Friday, 20 October 2017
           
Home
IL-HADD FOST L-OTTAVA TAL-MILIED (2015) IL-FAMILJA GHALL-QADI TAL-AHBAR IT-TAJBA PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Saturday, 26 December 2015

Din hija il- Liturgija  tal-Hadd fost l-Ottava tal-Milied ( 2015-16)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 
 

Kemm qed nisimgħu dwar il-battalja, jew aħjar gwerra ta’ battalji li l-Knisja Kattolika qed ikollha tiġġieled biex tħares il-kunċett tal-familja! Il-Knisja temmen li l-familja hi dritt sagrosant ta’ kull bniedem u li dan jista’ jilħaq il-milja tiegħu bħala bniedem biss fis-sħana ta’ familja li tipprovdilu tant affarijiet li għandu bżonn.  Dan it-twemmin ma kienx tal-Knisja biss, anzi ġie nkluż ukoll f’dikkjarazzjonijiet internazzjonali mportanti ħafna bħalma hi l-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem eċċ.  Tant hija mportanti l-familja f’dawn id-dokumenti li huma jisħqu li fejn tidħol l-edukazzjoni tat-tfal, biex inġibu eżempju wieħed, huma l-ġenituri li għandhom id-dritt jagħżlu x’tip ta’ edukazzjoni għandhom jinagħtaw uliedhom u dan ma jistax jeħodulhom l-Istat, anke jekk huwa l-Istat, ħafna drabi, li jipprovdi din l-edukazzjoni.

 

Iżda huwa ċar li l-familja tradizzjonali kif nafuha aħna hija taħt attakk mill-midja u mill-kultura dominanti tal-lum, almenu fil-punent.  Dan ilu ġej u jaf il-bidu tiegħu mir-riforma protestanta ta’ Luteru u oħrajn.  Luteru kien jemmen li r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla hija xi ħaġa individwalista, bejnek u bejn Alla, u ħadd ma jista’ jindaħallek kif issawwar din ir-relazzjoni.  Mill-ewwel beda jidher li f’din is-sitwazzjoni ma tantx kien hemm lok għall-Knisja u lanqas għall-familja.  Fil-pajjiżi protestanti l-kunċett ta’ Knisja ma baqax ħafna mportanti għax kulħadd miexi lejn Alla għal rasu u l-Knisja, għalkemm tista’ taqdi u tgħin, ma tistax tindaħallek x’temmen u ma temminx, jew kif tfisser il-Bibbja jew tifhimha.  Int għandek dritt tinterpreta l-Kelma ta’ Alla mod, u sieħbek għandu d-dritt jinterpretaha mod ieħor. 

 

 

Il-familja mill-ewwel ħadet daqqa ta’ ħarta wkoll għax Luteru tilef il-fidi tiegħu fiż-żwieġ bħala sagrament u l-konsegwenza ta’ dan kien li dawn il-pajjiżi kienu l-ewwel li daħħlu d-divorzju b’riżultat drammatiku ta’ kollass familjari li qed naraw illum.  Il-filosofija ndividwalista li tiddomina l-kultura tal-lum u li bażikament tgħidlek li huwa int li int Alla u għandek dritt tiddeċiedi int dak li hu tajjeb jew ħażin, kollha ġejja mir-rivoluzzjoni protestanta li qed naħsdu l-frott tagħha llum, anke jekk xi ġid ħalliet lill-Kristjanità.  L-ikbar ġid kien l-iskoperta mill-ġdid tal-Kelma ta’ Alla mill-poplu, imma x’ironija!  Id-dehra tal-verità li Alla ta lill-bniedem u li hi miġbura fil-Bibbja, illum hija mwarrba minn ulied dawk li tant seħqu fuq l-importanza tagħha fi żmien ir-riforma!

 

Mill-banda l-oħra, għalkemm tant importanti, il-familja mhix l-iktar ħaġa mportanti għall-Knisja.  Il-familja hija Knisja ċkejkna u teżisti biex tgħin lill-Knisja fl-iktar missjoni mportanti li għandha: li xxandar, tipproklama, ixxerred u tixhed għall-Aħbar it-Tajba tas-Sinjur tagħna Sidna Ġesù Kristu.  Dan kien l-aħħar u l-ikbar kmand li Alla ta lid-dixxipli tiegħu qabel ma ħallihom fiżikament.  Għal dan teżisti l-Knisja: biex ixxandar li Kristu rebaħ il-mewt; li hu ġie u libes laħam bħal tagħna u deher f’Betlehem tal-Lhudija biex jitgħabba bid-dnubiet ta’ kulħadd u bħal ħaruf meħud għal qatla jofri ruħu bħala tpattija biex dawk li jemmnu jkunu ġġustifikati, magħmulin ġusti bil-Fidi.  Bl-ubbidjenza għal-Liġi ħadd mhu ġġustifikat, għax kulħadd jidneb, imma bil-Fidi sinċiera u sħiħa fl-Għid ta’ Kristu, iva, nkunu ġġustifikati, bi grazzja.

 

L-Ewwel Qari

 

Bin Sirak jagħtina xi pariri dwar il-ħajja tal-familja li fiha jgħammru l-imħabba u r-rispett.  Mhux kwistjoni ta’ drittijiet u dmirijiet.  Jekk wieħed irid joqgħod jitkellem dwar drittijiet u dmirijiet jista’ jdum il-ġurnata kollha.  Imma l-ambjent li jiddiskriva l-awtur huwa ambjent ta’ Mħabba.  L-Imħabba tgħallimna hi x’għandna nagħmlu għal min inħobbu, u m’għandniex bżonn ta’ pariri.  F’dan il-kuntest tgħodd ħafna l-frażi ta’ Santu Wistin meta qal, “Ħobb, u għamel li trid.”  Jekk tħobb tassew, inti se tagħmel dak li timbuttak tagħmel l-Imħabba għall-ieħor, speċjalment għall-familjari, u fost dawn, l-ewwel il-ġenituri.

 

Il-kmandament li Alla ta lil Mosè fuq is-Sinaj jgħid litteralment: “Weġġah lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.”  (Eż. 20, 12).  Iżrael kien għadu jterraq fid-deżert.  F’moħħu dejjem kellu l-Art Imwegħda li l-Mulej innifsu ddiskrivihielu bħala “art tnixxi ħalib u għasel”.  Dan il-kmandament dwar l-imġieba lejn il-ġenituri huwa l-uniku wieħed li jġorr miegħu wegħda, rigal: min jobdih se jara l-Art... anzi jitkattru jiemu fit-tgawdiha tagħha.  Alla jwiegħdek is-sliem kotran jekk tirrispetta u tħobb lil missierek u lil ommok.  Din hija Kelma ta’ Alla.

 

Ġesù mmarkalna f’moħħna l-viżjoni ta’ Alla Missier u anke, minn fuq is-salib, tana lil Ommu bħala Ommna.  Issa, kif jista’ wieħed iħobb u jagħti qima lil Alla Missieru li ma jarax meta ma jirrispettax lil missieru li jara kuljum.  U kif se jħobb lill-Verġni Marija bħala Ommu jekk ma jħobbx lill-ommu tal-laħam li jaraha kuljum? 

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  3, 2-6,  12-14

 

Il-Mulej iweġġah lill-missier f’uliedu, u l-jedd tal-omm fuq uliedha jwettaq.  Min iweġġah ’il missieru, Alla jaħfirlu dnubietu, u min iweġġah lil ommu, bħal min jaħżen il-ġid.  Min iweġġah ’il missieru jifraħ b’uliedu, u meta jitlob ikun mismugħ.  Min iweġġah ’il missieru jitwal għomru, min iweġġah lil ommu Alla jagħtih il-ħlas.

 

Ibni, ħu ħsieb missierek meta jixjieħ, u qatt, kemm idum ħaj, ma għandek tweġġgħu.  Ukoll jekk moħħu jiħfief, agħdru, u tgħajrux meta int fl-aħjar ta’ saħħtek.  Il-ġid li tagħmel mal-missier ma jintesiex, u jieħu post id-dnubiet.

 

Salm Responsorjali

 

Aħna nafu li ħajjet Marija kienet immarkata minn dak li ħabbar fuqha Xmuni fit-Tempju meta qalilha li sejf kellu jinfdilha qalbha minħabba dak li kellu jgħaddi minnu Binha.  U aħna nafu wkoll li Binha ġie fid-dinja għal siegħa waħda: għall-Passjoni, Mewt u l-Qawmien mill-Mewt.  Hu ġie biex jgħix f’laħmu l-Misteru tal-Għid li jimmarka l-paġni kollha tal-Iskrittura.  Imma dan ma jfissirx li Ġesù, Marija u Ġużeppi għexu ħajjithom fid-dieqa ta’ dell it-tbatija u l-antiċipazzjoni ta’ dak li kellu jseħħ.  Altru li mhux hekk!  Fil-Familja Mqaddsa li l-Knisja tiċċelebra f’dan il-Ħadd, kien jirrenja s-sliem, il-ferħ, il-kuntentizza għax fiha kien hemm l-Imħabba.  U żgur li dejjem kien hemm ukoll it-tbatija, imma it-tbatija hija qaddisa fejn hemm l-Imħabba; it-tbatija tgħaqqad, tressaq lejn xulxin, tislet azzjonijiet ta’ Mħabba.

 

Marija batiet biex welldet lil Ġesù ġo għar tal-annimali.  Ġużeppi nkwieta dwar dan u żgur li għaddielu minn moħħu l-ħsieb li jekk dan kien l-Iben ta’ Alla nnifsu, kif kellu jgħaddi minn dan?  Imma fl-għar ta’ Betlehem kien hemm il-ferħ komplet għax kien hemm l-Imħabba.  L-istess matul il-ħajja ta’ din il-Familja Mbierka.

 

Qed ngħid dan għax is-Salm li ġej jigglorifika l-familja li timxi fil-biża’ tal-Mulej, jiġifieri tgħix f’attenzjoni li ma titlifx id-Dawl ta’ Alla.  Imbierka hija l-familja li tfittex dejjem iktar li tagħraf il-Misteru tal-Imħabba ta’ Alla li hu muri fi Kristu.  il-missier ta’ din il-familja mhux se jinkwieta, għax għandu l-garanzija li jagħtih dan is-Salm li “mix-xogħol ta’ jdejh se jiekol u riżqu se jkun tajjeb.” 

 

Is-Salm ifaħħar il-familja miftuħa għall-ħajja, li mhix egoistà u tikkontrolla t-twelid tat-tfal imma hi ġeneruża u tagħti l-ħajja lil dawk li Alla jixtieq jagħti l-ħajja.  Familja bħal din se jkollha l-għaqda u “l-ulied qishom xitel taż-żebbuġ madwar il-mejda”.  L-għorrief jgħidu li minn din id-dinja stess iħallas il-Mulej lil dawk li jibnu l-familji tagħhom skont ir-rieda tiegħu

 

Ritornell:  Hieni kull min jibża’ mill-Mulej!

 

Salm 127

 

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

Kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol,

hieni int u riżqek tajjeb.

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

’l ġewwa f’darek;

Uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

Madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

Li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm

Tul il-jiem kollha ta’ ħajtek!

 

It-Tieni Qari

 

Għadna kif tajna bidu għas-Sena tal-Ħniena, tal-Miżerikordja  tal-Mulej li għandu qalbu miftuħa beraħ għal kulħadd.  Din il-qalb kollha ħniena għall-bniedem hija l-għajn, il-bidu, l-inizjattiva għas-sliem tal-bniedem, għall-paċi fost il-ġnus.  Mhux il-politika, le, mhux il-mexxejja tad-dinja li jġibu l-paċi permezz tal-laqgħat u s-‘summits’ tagħhom.  Ilkoll għandhom aġenda sigrieta mbuttata mill-egoiżmu; għalhekk is-sliem hu mpossibbli.  Hu mill-qalb li joħroġ kollox, jgħid il-Mulej.  Fejjaq qalb il-bniedem u tfejjaq id-dinja.  Mhux biss paċi bejn il-ġnus ikollna imma wkoll ħabsijiet vojta u familji li ma jitkissrux.  Imma l-bniedem huwa ħieles.  Dak li jersaq lejn il-Ħniena tal-Mulej, li tgħarraq fiha nfisha id-dnubiet kollha bħalma oċean jibla’ fih ix-xita u l-widien li jinżlu lejh... dak il-bniedem li jiskopri u jibqa’ mgħaġġeb bis-sorpriża ta’ din il-Ħniena u Mħabba li bihom huwa mdawwar u mkebbeb, qalbu tfiq minn kull xorta ta’ egoiżmu u jidħol fis-sliem hu u dawk ta’ madwaru.  Kif jista’ qatt ikun li bniedem li jkun daq il-Ħniena tal-Mulej, jibqa’ jiġbed lejh, jibqa’ egoist, jibqa’ jiddefendi ruħu u jieħu r-raġun?  Kif qatt jista’ jkun dan?  Allura d-dnub u l-ġibdiet tal-bniedem huma aqwa mill-Imħabba ta’ Alla, isbaħ minnha, u jissodisfaw iktar minnha.  Ma jkun qatt!  Min jgħid li Alla jħobbu u għandu ħniena lejh, imbagħad hu m’għandux saħħa jaħfer, m’għandux ħila jħenn... dan hu bniedem ingannat u għadu qatt ma ltaqa’ mal-Imħabba ta’ Alla.

 

Fil-qari li ġej mill-Ittra lill-Kolossin, San Pawl jitkellem xi ftit fuq kif għandha tkun l-imġieba tal-aħwa tal-komunità Nisranija bejniethom u anke jmiss kemm kemm dwar l-imġieba li għandek issib fil-familja Nisranija. San Pawl mhux wieħed minn dawk li jħobb jitkellem ħafna fuq il-morali, fuq kif għandha tkun l-imġieba tan-Nisrani barra mid-dar u ġol-familja.  Idur għal dan is-suġġett ’l hemm u ’l hawn, imma l-qawwa tiegħu bħala xandar tidher meta hu jwassal l-Aħbar it-Tajba tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu l-Mulej.  Hu kien jaf tajjeb, għax dik kienet l-esperjenza tiegħu, li meta l-midneb jagħraf dnubietu, jiddispjaċih u mbagħad jifraħ u jiżfen meta jinduna li Alla xorta waħda jħobbu u li hu ġie ġġustifikat mill-merti tal-Għid ta’ Kristu, totalment maħsul minn ħmieġ dnubu fid-Demm għażiż ta’ Alla nnifsu, din l-esperjenza tremenda kienet twettaq rivoluzzjoni fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem konċernat u ma jistax ikun li ma jkunx hemm bidla mpressjonanti fl-imġieba tiegħu fil-familja u ma’ kulħadd. 

 

Kien għalhekk li Pawlu jxandar u jerġa jxandar il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù.  Kien jemmen b’Fidi soda li malli jagħraf il-bniedem l-Imħabba bla limitu li l-Missier għandu għall-midneb, fih titwieled Imħabba reċiproka lejn Alla, l-Uniku li ħabbu hekk kif inhu.  Naturalment din l-Imħabba tissarraf f’opri, f’għemejjel qaddisa, mhux opri u għemejjel tal-Liġi, minħabba l-biża’ ta’ xi kastig;  mhux opri fuq il-qalb... għax hekk jaqbel, xi trid tagħmel... imma opri mill-qalb, opri magħmula b’ħeġġa mbuttati mill-Imħabba.

 

Kien għalhekk li Alla nnifsu niżel jgħammar fi bniedem dgħajjef ġewwa l-għar ta’ Betlehem.  Fih u fih biss kien hemm dan l-Ispirtu tal-Imħabba gratis, Imħabba lejn l-għadu.  Fl-ebda bniedem ieħor ma kienet tinstab.  Imma Hu kien jaf li kien hemm Magħmudija li biha Hu kellu jitgħammed u din il-Magħmudija kienet il-Misteru tal-Għid li kellu jgħaddi minnu, it-tbatija, il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien glorjuż tiegħu.  L-ispirtu li kien bħal arrestat fiH u li kien imxennaq biex jinvadi l-qlub miksura tan-nies, ma setax joħroġ u jimla l-irkejjen tal-univers qabel ma l-Iben ħallas il-prezz tad-dejn li kellu l-bniedem.  Mal-Qawmien tiegħu fir-rebħa fuq id-dnub tad-dinja, Kristu sar Spirtu ta’ Mħabba li jinagħta lil kull min hu mxennaq għalih.  Dan hu d-Dawl tad-dinja.  Din hija t-Tama tal-bniedem.  Dan biss hu l-uniku ċans biex tinżera’ l-paċi fost il-bnedmin.  Huwa dan l-Ispirtu safi u rebbieħ fuq il-ġibdiet kollha tad-dnub u tal-egoiżmi li għandu l-ħila jfejjaq il-qlub mil-ġrieħi tad-dnub u jagħmel qaddisin minn bnedmin goffi, żorri u rashom iebsa fil-ħsara u l-ħażen.

 

Inutli tħambaq lir-raġel kif għandha tkun l-imġieba tiegħu ma’ martu, tal-mara ma’ żewġħa, tal-ġenituri lejn l-ulied u tal-ulied lejn il-ġenituri.  Jekk il-qalb ma tkunx tmesset bis-serjetà minn dan l-ungwent tal-Imħabba ta’ Alla, l-bniedem jibqa’ jħobb fil-limiti tal-egoiżmi tiegħu.  Mhux għax ħażin, imma għax s’hemm kapaċi jasal!  Huwa veru li kull bniedem kapaċi li jasal biex iħobb b’mod qawwi, imma jekk m’għandux l-Ispirtu tal-Kristu adult fih, hemm limiti safejn jista’ jasal, hemm ‘line’ li lil hemm minnu ma jistax jaqbeż.  Mhux ta’ b’xejn li ħafna ‘Mħabbiet’ li dehru tant kbar u sodi, jispiċċaw jinbidlu f’mibegħda.

 

Għalhekk jagħmel il-veru ġid lill-bniedem min ixandarlu l-Imħabba ta’ Kristu.  Jekk inxandru biss moraliżmi, il-Liġi, il-Kmandamenti li trid tobdihom għax tmur l-infern... inkunu qed nagħmlu servizz ħażin lill-bniedem u anke lil Kristu nnifsu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.  3, 12-21

 

Ħuti: Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu.  stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu x’igħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.

 

U fuq dan kollu ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni.  Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed.  U ta’ dan roddu ħajr lil Alla.  Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bil-għerf kollu u widdbu ’l xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla.  Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom, kif jixraw lin-nies tal-Mulej.  Intom imbagħad, irġiel miżżewġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux żorri magħhom.  Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.  Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgġu jaqtgħu qalbhom.

 

Evanġelju

 

Min jaf kemm-il darba smajna u għidna li Kristu ġie fostna għal siegħa waħda.  Din il-frażi  ‘siegħa waħda’ tikkaverja l-aħħar sigħat ta’ ħajtu u l-qawmien tiegħu.  Kristu ġie sabiex iwettaq f’laħmu l-Misteru tal-Għid, l-esperjenza tal-Għid. Betlehem tieħu sens fid-dawl tal-Kalvarju u l-Qawmien.  Kellu raġun Kristu jgħid li l-Iskirttura kollha, kull paġna tal-Bibbja, titkellem fuqu.  Jekk int tmur tfittex fit-Testment il-Qadim, titħawwad għax mhux se tiltaqa’ ma’ isem Ġesù... l-iktar, l-iktar ma xi referenzi li darba Mosè u mbagħad xi profeti għamlu dwar il-miġja ta’ Messija kbir. 

 

Imma Kristu huwa l-Għid u kull paġna tal-Iskrittura titkellem b’mod moħbi fuq l-Għid u allura fuq il-missjoni ta’ Kristu.  Il-Bibbja hi mimlija ismijiet ta’ nies għax hi tirrakkonta kif il-Mulej daħal fil-ġrajjiet ta’ nies konkreti bħalna.  U dawn l-esperjenzi kollha għandhom l-istess proċess: niżla lejn falliment, kriżi, problema, dlam... u fil-qalba ta’ dan kollu jidher dawl jiddi, qawwa li toħroġhom mid-dlam, tagħmel mogħdija magħhom mill-mewt għall-ħajja, mill-vistu għall-festa, mill-għali għaż-żfin.  Araw humiex kollha hekk l-istejjer tal-patrijarki, tal-profeti, tan-nies ġusti, tal-poplu sħiħ ta’ Israel innifsu.  Kollox kien xbiha minn qabel tas-siegħa li minnha kellu jgħaddi Alla nnifsu fil-persuna tal-bniedem Kristu Ġesù.  M’hemmx ħajja ġdida mingħajr mewt.  M’hemx qawmien mingħajr difna.  M’hemmx konverżjoni mingħajr il-mewt tal-bniedem il-qadim tagħna.

 

Anke n-natura tippriedka l-Għid jekk għandna għajnejn biex naraw.  Dak il-ħaxix kollu li qed jikber wara x-xita bikrija tal-ħarifa huwa wild miljuni ta’ żerriegħat li jaraw il-mewt midfuna fil-qabar tagħhom taħt il-ħamrija.  Hemm huma jitħassru, imma mit-taħsir tagħhom tinbet ħajja ġdida.  L-univers kollu huwa hekk.  Anke Marija u Ġużeppi kellhom esperjenzi ta’ Għid wara Għid.  Marija, imħassba u nkwetata, tgħid ‘Iva’ lill-Anġlu tal-Mulej u tintelaq għal dak li ma tafx x’kien se jgħaddi minn għalija;  imma mbagħad tgħaddi għall-ferħ tal-Manjifikat malli tinduna x’ħaġa tal-għaġeb Alla kien qed jaħdem f’ġufħa.  Ġużeppi daħal f’Ġimgħa Kbira żur minn hemm meta ra lill-għarusa safja tiegħu, dik li hu kien jafha sew... jaraha qed tieħu l-forma ta’ mara tqila.  X’ħasda!  X’qatgħa!  X’ġenn!  X’dalma!  Imma mbagħad jintervjeni Alla nnifsu u joħorġu mid-dubji li fnewh bl-aħbar li tah l-Anġlu meta qallu li hu kien il-magħżul fost ulied Israel kollha biex ikun il-ħarries, il-gwardjan, l-għassies ta’ Alla magħmul bniedem.  L-istess jiġrilhom il-ġenituri ta’ Ġesù fil-Vanġelu tal-lum.  Tliet ijiem ta’ dlam ifittxu lil Ġesù mitluf.  Sitwazzjoni li normalment taqla’ l-inkwiet fil-familja għax wieħed iwaħħal l-ieħor.  Imma mbagħad, ekku, il-ferħ tal-Għid meta jsibuh fid-Dar ta’ Alla.

 

Ġesù kien diġa matur biżżejjed biex beda jagħraf li hu kien ġie biex iwettaq ir-rieda ta’ Missieru, u din ir-rieda kienet li jgħadi mill-mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem b’risq il-bnedmin li jemmnu fih.  Ir-rieda ta’ Missieru kienet li hu jbati biex jiftaħ triq lejn il-Ġenna, biex iċarrat il-velu tat-Tempju biex kull min jemmen ikun jista’ jidħol hemm fejn qabel ma kienx jista’ jidħol.  Lil Ġużeppi u lil Marija jsemmilhom xi ftit din ir-rieda tal-Missier, imma kien għadu ż-żmien biex huma jifhmuh.

 

Anke aħna, ħajjitna hi magħmulha minn għadd ta’ esperjenzi tal-Għid.  Jekk ngħixuhom fil-Fidi fi Kristu naraw sens fil-mumenti ta’ tbatija u nitgħallmu nafdaw. Fl-aħħar mill-aħħar dan kollu jkun qed jippreparana lejn l-Għid il-Kbir li kull bniedem irid jgħaddi minnu, il-passaġġ, il-mogħdija minn din il-ħajja għall-oħra, dik eterna, dik li hi għal dejjem.  Kien biex jgħinna nidħlu minn dan il-Bieb, li Ġesù twieled ġo għar tal-annimali.

 

Versett:  Hallelujah. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom; ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  2, 41-52

 

Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid.  Meta kellu tnax-il sena, telgħu, kif kienet id-drawwa, għall-Festa.  U wara li għaddew dawk il-jiem, huma u sejrin lura, it-tifel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.  Billi huma ħasbuh qiegħed ma’ dawk li kienu fit-triq magħhom, baqgħu mexjin jum sħiħ, imbagħad bdew ifittxuh fost qrabathom u n-nies li huma kienu jafu.  Iżda billi ma sabuhx, reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

 

Wara tlitt ijiem sabuh fit-Tempju, bilqiegħda f’nofs il-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.  Kif rawh, stamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk?  Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!”  U hu qalilhom: “Il-għala kontu qegħdin tfittxuni?  Ma tafux li jiena jeħtieġli nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”  Iżda huma ma fehmuhiex il-kelma li qalilhom.

 

Imbagħad niżel magħhom u reġa’ ġie Nażaret; u kien joqgħod għalihom.  U ommu kienet iżżomm u tgħożż dawn il-ħwejjeġ kollha ġo qalbha.  U Ġesù baqa’ jikber fil-għerf, fit-tul u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Last Updated ( Saturday, 26 December 2015 )
 
< Prev   Next >