Sunday, 25 June 2017
           
Home
L-EWWEL HADD TAL-AVVENT (2015-16) IL-BNIEDEM LI JISTENNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 November 2015

Din hija il- Liturgija  ta' l-ewwel Hadd ta' l-Avvent ( 2015-16)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 
 

Hieni l-bniedem li jistenna ħwejjeġ kbar mingħand il-Mulej.  Il-bniedem li jħares lejn is-sema bħalma l-qaddej iħares lejn sidu, bl-għajnejn tal-qaddejja li tħares lejn sidtha, huwa l-bniedem umli, l-bniedem ‘ċkejken’, li l-Mulej baxxih, tah spirtu fqir, temgħu l-imrar tal-falliment, biex ineżżgħu mill-kburija li kull bniedem jitwieled biha.  Lil dan il-bniedem, id-dinja ssejjaħlu ‘miskin’ u tpoġġih fil-ġenb.  Tħares lejh b’għajnejn superjuri u tistmah ta’ xejn.  Imma min għandu għajnejn spiritwali jara fih il-bniedem li għad jistagħġeb bl-istagħġib tal-‘Mistagħġeb tal-Presepju’, li għad joqmos u jiżfen bil-ferħ li min isib lil Alla biss jaf x’inhu.

 

Lil Iżrael, il-Mulej saffiħ permezz tal-Istorja.  Għaġnu bħalma l-fuħħari jagħġen ċappa tafal iebsa u bla sura.  Għafsu u ramblu sakemm qalbu rtabet bħalma jirtab it-tafal meta jkun niedi sabiex bih ikun jista’ jagħmel biċċa xogħol li tgħammex l-għajnejn.  Minn Iżrael ħareġ fdal fidil, fdal fqir, fdal umli u ċkejken, nies li kienu jissejħu l-“anawim”.  Kienu ftit fin-numru imma bihom ried jaħdem Alla biex iħejji poplu għalih. 

 

 

Dawn kienu l-‘imwarrbin’ tad-dinja, dawk li ħadd ma kien jistenna xejn minnhom.  Huma lanqas kienu jistennew xejn mid-dinja imma kienu jħarsu ’l fuq lejn Dak li kien għamel il-Wegħda l-Kbira tal-Messija.  Dawn il-fqar kienu l-Iżrael li jistenna, l-Iżrael li jitlob kuljum għall-miġja ħelwa ta’ Dak li kellu jimlilhom lil qalbhom.  Kienu l-Iżrael li kienu jitnehdu kuljum u jsaqsu, “Meta, Mulej?” Il-fjur ta’ dawn il-fqar fl-ispirtu kienet xebba moħbija f’raħal minsi tal-Galilija.  Fiha, t-talba tal-”anawim” laħqet il-quċċata.  Hi kienet tistenna l-Messija bħalma l-għassies jistenna sbieħ il-jum, bħalma ċ-ċerva tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma.  Hi kienet Marija, bint Ġwakkin u Anna, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-Dar ta’ David.

 

Bħal Iżrael u bħal Marija, anke l-Knisja tistenna.  Bħalma għamel minn Iżrael, anke mill-Knisja Alla jsaffi fdal għalih, nies li huma tassew fqar fl-ispirtu, Insara li l-Mulej għoġbu jgħabbihom bis-salib imma ma telaqhomx għall-mewt.  Dawn huma l-Knisja dejjem mistmerra mid-dinja, mgħajra, imwarrba.  Dawn huma n-nies li m’għadhom jistennew xejn mid-dinja imma qed jistennew ħwejjeġ kbar mingħand Alla.  U x’jista’ jagħtihom Alla ikbar minn Ibnu?  F’Ibnu hemm miġbur il-ġid kollu li d-dinja bl-ekonomija, bit-teknoloġija u bl-edukazzjoni tagħha ma tista’ qatt tasal biex ikollha.  Dawn huma n-nies li jistennew lil Kristu jiġi biex idawwalhom iktar, ikabbrilhom il-Fidi tagħhom, biex jaqtagħlhom l-għatx għall-għerf veru, l-għarfien tal-unika Mħabba li teżisti.

 

Huwa għalhekk li l-Knisja tiċċelebra bil-ferħ iż-żmien tal-Avvent.  Hija tiċċelebra l-fatt li hi Knisja li tistenna, Knisja li qed tħares ’il quddiem, Knisja li trid kollox mingħand Alla għax tagħraf id-dgħufija tagħha li tagħmilha umli u fqira.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Profeta Ġeremija kien wieħed mill-“anawim” ta’ Iżrael, wieħed mill-‘fqar’ li kien jistenna bil-ħerqa l-Miġja tas-Salvatur ta’ Iżrael.  Hu kien induna li Alla kien qed isaffi l-poplu tiegħu biex iħejji fdal qaddis li jkun jista’ jilqa’ lil Dak li kien se jibagħtlu.  Bħalma kien qal Isaija qablu, “Sidi l-Mulej għad inaddaf il-ħmieġ tal-bniet ta’ Sijon, u jaħsel id-dmija ta’ Ġerusalemm minn ġo nofsha.”  (Is. 4, 4).  Ġeremija jħabbar li kellu jiġi żmien meta l-Mulej kien se jżomm il-wegħda li kien għamel, kien se jġib il-ġid fuq dar Iżrael u dar Ġuda, u dan il-ġid kien Ġesù Kristu.  Il-profeta jsejjaħlu rimja tas-sewwa, fergħa li toħroġ miz-zokk ta’ Iżrael u min-nisel ta’ David, fergħa li tnibbet minn siġra li kien fiha minn kollox, it-tajjeb u l-ħażin, imma l-fergħa kellha tkun għal kollox qaddisa.

 

Anke jien u int qed nistennew li dan kollu jseħħ ġewwa fina.  Min hu dak in-Nisrani li jixraqlu dan l-isem, li ma jixxennaqx għal għarfien akbar tal-Imħabba tal-Mulej biex anke hu jkun jista’ jħobb iktar?  Min hu dak in-Nisrani veru li hu kuntent u komdu bil-Fidi tiegħu, u ma jitlobx kuljum għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu biex idewqu Pentekoste ġdid?  Ġeremija ra l-poplu meħud fl-eżilju: straġi orribbli.  Imma fil-qalba ta’ dan kollu, l-Ispirtu ta’ Alla jerfagħlu ħarstu lejn wegħdiet kbar. “Għad jiġu jiem!”  Anke n-Nisrani, imdawwar b’nies dejjem ħerġin mill-Knisja, b’soċjetà li qegħda teħodha dejjem iktar kontra l-valuri Nsara, jimtela bit-tama u jgħid: “Għad jiġu jiem!”

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  33, 14-16

 

Ara, għad jiġu jiem – kelma tal-Mulej – meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda il-ġid li wegħedthom.  F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien intella’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa fil-pajjiż.  F’dawk il-jiem Ġuda jkun salv u Ġerusalemm tgħammar fis-sod; u għalhekk isejħulha “Il-Mulej is-sewwa tagħna”.

 

Salm Responsorjali

 

Ninsabu fi żmien stramb u diffiċli fejn ħafna donnhom m’għandhom ħin għal xejn ħlief għax-xogħol jew studju u xi attività li jqattgħu xi ftit il-ħin fiha.  Alla rtira quddiem din il-kilba għal dak li hu biss materjali.  Dawk li għadhom jagħtu xi ftit kasu jerfgħulu dik it-tliet kwarti quddiesa ta’ darba fil-ġimgħa jew xi talba maħtufa magħmula b’mod superstizzjuż meta jinqala’ xi bżonn.  Jekk tistaqsihom humiex jistennew xi ħaġa kbira mingħand Alla, għandhomx stennija qaddisa f’ħajjithom, lanqas biss jifhmuk.  Il-kontra; għal ħafna Alla hu dak li jesiġi; dak li jxekkel lill-bniedem u ma jħallihx jagħmel dak li jixtieq; dak li dejjem irid mingħandek.

 

Il-verità hi l-kontra.  Alla m’għandu bżonn xejn minn tagħna.  Hu jrid jagħti, jagħti u dejjem jagħti, u f’Ibnu Ġesù tana dak kollu li seta’ jagħtina.  Ġesù beka fuq Ġerusalemm għax ma għarfitx li fi Kristu Alla ried jagħtiha kollox, u jibki wkoll fuqna meta ma nindunawx b’dan. 

 

Meta s-salmista jitlob f’Salm 24 “Triqatek, Mulej, urini, il-mogħdijiet tiegħek għarrafni”, hu jagħmel dan għax għaraf li f’Alla biss fiha sens il-ħajja.  Anzi, l-ħajja ma tidħolx fil-ġenn meta hi storja ta’ tfittxija għal Alla, ta’ stennija li Alla hu dak li jiġi u jgħaddi mill-ħajja personali ta’ kull min ifittxu.  Id-dinja ttambar li llum il-bniedem m’għandux iktar bżonn ta’ salvazzjoni għax materjalment, jekk jistinka, jista’ jkollu kollox u ma jiġi bżonn xejn u ħadd, lanqas ta’ Alla.  Imma kull ħaġa li hi materja, materjali, fiha l-mewt miktuba fid-DNA tagħha u ikbar mill-mewt wieħed biss hemm: Alla.  Anke f’qalb il-bniedem, irridu u ma rridux, Alla naqqax il-ħolma ta’ rebħa fuq il-mewt, ta’ ħajja għal dejjem.  Hija din il-ħolma li tagħmel lill-bniedem tant diffiċli li tikkuntentah, mhux bħall-annimali.  Ħafna għandhom kollox u qishom m’għandhom xejn.  Iktar iseħħu suwiċidji f’artijiet sinjuri milli f’artijiet tat-tielet dinja.

 

Imma l-Mulej huwa minn ta’ ġewwa ma’ min iħoss il-bżonn tiegħu, u ma’ min jaf li għandu biss teżisti salvazzjoni mill-ġirja lejn il-mewt li toffri din id-dinja.  Hija ħaġa tal-għaġeb kif dan l-għarfien, dan l-għerf etern isibuh biss il-‘foqra’, dawk li huma dgħajfa, dawk li għarfu kemm limitat huwa l-bniedem.

 

Ritornell: Lejk, Mulej, jiena nerfa’ ruħi.

 

Salm 24

 

Triqatek, Mulej, urini,

Il-mogħdijiet tiegħek għarrafni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

Għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Twajjeb u sewwa l-Mulej;

Għalhekk juri t-triq tiegħu lill-ħatjin,

Imexxi l-imsejknin fis-sewwa,

Igħallem triqtu lill-fqajrin.

 

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhatjieba u fedeltà

Għal dawk li jħarsu l-patt u l-liġijiet tiegħu.

Il-Mulej hu ta’ ġewwa ma’ min jibża’ minnu,

Lilhom igħarraf il-patt tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Hemm diversi miġjiet tal-Mulej fil-ħajja tal-bniedem, imma f’dan l-ewwel żmien tal-Avvent il-Knisja tikkonċentra l-ħarsa tagħha fuq il-Parusija tal-Mulej, l-aħħar miġja tiegħu fi tmiem id-dinja. Dak in-nhar jiġi jfittex ħaġa waħda fina: l-Imħabba; jekk imxejniex fit-triq tal-imħabba tiegħu u tal-proxxmu.  Din l-Imħabba lanqas ma hi opra tal-bniedem imma don, rigal gratis, b’xejn ta’ Alla.  Imma l-bniedem irid jagħraf li f’din l-Imħabba biss hemm salvazzjoni u jittallabha mingħand il-Mulej.  Dawk li huma kburin u ‘self-sufficient’, li jħossu li m’għandhom bżonn la ta’ Alla u lanqas ta’ ħaddieħor, dawn jaraw fl-Imħabba, fil-fatt li jinagħtaw għal ħaddieħor, xi ħaġa li tbaxxihom, tumiljahom, iċċekkinhom.  Fil-fatt, l-Imħabba titlob li int toħroġ mill-egoiżmu tiegħek, imma min se jagħmlu dan bis-saħħa tiegħu biss?  Il-Mulej irid ikun li jikber fina u iktar kemm jikber fina iktar jiddgħajjef l-egoiżmu, is-‘survival instinct’ tagħna... iktar tikber il-fiduċja fil-Missier u hekk iktar nagħtu kas ta’ ħaddieħor u nħobbuh. 

 

Ħafna jaħsbu li dawn l-affarijiet m’għandhomx bżonnhom, lanqas biss jaħbtu ma’ moħħhom.  Imma huwa dan li se jfittex fina l-Mulej meta jidher mimli glorja u setgħa.  San Pawl dejjem iħeġġeġ lill-Insara dixxipli tiegħu biex jistinkaw iktar, jagħmlu xi ħaġa iktar biex jikbru fl-Ispirtu tal-Mulej.  Iktar talb, iktar imħabba lejn l-Iskirttura li hija l-Kelma ta’ Alla miktuba, iktar xorb mill-għejjun tas-Sagramenti tal-Knisja.  San Ġwann l-Evanġelista jgħidilna xi ħaġa enormi: li min jikber fil-Fidi u fl-Imħabba mhux se jkollu min xhiex jibża’ f’Jum il-Ħaqq, anzi li-Ħaqq ikun ġa sar miegħu għax dawk li jikbru fil-Fidi jkunu ġa għaddew għall-Ħajja ta’ Dejjem minn hawn stess waqt li jkunu għadhom f’din il-ħajja fiżika.  Dan hu l-ferħ ta’ dawk li jkunu sabu lil Alla.  Imma sakemm għadna hawn xorta nistgħu ngħarrqu l-opra li Alla jkun ħadem fina.  Għalhekk irridu nishru, nilbsu l-armatura li Alla jagħtina biex inkunu nistgħu nilqgħu għall-attakki tax-xitan.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  3, 12 – 4, 2

 

Ħuti:  Jalla l-Mulej ikattar u jfawwar fikom l-imħabba tagħkom għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma nħobbu aħna lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla u Missierna għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!  Fl-aħħarnett, ħuti, intom diġa tgħallimtu minn għandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, u tabilħaqq, hekk qegħdin iġġibu ruħkom; imma aħna nitolbukom u nħeġġukom fil-Mulej Ġesù biex tagħmlu xi ħaġa iżjed.  Tafu x’tagħlim tajniekom permezz tal-Mulej Ġesù.

 

Evanġelju

 

Min huma l-iktar nies iffortunati, hienja, xortihom tajba?  Huma dawk li qed jistennew lill-Mulej ġej.  Huma dawk li minn hawn daħlu f’intimità ma’ Kristu, ħallew li jikber l-Ispirtu tiegħu fihom, saru midħla tal-Iskrittura u permezz tal-Ewkaristija hemm jiġri fil-vini tagħhom l-istess Demm tal-Iben ta’ Alla.  Dawn huma l-hienja li mhux se jibżgħu mill-Mulej tagħhom meta jarawh ġej fuq is-sħab bid-dinja mwerwra taħt riġlejh. 

 

Luqa jwissi lil dawk li laqgħu lil Kristu biex ma jħallux lid-dinja ttaqqalhom bil-ħmerijiet tagħha, biex ma jistordux b’sakra tal-aljenazzjonijiet tagħha.  Mhux veru li hemm il-ferħ fit-tlellix tad-dinja.  Imbierek dak li pprova d-dinja, ġera warajha, u meta ma sab xejn, dar b’saħħtu kollha u b’konvinzjoni lejn Kristu.  Kemm hu kbir in-numru ta’ nies li jistgħu jirrakkuntaw storja bħal din!  Il-ferħ jinsab fl-Imħabba lejn Alla u lejn il-bniedem.  Noqogħdu attenti!  Kull ma hu tad-dinja, dan kollu għad jgħaddi.  Min jaħseb fuq dan mhux ġifa imma għaqli. Ħallihom jiddieħqu l-oħrajn, imma int għandek għerf li huma m’għandhomx.

 

Hemm passaġġ fil-Brevjar li jgħid: “Imxi fil-mogħdijiet mudlama tal-Fidi u tiltaqa’ mad-dehra ta’ Alla.”  Għax kultant l-Istorja hija tentazzjoni għall-Fidi.  Tipprovdielna toroq mudlama fejn int mitlub temmen li Alla jħobbok u li qed jaħdimlek il-ġid meta kollox jgħidlek il-kuntrarju.  “Imxi fil-mogħdijiet mudlama tal-Fidi u tiltaqa’ mad-dehra ta’ Alla.”   Il-bniedem li jagħmel dan huwa bil-għatx għal aktar Fidi, għal aktar għarfien ta’ Alla li deher fostna fi Kristu Ġesù.  Bħalma jgħid tant tajjeb Salm 62: “O Alla, int Alla tiegħi, għalik imxennaq jiena, ruħi bil-għatx għalik.  Ġismi jnin għalik bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.”  Dan bħal meta wieħed qed jaqsam deżert, id-deżert tal-Istorja, u jara fir-ramel roqgħa niedja, imxarrba.  Mill-ewwel jinduna li hemm taħt hemm l-ilma għaddej u jibda jħammel bħal miġnun biex isib l-ilma tal-ħajja.

 

Min għandu dan l-għatx se jkollu Avvent qaddis u ta’ stennija.

 

Versett: Hallelujah. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek agħtina. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  21, 25-28;  34-36

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb.  Fuq l-art, il-ġnus jinħakmu mid-dwejjaq, moħħhom imħawwad bil-ħsejjes kbar tal-baħar u l-imwieġ; in-nies jibdew imutu bil-biża’ u bl-istennija ta’ kull ma jkun ġej fuq id-dinja, għax is-setgħat tas-smewwiet jitqanqlu.  U mbagħad jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fuq sħaba b’setgħa u glorja kbira.  Meta jibda jseħħ dan kollu, qumu u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

 

Oqogħdu għassa tagħkom innifiskom, li ma tmorrux tħallu qlubkom jitqalulkom b’ikel u xorb żejjed, jew b’sokor, jew b’ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja, u li dak il-Jum ma ssibuhx fuqkom għal għarrieda bħal nassa; għax għad jasal lil kull min igħammar fuq wiċċ l-art kollha.

 

Mela ibqgħu ishru u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu taħarbu dan kollu li għandu jiġri, u tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-Bniedem.

Last Updated ( Saturday, 28 November 2015 )
 
< Prev   Next >