Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2015-16) IL-WEGHDA QORBOT BIEX TITWETTAQ PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Saturday, 19 December 2015

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd ta' l-Avvent ( 2015-16)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

vizitazzjoni-gharb.jpg
 L-istatwa tal-Vizitazzjoni ta' l-Gharb

 

Forsi ħafna se jarawha stramba din li se ngħid, imma l-iktar avveniment importanti u li jimmarka l-ħajja li għaddejna minnu huwa l-mument meta ħaduna l-knisja għall-Magħmudija.  Il-Magħmudija hija l-mument kruċjali tal-eżistenza tagħna.  Mhux b’kumbinazzjoni li twelidna f’pajjiż li sa issa, almenu, għadu jissejjaħ ‘Nisrani’.  Alla ried li aħna nitwieldu hawn għax Hu ried li aħna nkunu mmarkati bil-Magħmnudija Qaddisa.  Kemm minna, jaħasra, jaraw fiċ-ċerimonja, fir-rit tal-Magħmudija, sempliċement okkażjoni familjari li ddum ftit minuti, waqt li l-festin ta’ wara jdum ferm iktar. 

 

Għaliex qed nitkellmu fuq il-Magħmudija meta l-Avvent laħaq l-aqwa tiegħu?  Għax l-Avvent qiegħed jipproklama ħaġa waħda: Wasal iż-żmien!  Qorob il-mument!  Waslet biex titwettaq il-Wegħda l-Kbira tal-Missier lill-umanità.  Il-Messija mwiegħed matul id-dlamijiet ta’ sekli sħaħ, issa ġej, wasal, biex idawwal lil dawk li jdawru wiċċhom lejh.  Il-bniedem li dejjem kien mifxul, ma jafx ifisser dak li kien qed jiġrilu, issa jista’ jpoġġi saqajh fis-sod għax Kristu huwa l-Blata Mwegħda. 

 

Din il-Wegħda tal-Messija hija marbuta b’mod intimu mal-Magħmudija tagħna.  Il-Magħmudija ġġorr Wegħda.  Alla jintrabat mal-bniedem li jurih lill-Iben.  Fil-Magħmudija Alla jintrabat, bħalma ntrabat ma’ Abraham, li jagħtih dak li l-isforzi tal-bniedem ma jistgħu qatt jakkwistaw.  Bħalma ġo lewża tal-ballut hemm moħbija l-possibiltà li minnha toħroġ siġra kbira, tal-għaġeb u tant b’saħħitha li minnha kienu jibnu x-xwieni u l-vapuri tal-gwerra fl-imgħoddi, hekk ukoll fiż-żerriegħa tal-Magħmudija tiegħi u tiegħek hemm moħbija l-qawwa tal-konverżjoni, il-misteru tal-mewt tal-bniedem il-qadim u l-qawmien tal-bniedem il-ġdid mibdul fi Kristu ieħor.

 

Il-Wegħda ta’ Alla lil Iżrael li minnu għad jitwieled il-Messija, hija l-istess Wegħda li hemm midfuna fil-Magħmudija, li anke jien u int għad inwelldu l-Messija bil-Fidi adulta tagħna.  Il-vaski antiki tal-Magħmudija tal-ewwel sekli kienu jkunu kbar.  Fuq naħa kien ikun hemm seba’ tarġiet nieżlin ’l isfel sal-ilmijiet tal-Magħmudija, u seba’ tarġiet oħra tilgħin ’il fuq in-naħa l-oħra.  Dak li jkun se jitgħammed kien jinżel is-seba’ tarġiet b’ġest qawwi li juri l-waqgħa tan-natura marida tagħna mħeddla għall-mewt bis-seba dnubiet kapitali.  Imma din in-natura kienet tinqatel, tiġi mgħarrqa fl-ilmijiet tal-Magħmudija u minn ġo l-ilmijiet qaddisa tal-mewt kien joħroġ bniedem ġdid, il-bniedem tat-tifħir,  in-Nisrani veru.  Anke jekk il-Magħmudija tagħna ma seħħitx bl-istess sinjali qawwija imma b’mod aktar sempliċi, fiha hemm l-istess implikazzjonijiet li qegħdin joħolqu tensjoni fina biex iseħħu.  Għalhekk in-Nisrani huwa dejjem il-bniedem tal-Avvent, għax dejjem jistenna li l-Magħmudija midfuna ġo fih permezz tar-rit qaddis, tikber, timmatura, issir adulta u tagħmel minna Kristjani mhux ta’ biċ-ċajt.

 

Iż-żmien qorob li l-Knisja terġa’ tgħix il-Misteru tal-Inkarnazzjoni, tat-twelid tal-Kelma ta’ Alla f’sura ta’ bniedem ġo għar ġewwa Betlehem.  Iż-żmien qed joqrob ukoll biex il-Kelma titlaħħam tassew fina u t-tqala tagħna, tqala li bdiet fil-mument tal-Magħmudija, ma tilidx ir-riħ imma lil Kristu f’dinja li qegħda tistenna d-dehra ta’ Nsara veri.

 

L-Ewwel Qari

 

Bejn sitt u seba’ mitt sena qabel seħħet il-Wegħda f’Betlehem tal-Lhudija, il-Profeta Mikea ġie mogħti minn Alla li jara fiċ-ċpar tal-futur imbiegħed dan l-avveniment imbierek.  Il-poplu kien għajjien, mitluq u mħawwad, ħarstu dejjem ’l isfel lejn it-trab.  Imma l-profeta kien mibgħut biex jerfagħlu ħarstu lejn futur tal-għaġeb, jimlih bit-tama, tama li ttajjar it-telqa u l-qtigħ il-qalb.  Saħansitra jara l-belt ta’ Betlehem, li minnha kien ħareġ David, bħala l-post li kellu jwelled David ġdid, ragħaj ġdid tal-poplu, Sultan ġdid.  Fi żmien iktar imbiegħed, Isaija kien qal: “Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el.” 

 

Ix-xebba titqal mhux bis-saħħa tagħha għax mingħajr l-intervent ta’ raġel.  Hi titqal bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu għax dak li kellu jitwieled minnha mhux sforz id-demm u l-laħam imma sforz il-Wegħda.  Bħalma Iżakk ma twelidx minn Sahra sforz l-intervent ta’ Abraham imma ta’ Alla.  Anke hu kien bin il-Wegħda.  L-istess in-Nisrani.  Hu jitqal bi Kristu u jwelldu meta tasal il-milja taż-żmien mhux bis-aħħa tiegħu, bil-kapaċità tiegħu, bl-opri tiegħu, imma permezz tal-Wegħda li tiġri fil-vini tiegħu bħalma jiġri fih l-ilma li darba ssawwab fuqu fil-Magħmudija. Dan il-Misteru ta’ twelid ta’ tarbija huwa kbira.  Huwa l-Misteru tal-Inkarnazzjoni li seħħ darba fl-Istorja, imma jseħħ u jerġa’ jseħħ kull darba li Nisrani jimmatura biżżejjed fil-Fidi u l-Magħmudija tiegħu, biex ikun jista’ jagħti xhieda ħajja favur Ġesù.

 

Din it-tarbija ta’ Betlehem kellha tikber u ssir ir-Ragħaj il-Kbir li jirgħa l-merħla tiegħu, jgħid Mikea.  Min huma n-nagħaġ tal-merħla?  Huma dawk li kibret fihom il-Magħmudija, ma baqgħetx żerriegħa, okkażjoni ta’ darba li ntilfet fiż-żmien, iżda welldet Fidi adulta.  Huma n-nagħaġ li jisimgħu leħen ir-Ragħaj u jimxu warajh għax jafdawh.  Huma dawk li għandhom moħħhom mistrieħ għax jafu f’min emmnu u wara min mexjin.  Huma fis-sliem għax jiċħdu li jmexxu huma l-Istorja ta’ ħajjithom u ntelqu f’dirgħajn il-Missier, bħal tarbija miftuma f’ħoġor ommha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea.  5, 1-4a

 

Dan igħid il-Mulej: Int, Betlehem Efrata, l-iżgħar fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li għad isaltan fuq Israel; in-nisel tiegħu ġej minn żmien fil-bogħod, minn jiem imbiegħda ħafna.

 

Għalhekk il-Mulej jitlaqhom weħidhom ’il niesu sa ma ’l dik li se teħles titweldilha t-tarbija.  Imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Israel.  U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, fis-sebħ ta’ isem il-Mulej Alla tiegħu. U huma jgħixu bi kwiethom, għax imbagħad is-setgħa tiegħu tkun xterrdet sat-trufijiet tal-art. U dan ikun is-sliem.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm, li se nisimgħu biss parti ċkejkna minnu, aktarx li nkiteb minn xi Levita maħrub wara telfa fil-gwerra.  Huwa Salm ta’ petizzjoni, talba ħerqana lill-Mulej biex iżomm il-Wegħda li kien għamel lill-poplu għax iż-żmien kien imwiegħer u kulħadd kien qata’ qalbu.  Israel kien imadwwar b’għedewwa aqwa minnu u s-saltna issa kienet biss ħolma.  Alla huwa r-Ragħaj, imma l-merħla kienet imferrxa fuq il-għoljiet u l-ilpup kienu qed jagħmlu festa minnha.

 

Is-Salmista jitlob: “Alla tal-eżerċti, erġa’ ejja.”  Jgħidlu biex jerġa jiġi għax diġa kien ġie darba u l-Fidi ta’ Israel kienet imsejsa fuq din l-ewwel miġja ta’ Alla fl-esperjenza tal-poplu.  Din l-ewwel miġja kienet meta b’id qawwija u bi driegħ merfugħ kien ħariġhom, fost l-għaġeb ta’ kulħadd, mill-forġa tal-jasar li kienet il-potenza ta’ l-Eġittu u tahom art tnixxi ħalib u għasel fejn sabu djar lesti li ma bnewhomx huma, siġar taż-żebbuġ u tad-dwieli li ma ħawlux huma, bjar li ma ħaffrux huma.  Dik kienet esperjenza li baqgħet fil-Memorja kollettiva ta’ poplu.  Issa ien hemm bżonn miġja oħra, miġja terġa aqwa mill-ewwel waħda li kienet biss xbiha tat-tieni miġja.  Il-profeti kienu qed jitkellmu fuq din l-esperjenza ġdida, dan l-intervent ġdid tal-Mulej fl-Istorja. 

 

Is-Salm jgħid: “Ħares mis-sema u ara u żur lil din id-dielja.  Ħu ħsieb dak li ħawlet il-leminija tiegħek.”  Kien il-Mulej li qala lil Israel, li qala lil din id-dielja mill-Eġittu biex ħawwilha f’art tajba, l-art ta’ Kangħan.  Huwa warrab lill-ġnus li kienu hemm qabel biex iħawwel lilha.  Hija kibret, xenxlet għeruqha u mliet l-art u ġabet fuqha l-għira tal-ġirien li ħabtu għaliha.  Il-Mulej ippermetta li jħarbtuha, ġarrfu l-ħitan ta’ madwarha u qaċċtu minnha.  L-istess qed jiġri mill-Knisja llum, Israel il-ġdid.  Qed iħarbatha l-ħanżir selvaġġ tal-eteiżmu, tal-bruda, tal-indifferenza.  Ħafna friegħi diġa tqaċċtu.  Kemm parroċċi qed jgħalqu l-bibien fl-Ewropa! 

 

Imma bħalma minn Israel li għaddha miż-żabra tat-telfa biex fiċ-ċokon tiegħu welled lil Alla nnifsu, hekk il-Knisja, fiċ-ċokkon u l-umiltà tagħha se tkun Dawl jiddi ħafna iktar minn dari u minnha jitwieled Dak li hu biss kapaċi jsalva d-dinja.

 

Ritornell: Reġġagħna għal li konna, Mulej.

 

Salm 79

 

O Ragħaj ta’ Israel, agħti widen;

Int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi,

Qajjem il-qawwa tiegħek,

U ejja ħa ssalvana.

 

Alla tal-eżerċti, erġa ejja;

Ħares mis-sema u ara,

U żur ’il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawlet il-leminija tiegħek,

Ir-rimja li kabbart għalik.

 

Ħa tkun idek fuq il-bniedem tal-lemin tiegħek,

Fuq il-bniedem li int qawwejt għalik.

Aħna ma nitbegħdux minnek;

Aħjina, u aħna nsejħu ismek.

 

It-Tieni Qari

 

Meta ngħidu li aħna qed nistennew il-Messija f’dan il-Milied, u li l-Knisja għandha ż-żmien liturġiku tal-Avvent propju biex tgħinna nistennew u nishru għall-Miġja tiegħu, dan ifisser li għalkemm storikament Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu tal-Missier, twieled elfejn sena ilu f’post geoġrafiku li nafu bih, Hu jrid jerġa jiġi fil-qalb tal-bniedem biex ifejjaqha mill-ġrieħi li tkun laqtet matul l-Istorja.  Mhux biss mill-ġrieħi, jrid ifejjaqha Kristu lil qalbna, imma wkoll min-natura mwaqqa’ u miġbuda għad-dnub li writtna mal-konċepiment tagħna f’ġuf ommna.  Kristu jitwieled f’qalb il-bnedmin biex appuntu jagħmilhom bnedmin ġodda, b’natura ġdida, natura li tkun kapaċi tidħol fir-rieda tal-Missier, tiflaħ ma tkunx egoistà iktar, u l-għors tagħha tkun li tgħaddi għal għand l-oħrajn, tgħin lill-oħrajn, tfarraġ lill-oħrajn.

 

Imma hemm ħaġa oħra li Kristu jrid ifejjaqna minnha, u din hi marda serjissima.  L-ebda Nisrani veru ma jista’ jkun marid biha.  L-ebda wieħed li daq kemm hu tajjeb il-Mulej u kemm kbira hi l-Imħabba tiegħu murija ilna f’Ġesù Ibnu qatt ma jista’ jkun vittma ta’ din il-marda.  Din il-marda hi s-sens ta’ ħtija li kull bniedem iħoss b’mod naturali fil-profond tiegħu.  Dan is-sens ta’ ħtija ġej mid-dnub, dak li nagħmlu aħna u dak oriġinali li nirtu, u li l-effetti tiegħu jibqgħu inkallati magħna.  Il-psikoloġija titkellem ħafna fuq dan is-‘sense of guilt’ li jgħarraq ħafna ħajjiet.  L-ebda bniedem ma jaċċetta lilu nnifsu hekk kif inhu.  L-ebda bniedem ma jħobb lilu nnifsu hekk kif inhu.  Inġorru madmad ta’ ħtija dwar min aħna, u din hi gidba faħxija li nibbitha fis-subkonxju tagħna l-għadu tagħna, l-ispirtu tal-ħażen.  Kristu, lili u lilek iħobbna hekk kif aħna.  Ma jippretendix li ninbidlu, lanqas li nikkonvertu, biex iħobbna l-Mulej.  Huwa jħobbna hekk kif aħna, midinbin, dgħajfa, naqgħu u nqumu, naqgħu u nqumu... u anke jekk naqgħu u ma nqumux.  Hu miet għalina meta kellna dejn ma’ Alla, biex iħallas hu d-djun tagħna.  Alla jobgħod id-dnub li nagħmlu għax jerdagħlna l-ħajja, imma lilna jħobbna hekk kif aħna.  Dan hu tal-għaġeb u jmur kontra dak li normalment ir-reliġjon tgħallem.

 

Kull reliġjon għandha riti ta’ tisfija biex nersqu lejn il-maħfra u nidhru sbieħ quddiem Alla, u f’ċertu sens anke l-Kristjaneżmu għandu dan.  Imma fir-rejaltà  in-Nisrani jaf li d-dnubietu kollha, dak li għamel fl-imgħoddi u dak li għad jagħmel fil-futur huma maħfura; hemm prezz li tħallas diġa għalihom u dan il-prezz huwa d-Demm ta’ Alla nnifsu.    Huwa naturali għall-bniedem li jħossu ħati, li jħoss ukoll li jrid iħallas għall-ħtija tiegħu; hu kostrett ipatti.  Imma hawn jiddi l-għaġeb li jagħmel il-Kristjaneżmu xi ħaġa speċjali, xi ħaġa li tmur lil hemm mil-limiti ta’ reliġjon.  Fil-qari li se nisimgħu, il-Kelma ta’ Alla se tgħidilna li m’hemmx tpattija mitluba mill-midneb li jobgħod dnubu u jiggranfa ma’ Kristu.  L-ebda tpattija, għax it-tpattija tpattiet, id-dejn tħallas, l-offiża ġiet imħassra għal kollox.  Minn min?  Min Kristu fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  id-dnub tagħna qatel lil Kirstu imma Kristu qam rebbieħ fuq il-konsegwenża tad-dnub tagħna fuqu.  Huwa għalhekk li d-dnub tagħna huwa maħfur b’mod totali, u mhux tagħna biss imma tad-dinja kollha.  X’għamilt int biex inħafirlek dnubek?  Xejn!  Jekk tgħid li għamilt xi ħaġa, li batejt ħafna biex pattejt għal dnubek, li kont int li qlajt il-maħfra, dan ifisser li tkun qed iġġib fix-xejn il-Passjoni, it-tbatija, il-mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, u dan hu serju!

 

Il-qari mil-Lhud li se nisimgħu huwa qari famuż li, xi ftit, jitfa’ Dawl fuq l-għala Alla niżel f’ġuf ta’ verġni u deher fid-dinja ġo għar tal-annimali.  Il-qari jikkwota Salm 40 fejn il-midneb jgħid lil Alla: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma widnejja int ftaħtli; vittma maħruqa u vittma għad-dnubiet lilek ma għoġbukx.”  Alla ma riedtx tpattija imma widnejja fetaħli.  Għalfejn?  Biex ikellimni fuq Kristu; fuq dak li għamel għalija Kristu; fuq it-tpattija li diġa seħħet;  fuq l-Imħabba enormi li l-Missier għandu għalija li ħasel idu minn ibnu biex ma mmutx jien, ma nbatix jien, ma npattix jien.  Liema religjon tgħidu dan?  Għax illum nisimgħu ħafna ħmerijiet li qed jimminawlna l-fidi.  Jgħidulna, anke kull tant minn ġol-Knisja stess, li r-reliġjonijiet huma kollha tajbin, kollha għandhom xi parti mill-verità, kollha huma xogħol Alla, kollha huma tista’ tgħid l-istess.  Mhux importanti xi tkun, Nisrnai jew Buddista, l-importanti hu li tipprova tgħix ħajja tajba.  Dan hu mod kif id-dinja tipprova ġġib fix-xejn l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu.  Fir-reliġjonijiet kollha, hemm il-bniedem fiċ-ċentru, huwa hu li jrid jaħdem is-salvazzjoni tiegħu, huwa hu li jrid iqaddes lilu nnifsu.  Xi tbatija!  Kemm sforżi!  Kemm gdiedem!  Il-Kerigma tal-Mulej Ġesù tħabbar il-Grazzja.  Il-bniedem hu salv b’rigal tal-Missier.  Kulma għandu bżonn hija l-Fidi fi Kristu, imma Fidi vera.  Hija l-Fidi li ssalva l-bniedem mhux l-opri.  L-opri huma mportanti biex juru li int għandek Fidi għax ħafna huma dawk li jaħsbu li għandhom il-Fidi u huma ngannati.  Hija l-Fidi li tagħmel lill-bnied “ġust”, imma l-Fidi, b’mod naturali, twelled għemejjel qaddisa biex turi li teżisti.

 

Għalhekk il-qari jkompli jgħid: “Hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla.”  Għax malli l-Fidi ddawwal lill-bniedem u turih minn xhiex ħelsitu l-Imħabba ta’ Alla, hu jibda jħobb b’qalbu kollha lil Dak li ħabbu l-ewwel u jagħmel ir-rieda tiegħu, mhux iżjed bil-fors, imma bil-qalb.  Il-qari jispiċċa bil-Kliem ċar: “Aħna konna mqaddsin permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.”  Kemm tassew għandna għalfejn inħobbu u nirringrazzjaw lill-Mulej!

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  10, 5-10

 

Ħuti: Kristu, meta daħal fid-dinja, qal: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int hejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx.  Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla, - kif fil-ktieb hemm miktub minni.”

 

L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, u vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u anqas għoġbuk,”  għalkemm dawn titlobhom il-liġi; imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel, biex iqiegħed flokhom it-tieni.  Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna ġejna mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

 

Evanġelju

 

Jekk ir-reliġjon dejjem tistrieħ fuq dak li jista’ jagħmel il-bniedem, meta Alla wera ruħu, dejjem għamel dan permezz ta’ Wegħda solenni.  Lil Abraham tah Wegħda.  Lil Marija taha Wegħda.  U lil Elizabetta taha Wegħda wkoll.  Kull darba hemm tqala mwiegħda, tqala u twelid ta’ tarbija.  Fl-Evanġelju tal-aħħar Ħadd qabel is-Solennità għażiża tal-Milied, il-Kelma ta’ Alla tiċċelebra żewġ Wegħdiet ta’ Alla li twettqu.  Meta Alla jwiegħed ħaġa, din tkun xi ħaġa enormi, impossibli, lil hemm mill-kapaċità tal-bniedem li jilħaqha.  Għax x’Wegħda hi din jekk il-bniedem ikun kapaċi jgħid: “Bis-saħħa tiegħi akkwistajt dak li xtaqt.” 

 

Fil-Vanġelu jiltaqgħu żewġ nisa mimlija stagħġib għal dak li kienu qed iġarrbu.  Kemm hu hieni l-bniedem li jiskopri, lil hemm mit-tagħlim, lil hemm mit-trobbija u mill-kultura li jkun trabba fihom, jiskopri li dak li sema’ u qalulu kien tassew veru.  Tassew veru!  Tassew veru li Alla jeżisti; li Alla jinteressah minnu, li jħobbu, li wettaq miegħu miraklu, għaġeb kbir.  Għażlu biex ikun ultra-ġeneruż miegħu!  Ikun tassew hieni dan il-bniedem.  Kienu tassew hienja Marija u Eliżabetta għax kienu qed iġorru f’ġufhom trabi li kienu tnisslu lil hemm mill-kapaċità tal-bniedem.  It-tnejn jinfexxu f’għajjat ta’ ferħ, għax il-jum li fih int ‘tara’ lil Alla permezz ta’ dak li jagħmel miegħek ikun l-isbaħ jum ta’ ħajtek.

 

Imma anke aħna mistiedna biex ikollna l-istess esperjenza ta’ stagħġib.  Nerġgħu lura għall-bidu ta’ dan il-programm: fil-Magħmudija li rċivejna hemm ipprogrammati l-mewt tal-bniedem qadim li writtna f’ġuf ommna u t-twelid tal-bniedem il-ġdid li hu għal kollox xogħol Alla.  Aħna għandna Wegħda li nitqalu bi Kristu u dan mhux għax aħna aħjar minn ħaddieħor imma għax hekk twegħedna l-Magħmudija tagħna.  Alla għażilna għal dan minn qabel il-ħolqien tad-dinja u għalhekk sawwab fuqna l-Magħmudija tiegħu.  Iżda int ħieles li temmen dan jew le.  Hu hawn fejn jidħol il-bniedem; fejn nidħlu jien u int.  Ħafna jisimgħu dan li qed nitkellmu fuqu u jgħidu, “Xi ħmerijiet!  Jien flus għandi bżonn, jew, infiq minn dil-marda li għandi, jew, ngħaddi mill-eżamijiet li ġejjin għax jekk le nibqa’ bla xogħol...”  Imma dawk li jieqfu u jaħsbu li għandu mnejn hu tassew li Alla jrid jagħmel ħwejjeġ kbar b’ħajjithom, dawn huma dawk li jistennew lil Kristu jitwieled fihom f’dan il-Milied; huma wlied Marija għax bħalha jkunu emmnu dak li bagħat jgħidilhom il-Mulej.

 

Versett: Hallelujah. Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 39-45

 

F’dawk il-ġranet, Marija qamet u marret tħaffef fuq il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.

 

Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija sselmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani.  Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”

 
< Prev   Next >