Wednesday, 16 August 2017
           
Home
IT-TIENI HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-KRISTJANEZMU HUWA ZWIEG PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Saturday, 16 January 2016

Din hija il- Liturgija  tat-tieni Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

kana.jpg
 It-tieg ta' Kana

 

Hekk kif għalaq iċ-ċiklu tal-festi tal-Milied, il-Liturġija tal-Knisja tibda t-triq twila tagħha ta’ matul is-sena li se tiġi nterrotta ftit ġimgħat oħra bir-Randan u mbagħad bi Żmien il-Għid, biex wara terġa taqbad iż-Żmien ta’ Matul is-Sena li jwassalha sa Avvent ieħor, jekk Alla jrid.  Din il-mixja Liturġika hija msejsa biex aħna ngħixu u nomogħdu l-Misteru kbir tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, nikbru dejjem aktar fil-Fidi u, fuq kollox, nidħlu f’intimità kbira miegħu li twassalna biex iktar kemm noqorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjitna fuq din l-art iktar nixxennqu li ningħaqdu u nsir ħaġa waħda mal-Għarus tagħna fil-Ħajja ta’ Dejjem, li għalkemm tibda hawn, issib il-milja tagħha fil-Ġenna fejn hemm merfugħa għalina ħwejjeġ li la għajn qatt ma rat u lanqas widna qatt ma sengħet!

 

Qed nsemmi din l-intimità ma’ Kristu li hemm bżonn li nikbru fiha, għax f’dan it-Tieni Ħadd Matul is-Sena, il-Knisja tagħmel festa miż-Żwieġ Nisrani.  Minn dejjem, il-Knisja ddefendiet il-familja u ż-Żwieġ, tant li, għall-kuntrarju ta’ xi knejjes oħra Nsara, hija tqisu bħala Sagrament, jiġifieri ħidma qaddisa tal-Ispirtu s-Santu.  Imma llum nixtieq li nixħtu għajnejna fuq Żwieġ ieħor, Żwieġ iktar meraviljuż minn dak bejn raġel u mara, Żwieġ iktar profond, iktar mistiku, iktar qaddis, iktar tal-għaġeb.  San Pawl jgħid li ż-Żwieġ bejn raġel u mara li hu tant għal qalb Alla, hu biss xbieha ta’ dan iż-Żwieġ l-ieħor li huwa bejn Kristu, l-Għarus, u l-Knisja, l-Għarusa tiegħu;  bejn Kristu, l-Għarus, u inti, l-Għarusa tiegħu.  Aħna lkoll, nisa u rġiel, għandna ruħ li ‘nistħajluha’ femminili, ruħna hi femminili, l-Għarusa, waqt li Kristu hu l-Għarus.  Kristu huwa ħerqan biex jitgħarras miegħek, jibni relazzjoni ta’ Żwieġ miegħek, jitwaħħad, isir ħaġa waħda miegħek!  Dan hu tal-għaġeb.

 

Dan il-Misteru, din ir-relazzjoni ta’ bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, bejn Kristu u bejnek, bejni, hi mħabbra minn qabel fil-Bibbja biż-Żwieġ bejn Alla u l-Għarusa tiegħu Iżrael, u hu deskritt f’poeżija meraviljuża li hi l-“Għanja tal-Għanjiet”, wieħed mill-Kotba tal-Iskrittura.  F’dan il-Ktieb ta’ Mħabba, insibu l-kliem ta’ namur li l-Għarus u l-Għarusa jaqsmu bejniethom; insibu l-kliem li bih Ġesù jixtieq isemma f’widnejn il-bniedem/il-bniedma li hi bil-għatx għall-Imħabba tiegħu.

 

Huwa dan iż-Żwieġ mistiku ma’ Kristu biss, biss, li jimla lil qlubna, għax qalbna ġiet maħluqa għalih, għandha l-forma tiegħu, u xejn u ħadd ma jista’ jimliha eżatt daqs kemm jista’ jimliha l-Mulej Ġesù.  Tfittex kemm tfittex, m’int se ssib lil ħadd li lilek iħobbok hekk kif int, bid-difetti, bit-tikmix, bil-karattru tiegħek, li lanqas int stess ma taċċetta.  Ħaddieħor jista’ jħobbok ħafna, imma hemm ‘line’ li lil hemm minnu ma jistax iħobbok, bħalma int ukoll ma tistax tħobbu.  Imma Kristu jħobbok lil hemm minn dak il-‘line’, anżi Hu daħal fil-mewt minflokok meta int lanqas biss kont temmen li Hu jħobbok, u int kont tħobb allat oħra.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Istorja tas-Salvazzjoni hija r-rumanz tal-Imħabba bejn Alla u Ġerusalemm/Iżrael, li huma xbiha tal-Knisja.  Dan ir-rumanz huwa wkoll, (u dan hu l-aktar li jinteressa lilna), l-Istorja tan-namur li Kristu għandu miegħek, għandu miegħi.  Għalhekk il-qari li ġej minn Isaija għandna nqisuh li qed jirreferi għall-Knisja, imma fuq kollox għalija u għalik.  Għalhekk il-Bibbja hi teżor, għax hi xi ħaġa personali, li għandha x’taqsam direttament miegħi u miegħek.

 

Sikwit aħna nimtlew b’dubju dwar dan l-Għarus tagħna, għax donnu jaħarbilna. Fl-Għanja tal-Għanjiet, l-Għarusa titniehed u tgħid: “Jien fittixtu l-maħbub tiegħi, fittixtu mingħajr ma sibtu!” (Għanja 3, 1).  Sikwit, anke jekk ikollna ntenzjonijiet tajba, infittxu l-Mulej imma nħossuh ’il bogħod.  Kollox jiġina tqil: tqil nitkellmu miegħu, tqil tara l-Imħabba tiegħu f’dak li jiġrilek, tqil biex tifhem il-Kelma tiegħu.  Imma l-Għarus tagħna huwa namrat per eċċellenza; ħadd daqsu ma jaf kif għandu jibni relazzjoni vera u matura ta’ Mħabba.  Għax hu f’dawn il-mumenti ta’ nixfa, ta’ għatx li tikber l-Imħabba!  Iktar kemm l-Għarusa ddum ma tara lill-maħbub ta’ qalbha, iktar tixxennaq għalih! 

 

Hu għalhekk li b’fomm il-profeta, l-Għarus jgħaġġel isawwar kliem ħelu ta’ faraġ biex iqawwi qalb l-Għarusa tiegħu.  “Minħabba fik mhux se nehda, minħabba fik mhux se niskot.  Lilek għad nagħmlek ferm isbaħ milli int illum u isem ġdid għad nagħtik, għax int tkun għal kollox ‘ġdida’ għalija!”  Kristu jwiegħed lili u jwiegħed lilek ħwejjeġ kbar, għax m’hemmx limitu fejn tista’ tasal l-Imħabba.  Għax jekk illum tħossok mitluq jew mitluqa, waħdek, b’vojt etern fil-qalb li tnixxi demm mill-ġrieħi tagħha, għad jasal iż-żmien meta l-Mulej għad isejjaħlek “Għaxqti fik”.  Immaġina ftit!  Int tkun l-għaxqa ta’ Alla nnifsu!  Hu li ħalaq il-ġmiel kollu ta’ madwarna, għad jinsa kollox u jitgħaxxaq bik!  “U bħalma l-Għarus jitgħarras xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek; u bħalma l-Għarus jitgħaxxaq b’Għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.”  (v. 5).

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  62, 1-5

 

Minħabba f’Sijon ma nehdiex, minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx.  Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha, bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.  Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, u s-sebħ teigħek jarawh is-salten kollha.

 

B’isem ġdid għad isejħulek, isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.  Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.  Ma jgħidulekx aktar “il-Mitluqa”, anqas lil artek ma jsejħulha aktar “l-Imħarbta”.  Lilek għad isejħulek “Għaxqti Fiha”, u lil artek għad igħidulha “Għarusa”, għax il-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.

 

Bħalma l-għarus jitgħarras xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek; u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

 

Salm Responsorjali

 

Din l-Imħabba meraviljuża tal-Għarus intweriet lilna f’Ġesù.  Min jemmen li din l-Imħabba, dan Ġesù, huwa tassew l-Iben ta’ Alla, jsalva.  Min jemmen tassew sa fil-fond ta’ qalbu li Alla tant għandu grazzja miegħu, anke jekk hu midneb, tant għandu grazzja miegħu li biex jifrankalu l-mewt ta’ dejjem ħalla li jdendluh ma’ għuda kiefra, minn tassew jemmen li hu stmat, maħbub b’dan il-mod minn Alla, allura jitwieled fih ferħ enormi, serħan il-moħħ, rebħa fuq il-mewt, Imħabba reċiproka lejn min ħabbu tant.

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi dejjem iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-bniedem li skopra din l-Imħabba miġnuna ta’ Alla għalih.  L-Ewkaristija, il-Quddiesa, hija dejjem, dejjem, festa ta’ radd il-ħajr, ta’ tifħir, ta’ gratitudni.  Ma jista’ qatt ikollna Ewkaristija ta’ dieqa.  Jekk noqogħdu attenti għall-kliem li l-Presbiteru jgħolli lill-Missier f’isimna, nindunaw li kulma jgħid hu kliem ta’ ringrazzjament, radd il-ħajr, tifħir għal dak kollu li Alla wettaq magħna meta bagħat l-Għarus, Kristu, biex ifittixna u jimliena bil-bews ħelu tiegħu.  Ħafna jgħidu ħa mmur nisma’ quddies biex naqla... le!  L-Ewkaristija hi biex tirringrazzja għal dak li diġa qlajt, u l-aqwa ħaġa li tista’ taqla hi li tagħraf li int l-Għarusa ta’ Kristu, l-Għarus li ta ħajtu għalik.  m’hemmx storja ta’ mħabba li tisboq lil din.

 

Salm 95, li parti minnu se jservi għas-Salm Responsorjali tal-lum, huwa kollu kemm hu Salm ta’ radd il-ħajr għall-għeġubijiet ta’ Mħabba li l-Missier juri lil dawk li jfittxuh b’sinċerità.

 

Ritornell:  Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.

 

Salm 95

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

Għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu!

 

Ħabbru minn jum għal jum is-salvazzjoni tiegħu,

Xandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu,

Fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu!

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

Agħtu lill-Mulej sebħ u setgħa,

Agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!

 

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis,

Triegħdu quddiemu fl-art kollha!

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”

Huwa jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

It-Tieni Qari

 

Is-sbuħija tal-Imħabba intima bejn tnejn twassal biex wieħed jagħmel kollox għall-oħra u l-oħra tagħmel kollox għall-ieħor, għax l-Imħabba għandha s-setgħa tfejjaq il-marda tal-ġdiem tal-qalb li huwa l-egoiżmu.  Mela kemm iktar, kemm iktar l-Imħabba bejn Kristu u l-Għarusa tiegħu li hija l-Knisja, jew ir-ruħ tal-individwu.  Fi Kristu hemm l-Imħabba perfetta, tant li hu ta kollox għall-Għarusa, għamel kenosi tremenda, niżla mill-Glorja ta’ Alla li hu, għal mewt ħarxa fuq il-forka tal-kriminali, iddikkjarat mill-Qassisin tiegħu bħala midgħi u għadu ta’ Alla nnifsu!  Dan għamlu biex dak kollu li kien hemm x’wieħed jikkundanna fl-Għarusa tiegħu li hija jien, jew int, jew il-Knisja... id-dnubiet u l-infedeltajiet kollha, jeħodhom fuqu, jitħammeġ bihom Hu, u jaqla l-kastig Hu.

 

Din l-Imħabba, meta hija magħrufa mill-Għarusa, għax ħafna drabi ftit li xejn nindunaw biha, tnissel fiha l-istess qies ta’ Mħabba għall-Għarus.  Kif jista’ jkun dan?  Għax f’min jemmen f’din l-Imħabba ta’ Kristu, il-Missier jibgħat fih l-istess Spirtu ta’ Mħabba li ħa lil Kristu lejn il-Kalvarju.  B’dan il-mod, l-Għarusa, kulma tagħmel tagħmlu għall-Maħbub tagħha, kif Kristu għamel kollox għaliha biex jaraha sabiħa, żagħżugħa, bla tikmix, tbajja jew nikta.  Dan hu l-ferħ tal-Imħabba.

 

Għax meta int, dak li tagħmel, anke opri tajba, tagħmilhom biex tiggwadanja int, biex tibni lilek innifsek, biex tħossok aħjar int, biex tistagħna int, biex jirnexxilek tkun qaddis int... allura taħsad mhux il-qdusija, mhux is-sliem, mhux il-ferħ, imma t-toqol tar-responsabiltà, l-inkwiet, il-biża’ mill-falliment u l-akbar kruha tal-qalb: il-kburija.  Dan kollu nafu xi jfisser.  Kemm tħabatna fil-ħajja għalina nfusna, anke biex nidhru sbieħ quddiem ħaddieħor, biex jgħidu li aħna bil-għaqal!  Kemm maskri lbisna biex nidhru hekk kif tridna s-soċjetà! 

 

Alla jagħtina ħafna kariżmi, kif se jgħid il-qari li jmiss.  Kariżmi huma talenti, rigali, kapaċitajiet li Alla jagħti lill-Għarusa b’xejn biex tużahom għall-glorja tal-Għarus, għalih u mhux għaliha.  Hija tentazzjoni kbira li ninqdew anke bl-affarijiet ta’ Alla biex inkabbru l-idolu tagħna; nagħmlu mill-ġmiel tar-rigali li Alla jagħtina, xi ħaġa li bnejna aħna, akkwistajna aħna, ħaqqa l-prosit aħna.  Flok ma dħalna ’l ġewwa fl-intimità ma’ Kristu, tbegħdna minnu u għamilna lilna nfusna xi alla. Kemm ftaħir fieragħ!!

 

San Pawl isemmi xi ħaġa interessanti ħafna.  Il-kariżma li jsemmi fil-bidu u li għalih hi l-aqwa waħda hija l-kariżma tal-Kelma!  Mhux il-kapaċità li tippriedka biss, imma r-rigal li temmen il-Kelma, li tifhimha, li tagħraf li hi titkellem fuq ħajtek; ir-rigal li tagħmel mill-Kelma ta’ Alla l-aktar ħaġa għażiża għalik.  Dan tassew hu rigal enormi, għax wara kollox min hi l-Kelma jekk mhux Ġesù Kristu nnifsu?  Jekk tħobb il-Kelma tħobb lil Kristu, jekk taf il-Kelma taf lil Kristu, jekk tqatta’ ħafna ħin mal-Kelma tqatta’ ħafna ħin ma’ Kristu, jekk inti għani fil-Kelma inti għani fi Kristu.  Issa dan kollu li tirċievi l-Għarusa tħaddmu għall-Għarus, għax tħobb l-Għarus, għax trid li jikber l-Għarus u tiċkien hi.  Dan hu l-veru ferħ u l-mistrieħ tal-moħħ għall-bniedem.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  12, 4-11

 

Ħuti: Hemm diversi doni, imma wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd.  Lil kull wieħed tinagħta d-dehra tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd; lil wieħed jinagħtalu kliem is-sapjenza permezz tal-Ispirtu: lil ieħor kliem il-għerf, skond l-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi, fl-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan, fl-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profeżija; lil ieħor id-don li jagħżel l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna.  Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

 

 

Evanġelju

 

Dan il-Ħadd nistgħu insejħulu wkoll it-Tielet Ħadd tal-Epifanija, għax wara li Kristu intwera lill-Maġi f’Betlehem u lill-poplu fix-xmara Ġordan, issa se jintwera f’Kana tal-Galilija bħala Dak li għandu setgħa fuq kulma jifni lill-bniedem, kulma jinkwetah, kulma jkissru.  Huwa jibdel l-ilma f’inbid, ħaġa li għandha tifsir enormi, implikazzjonijiet kbar ħafna. X’jiswa l-ilma f’festa?  Huwa l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem, li jagħmel festa, li jeżulta.  Kristu jrid jibdel l-ilma tagħna f’inbid ġdid!  Kristu jibdel l-ilma tal-Għarusa tiegħu f’inbid ġdid tal-festa.  Mhux veru li Kristu jrid jeħdielna xi ħaġa, bħalma jinsinwa x-xitan.  Anzi, Hu jrid jagħtina kollox, kollu kemm hu, biex jien u int inkunu nistgħu ngħixu tassew, nifirħu tassew, nagħmlu festa tassew.  “Alla huwa festa!” qal xi ħadd.  Min se jiżfen bil-ferħ bl-ilma bla togħma?

 

Kemm drabi ma kellniex inbid fl-ispirtu tagħna?  Kemm drabi iktar konna neżistu milli konna ngħixu?  Kemm drabi ma kellniex nitfa radd il-ħajr lejn min ħalaqna, lejn l-Għarus taghna, għax il-ħajja ħassejniha toqol mhux festa, inkwiet mhux sliem, u wiċċna kien jixhdu dan?  Kristu ġie biex jibdel il-ħajja tagħna bla togħma, medjokri, vojta, u jagħmilha festa!  Temmnu inti dan?  Jekk int żagħżugħ, temmen int li l-ferħ veru jinsab f’li tħalli li Kristu jagħmel kapolavur minn ħajtek?

 

Imma f’dan il-Vanġelu, hija interessanti l-figura, il-preżenza ta’ Marija, l-Omm ta’ Alla.  Hija hi li tintervjeni.  Hija hi li rat l-ewwel l-uġigħ, l-umiljazzjoni tal-għarajjes.  Bħalma jgħidu, li n-nisa jaraw iktar minna l-irġiel!  Speċjalment hija l-Omm li tara iktar minn kulħadd.  Kristu mhux biss irid jinagħta lilu nnifsu għalina biex ikun l-Għarus tagħna, imma jrid jagħtina wkoll lil Ommu biex tkun Ommna, Dik li tagħraf mill-ewwel it-tnehida tal-qalb ta’ wliedha.  Tassew li Alla ħasbilna għal kollox!

 

Interessanti wkoll il-fatt li din it-tielet ‘Epifanija’, biex insejħulha hekk, saret fl-ambjent ta’ tieġ.  Għax għażiż f’għajnejn Alla huwa l-ferħ tat-tieġ, il-ferħ taż-żwieġ, il-ferħ tal-Imħabba li tgħaqqad mhux tifred, it-twaħħid li jfakkar u juri it-twaħħid li Alla jrid jiċċelebra magħna, jagħmel magħna.

 

Versett: Hallelujah.  Jiena d-dawl tad-dinja, igħid il-Mulej; min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  2, 1-12

 

F’dak iż-żmien: Sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm.  U kien mistieden għat-tieġ Ġesù wkoll u d-dixxipli tiegħu.  U billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.”  Ġesù qalilha: “Aħna x’għandna x’naqsmu, mara?  Is-siegħa tiegħi għadha ma ġietx.”  Ommu qalet lill-qaddejja: “Kull ma jgħidilkom, agħmluh.”

 

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għall-ħasil ritwali tal-Lhud, kull waħda minnhom tesa’ xi għoxrin jew teltin gallun.  Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.”  U dawk imlewhom sax-xfar.  Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh ’il dak l qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.”  U huma marru jnewluhulu.  Dak li kien qiegħed jieħu ħsieb il-mejda daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf minn fejn ġie, għad li l-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, dak li kien qiegħed jieħu ħsieb il-mejda sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom, iġibu dak li hu tajjeb inqas.  Imma int erfajt sa issa l-inbid it-tajjeb.”

 

Dan, l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu, Ġesù għamlu f’Kana tal-Galilija, u wera s-sebħ tiegħu; u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.  Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu, u d-dixxipli tiegħu, u qagħdu hemm, iżda mhux għal ħafna ġranet.

Last Updated ( Sunday, 17 January 2016 )
 
< Prev   Next >