ din id-dinja.  Naturalment, Pilatu ma fehmux, bħalma ma fehmuhx l-appostli u anke dawk ta’ kontrih.  Infatti l-akkuża mdendla fuq rasu fuq is-salib kienet li hu ried jagħmel lilu nnifsu sultan minflok Ċesari.

 

Illum is-slaten ftit li xejn għadhom moda u nistaqsu:  “Għad għandu sens meta  nagħtu dan it-titlu lil Kristu?”  Għandu u kif!  Sultan huwa dak li jikkmanda u jiddomina kollox, fil-kas ta’ Kristu, l-ħolqien kollu.  Il-Knisja temmen u tiċċelebra l-fatt li bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, bir-rebħa tiegħu fuq l-ikbar għadu li għandu l-bniedem li hi l-mewt, Kristu hu tassew Sultan u Sid ta’ kollox.  Imma l-Knisja wkoll tistedinna li nirriflettu sewwa u b’sinċerità fuq dan u anke npoġġu mistoqsijiet li jinkwetawna u jittentaw il-Fidi tagħna.  Kif inhi din li Kristu huwa Sultan ta’ kollox, anke Sid l-Istorja, jikkmanda l-Istorja, jwassal l-Istorja tal-bniedem u tiegħi personali fejn irid Hu?  Għax jekk inħares madwari ma narax ħlief straġi u taħwid  fid-dinja, waqt, li,ngħiduha kif inhi, anke l-Istorja personali tagħna tgħaddi minn ħafna twegħir, inkwiet, inċertezzi u kull tant anke traġedji.  Issa jekk Kristu huwa Imħabba, fejn hi l-preżenza tiegħu f’dan kollu?  Jew hu Sultan li tilef il-kontroll bħalma ħafna drabi kien jiġrilhom is-slaten tad-dinja?

 

Hu tajjeb li nagħmlu mistoqsijiet li jolqtu profondament il-Fidi tagħna, għax b’hekk biss tista’ timmatura.  Imma ġara wkoll li quddiem dawn il-mistoqsijiet, ħafna tilfu l-Fidi.  Kristu huwa Sultan li jħaddan miegħu is-Salib!  Iħaddan miegħu dak l-istrument li ġagħlu jbati u għaddih minn dik li kienet tidher it-telfa totali tiegħu.  Huwa jħaddnu miegħu bħala trofew, bħalma team tal-football jgħolli t-tażża li jkun rebaħ.  Għax għal Kristu m’hemmx Ħajja u Qawmien u Rebħa mingħajr il-mewt fuq is-Salib.  Din hi l-unika verità li timmarka l-kosmos, anke jekk id-dinja tibża’ minn din ir-rejaltà u taħrabha, waqt li toħlom b’suċċess biss, bi glorja mingħajr tbatija li hi gidba, bħalma gidba huma l-kożmetiċi li n-nisa jdellku ma wiċċhom biex jisbieħu, imma li jisparixxi b’daqsxejn ilma u tideher imbagħad il-verità.  Id-dinja temmen bil-‘cosmetics’ u l-ekonimija tagħha fuq dawn hi bbażata.  Ixtri u armi!  It-triq tar-rebħa vera hi t-triq tal-Għid li tgħaddi mill-esperjenza miżerabbli u terribli tal-Ġimgħa l-Kbira għat-twelid ġdid maż-żerniq tal-Għid il-Kbir.  Dan hu proċess li jseħħ f’ħajjitna, forsi f’qies iżgħar, imma kultant f’qies kbir ukoll.  Imdawlin mir-rebħa ta’ Kristu, nistgħu nimxu din it-triq b’Tama ħajja li r-rebħa finali hi garantita għax hu fil-falliment komplet li niskopru r-rebħa tas-Sultan il-Kbir.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Profeta Danjel jara x-xbiha tal-Messija riesqa, dak li Iżrael kien ilu jistenna u jistenna.  Imma d-dehra tal-profeta kienet tmur ferm lil hemm mit-tama ta’ Iżrael.  Kulma ried Iżrael kien Sultan li jneħħilu l-problema tal-ħakkiema barranin; li jagħtih glorja umana, materjali, li tispiċċa mal-mewt.  Imma dan is-Sultan li jara Danjel hu Sultan tal-ġnus kollha li jiddomina saħansitra l-mewt għax Saltnatu hi bla tmiem.  Iżrael ma għarafx liema hi l-problema vera ta’ kull bniedem.  Il-politika fixklitu, bħalma tfixkel tant nies.  Il-politika tagħmel ħafna ġid meta tkun għas-servizz veru tal-bniedem, imma l-frott tagħha huwa limitat għal ħwejjeġ materjali u l-bniedem mhux materjali biss imma wkoll, b’mod qawwi u ovvju, spiritwali wkoll.

 

Il-problema kbira tal-bniedem mhux jekk għandux x’jiekol u jilbes, anke jekk din hi problema serja.  Problema ikbar hi dik li jġorr ġewwa fih fejn il-politika u l-ġugarelli li nixtru ma jinfiltrawx.  Il-problema tal-bniedem hi l-biża’ tal-mewt.  Il-bniedem huwa esseri li riesaq kuljum lejn il-mewt u din ir-rejaltà tifnih.  Kristu huwa Sultan fuq il-mewt għax rebħilha fil-Qawmien.  Giddibha.  U x-xhieda li dan hu minnu hi li kull min jemmen fih, jemmen fih tassew, tinagħtalu din ir-rebħa fuq il-mewt.  Imma dan mhux tisimgħu trid int, imma ġġarrbu.  Jien ngħidlek li Kristu huwa Sultan qawwi biżżejjed biex din ir-rebħa fuq il-mewt ma tibqax biss paroli f’ħajtek, teorija xotta, imma ssir rejaltà, verità.  Anke int, b’xi mod issir Sultan.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel.  7, 13-14

 

Bil-lejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu.  U lilu ngħatat ħakma, ġieh u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien.  Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu saltna li ma tinqeridx.

 

Salm Responsorjali

 

Danjel ra din il-viżjoni profetika fuq il-Messija, bil-lejl, fid-dlam, li hu simbolu tal-kriżi,  tal-biża’ tal-mewt, tat-theddid ta’ x’jista’ jiġri.  Fil-mument li fih il-bniedem iħossu abbandunat, ekku jidher id-dawl tat-Tama.  Kristu fuq is-Salib kien għal kollox fallut.  Ommu l-Imbierka kienet wieqfa taħt il-forka tiegħu.  Ftakret fil-wegħda ta’ Alla mogħtija lilha mill-Anġlu tant snin qabel: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bil il-Għoli.  Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”  Fejn kienet il-wegħda ta’ Alla issa?  Binha kien fl-aħħar nifs, qed imut bħal kriminal, abbandunat minn kulħadd, mill-Istorja, minn kollox... minn Alla nnifsu.  Marija tibqa’ tittama, bħal Abraham fuq il-għolja ta’ Morija.  Tittama, tittama, tittama. 

 

Huwa meta kollox jidher mitluf li tiddi r-rebħa l-kbira.  Dan hu l-Għid.  In-nisrani huwa l-bniedem tal-Għid.  Hu min għandu din l-esperjenza li jista’ jgħid tassew: “IL-Mulej isaltan fuq kollox, il-kobor libes!”

 

Ritornell: Il-Muej isaltan, il-kobor libes.

 

Salm 92

 

Il-Mulej isaltan, il-kobor libes,

Libes il-Mulej, tħażżem bis-sewwa.

 

Id-dinja fis-sħiħ, ma titħarrikx,

It-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;

Minn dejjem int.

 

Il-kmandamenti tiegħek fis-sod qegħdin;

Qdusija lil darek tixraq, Mulej,

Sa kemm itulu l-jiem.

 

It-Tieni Qari

 

Is-slaten jiġu u jmorru, imma Kristu huwa l-Alfa u l-Omega, il-Bidu u t-Tmiem ta’ kollox.  Għad narawH ġej fuq is-sħab bil-mewt taħt riġlejH.  Huwa hu l-uniku li rebaħ il-mewt u rebaħha b’risq dawk li jemmnu fiH.  Kristu huwa x-xhud ta’ min joqgħod fuqu għax huwa l-biża’ li jġiegħel lill-bniedem jigdeb, imma lejn Kristu ma jersaqx il-biża’ għax hu rebaħ lil omm il-biża’, li hi l-mewt.  Għalhekk hu ta’ min jorbot fuqu.

 

Lil dawk li jemmnu fih għamilhom Saltna ta’ Qassisin, nies bil-Ħajja ta’ Dejjem fihom u li għalhekk jistgħu jinterċiedu għad-dinja quddiem il-Missier.  Din hi l-Knisja.  Lil dawn in-nies Hu naddafhom mid-dnub tagħhom billi xerred demmu għalihom u qalagħlhom ’il barra l-mewt li kienet taħkem fuqhom.  Bi Kristu huma fiequ minn ġewwa u għalhekk jistgħu jinsew lilhom infushom u jinagħtaw għas-salvazzjoni tal-oħrajn. 

 

Din hija l-missjoni tal-Knisja.  L-evanġelizzazzjoni hija l-missjoni tal-Knisja.  Kull ħaġa li topera l-Knisja huwa għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni inkella ma tkunx taqdi l-missjoni tagħha.  Kristu naddafna minn dnubietna u tana l-Ħajja vera biex inwasslu din il-Ħajja lil dawk li huma mejtin.  Dan hu l-uniku ferħ li jeżisti: li twettaq dan is-servizz nobbli u kbir għall-ġid tal-bniedem, hu min hu.  Jekk Nisrani huwa mdejjaq, dan għax mhux iwettaq din il-missjoni, mhux jaħdem għall-evanġelizzazzjoni imma mehdi b’xi ħaġa oħra.  Mhux il-qassisin biss huma msejħa, għax ilkoll kemm aħna aħna qassisin.  Kundiżżjoni waħda hija neċessarja: il-Fidi vera fi Kristu rebbieħ fuq il-mewt.

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  1, 5-8.

 

Ġesù Kristu hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja.  Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Ara, huwa ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh ukoll dawk li kienu nifduh; u razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fik.  Iva.  Ammen!

 

Il-Bidu u t-Tmiem huwa jien, igħid il-Mulej Alla, li kien, u li hu, u li għad irid jiġi, dak li jista’ kollox.

 

Evanġelu

 

Għal kull bniedem li jemmen għad jasal waqt fejn se jkun mitlub jagħti xhieda tal-Fidi tiegħu, jew bil-kliem jew bl-għemil.  Fidi mingħajr xhieda hija Fidi mejta.  Il-Fidi adulta twelled xhieda mingħajr sforzi, anzi b’mod naturali.  Kristu ta xhieda sabiħa quddiem Pilatu.  Huwa qal bla ħabi li tassew kien Sultan.  Ma qagħadx jibża’ jgħid dan quddiem l-iktar wieħed li seta’ jikkastigah għal din ix-xhieda.  Anzi kompla jagħfas u jgħid li hu kien Sultan aqwa minn Ċesri li tiegħu Pilatu kien ir-rappreżentant. Jgħidlu li għalhekk kien twieled biex ikun Sultan, Sultan tal-verità li kull bniedem ifittex.  Pilatu wkoll kien fittex u, naturalment, ma sabhiex, anzi kien sar ċiniku fuqha u lil Kristu jwieġbu: “U x’inhi l-verità?”  Ara kif il-moda moderna li tgħid li l-verità tagħmilha int, taħsibha int, tivvintaha int kienet teżisti anke fi żmien Pilatu. 

 

Imma Pilatu kien jaf ħaġa waħda: l-iktar nies perikolużi ma kinux dawk li jġorru l-armi u jattakkaw is-suldati, imma dawk li jgħidu li għandhom il-verità.  Dawn jattakkaw l-imħuħ u jwelldu rivoluzzjonijiet.  Kemm giddieba għaddew minn din it-triq.  In-Nisrani jaf ħaġa waħda: l-Uniku Sultan tal-verità huwa Kristu. Huwa hu l-Verità.  Barra minn Kristu, kollox hu frugħa u, sikwit, qerq.  Kristu tneżża minn kollox u ma fittex xejn għalih, anzi ta saħansitra ħajtu.  Hu ma ddefendiex ruħu għax kien ħieles mill-biża’ tal-mewt.  Hu għalhekk li jista’ jgħid il-verità. Pilatu xamm li quddiemu kellu xi ħadd li ma kienx bħall-oħrajn, bħal dawk li kienu qed jakkużawh.  Huwa interessanti kif fil-Passjoni, Kristu jkellem biss lil dan il-bniedem li kien lest li jisimgħu.

 

Kristu jagħlaq ix-xhieda tiegħu billi jgħid li kull min iħobb il-verità jisma’ Kelmtu.  X’inhi l-Verità?  Hija li Alla lilek iħobbik hekk kif int, anke jekk jobgħod id-dnub tiegħek.  Anke jekk kull bniedem huwa midneb u egoist, il-Missier ma jħarisx lejna bħala ħżiena iżda bħala lsiera, kostretti nidinbu u niġbdu lejna l-ewwel.  Aħna lsiera għax immarkati mill-mewt, imdawrin biċ-ċirku tal-biża’ tagħha, tal-insigurtà tagħha.  L-orruri kollha li jiġru fid-dinja, l-inġustizzji, il-gwerer, il-mibegħda, dak kollu li jinsulenta lil Alla, kollox hu frott tal-biża’ u l-insigurtà li jgħammru fil-ġewwieni tal-bniedem.  Kien għalhekk li Alla bagħat lil Ibnu biex jitgħabba b’dan kollu u biex bil-mewt tiegħu jikkonvinċi l-bniedem li hu maħbub, maħfur, mifdi, mixtri minn idejn ix-xjaten li jaħkmulu l-mod kif jaħseb, jaġixxi u jgħix.

 

Ħaġa oħra interessanti mmens f’dan il-qari hi meta Ġesù jgħid: “Jien għalhekk ġejt fid-dinja...”  Il-bniedem li jaf għalfejn ġie fid-dinja.  Ħafna ma jafux għalfejn ġew fid-dinja.  Ma ġejniex fid-dinja biex “inqattgħu” iż-żmien.  Hemm pjan misterjuż.  Konna f’moħħ Alla sa minn qabel inħalqet id-dinja.  Kollox u kulħadd kien diġa f’moħħu.  L-Istorja kollha.  Int taf għalfejn ġejt fid-dinja?

 

Versett: Hallelujah. Imbierek min ġej f’Isem il-Mulej!  Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja! Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  18, 33b-37.

 

F’dak iż-żmien: Pilatu qal lil Ġesù: “Inti s-sultan tal-Lhud?”  Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn rajk?  Jew kienu l-oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi?  Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja.  X’għamilt?”

 

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ did-dinja.  Li kieku saltnati kienet ta’ did-dinja, il-għases tiegħi jiġġieldu biex ma ninagħtax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhix ta’ hawn.”  Pilatu qallu: “Mela int sultan?”

 

U Ġesù wieġeb: “Qiegħed tgħid li jien sultan.  Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nuri l-verità.  U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

 

 
< Prev   Next >