Friday, 20 October 2017
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-AVVENT (2015-16) HADD IL-FERH PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Friday, 11 December 2015

Din hija il- Liturgija  tat-tielet Hadd ta' l-Avvent ( 2015-16)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

st-john-the-baptist-preaching.jpg
 San Gwann Battista jghallem lil poplu

L-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija ta’ dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent jurina ċar il-karattru tal-Liturġija li għandna hekk, kif qed noqorbu lejn it-tieni parti ta’ dan iż-żmien sabiħ.  L-Antifona tħeġġiġna bil-Kliem ta’ San Pawl lill-Filippin u li baqa’ jidwa tul is-sekli: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.  Il-Mulej qorob.”  (Fil. 4, 4-5).  Is-sejħa biex timxi wara Kristu hija sejħa għall-Ferħ.  Dan mhux biex nagħmlu xi reklam.  Illum id-dinja mxebba’ bir-reklami u taf li dawn jesaġeraw u ma tridx temmen waħda minn għaxra milli jgħidu.  Ir-reklam li Pawlu jagħmel għall-Ħajja Nisranija vera, jagħmlu bi kliem fqir li ma jirriflettix biżżejjed il-verità għax m’hemmx kliem li jista’ jagħmel ġustizzja lill-intimità ma’ Kristu.  Kif se jkompli jgħidilna fit-tieni qari tal-lum: “Is-sliem ta’ Alla jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jaħseb” (Fil. 4, 7) u banda oħra jkompli: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet x’lesta l-Mulej għal dawk li jħobbuh!” (1 Kor. 2, 9).

 

Dan hu kliem qawwi ħafna, imma fl-istess ħin fqir, għax Kristu huwa esperjenza mhux tagħlim.  Din il-ħaġa għidniha kemm-il darba.  Mhux x’taf fuq Kristu li jgħodd, imma jekk tafux lilu personalment jew le.  Tkun tafu meta tiltaqa’ miegħu.  U l-mixja lejn il-laqgħa miegħu mhix xi passiġġata ta’ nofs siegħa – tlett kwarti.  Hija mixja twila imma ħelwa, li fiha Kristu jissorprendi sikwit.  Jiġu mumenti meta jiffrustrak il-Mulej, jiddiżappuntak u jekk tkun imdorri taqra l-Bibbja, tinduna li kellu raġun meta Ġeremija, fi kriżi sewda, qallu: “Isseduċejtni, Mulej; u jien ħallejtek tisseduċini!  Issarajt miegħi u għelibtni.  Kont aqwa minni u għelibtni.  U jien għidt: Ma naħsibx aktar fih, ma nitkellimx aktar fl-Isem Tiegħu.” (Ġer. 20, 7.9).  Għax biex timmatura fil-Fidi mhux grazzji u fsied biss trid, iżda wkoll il-mumenti traġiċi fejn taħseb li Alla jkun abbandunak.  Anke dawn il-mumenti huma grazzja.  Min hu sinċier fit-tfittxija tiegħu; min tassew iħobb lill-Mulej u mhux jittama fih biex jinqeda bih biss, dan ma jogħtorx meta l-mogħdija hija mħarbta u għat-telgħa, imma jibqa’ jittama li tassew il-Mulej huwa Ferħ u Sliem u jkompli miexi. 

 

 

Wara li tenna l-Kliem ta’ hawn fuq, Ġeremija jkompli: “Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi.  Għejjejt inzommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih.”  (Ġer. 20, 9).  Dan in-nar huwa ż-żelu biex jitkellem fuq il-Mulej u jxandar li Hu biss huwa s-soluzzjoni għal dak kollu li jinkwieta u jmarrad lill-bniedem.

 

Għalhekk, waqt li jagħmel sewwa n-Nisrani li jaqra u jimmedita fuq il-Mulej, irid ikun dejjem konxju li jekk ma tkunx il-Grazzja, Dawl mingħand l-Ispirtu s-Santu, kull kelma li jaqra, qaddisa kemm hi qaddisa, tibqa’ ittra fuq karta.  Għalhekk dak li jfittex lil Kristu huwa bniedem bil-għatx għall-ħwejjeġ li ma jistax jiksibhom bil-ħila tad-demm u l-laħam, jiġifieri bit-taħbit u bl-intelliġenza tiegħu, imma b’rigal gratis, b’xejn, li ma jistħoqqlux, u li jinagħtalu minn Alla. Għal Kristu, dawn huma l-bnedmin li huma tassew hienja, il-bnedmin li huma mdawla dwar l-Iben mill-Missier permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Mhux ta’ b’xejn lil Pietru qallu: “Hieni int Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.”  (Mt. 16, 17).  U darba oħra qal: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”  (Ġw. 6, 65). 

 

Dawk li għandhom l-għatx biex jiskopru l-Imħabba ta’ Alla li jisimħa Kristu Ġesù, huma umli, sempliċi, mhux aljenati bid-dinja.  Id-dinja twarrabhom, tidħaq bihom u għal xi wħud huma mġienen li qed jaħlu ħajjithom fix-xejn.  Iżda kien meta ħaseb f’dawn in-nies li darba Ġesù laħaq wieħed mill-ikbar mumenti ta’ Ferħ tiegħu meta qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrjethom liċ-ċkejknin.  Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok”  (Lq. 10, 21).  Din il-Kelma ta’ Kristu għandha tbeżżagħna jekk aħna ttentati naħsbu li aħna xi ħaġa.  Min jieħu l-prosit mingħand in-nies għandu tassew għax jinkwieta, għax il-prosit tan-nies huwa kelma li llum hawn u għada tosfor, waqt li l-prosit tal-Missier huwa Ġesù Kristu li jinagħta lill-fqar fl-ispirtu.

 

Min huma dawk li se jifirħu tassew fil-Milied li riesaq?  Min huma dawk li fihom taħseb il-Liturġija tal-Knisja meta llum issejjaħ dan il-Ħadd, Ħadd il-Ferħ?  Huma l-umli, iċ-ċkejknin li qed jistennew l-għeġubijiet mhux mill-flus, lanqas mis-suċċess, lanqas mill-fama imma mill-Ispirtu s-Santu li jmissilhom qalbhom u jiċċaralhom l-Imħabba ta’ Kristu għalihom.  Għax huma bħal Salamun, imdawrin bil-problemi, imma ma jitolbux biex jitneħħewlhom dawn imma biex jinagħtaw il-Fidi, id-Dawl, għarfien akbar dwar min hu Ġesù tassew.

 

L-Ewwel Qari

 

Allura mhux b’kumbinazzjoni li fl-Ewwel Qari l-Knisja tippreżentalna lill-Profeta Sofonija.  Dan hu wieħed minn dawk, hekk imsejħa, profeti żgħar, imma hu nteressanti ħafna.  Huwa l-profeta taċ-ċkejknin, tal-anawim, tal-umli li jistennew il-miġja tal-Messija.  Għalih, Israel il-veru huma dawn iċ-ċkejknin, il-fdal isejħilhom hu.  Huwa jdur fuqhom u x’ħin jarahom għajjiena u mitluqa minħabba t-tul tal-istennija, jagħmlilhom kuraġġ u l-ferħ tiegħu jittrażmettih lilhom billi jipproklama profezija li titkellem fuq il-Mibgħut, Dak li kellu jiġi.  Huwa jistieden liċ-ċkejknin għall-ferħ u l-hena, għas-serħan il-moħħ u l-ħeġġa.  Minħabba fihom Alla nnifsu jimtela bil-ferħ u jiżfen bħal f’jum ta’ festa għax jara li kien baqa’ fdal li baqa’ jistenna u jemmen fil-Kelma tiegħu.

 

Din hija Kelma għalina.  Il-profeta jrid li aħna nifirħu, aħna li qegħdin nistennew li niddawlu, nitfejqu minn ġewwa, li niġu mqajma mill-qabar eżistenzjali tagħna.  Għax min jistenna, qisu bħal għassies bil-lejl li jħares lejn il-Lvant, lejn ix-xefaq tal-Lvant biex jara jilmaħx xi ħajta dawl li taqta’ l-iswed tad-dlam u li tħabbar jum ġdid. X’inhu dak li jqawwi l-qalb ta’ dawk li jistennew il-Mulej u jafdaw f’Kelmtu?  Hija l-Kelma ta’ Kristu li tgħid: “Min ifittex isib, min iħabbat jiftħulu,  u min jitlob, jaqla’” (Mt. 7, 8).  Kristu se jiġi żgur.  Għal xi wħud minna qiegħed wara l-bieb, wasal.  Hu jiġi biex ibiddilna, biex jagħtina l-milja tal-Magħmudija li tħabbar il-mewt tal-bniedem tad-dnub u l-qawmien għall-ħajja tal-bniedem il-ġdid.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija.  3, 14-18a

 

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, ja bint Ġerusalemm!  Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontra tiegħek.  Is-Sultan ta’ Israel, il-Mulej, hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn x’hiex tibża! Dak in-nhar igħidu lil Ġerusalemm: Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik, f’għajat ta’ ferħ, bħallikieku f’jum ta’ festa.

 

Salm Responsorjali

 

Dawk li jimxu wara Kristu jafu f’min emmnu u jserrħu moħħhom bil-fedeltà tiegħu.  Id-dinja ta’ madwarna qegħda timtela b’nies li m’għandhomx punt ta’ referenza għax huma bla Alla, u jekk jemmnu f’xi ħadd jemmnu f’nies bħalhom, tad-demm u l-laħam, nies dgħajfa bħalhom li huma suġġetti għall-biża’ tal-mewt, bħalhom.  Il-bniedem tal-fidi jittama u ma jibżax, tgħid din il-biċċa meħuda mill-Ktieb ta’ Isaija u li se tagħmilha ta’ Salm Responsorjali.  It-tama u l-għana tal-bniedem ta’ Alla mhux bniedem imma l-Mulej li rebaħ il-mewt.

 

Il-profeta jgħid li “kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejjun tas-salvazzjoni”.  Liema ilma?  Dak li jaqtagħlek l-għatx imma mhux għal dejjem?  Xi trid int?  Fejn qed tfittex il-Ferħ, il-milja tal-Ħajja?  Fi ħwejjeġ materjali, bħall-mara tas-Samarija?  X’ħasra!  Kristu beka fuq Ġerusalemm għax fil-mument opportun m’għarfitx dak li kien ta’ ġid għaliha u warrbet dak li jibqa’ għal dejjem biex iggranfat ma’ dak li jispiċċa.  Kemm nies jagħmlu l-istess għażla!  Kemm għamilna aħna l-istess għażla għal snin twal.  Allaħares ma kienx is-sabar qaddis ta’ Alla għalina għax kieku lkoll bla tama.

 

Kristu jitlobna nagħtuh jixrob.  X’ilma se nagħtuh, aħna?  Huwa jrid l-ilma tal-Fidi tagħna, li nemmnu l-Kelma tiegħu u ma noħorġuhx ta’ giddieb.  Ħdejn dak li għandu x’jagħtina Hu, dan hu ftit.  Lill-mara Samaritana, u lilna llum, Ġesù jgħidilha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.”  (Ġw. 4, 10).  “Kieku kont taf!”  igħid Ġesù lid-dinja.  Hu jgħid: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jagħtih għatx.  L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”  (Ġw. 4, 13-14).  Dan il-kliem Kristu jgħajtu fil-knejjes tagħna, fil-pjazez, fid-djar, fl-intern tal-kuxjenza tagħna.  Imma n-nies qisha mhi tisma’ xejn.  Ma temminx.  L-ilma tal-ħajja għalihom jinsab fix-‘shopping’, fir-rigali, fl-istorbju tan-‘night clubs’.

 

Dawk li lil Kristu jeħduh bis-serjetà se jgħannu għax magħhom Alla jagħmel ħwejjeġ kbar u jgħidu: “Kbir hu f’nofsna il-Qaddis ta’ Israel.”

 

Ritornell: Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.

 

Alla hu s-salvazzjoni tiegħi;

Jiena nittama u ma nibżax,

Għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej,

Hu s-salvazzjoni tiegħi.

Kollkom ferħana,

Timlew l-ilma mill-għejjun tas-salvazzjoni.

 

Għannu lill-Mulej, sejħu lil ismu,

Għarrfu lill-ġnus l-għeġubijiet tiegħu,

Xandru li ismu huwa fil-għoli.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

Ħa jkun dan magħruf min-nies kollha tal-art.

Aqbeż bil-ferħ, għanni,

Int li tgħammar f’Sijon,

Għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.

 

It-Tieni Qari

 

Lill-Filippin, Pawlu jgħidilhom li l-Mulej qorob. It-Tessalonkin, komunità oħra ta’ Pawlu, emmnuh litteralment u stennew il-Parusija, l-aħħar tad-dinja fi żmien qasir.  Imma din il-Kelma hija eterna u tgħodd ħafna għalina.  Kristu qorob.  Is-sebgħin, tmenin sena li nistgħu ngħixu x’inhuma ħdejn l-eternità li għaliha aħna maħluqin.  Staqsu lil min qabeż is-sittin u jgħidlek kif jgħaddu jvenvnu l-għaxriet ta’ snin.  Ftit ieħor, ftit biss.  Staqsu lil dawk li kien fil-Bataclan ġewwa Pariġi, f’dik l-istraġi tat-terroristi.  Kienu mgħaxxqa, totalment aljenati, għal kollox fis-sakra tad-dinja, imġennin jisimgħu beat group li eżatt mal-mewt li kienet riesqa kienu qed idoqqu biċċa mużika li tagħti qima lix-xitan u lis-setgħat mudlama tal-ħażen, u li kienet tgħanni dwar “Il-bewsa tax-xitan”.  Min jibni fuq ir-ramel, tiġi r-rovina f’daqqa waħda u tkaxkar kollox magħha.  Darba biss niġu hawn, u xi traġedja jekk nitilfu ruħna għal dejjem!

 

Imma dawk li qed jistennew il-Mulej, jafu li hemm miġja oħra, anzi miġjiet oħra, mumenti ta’ grazzja kbira f’din il-ħajja, li fihom jgħaddi l-Mulej biex isaħħaħna fil-Fidi u jdawwalna dejjem iżjed.  Tant tkun kbira l-istennija li l-istennija waħedha timla l-qalb tan-Nisrani bil-ferħ.  Insara tal-gdiedem mhumiex Insara veri.  San Pawl jgħid ill-Filippin li kienu emmnu l-Aħbar it-Tajba: “Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.  Tħabbtu raskom b’xejn!”  Għax min jikber fil-Fidi, mhux bis-saħħa tiegħu imma għax jiġbdu l-Missier lejn Ibnu, jaf li Alla hu s-Sid ta’ kollox u minn kollox joħroġ il-ġid għal dawk li emmnu fiH.  Huma għandhom għajnejn li oħrajn m’għandhomx u jaraw affarijiet li oħrajn ma jarawhomx.  Dan hu l-ferħ tan-Nisrani; dan hu s-sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jaħseb.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  4, 4-7

 

Ħuti: Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.  Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafu biha l-bnedmin kollha.  Il-Mulej qorob.

 

Tħabbtu raskom b’xejn.  Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.  U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jaħseb, iżommilkom qablkom u moħħkom sħaħ fi Kristu.

 

Evanġelju

 

Jekk in-Nisrani għandu ferħ li rċieva mingħand il-Mulej, dan ma jistax iżommu għalih.  Li kien ferħ tad-dinja, iva;  kulħadd jiddefendi dak li għandu u ħadd ma jrid iċedi xejn.  L-iktar, l-iktar inċedu miż-żejjed li għandna.  Kos, x’kuntrast!  U dan wieħed jifhmu.  Għax l-għana materjali mhux etern u dan kulħadd jafu.  Jekk  tħott illum u tħott għada, malajr tisfa b’xejn.  Kollox immarkat mit-tmiem, kollox jispiċċa, kollox bid-DNA tal-mewt fuqu.

 

Imma l-għana li min skopra l-Imħabba ta’ Kristu jirċievi fil-ġewwieni tiegħu, huwa għana etern, mhux tad-dinja, u d-dinja ma tistax teħodulu.  Il-ferħ ta’ Kristu hu għajn ta’ ilma dejjem ġej u l-għors, is-sodisfazzjon kbir ta’ min għandu dan l-għana hu li jaqsmu ma’ ħaddieħor.  U, ħaġa tal-għaġeb, iktar kemm jaqsam ma’ ħaddieħor iktar jikber l-għana ta’ Kristu ġewwa fih.  Kollox bil-kontra tad-dinja.

 

Tidher il-figura ta’ Ġwanni l-Għammiedi.  Jekk ġej il-Mulej, qablu dejjem jiġi l-Prekursur tiegħu.  Lil dawk li sinċerament terrqu għal għandu għax xtaqu konverżjoni f’ħajjithom jgħidilhom biex jaqsmu mal-oħrajn u hekk iduqu kemm hu tajjeb il-Mulej.  Dawn in-nies kellhom tensjoni f’qalbhom.  Kienu jafu li l-Mulej kien fil-qrib u emmnu l-Kelma ta’ Ġwanni u mtlew b’tama u stennija kbira.  Ġwanni kien ixandrilhom b’qawwa l-Bxara t-Tajba tal-wasla tal-Messija li kien se jimla lil dawk li jemmnu fih bl-Ispirtu s-Santu.  Ġwanni jgħidilhom li l-Messija kien se jgħammidhom bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar.  Dan hu kliem qawwi ħafna u anke l-iktar nies sempliċi li kienu jisimgħuh, fehmuh.  Il-Lhudi kien jaf bit-tejofaniji tal-Mulej, id-dehriet tiegħu fil-mumenti mportanti tal-ġrajja ta’ Israel.  Fuq is-Sinaj Alla kien niżel fost is-sajjetti u l-ilsna tan-nar.  In-nar hu xbiha taż-żelu, tal-ħeġġa, saħansitra sal-punt tal-martirju, li Alla jitfa’ fil-qalb ta’ dawk li huma fidili lejh.  In-nar tal-Ispirtu s-Santu jaħraq il-passjonijiet għall-ħwejjeġ li jgħaddu u l-bniedem jixxennaq biss għal dawk li jibqgħu għal dejjem.  Dan huwa n-nar li Ġesù nnifsu jgħid li ġie fid-dinja biex iqabbad, u dan in-nar li beda jieħu fil-Pentekostè, għadu jħeġġeġ sal-lum għax qed ngħixu fi żmien tal-għaġeb fejn kull ħdax-il minuta x’imkien fid-dinja hemm xi ħadd li qed jagħti ħajtu għal Kristu fil-martirju.

 

Versett: Hallelujah.  L-Ispirtu tal-Mulej fuqi: bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  3, 10-18

 

F’dak iż-żmien: In-nies kienu jistaqsu ’l Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”  U hu kien iweġibhom u jgħid: “Min għandu żewġilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn; u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.”

 

Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu, u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”  U hu weġibhom: “Tissikkaw ’il ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jkollkom tieħdu.”

 

Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”  Qalilhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bir-rapporti foloz tagħkom; ikkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”

 

Il-poplu kien qiegħed jistenna, u kulħadd kien jistaqsi lilu f’qalbu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.  Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulġadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma; imma ġej min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.  Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.  Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”

 

U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-Bxara t-Tajba.

Last Updated ( Friday, 11 December 2015 )
 
< Prev   Next >