Saturday, 16 December 2017
           
Home
IT-TIENI HADD TAL-AVVENT L-OTTIMIZMU TAN-NISRANI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 December 2015

Din hija il- Liturgija  tat-tieni Hadd ta' l-Avvent ( 2015-16)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 san_gwann1.jpg
                San Gwann Battista

 

Min-natura tiegħu n-Nisrani ma jista’ qatt ikun pessimist, anzi dejjem ottimist, anke fl-iktar mumenti koroh, ta’ qtigħ il-qalb, ta’ fallimenti.  Hu ma jimxix skont ir-raġunamenti tad-dinja imma jistrieħ fuq il-Fidi f’Dak li għalkemm maħtuf mill-mewt u mill-qabar, ħareġ rebbieħ fuq it-tnejn.  In-Nisrani jaf f’min emmen; jafda fih; ċert li mhux se jħallih waħdu, anzi,  se jwettaq fih il-Misteru tal-Għid, jgħaddih mill-mewt għall-ħajja f’kull ċirkustanza.  Dan iseħħ darba wara darba u hekk jissaħħaħ dejjem aktar fil-Fidi.  Minn Fidi għal Fidi jgħid San Pawl.

 

Għaliex in-Nisrani mhux dak li sab lil Kristu u daqshekk.  In-Nisrani mhux statiku imma qiegħed fi proċess, f’mixja lejn Fidi dejjem akbar, li tnissel sinjali dejjem iktar ċari.  In-Nisrani jaf li hu msejjaħ biex jikkonverti kuljum lejn il-Ferħ, lejn l-iskoperta dejjem ġdida tal-Imħabba gratis tal-Missier murija fi Kristu.  In-Nisrani hu dejjem f’tensjoni fit-tħannin għal għarfien ġdid tal-Ħajja l-vera.  Jekk xorob minn Kristu,  għandu għatx għal iktar.

 

Dan l-ottimiżmu tan-Nisrani jidher fl-aqwa tiegħu fi żmien l-Avvent.  Kristu huwa dejjem ġej!  Jekk is-sħab iswed jiksi s-sema, Kristu huwa x-Xemx moħbija imma li hemm qegħda.  Is-sħab jgħaddi imma x-xemx dejjem hemm.  Jidlam u jerġa’ jisbaħ; il-lejl iħabbar minn qabel il-jum bħalma l-inkwiet, id-dieqa, it-tbatija huma l-messaġġiera ta’ Kristu li jinsab riesaq lejn ħajtek biex jimlik bil-faraġ tiegħu.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Knisja tinsab għaddejja minn żmien diffiċli ħafna. Jista’ jkun li dan hu kliem fqir wisq giex jiddiskrivi l-kriżi epokali li minnha għaddej il-Kristjaneżmu fil-punent.  Għandna bżonn ħafna u ħafna Fidi biex nibqgħu nkunu ottimisti quddiem gwerra ta’ ħajja jew mewt li għaddejja minnha l-Knisja.  Min tassew iħobb lill-Knisja ma jistax jieħu ‘for granted’ li l-Knisja se tirbaħ din il-battalja tal-biża’.  Il-biċċa l-kbira tan-nies ma jafux x’qed jiġri tassew.  Ħafna jserrħu moħħhom li l-Knisja dejjem rebħet il-battalji tagħha u żgur li tirbaħ din ukoll.  Dan hu żball kbir!  Kristu qal: “U meta jerġa’ jiġi Bil-il-Bniedem, se jsib il-Fidi fuq l-art?”  Min iħobb lill-Knisja jinkwieta u jokrob fit-talb tiegħu għaliha.  Is-Sinodu tad-djoċesi ta’ Utrecht fl-Olanda iddeċieda li jbiegħ mijiet ta’ knejjes fid-djoċesi għax m’għadhomx imorru nies u għax il-Knisja li dejjem tiċkien ma tistax iżżomm dan il-bini kollu.  Qed jiġri fenomenu tal-għaġeb fl-Ewropa: kontinent sħiħ qed jirremetti l-Fidi u jaqta’ barra l-għeruq Insara.  Fi żmien żewġ ġenerazzjonijiet oħra, ir-razez il-bojod tal-Ewropa, l-“Ewropa x-xiħa”,  jkunu mietu għax mhumiex jagħmlu tfal.  Jeħdulhom posthom emigranti mil-lvant, il-biċċa l-kbira minnhom misilmin.  Dan ħadd ma jista’ jżommu.  L-aħħar profeta kbir li Alla bagħat lill-Ewropa kien Pawlu VI li miet b’qalbu maqsuma bħalma mietu l-profeti kollha għax il-Kelma ta’ Alla miktuba fl-enċiklika tiegħu “Humanae Vitae” ġiet miċħuda, mgħajra, imwaqqa’ għaċ-ċajt.  L-Ewropa u l-punent kollu skandaliżża ruħu bl-“Humanae Vitae” u issa qed iħallsu l-preżż.  Anke Malta! 

 

F’din is-sitwazzjoni li qegħda ssir dejjem iktar pagana, il-Knisja m’għadhiex tinteresssa li ħafna.  Imma anke f’din il-qagħda n-Nisrani jittama bħalma Baruk, il-profeta, jittama fil-qari li ġej.  Hu kien jgħix qabel u fi żmien l-eżilju.  Kien il-qaddej tal-profeta Ġeremija.   Huwa jara futur tal-għaġeb għal Israel.  Din hija sejħa għalina biex noħolmu b’qawmien ġdid għax il-Knisja hija Israel il-ġdid.  Huwa jistieden lill-Knisja biex tħares ’il bogħod u tara ulied ġodda ġejjin ifittxu l-kenn għandha. Għaliex għandna nkunu tant ottimisti meta ħafna għedewwa jgħidu u jerġgħu jgħidu li l-Knisja għaddha żmienha u li ħafna mit-tagħlim tagħha huwa antikwat (għalihom)? Inkunu ottimisti għax il-Knisja mhix mibnija fuq ir-ramel bħal tant filosofiji u saltniet u partiti li tgħaddi l-moda tagħhom, imma hi mibnija fuq blata, u l-blata hi Kristu, l-uniku li rebaħ il-mewt.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk.  5, 1-9

 

Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, l-ilbies tal-hemm u n-niket, u ilbes id-dija tas-sebħ ta’ Alla għal dejjem.  Ilbes il-mantar tal-ġustizzja ta’ Alla, qiegħed fuq rasek il-kuruna tal-glorja ta’ dejjem.  Għax Alla għad juri ġmielek lill-ħlejjaq kollha taħt is-sema;  Alla għad isejjaħlek bl-isem ta’ “Sliem tal-ġustizzja u sebħ il-qima ta’ Alla”.

 

Qum, Ġerusalemm, itla’ fil-għoli, ħares lejn il-lvant, ara ’l uliedek miġbura għall-kelma tal-Qaddis, minn fejn tinżelix-xemx sa minn fejn titla’, ferħana għax Alla ftakar fihom.

 

Telqu minn għandek bil-mixi, imkaxkra mill-għedewwa; issa Alla se jġibhom lura għandek, merfugħin fil-ġieh bħal kieku fuq tron ta’ sultan.

 

Alla ordna li jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet ta’ dejjem, li jimtlew il-widien u titwitta l-art, ħalli Israel jimxi bla xkiel taħt is-sebħ ta’ Alla.

 

Fuq l-ordni ta’ Alla, l-imsaġar u s-siġar imfewħa jdellu fuq Israel.  U Alla jmexxi lil Israel bil-ferħ fid-dawl tas-sebħ tiegħu, minħabba fil-ħniena u l-ġustizzja li ħierġa minn għandu.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm li ġej ixandar esperjenza li kull Nisrani għandu jkollu.  Il-Fidi tan-Nisrani hi mibnija fuq is-smigħ tal-kelma ta’ Alla imma wkoll fuq l-esperjenza ta’ Alla li jkun ġarrab fl-Istorja.  Ta’ dan għandna xebħ kbir f’wieħed mill-mirakli li għamel Ġesù.  L-għama tal-menqa ta’ Siloe kellu għajnejh imċappsa bit-tajn magħmul mill-bżieq ta’ Kristu (il-Kelma) u t-trab tal-art (dak li hu uman, l-Istorja, l-esperjenzi tal-ħajja).  Kien dan it-tajn li wasslu għad-dawl.  Kemm hu mportanti li s-smigħ tal-Kelma jkun akkompanjat minn esperjenzi, jew almenu esperjenza waħda tal-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna!  L-esperjenza tissiġilla u tagħti l-ħajja lill-Fidi li tiġi mis-smigħ.  Din l-esperjenza, jew laqgħa ma’ Kristu, isseħħ f’mument meta tkun dahrek mal-ħajt fejn int ma tista’ tagħmel xejn iktar.  Bħalma Abraham ma setax ikollu tfal... jgħaddi Alla minn ħajtu u jkollu iben.  Bħalma Israel ma setax jeħles minn taħt il-qawwa tal-Eġittu... jgħaddi Alla u jeħilsu.  Il-Bibbja tirrakkonta dawn l-esperjenzi tal-mogħdijiet tal-Mulej mill-ħajja tan-nies.  Bniedem li jkun esperjenzja dan hu dejjem ottimist għax anke meta jerġa’ jinqalagħlu l-inkwiet, iħares lura u jgħid li bħalma ħelsu dak in-nhar, il-Mulej kapaċi jeħilsu din id-darba wkoll.

 

Is-Salm jgħid li konna qiesna mitlufa f’ħolma meta ħelisna l-Mulej mill-gwaj.  Kemm kemm ridna nemmnu lil għajnejna, u n-nies bdew jgħid, “Kemm hu kbir il-Mulej magħhom!”  In-Nisrani li jkun għaddej mill-prova, ibati bħalma jbati ħaddieħor, imma hu jħares ’il quddiem bi stennija għax jaf li dak li jmur jiżra fit-tbatija, se jiġi lura bil-qatet f’idu jgħajjat bil-ferħ.  Għalhekk, anke llum, il-Knisja li hi mdawra b’tant problemi, tifraħ, għax għalkemm hu żmien li tiżra’ għad jasar żmien il-ħsad ukoll.

 

Ritornell: Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

 

Salm 125

 

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imtarrfin ta’ Sijon,

Konna qiesna mitlufa f’ħolma;

Imbagħad bid-daħk imtela fommna,

U lsienna nħalla b’għajjat ta’ ferħ.

 

Imbagħad bdewigħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna mtelna bil-ferħ.

 

Biddel, Mulej, xortina,

Bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

Jaħsdu bil-ferħ.

 

Hu u sejjer, imur jibki,

Iġorr iż-żerriegħa għaż-żriegħ.

Imma hu u ġej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ,

Bil-qatet f’idejh.

 

It-Tieni Qari

 

Għidna li d-dixxiplu ta’ Ġesù u wieħed li jinsab fi proċess li jtul il-ħajja kollha, proċess ta’ għarfien dejjem iktar ċar tal-Imħabba li hemm fi Kristu għalih u għal kull bniedem.  Dan l-għerf jew għarfien, ma tistax tixtrih bl-għana kollu tad-dinja, imma jinagħata gratis, b’xejn lill-fqar, lil dawk li tassew iħossu li għandhom bżonnu. 

 

Il-Filippin kienu fost dawn li sabu ruħhom, bi grazzja, fil-proċess ta’ konverżjoni.  Kienu l-komunità favorita ta’ Pawlu għax dejjem għenuh, anke finanzjarjament, kull meta kellu bżonnhom.  Hu jħeġġiġhom biex ikunu dejjem mimlija ottimiżu u kuraġġ u jistennew ħwejjeġ kbar mingħand il-Mulej li kien għażilhom għax “Dak li beda din l-opra tajba fikom iwassalha għat-tmiem tagħha.”  Alla ma jibdiex ħaġa biex jaqta’ qalbu minnha u jwarrabha minnu.  Jekk il-Mulej beda proċess ta’ bidla fina, ħa nkunu nafu li hu se jibqa’ fidil magħna sal-aħħar.  Huwa aħna li rridu noqogħdu attenti li ma nirvinawlux il-proġett li għandu għal ħajjitna billi nużaw ħażin il-libertà tal-għażla li tana.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  1, 4-6, 8-11

 

Ħuti: Dejjem fit-talb tiegħi għalikom nitlob ferħan, minħabba fil-għajnuna li tajtuni fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum.  Jiena żgur minn dawn: li dak li beda din l-opra tajba fikom iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-Jum ta’ Kristu Ġesù.

 

Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù!  U jien dan nitlob; li l-imħabba tagħkom tikber u tikber dejjem iżjed bil-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħarfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-Jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja minn Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

 

Evanġelju

 

Fil-Kapitlu tlieta tal-Vanġelu tiegħu, Luqa jagħti bidu għall-missjoni ta’ Kristu b’mod mill-aktar solenni billi jagħti lista tal-ħakkiema u dawk kollha li kellhom setgħa politika u reliġjuża.  Kellu raġun jibda bil-kbir, għax kien wasal il-mument li l-ħolqien kollu kien ilu jistenna.

 

Imma qabel ma deher id-Dawl, Alla bagħat lil Elija mimli bin-nar tal-ħeġġa għat-tħabbir tal-Aħbar il-Kbira: dak li kull bniedem kien ilu jistenna, ara, issa kien wasal!  Dan it-tieni Elija, naturalment kien Ġwanni l-Battista, bin Żakkarija, il-Prekursur tal-Mulej.

 

Kull maħluq għandu għatx naturali għal xi “Messija” f’ħajtu.  Ħafna jfittxu l-“Messija” tagħhom f’xi pupazz imdendel f’idejn is-suppervja tiegħu.  Jew inkella f’xi oġġett li jsaddad.  Alla jibgħat ħafna prekursuri jxandru l-veru Messija, imma ftit jagħtuhom widen.  “Kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ dawk li jħabbru l-ġid, ta’ dawk li jgħidu lil Ġerusalemm, ‘Wasal is-Salvatur tiegħek!’”  Hekk tiddiskrivi l-Bibbja li dawk li jippruvaw iwittu t-triq għall-Mulej.  Il-bniedem hu maħluq ħieles li jiddeċiedi.  Imma kemm hi serja din id-deċiżjoni!  Alla għandu pjan fuq kull wieħed minna, pjan ta’ ġid kbir.  Jekk nikkonvertu aħna, hemm nies li huma ppredestinati li jikkonvertu minħabba fina.  Kull wieħed minna għandu nies li jiddependu minnu għall-konverżoni tagħhom u jista’ jagħti l-kas li jekk infallu aħna, jekk nilwu kantuniera ħażina aħna, huma jibqgħu ma jiltaqgħux ma’ Kristu.  Serja hija d-deċiżjoni li nieħdu jekk nemmnux il-Prekursur tal-Mulej jew le.

 

Versett:  Hallelujah.  Hejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu: u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.  Hallelujah.

 

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesri, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, u Erodi tetrarka tal-Galilija, u ħuh Filippu tetrarka tal-Iturija u tal-art ta’ Trakonis, u Lisanja tetrarka ta’ Abila, fi żmien il-qassis il-kbir Anna u Kajfa, il-Kelma ta’ Alla waslet lil Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert. Hu ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta:

 

“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Hejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu: kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa; il-mogħdijiet imgħawġa jsiru dritti, u t-triqat imħarbta jitwittew.  U kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.”

 

 
< Prev   Next >