Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IL-HADD FUQ L-1 TA’ JANNAR EKKU L-MESSIJA! L-EPIFANIJA TAL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Sunday, 03 January 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hadd fuq L-1 ta' JannarL-Epifanija tal-Mulej   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 epifanija.jpg
 L-Adorazzjoni tal-Magi

 

Waqt li l-Avvent huwa s-simbolu tal-istennija li kull Nisrani għandu jkollu, stennija ta’ laqgħa ma’ Kristu mqajjem fuq il-mewt, stennija ta’ daħla dejjem iktar profonda fil-Fidi... waqt li l-Avvent huwa mixja li hi simbolu tal-ħajja Nisranija kollha kemm hi, l-Epifanija hija l-mument li lejh tipponta, timmira din l-istennija mbierka tan-Nisrani.  In-Nisrani matur jixxennaq għal ħaġa waħda, għal grazzja waħda li hi mfissra b’mod tal-għaġeb mill-Appostlui Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Filippin: “Dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi;  minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi.  Irrid nagħraf lilu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet.  Inross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili.  Waqt li ninsa li ta warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi.  (Fil 3, 7-13).

 

Dan hu kliem tal-għaġeb mimli żelu għal Kristu.  Bħal Pawlu, kull Nisrani li daq xi ftit il-ħelsien tal-Mulej, għandu tensjoni tgħammar f’għadmu.  Qatt mhu kuntent b’li għandu ‘mma jrid iktar u iktar.  Għalhekk il-mixja ’il ġewwa fi Kristu tieħu l-ħajja kollha u tibqa’ sal-aħħar mumenti.  L-Epifanija hija l-Wirja, il-mument tal-laqgħa ma’ Kristu u nistgħu ngħidu bla tlaqliq li n-Nisrani miġbud mill-Missier lejn Ibnu, jgħaddi minn Epifanija għal Epifanija, minn Memorjal għal Memorjal, minn Fidi għal Fidi.  Bħas-slaten maġi tal-Epifanija oriġinali, in-Nisrani-pellegrin jgħaddi minn mumenti oskuri fil-vjaġġ tiegħu, iterraq minn mogħdijiet solitarji, imħarbta, mudlama, fejn il-ħitan tas-sejjieħ jaħbu ħallelin u briganti kattivi u qattiela.  Bħas-slaten maġi, il-bniedem li jfittex lil Kristu, jaqa’ fit-tentazzjoni li juża r-raġuni tiegħu u jitlef il-kewkba li kienet tmexxih.  Dan hu rifless tajjeb ħafna f’dak li tgħid il-maħbuba fl-Għanja tal-Għanjiet: “Lill-maħbub tiegħi jiena stess mort ftaħtlu iżda... hu kien diġa’ dar u telaq!  Ħassejtni ruħi ħierġa minħabba fih.  Fittixtu, fittixtu u ma sibtux, sejjaħtlu, u ma weġibnix!  Iltaqgħu miegħi l-għassiesa li jduru mat-toroq u tawni s-swat, ġerrħuni, ħaduli sa ħwejġi l-għassiesa tas-swar!”  (Għanja  5, 5-7). 

 

 

Imma l-Għarus ma jabbandunax l-Għarusa tiegħu li aktar tard tgħid: “Jiena fittixt lill-maħbub ta’ qalbi; fittixtu mingħajr ma sibtu.  Imbagħad sibt lill-maħbub ta’ qalbi; għannaqtu miegħi u ma nitilqu qatt!”  (Għanja 3, 2.4).  Il-maġi wkoll sabuh fejn qatt ma stennew li jsibuh.  Anke int u jien qegħdin interrqu.  Il-Wegħda glorjuża li tagħtina l-Magħmudija hija l-Kewkba li tmexxina.  Il-Missier immarkana biex insibu lil Ibnu; tana Wegħda; intrabat b’Kelma u Hu fidil. Din hi l-Kewkba.  Mhux aħna se nsibu lil Kirstu imma huwa l-Missier li se jmexxina lejh u jwassalna għandu.  Hu jgħaddina minn toroq, minn stejjer u ġrajjiet li jidhru stupidi, anzi, donnhom ibegħduna minn Kirstu.  Jgħidulna li Alla jħobbna, imbagħad tiġrilna xi waħda tinkiteb u niddubitaw f’kollox.  Dan hu d-dlam tal-Fidi.  Imma meta naħsbu li tlifna kollox, dak il-ħin l-aktar li jkun jaħdem il-Mulej.  Meta naħsbu li tlifna l-boxxla u t-triq, huwa dak il-ħin li nkunu qed noqorbu lejn l-għar umli fejn ikun hemm is-Sultan tas-Slaten jistenniena.

 

L-Ewwel Qari

 

B’lingwaġġ poetiku, il-profeta Isaija jitkellem minn qalbu fuq din l-esperjenza tal-bniedem, l-ikbar tfittxija tiegħu għall-Epifanija li hi l-unika li tista’ timlielu qalbu.  Huwa jgħid li d-dlamijiet u sħab iswed għadhom jiksu l-art imma wasal id-dawl u fuqna se jiddi l-Mulej.  Huwa jkellem lil Ġerualemm imma jara fil-bogħod dak li se jiġri bis-saħħa tal-Messija mwiegħed: li l-ġnus kollha se jiddawlu u Ġerusalemm għad tifraħ meta tara dan għax hi se ssir l-Omm ta’ kotra kbira ta’ ġnus.  Popli li kienu mexjin fid-dlam se jaraw dawl kbir.  In-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawl idda fuqhom.  Dan id-dawl kellu joħroġ minn Ġerusalemm, hemm fejn il-Mulej rebaħ il-mewt li twerwer il-popli, u l-qalb tagħha għad tħabbat bil-ferħ.  Lejha għad jiġru kotra ta’ ġnus f’pellegrinaġġ biex isibu lil Dak li fdihom.

 

Din hi Kelma ta’ faraġ għalina.  Żgur li hawn ħafna minna li mhux għaddejjin minn żmien sabiħ f’ħajjithom, min għax imfarrak minn xi ġrajja li ġrat jew qegħda tiġri, u oħrajn mgħaffġin mill-konsegwenzi tad-dnub.  Hawn min ma jistax jifhem li hemm imħabba ta’ Alla fl-Istorja tiegħu, u hemm min ma jistax jaqla maħfra minngħand ħaddieħor jew lanqas jista’ jaħfirha lilu nnifsu hu stess.  Ċerti nies Alla jagħfas idu fuqhom iktar minn ħaddieħor; jgħabbihom b’iktar slaleb; jgħaddihom minn għarbiel ifjen.  Kemm nies insew xi jfisser tkun ferħan!  Kemm problemi!  Kultant tgħid: din is-sbuħija tan-natura li biha aħna mdawrin, din il-ħdura kollha fl-għelieqi tagħna f’dan iż-żmien, il-ġranet tal-għaġeb li kapaċi tagħti x-xitwa, meta jfettlilha, il-baħar meraviljuż, annimal li trabbi u li jħares lejk b’għajnejn fidili... dan kollu donnu biss xi ‘wrapping paper’ sabiħa mmens, li tgeżwer... ix-xejn, anzi tgeżwer xi traġedja!  Din hi rejaltà li jgħixu ħafna. 

 

Lil Iżrael, Alla għaddih minn tiġrib u saffih bi Storja iebsa.  Lil Ġerusalemm, il-mimmi t’għajnejh, hu ħalla l-għedewwa tagħha jgħafsu fuqha darba wara darba u jtellgħu rampi madwari biex jaqbżu minn fuq is-swar tagħha għal ġewwa u jeqirduha sas-sisien.  Meta gergritlu Santa Tereża ta’ Avila dwar il-provi li minnhom kellha tgħaddi, Hu qalilha li lill-magħżulin tiegħu, lill-ħbieb tiegħu jgħaddihom minn provi mhux biex jara sa fejn kapaċi jaslu, għax hu diġa jaf, imma biex fil-prova jissaħħew; u hi weġbitu li mela għalhekk tant ftit jimxu bis-serjetà warajH.  Imma ħaġa naf jien: Iżrael qal, “Lili ppersegwitawni ħafna sa minn żogħżiti, iżda ma kellhomx ħila jegħlbuni!  Minn fuq dahri għaddew dawk li jaħartu, fuq dahri tawlu r-raddi tagħhom.  Imma ġust hu l-Mulej li kisser il-madmad tal-ħżiena.”  (S. 128).  Iżrael baqa’ jeżisti u se jibqa’ jeżistu għax hu l-poplu ta’ Alla u l-imħabba ta’ Alla għalih hi eterna.  Għebu l-imperi li bihom kien maħkum, u l-ġnus li dawruh intesew u ma ssibhomx aktar; imma l-magħzul tal-Mulej, b’sinsla msaħħa mill-Istorja li taħ Alla, jibqa’ għal dejjem.

 

L-istess il-bniedem li l-Mulej qed jistiednu jerfa’ s-salib illum.  Huwa salib li għad ikun glorjuż.  Il-qari li se nisimgħu jgħid: “Għad tħares, u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela’ qalbek!”  Afda fil-Mulej u int għad tara l-glorja tiegħu għax Hu fidil.

 

Qari mill-ktieb tal-Profeta Isaija.  60, 1-6

 

Qum!  Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalemm!  Id-dawl tiegħek wasal!  Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

 

Ara, id-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed lill-popli; iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfeġġ fuqek.  Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija ta’ sbiħek.  Erfa’ u dawwar għajnejk madwarek u ara: ilkoll miġbura ġejjin għandek.  Uliedek ġejja mill-bogħod u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

 

Imbagħad tħares, u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.  Imrieħel ta’ iġmla għad igħattuk, l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa; ilkoll minn Saba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 71 jiftaħ billi jagħfas fuq l-esperjenza ta’ Israel li għallmitu li l-Mulej huwa ġust u jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken iħoss għalih u jsalvah mill-mewt ta’ dejjem.  Bħal Isaija, dan is-salm jitkellem ħafna fuq ir-rigali, u l-Knisja tgħażlu għal-liturġija tal-lum għax ir-rigali huma mportanti fl-Epifanija:  ir-rigali li l-bnedmin jagħtu lil Alla, bħalma tawh is-slaten maġi, imma wkoll ir-rigali li jagħtina Alla.  Liema hu ‘r-rigal’ per eċċellenza li jagħtina l-Missier, u li forsi rari nitolbuhulu?  Huwa Ibnu Ġesù.  Jagħtihulna kollu kemm Hu, jekk nitolbuhulu, Hu li tah darba għal dejjem biex ikun offrut b’sagrifiċċju ta’ tpattija fuq l-għolja tal-Kalvarju.  Ġesù huwa l-ikbar Grazzja li nistgħu nistennew mingħand Alla.  Imma din il-grazzja jitolbuha biss il-‘fqar’, dawk li ġew magħmula ‘fqar’ mis-salib li jġorru, mill-Istorja tagħhom, mill-fallimenti tagħhom.  Dawn in-nies, flok irvillaw għal Alla, baxxew rashom quddiem ir-rieda tiegħu u għarfu li huma kienu dgħajfa, bla ħila, inkapaċi li jmexxu ħajjithom, u hekk saru umli.  Imma din it-triq imwiergħa wasslithom biex sabu t-Teżor li d-dinja kollha fettxet, u għadha tfittex, u tibqa’ tfittex bla ma ssibu, għax tfittxu f’imkejjen żbaljati.  U dan it-Teżor huwa Ġesù u l-Ħajja ta’ Dejjem li qegħda għandu biss.

 

It-tliet slaten maġi, reġgħu lura lejn artijiethom, bnedmin differenti, bnedmin ġodda għax sabu lil Kristu.  Lil Nikodemu, l-Mulej qallu: “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.”  (Ġw. 3, 3).   Il-maġi twieldu mill-ġdid quddiem it-tarbija ta’ Betlehem. Huma telqu lejn pajjiżhom iġorru l-Ħajja vera fihom u bħalma r-ragħajja xerrdu l-Aħbar fl-ambjent tagħhom, huma wkoll ħabbru f’pajjiżhom.  U min jitwieled tassew mill-ġdid jiġi emmnut min-nies għax il-Ħajja ta’ Dejjem mhix xi ħaġa tal-Ġenna biss imma tibda minn hawn, u n-nies jaraw u jgħarfu min hu ħaj u min mhux.  Ir-ragħajja u l-maġi kienu l-ewwel evanġelizzaturi... tal-ewwel kienu nies imwarrbin mis-soċjetà Lhudija, tant li kellhom għajdut, li mhux se nsibuh fil-Bibbja imma li jsemmuh l-istoriċi ta’ dak iż-żmien,  li jgħid: “Jekk taqa’ nagħġa f’bir, ara kif tagħmel biex ittellagħha, imma jekk jaqa’ ragħaj, ħallih!”  Kienu nies li ma kinux igawdu reputazzjoni tajba; nies mikrija biex jgħassu n-ngħaġ, billi ma tantx kellhom possibiltà li jsibu xogħol għax ġeneralment ma kinux ikunu nies li tgħallmu xi sengħa.  Ma kinux nies tas-sinagoga, dawk li nsejħulhom ‘tal-knisja’, jew ta’ xi kultura.  Ma tantx kien jaqbel li xxellef kusek magħhom.  Mill-banda l-oħra l-maġi kienu barranin, dawk li anke fil-Vanġelu huma msejħin ‘il-klieb’, nies li l-Lhud kienu jaħsbu li meta jidher il-Messija mhux għalihom kien se jkun ġie.  Dawn huma t-tip ta’ nies li l-Missier għażel biex ixandru t-tarbija li twieldet fil-beraħ għax ma kienx hemm wisgħa għaliha fl-għamara tan-nies.

 

Ritornell: Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.

Last Updated ( Saturday, 09 January 2016 )
 
< Prev   Next >