Sunday, 22 October 2017
           
Home
IL-MAGHMUDIJA TAL-MULEJ (2016) EPIFANIJA OHRA PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Saturday, 09 January 2016

Din hija il- Liturgija  tal- Maghmudija tal-Mulej bi hsibijiet  min Joe Rapa.

clickhandler.ashx.jpg
 Il-Maghmudija ta' Gesu  min
Gwanni l-Battista

 

Tant hija mportanti l-ideja tal-Epifanija tal-Mulej, li l-Knisja, wara li ċċelebratha b’solennità l-Ħadd li għadda, tkompli tiċċelebraha b’inqas pompa, imma wkoll b’importanza f’dan il-Ħadd u fil-Ħadd li ġej.  Dan, għax li Alla juri ruħu lill-bniedem hi l-quċċata ta’dak li jista’ jistenna l-bniedem mill-eżistenza tiegħu.  l-Epifanija hija l-wirja ta’ Alla quddiem il-bniedem li jfittxu.  Dawk li jkollhom din l-esperjenza li jisru jafu lill-Mulej mill-qrib għax Hu wera ruħu lilhom, huma mdawlin, għandhom is-sens tal-ħajja u jafu li l-Istorja tagħhom hija mmexxija minnu.  Dawk li, mhux biss qatt ma kellhom Epifanija tal-Mulej f’ħajjithom imma lanqas biss xtaquha għax ma jridux li xi ħadd jindaħlilhom f’ħajjithom, dawn qegħdin fid-dlam, u jekk iħaffru fil-fond xejn ma jagħmels sens fil-ħajja għax kollox jispiċċa u jgħaddi.

 

Fl-Epifanija tal-Ħadd li għadda, Alla juri ruħu f’Ibnu lill-ġnus tad-dinja kollha.  Id-dinja li kienet midfuna fid-dlamijiet, tivvinta l-allat tagħha għax ħadd ma jista’ jgħaddi mingħajr xi alla jew xi allat, rat dawl kbir.  Fil-persuna tat-tliet maġi, id-dinja inxteħtet fl-art tadura l-Misteru ta’ Alla magħmul bniedem biex jieħu fuqu d-dnub tad-dinja biex id-dinja tkun iġġustifikata u jinfetħulha beraħ il-bibien tas-Saltna ta’ Dejjem.  Issa, kull bniedem huwa mistieden, imsejjaħ, biex jiskopri l-meravilja tal-Imħabba tal-Missier li ntweriet f’Ibnu Ġesù. 

 

Fil-Liturġija tal-lum, naraw Wirja oħra ta’ Kristu. Minflok il-Kewkba li wrietu lill-maġi, illum għanda lil Ġwanni l-Battista, u iktar importanti, lill-Missier innifsu li jixhdu għalih.  Fil-Magħmudija tiegħu fil-Ġordan, naraw ipproklamat il-programm tal-missjoni ta’ Kristu b’risq tiegħek u tiegħi.  Dan se narawh fil-Vanġelu.  Kristu se jkun muri anke l-Ħadd ta’ wara bħala l-Waħdieni li kapaċi jbiddel qalb il-bniedem u jgħaddiha mill-vistu għall-festa, mill-ilma bla togħma għall-inbid tal-ferħ.  L-ewwel miraklu ta’ Ġesù f’Kana tal-Galilija kien il-Wirja, l-Epifanija ta’ Kristu bħala l-bniedem ta’ Alla, il-Mibgħut biex jagħti tama lil dawk li huma mgħaffġin taħt is-salib tagħhom.

 

L-Ewwel Qari

 

Aħna lkoll infittxu l-ferħ u s-sliem fil-ħajja.  Kull bniedem jagħmlu dan.  Min jidneb, jidneb għax jemmen li fid-dnub isib il-ħelsien, dak li tixtieq qalbu.  Min jipprova jivvinta xi ħaġa, joħloq xi kapulavur, jagħmel suċċess minn ħajtu, jaħdem minn filgħodu sa filgħaxija... dawn kollha għall-istess għan jitħabtu.  Imma hemm numru ta’ nies, magħżulin minn qabel mill-Missier, magħżulin minn qabel il-ħolqien tad-dinja, mhux għax huma aħjar mill-oħrajn, imma bħala servizz għall-oħrajn... magħużulin biex jindunaw li fi Kristu, Alla wera ruħu, u għalhekk m’hemmx sens għall-ħajja, m’hemm imkien verità, m’hemmx glorja għall-bniedem jekk mhux fi Kristu.

 

L-ewwel qari li għandna, minn Isaija, jħeġġeġ lill-poplu ta’ Alla biex ilesti ruħu għax kienet qed toqrob il-miġja, l-Epifanija tal-Messija mistenni.  Hu qari ta’ ferħ, Aħbar Tajba.  Kemm hawn nies fostna li jixxenqu għal Aħbar Tajba f’ħajjithom!  Il-qari se jgħid, “Itla’ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm; għajjat, la tibżax.  Għid lill-ibliet ta’ Ġuda: ‘Hawn hu Alla tagħkom! Hawn hu Sidi l-Mulej li ġej bil-qawwa, u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.’”  (Is. 40, 9).  Fuq Iżrael kien għafas il-madmad tal-ħżiena, għalhekk kien imxennaq għall-ħellies imwiegħed.  Kien jgħarrex għalih bħall-għassies ta’ bil-lejl għall-ewwel dawl taż-żerniq.  Ilkoll kemm aħna xi darba, jew xi drabi, waqa’ fuq għonqna l-madmad tat-tbatija; tbatija ta’ xi nkwiet, ta’ xi firda fil-familja, ta’ mard, ta’ xi falliment, ta’ wġigħ ta’ qalb.  Ilkoll nafu xi jfisser dan, u f’dawn l-esperjenzi doqna kemm hu dgħajjef il-bniedem, kemm għandu bżonn Salvatur.  Ippruvajna nsolvu l-problemi b’ħafna modi u morna għand ħafna nies li ttamajna li jistgħu jgħinuna, imma jiġu mumenti, inħabbtu wiċċna ma’ fatti li fihom ħadd ma jista’ jgħinna wisq.

 

Dawn il-provi huma ta’ toqol immens fil-mument li wieħed ikollu jerfa’ salibu, jrid jew ma jridx, imma meta jgħaddi ż-żmien, meta jerġa’ jibnazza, nindunaw li l-problemi jimmaturawna, jagħmluna aktar umli għax juruna l-verità li ħadd minna mhu Alla, li Alla hu xi ħadd ieħor anke jekk kien hemm mumenti, meta kollox kien ġej sewwa, li fihom ġibna ruħna ta’ Alla.  Imma l-Istorja hija mbierka għax iċċekkinna u ngħarrxu anke aħna għall-Messija, għal Kristu Ġesù, u jaqbadna għatx biex ngħarfuh iktar mill-qrib, biex nistaqsuh: “Fejn toqgħod, Mgħallem?”  u hu jgħidilna, “Ejjew u taraw” u mmorru noqogħdu ftit miegħu.

 

Isaija jgħid li l-Messija ġej bi ħlasu miegħu u bir-rebħa tiegħu quddiemu.  Liema ħlas?  Il-ħlas li hu ħallas fuq il-Kalvarju biex jixtrina mill-jasar tax-xjaten.  Aħna lkoll twelidna mibjugħa lid-dlamijiet, b’natura mwaqqa’ miġbuda għad-dnub u l-egoiżmi.  Tellajna quddiem il-Missier kont li qatt u qatt ma jista’ jitħallas.  Imma l-Aħbar ta’ Kristu hi li dan il-kont tħallas; tħallas minn Dak li hu biss seta’ jħallsu, hu biss kien għani biżżejjed biex iħallsu.  U r-riżultat ta’ dan kien li min jemmen f’dan jidħol fis-Saltna tal-meħlusin, tal-mifdijin.  Huwa hu r-ragħaj li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu; imur hu bejn il-lupu mġewwaħ u bejni, bejn il-lupu u bejnek.  U r-rebħa hija tiegħu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  40, 1-5.  9-11

 

“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi,” jgħid Alla tagħkom.  Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunitha, ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha.

 

Leħen jgħajjat: “Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.  Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħattba titwitta, kull art imħarbta ssir magħqad.  U tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa, għax fomm il-Mulej tkellem.”

 

Itla’ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm; għajjat, la tibżax.  Għid lill-ibliet ta’ Ġuda: “Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.  Hawn hu bi ħlasu miegħu, u r-rebħa tiegħu quddiemu. Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm li ġej huwa għanja ta’ tifħir lil Alla mill-bniedem li hu mgħaġġeb bis-sbuħija u s-saħħa tan-natura ta’ madwarna li minnha nnifisha tkanta kemm hu tal-għaġeb il-Mulej.  Mhux biss li l-ġmiel huwa xogħol idejh u ħsieb moħħu, imma l-univers kollu jżomm għax iżommu hu!  Huwa jagħti l-ikel lill-annimal umli, jieħu ħsieb ir-raba’ għatxan billi jtella s-sħab u jibgħat ix-xita bikrija u mwaħħra, jiksi l-widien u l-għoljien bit-tapit aħdar tal-ħajja, itella x-xemx biex iddawwal il-jum u jniżżilha biex bniedem u annimal ikunu jistgħu jistrieħu fil-ħemda tal-lejl.  Kollox tal-għaġeb huwa għamel.  Qassam is-sena fi staguni li kollha għandhom il-grazzja u l-ħlewwa partikulari tagħhom.  Kollox iħares lejh għal nifs il-ħajja b’għajnejn umli bħal dawk ta’ qaddej lejn id sidu.  Kbir huwa l-Mulej f’dak kollu li għamel imma l-ikbar ħaġa li wettaq hija l-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu f’ġisem bħal tal-bnedmin biex jifdi l-ħolqien kollu mid-duda li qed tgħarraqlu ġmielu li hija s-susa tal-mewt.

 

Imma biex jagħraf lill-Iben, il-bniedem għandu bżonn id-dawl tal-Ispirtu ta’ Alla.  Minnu nnifsu huwa ma jistax jersaq lejn is-sagru, lejn il-qaddis għax ġie ferut mid-dnub.  Imma bl-Ispirtu, il-bniedem jagħraf li fejn ma setax imur hu, niżel Alla biex jiltaqa’ miegħu, biex jagħmel Epifanija miegħu.  Għalhekk dan is-Salm jgħid, “Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; jekk teħdilhom nifishom, imutu, u lejn it-trab jerġgħu jmorru.  Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ tal-art.”  (S. 104, 29-30). 

 

Huwa l-Ispirtu li jġeddidna, jagħmel minna lkoll żgħażagħ fl-aħjar ta’ żmienna, mimlijin żelu għax-xogħol tal-Mulej, u mimlijin tama u ottimiżu għax Alla magħna, anke jekk id-dinja hi mdallma u l-Istorja tagħna taf tkun ħafna diffiċli.  Għax il-ħabib ta’ Alla għandu fiduċja billi jaf mill-esperjenza li f’kull sitwazzjoni mdallma, f’xi ħin jew ieħor, il-Mulej se jibgħat id-Dawl tiegħu, se jerfa’ lil min se jkun ħa jogħtor.  Alla hu fidil.  Hu jaf bis-sitwazzjoni tiegħek u tiegħi.  “Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha.”  (S. 104, 27). Mela minn min?  Il-bniedem tal-Fidi jaf li wara l-kantuniera hemm Hu jistennieh; għalhekk ma jibżax, anke jekk l-aħbar tkun ħażina.

 

“Inti tagħtihom u huma jiġbru; tiftaħ idejk u jixbgħu bil-ġid.”  (S. 104, 28).  U jekk għandna sens u dawl f’moħħna, nafu x’inhu l-ikbar ġid li jista’ jagħtina Alla.  Għandna bżonn ħafna ħwejjeġ materjali, veru, u hawn min għandu bżonn ħafna iktar minna, wkoll.  Imma l-ikbar ġid, il-ġid veru li kull bniedem jixxennaq għalih, bla ma jaf, hu l-għarfien glorjuż tal-Imħabba ta’ Alla murija, magħmula Epifanija, fi Kristu Ġesù.  Alla lest li jagħti ħajtu għalik; allura kif ma jagħtikx kollox?  Kristu huwa ‘il-kollox’.  Jekk għandek lilu għandek kollox.  Dan hu l-bniedem tassew hieni u hu jbierek lil Alla minn qiegħ qalbu, anke jekk hu mdawwar bin-nirien tal-prova.

 

Ritornell:  Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej!

 

Salm 104

 

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

Bid-dawl, bħal mantell, inti mkebbeb.

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda,

Waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

 

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,

Fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek

U l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlja l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

 

Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,

Li fih jimraħ ħut bla għadd;

Bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

 

Minnekjistennew il-ħlejjaq kollha

Li tagħtihom ikilhom f’waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

Tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,

U lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

U inti ġġedded il-wiċċ tal-art.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Mulej Ġesù deher fid-dinja biex jiġbor għalih poplu magħmul minn nies normali, dgħajfa u midinba bħall-oħrajn, imma li hu ried inaddafhom mill-egoiżmu u l-ġibda għad-dnub biex jagħmilhom Dawl għall-kumplament tal-ħolqien u hekk is-Salvazzjoni tasal għand kull bniedem.  X’inhi r-Rieda ta’ Alla għalik?  ir-Rieda ta’ Alla hi li kull min jemmen f’Ġesu, jevanġeliżża.  Lilek il-Missier iridek twassal il-Ġesù għand dak li jiġi minnek, jew sieħbek fuq ix-xogħol, jew il-ġar tiegħek li ilkoll qed jgħixu fid-disperazzjoni u bla tama.  Huwa sejjaħlek u  tak xi ftit tal-għarfien ta’ Kristu u mburġak bl-Imħabba biex int tkun tista’ tfiq minn ġewwa, toħroġ mill-għeluq tiegħek u tgħaddi għal għand l-ieħor li qed iħares lejk bil-ħniena biex forsi tagħtih xi Kelma li tgħinu.  Din hija r-Rieda ta’ Alla għal kull imsejjaħ biex ikun Nisrani veru.  Il-qari jgħid, “Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.”  (Tt. 2, 14).  U x’inhu dan l-għemil it-tajjeb?  Hu li tagħti b’xejn dak li int irċivejt b’xejn.  Jekk tassew emmint il-Bxara t-Tajba tal-Mulej Ġesù, int tkun tixtieq taqsamha ma’ ħaddieħor, għax il-ġid ta’ Alla mhux bħal dak tad-dinja.  L-għana tad-dinja nibżgħu għalih għax nafu li jonqos u jispiċċa.  Kulma għandu x’jaqsam mad-dinja jagħmilna iktar egoisti milli aħna.  Imma l-għana ta’ Alla jiżdidilna iktar kemm naqsmuh mal-oħrajn, u l-għana ta’ Alla hu Ġesù Kristu u l-għarfien tal-għoli u l-fond, tal-wisa’ tal-Imħabba tiegħu.

 

Imma l-ebda bniedem ma jista’ jagħti milli m’għandux.  L-ebda barmil vojt ma jista’ jimla barmil vojt ieħor. Jekk nikkalkulaw, u nibżgħu nirriskjaw fi Kristu, dan ifisser li għad m’għandniex l-għana tal-Missier li Hu tana f’Ibnu.  Għadna m’għarafniex biżżejjed x’wettaq f’isimna fuq l-għolja tas-salib u x’intrebaħ għalina bil-Qawmien tiegħu.  Dan mhux tort tagħna jew għax aħna injoranti u stupidi u ma nafu xejn teoloġija.  Li ngħarfu t-Teżor tal-Ħajja li hemm moħbi fi Kristu trid tkun il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.  Huwa hu d-Dawl li jdawwal dak li hu mċajpar, u din il-grazzja l-Missier jagħtihielna meta jrid Hu għax Hu jaf meta tasal il-milja taż-żminijiet għalik u għalija.  Hu jaf meta hu l-aħjar żmien għall-konverżjoni totali tagħna lejH. 

 

Bi Kliem qawwi, San Pawl jgħid: “Meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu.”  (Tt. 3, 4-5).  “Feġġet”.  Kienet dejjem hemm l-Imħabba ta’ Alla għalina, imma wasal mument meta “feġġet”.  Hekk jiġri ma’ kull wieħed minna.  Jasal mument, jista’ jkun jum bħall-oħrajn, jew jista jkun li tkun f’xi nkwiet kbir, meta għall-Missier dak ikun il-milja taż-żmien.  Huwa jdawlek, jaħslek min-natura l-qadima u jġeddek, jagħmlek “ġdid” bl-Ispirtu s-Santu.  Dak in-nhar tinduna min hu tassew Ġesù, il-Kristu mibgħut biex isalva lil ħajtek, u dan jagħmlu mhux għax int xi ħaġa, jew aħjar mill-oħrajn.  Jiġifieri, il-Missier jagħti lil Ibnu mhux bħala riżultat tat-tjieba u l-opri tiegħek, imma “gratis”, b’xejn;  għalhekk tissejjaħ grazzja.  Dan hu mportanti, għax il-Fariżej irċivew ħafna mingħand Alla.  Irċivew imħabba lejn l-Iskrittura; rieda sħiħa li jagħmlu r-rieda ta’ Alla u jħarsu l-Liġi tiegħu; sens qawwi ta’ sagrifiċċju u penitenża; biex ma nsemmux ukoll il-karità li kienet titlob minnhom il-Liġi.  Imma dan kollu ħasbu li kienu qed jagħmluh sforz it-“tjieba” tagħhom, is-“saħħa” tagħhom, il-“qdusija” tagħhom.  Tilfu l-qagħleb u l-ġbejna għax saru kburin u kienu jħarsu lejhom infushom bħala differenti mill-oħrajn, u aħjar minnhom.  Dan webbsilhom qalbhom u għamielhom lil għajnejhom, u meta wasal il-“Ġust”, l-Imwiegħed, huma ma għarfuhx, waqt li l-fqar, iva, għarfuh.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lil Titu.  2, 11-14;  3, 4-7

 

Għax dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażan u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.  Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb. 

 

Meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu.  dan l-Ispirtu hu sawbu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna.

 

Evanġelju

 

Għat-tieni Ħadd konsekuttiv, il-Knisja tpoġġi quddiemna l-Epifanija, il-Manifestazzjoni, il-Wirja tal-Messija Salvatur.  Li, Dak li Alla kien wiegħed, issa jkun muri lid-dinja, hu ta’ mportanza enormi għall-Knisja.  Din hi l-Missjoni tagħha fuq kull missjoni oħra.  Hu tajjeb li l-Knisja tiddefendi l-ħajja fil-ġuf, taqbeż għall-familja, tinagħta għall-karità, tkun il-leħen tad-dgħajjef, il-fqir u l-imwarrab... u dan hi ma tistax ma tagħmlux, min-natura tagħha.  Imma lil hemm minn dan kollu, ħafna iktar importanti u bżonnjuż għad-dinja hu li xxandar lil Kristu bħala l-uniku li jista’ jiwieġeb għall-problemi “veri” u profondi tal-bniedem.

 

Int li tinsab għaddej minn storja partikulari, bħalma ninsab għaddej jien u jinsab għaddej kulħadd, tfittex solużżjonijiet għall-problemi li għandek.  Il-kotra, l-ewwel ħsieb li jiġihom hu li jfittxu għand min imorru, min jista’ jgħinhom fost in-nies li huma mdawrin bihom: tobba, professuri, psikjatri, edukaturi, politiċi, min iħaddem... u l-bqija.  Dawn kollha jistgħu ikunu ta’ għajnuna.  Il-Knisja ma tgħidlekx biex ma tfittixx l-għajnuna tal-oħrajn, imma fuq kollox hi xxandarlek lil Kristu bħala s-soluzzjoni ta’ kull problema.  Kristu, fil-Qawmien tiegħu, sar Sid u Rebbieħ fuq kull problema li teżisti. Għalhekk, jekk bniedem mgħobbi b’xi saram, jersaq lejn Kristu u jitolbu bil-ħniena, wara li jkun ħabbat il-bieb ta’ ħafna għalxejn, dan se jibqa’ mpressjonat bil-mod kif Alla jwieġeb għat-talba tiegħu.  Jista’ jkun li xejn mill-problema ma tinbidillu, jew jista’ jkun li tisparixxi.  Imma ħaġa waħda hi ċara: Ġesù jdawwal lill-bniedem u dan jibda jħares lejn kollox b’għajnejn ġodda, differenti.  U jekk jibqa’ jġorr salib, dan isirlu ħelu. Dan id-dinja ma tistax tagħtih.  Jekk żwieġ qed jitfarrak, id-dinja tagħtik parir li teħles.  Jekk tmur għand Kristu, jista’ jkun li ma jbiddilx il-mara li għandek u li hi tant differenti minnek, imma lilek jagħtik li tara lil martek f’dawl ieħor.  Dan hu biss eżempju wieħed.

 

L-Evanġelju tal-lum jiċċelebra l-bidu tal-missjoni ta’ Kristu li jsewwi l-qlub, jinfaxxa l-ġrieħi, u jsalva lill-bniedem mill-biża’ tal-mewt li għandu.  Fuq kollox jurina l-umiltà ta’ Kristu u l-umiltà tal-qaddej tiegħu Ġwanni l-Battista.  Min għandu l-verità huwa umli.  Min isib lil Alla huwa umli, mhux għax hu tajjeb hu, imma għax fid-Dawl ġdid li jirċievi, isib il-veru qjies ta’ kollox; jagħraf ix-xejn tiegħu, kif għarfu Ġwanni, u l-kobor enormi u bla qjies ta’ Alla.  Kemm hi kbira l-virtù tal-umiltà! Hieni l-bniedem li għandu lilha; kemm inkwiet jifranka, kemm tqanqil u passjonijiet;  kemm kalma u sliem iserħulu moħħu!

 

Versett: Hallelujah.  Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instama’: Dan hu Ibni l-Għażiż, isimgħu lilu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  3, 15-16, 21-22

 

F’dak iz-żmien: Il-poplu kien qiegħed jistenna, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu f’qalbu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.  Għalhekk Ġwanni qabad u qal ’íl kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma; imma ġej min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix inħill il-qfieli tal-qorq tiegħu.  Hu jgħammidkom fl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”

 

Issa ġara li, wara li kien tgħammed il-poplu, fil-ħin li Ġesù tgħammed ukoll u kien qiegħed jitlob, is-sema nfetaħ u niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu, f’sura li tidher bħal ħamiema, u ġie leħen mis-sema: “Inti Ibni l-għażiż; fik il-għaxqa tiegħi.”

Last Updated ( Saturday, 09 January 2016 )
 
< Prev   Next >