Sunday, 25 June 2017
           
Home
IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2016) GHOZZA U QIMA LEJN IL-BIBBJA PDF Print E-mail
Written by Claudio Vella   
Saturday, 23 January 2016

Din hija il- Liturgija  tat-tielet Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

stluke_full.jpg
 

 

“Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.”  (Lhud 4, 12).  Minħabba din ix-xhieda li tagħti l-Ittra lil-Lhud għall-Kelma ta’ Alla, kull min hu Nisrani sinċier bil-fors li tinbet fih qima u għożża għall-Bibbja (l-Iskrittura).  Hu jaf li dan il-Ktieb jiġbor fih il-Wirja, ir-Rivelazzjoni li Alla ta lill-bniedem dwaru.  Jekk trid tkun taf min hu Alla, jekk trid tkun taf is-sewwa dwar Alla, għaraf lil Ġesù Kristu, li min jara lilu jara lill-Missier; u Ġesù Kristu huwa l-Kelma setagħna ta’ Alla li ħadet ġisem, forma ta’ bniedem u ġiet tgħammar fostna.  Għalhekk il-Bibbja hi Ġesù Kristu nnifsu u ma tistax tkun taf lil Ġesù Kristu jekk ma tkunx taf il-Bibbja.  Kif tista’ tħobb u tqim lil Kristu, il-Kelma, filwaqt li ma tapprezzax din il-Kelma ta’ Alla miktuba?

 

Fl-istess ħin il-Bibbja mhix kollox.  Għax jekk Kristu huwa l-Kelma ta’ Alla, huwa ikbar mill-Bibbja u jisboqha.  San Ġwann l-Evanġelista jgħid: “Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù.  Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu.”  (Ġw. 21, 25).  B’dan ried jgħid li lil Alla d-dinja ma tesgħux, lanqas lill-Kelma tiegħu li hi Alla.  Imma l-Knisja niżlet fi ktieb affarijiet milli għamel u qal Ġesù li huma biżżejjed għall-bniedem biex jitqanqal għall-Fidi u jsalva.  Għalhekk dan il-Ktieb hu tant għażiż għalina għax huwa mezz ta’ salvazzjoni għal dejjem għalina.  Mhix ċajta din, anke jekk il-fatt li llum il-bniedem qed jipprova jibni l-Ġenna fuq l-art lilna jaljenana minn dak li riesaq lejna: salvazzjoni jew telfien għal dejjem.

 

 

Waqt li aħna writtna t-Testment l-Antik mingħand il-poplu Lhudi li għexu u għadda minnu qabel ma niżżlu fi ktieb, l-istess għamlet il-Knisja għat-Testment il-Ġdid.  Il-Knisja kienet ġa teżisti qabel ma nkitbu l-Vanġeli u l-Ittri eċċ.  Hi niżlet fi Ktieb dak li għamel u qal Ġesù u li hi għexitu u sabet li kien veru tassew.  Għalhekk il-Bibbja hija Ktieb ħaj għax qabel ma nkitbet inegħxet minn poplu u minn Knisja.  Jekk hemm miktub: “Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mt. 5, 44), il-Knisja niżżlet din il-frażi ta’ Kristu wara li esperjenzjat b’mod tal-għaġeb li din il-Kelma, li tmur tant kontra n-natura tal-bniedem, tista tingħex tassew meta l-bniedem jimtela bl-Ispirtu ta’ Kristu.  Hija għexet il-ferħ, l-eżultanza, il-Ħajja meta verameta ndunat li, bi Kristu, l-għadu ma kellux is-saħħa jisirqilha l-Imħabba li ġejja minn Alla.  Dak kollu li hemm miktub fit-Testment il-Ġdid għexitu l-Knisja qabel kitbitu u sabet li hu tassew veru.  Għalhekk il-Bibbja hija bħal skeletru li jieħu l-Ħajja fi Knisja li għexitha.  Int tkun taf li kulma hemm fil-Bibbja huwa veru meta int tgħixu f’laħmek u fl-Istorja tiegħek.  Minħabba f’hekk hu mportanti li jkollok mhux biss għarfien dwar il-Ktieb Qaddis imma jkollok ukoll intimità miegħu, imħabba lejh.

 

L-Ewwel Qari

 

Kemm ikun sabiħ u ħelu li kellna niskopru mill-ġdid fil-parroċċi tagħna ċ-Ċelebrazzjoni tal-Kelma, ċelebrazzjoni mogħtija kollha kemm hi għall-qari tal-Iskrittura.  Il-qawmien mill-ġdid ta’ Knisja tassew ħajja jibda mill-għatx għall-Kelma.  Meta l-Mulej inissel għatx kbir għall-Kelma, dan ifisser li jkun riesaq tiġdid qawwi u konverżjonijiet kbar. 

 

Madwar is-sena 444 Q.K., il-Mulej nissel għatx kbir għall-Kelma tiegħu f’qalb il-poplu Lhudi.  Kien żmien diffiċli ħafna.  Il-poplu kien għadu kif irritorna mill-Eżilju ta’ Babilonja, u sab lil Ġerusalemm u l-pajjiż kollu mħarbat u mitluq.  Kien hemm ħafna xogħol xi jsir u daħal il-qtigħ il-qalb.  Il-qassis Esdra ġabar il-poplu u beda jaqralu l-Kelma li kien ilu ħafna ma jisma’.  Ir-rakkont jgħidilna li Esdra beda jaqra minn sbiħ il-jum sa nofs in-nhar, waqt li l-poplu baqa’ wieqaf quddiemu, jisma’, għax kellhom ġuħ għall-Kelma.  Tant messitilhom qalbhom il-Kelma moqrija u proklamata f’widnejhom, li lkoll qabdu jibku u jitniehdu.  Għax, kif diġa għidna, il-Bibbja, barra li hi Kelma ta’ Alla, hija wkoll esperjenza ta’ poplu, ta’ nies.  Jekk Iżrael kien jemmen li Alla hu qawwi u ħanin, dan kien jafu mhux għax qaluhulu jew għalmuhulu, imma għax għadda minn esperjenzi mniżżla fil-Ktieb li fihom ġarrab il-qawwa u l-ħniena tal-Mulej.  Għalhekk beda jibki l-poplu, għax dak li kien qed jinqara kienet l-esperjenza tiegħu ta’ Alla, esperjenza li kien kważi nesa.  Minn dan jiġi li l-Kelma dejjem tagħmel kuraġġ lil dak i jkun, tqawwilu qalbu, tkabbru fil-Fidi li hu mhux waħdu imma li Alla jeżisti u qiegħed miegħu.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija.  8, 2a-4a,  5-6,  8-10

 

F’dak iż-żmien: Esdra l-qassis ġieb il-ktieb tal-Liġi quddiem il-ġemgħa, irġiel u nisa, u quddiem kull min seta’ jisma’ u jifhem.  U beda jaqrah biswit il-misraħ ta’ quddiem il-Bieb tal-Ilma, minn sbiħ il-jum sa nofsinhar, quddiem l-irġiel u n-nisa u dawk kollha li setgħu jifhmu.  U l-poplu kollu kellu widnejh imdawra lejn il-ktieb tal-Liġi.  Esdra l-kittieb kien wieqaf fuq tribuna tal-injam magħmula għalhekk.  Fetaħ il-ktieb quddiem għajnejn il-poplu kollu, billi hu kien ogħla minn kulħadd, u, kif fetħu, il-poplu kollu qam bil-wieqfa.  U Esdra bierek lill-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu għolla jdejh u wieġeb: “Ammen!  Ammen!”  U baxxew rashom u niżlu wiċċhom fl-art quddiem il-Mulej.

 

Bdew jaqraw mil-ktieb tal-Liġi ta’ Alla biċċa biċċa u jfissruha u jfehmuha lill-poplu.  Neħemija l-gvernatur, u Esdra l-qassis u kittieb, u l-leviti li kienu jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: “Qaddis hu dan il-jum quddiem il-Mulej, Alla tagħkom.  La titnehdux u la tibkux.”  Għax il-poplu kollu qabad jibki malli sema’ kliem il-Liġi.

 

U Neħemija qalilhom: “Morru, kulu ikel bnin u ixorbu nbid ħelu, u ibagħtu sehem lil dawk li ma għandhom xejn lest, għax dan hu jum qaddis quddiem is-Sid tagħna, u la ssewdux qalbkom, għax ferħ il-Mulej hu l-qawwa tagħkom.”

 

Salm Responsorjali

 

Għadna kif smajna li l-poplu sema’ l-qari mil-Liġi.  Għall-poplu Lhudi l-kelma “Liġi” ma kinitx tfisser biss il-kmandamenti qaddisa u l-preċetti li nbnew madwarhom, imma ħafna iktar.  Il-“Liġi” kienet it-“Torah”, il-ġabra tal-ewwel ħames kotba tal-Iskirttura: il-Ġenesi, l-Esodu, il-Levitiku, in-Numri u d-Dewteronomju, li, barra li jipproponu liġijiet u preċetti biex juru lill-bniedem liema hi l-ħajja qaddisa, jirrakkontaw (u din hi parti ferm ikbar) dak li għamel Alla mal-poplu li Hu kien għażel għalih.  Għalhekk it-“Torah”, il-“Liġi” hi l-esperjenza li Iżrael kellu ta’ Alla, kif inhi wkoll l-esperjenza tal-Knisja, speċjalment it-Testment il-Ġdid. 

 

Mnħabba dan, il-“Liġi”, flimkien mal-kitbiet tal-Profeti li ġew wara, mas-Salmi eċċ, huma bil-wisq għeżież għal Iżrael.  Huma bħal bir tal-ilma dejjem ġej f’art maħruqa bix-xemx, li lejh iterrqu n-nies biex itellgħu l-ilma tal-Ħajja li jaħjihom u jagħtihom saħħa ġdida.  Salm 18, huwa Salm li jiċċelebra l-Kelma ta’ Alla u jesprimi l-ferħ tal-poplu ta’ Alla għal dan ir-rigal enormi li Alla tah f’idejh.  Dan, bħal meta wieħed li kellu jsiefer biex jaqla’ l-ħobż għall-familja, u fis-solitudni tiegħu, mbiegħed mill-għeżież tiegħu, isib il-faraġ f’ritratt tal-familja li dejjem kien iġorr miegħu.  J’Alla l-Bibbja tkun hekk għalina, s-sieħba tagħna fil-ferħ u fid-dwejjaq tagħna, il-faraġ fis-solitudni tagħna, ir-ritratt li jqanqal fina Imħabba ġdida lejn Alla u l-Mibgħut tiegħu għalina, Kristu Ġesù.

 

Ritornell:  Il-Kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.

 

Salm 18

 

Il-Liġi tal-Mulej sħiħa,

Tagħti l-ħajja;

Ix-xhieda tal-Mulej sewwa,

tgħallem lil min ma jafx.

 

Il-preċetti tal-Mulej tajbin,

Iferrħu l-qalb;

Il-kmandament tal-Mulej safi,

Idawwal il-għajnejn.

 

Il-biża’ tal-Mulej nadif,

Jibqa’ għal dejjem;

L-ordnijiet tal-Mulej sewwa,

Imseddqa għal kollox.

 

Ħa jkun magħġub kliem fommi

U l-ħsibijiet ta’ qalbi quddiemek,

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

 

It-Tieni Qari

 

Tkun grazzja kbira għal dak li qed ifittex li jagħraf dejjem aħjar lill-Mulej Ġesù li tinagħtalu l-ħeġġa li jaqra l-Bibbja kuljum f’daru.  Dan hu ta’ min ifaħħru ħafna u rigal kbir ta’ Alla.  Ħafna sabu ntimita’ u Mħabba lejn Alla permezz tal-qari u l-meditazzjoni u t-talb tal-Iskrittura.  Imma fuq kollox, il-Kelma ta’ Alla tieħu l-Ħajja meta tinġabar il-Knisja biex tiċċelebraha, tipproklamaha u xxandarha.  Il-Kelma tieħu qawwa partikulari meta inti tismagħha f’ġemgħa, f’Liturġija.  Għax il-ġemgħa, il-Knisja (mhux tal-ġebel bil-fors) hija l-ambjent naturali għas-smigħ tal-Kelma għax, kif ġa għidna, u dan hu mportanti ħafna, il-Knisja hija dik li għexet il-Kelma u skopriet li hi minnha, li hi vera.  Dan bħal meta tiġri xi ħaġa u hemm differenza meta tisma’ x’ġara mingħand wieħed li kien hemm u ra kollox b’għajnejh milli mingħand wieħed li sema’ lil xi ħaddieħor jirrakkonta.  Il-Knisja taf li dak li qegħda xxandar hu veru għax għexitu matul l-Istorja tagħha.  Għalhekk tkun ħasra kbira meta l-Kelma ma tinqarax b’qawwa u b’qima fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna.  Il-Kelma hemm bżonn li tkun proklamata, imxandra, mhux moqrija, bħal meta wieħed donnu qiegħed jaqra għalih biss.  Il-Kelma hi ħajja fil-Knisja, u din il-ħaġa għandna ħafna bżonn niskopruha.

 

Dan hu don tal-Ispirtu s-Santu.  Bħalma huwa don ukoll it-tifsir tal-Kelma.  L-Ispirtu jqassam ħafna kwalitajiet sbieħ lil nies differenti fil-Knisja għall-ġid tal-ġemgħa, biex tisssaħħaħ il-Knisja u tisbieħ l-Għarusa ta’ Kristu.  Lil min jagħtih ħaġa u lil min jagħtih oħra għall-ġid ta’ kulħadd.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  1 Kor. 12, 12-30

 

Ħuti: Bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu.  Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.  Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, iżda ħafna.  Issa intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

 

Lil xi wħud Alla qegħidhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema.  Imbagħad min jagħmel il-mirakli, imbagħad min għandu d-don tal-fejqan, min igħin, min imexxi, min jitkellem b’ħafna ilsna.  Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitħaddtu bl-ilsna? Ilkoll ifissru?

 

Evanġelju

 

L-Evanġelju jippreżentalna l-bidu tal-missjoni tal-Messija.  Dak li Iżrael kien ilu jisenna, dik l-esperjenza, dik il-ġrajja, il-ħelsien tiegħu, beda f’Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla ġewwa sinagoga żgħira f’raħal xejn magħruf fil-Galilija, l-iktar parti fqira u lura tal-pajjiż.  Ġesù jiftaħ ir-romblu, il-Ktieb, it-“Torah”, il-Bibbja, u jibda jaqra silta mill-profeta Isaija.  X’ħin qara, anżi pproklama, l-Kelma, Hu siket.  Imbagħad beda jispjegaha billi qal sentenza ta’ mportanza kbira: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħuha.”  (Lq. 4, 21).

 

Il-Bibbja hi ħajja, il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u profetika, jiġifieri sseħħ fil-ħajja tan-nies, fil-ħajja tiegħi u tiegħek u mhux f’dik ta’ Ġesù biss.  Dan hu li jagħmel dan il-Ktieb bil-bosta differenti minn kulma jista’ jikteb il-bniedem.  Ħafna għorrief u filosfi jiddandnu b’dak li jħallu miktub warajhom, imma San Tumas ta’ Akwinu, wieħed mill-aqwa mħuħ li qatt deher qal, ftit qabel ma miet: “Dak li ktibt hu kollu tiben!”  Il-Kelma ta’ Alla hi aqwa minn kulma jista’ jipproduċi l-bniedem għax hi Kelma mhux ta’ bniedem imma ta’ Alla. U l-prova li hi Kelma ta’ Alla għalik hi li titwettaq, isseħħ fl-Istorja tiegħek.  Mhix xi rakkont ta’ ħwejjeġ li ġraw darba u daqshekk.

 

Biex inġibu eżempju:  Jekk f’widnejk jiġi mxandar l-Esodu, il-ħelsien u l-ħruġ ta’ Iżrael mill-jasar kiefer tal-Eġittu, kun af li din il-Kelma tixtieq titwettaq anke f’ħajtek, din il-Kelma hi anke għalik, għax b’xi mod, Alla qiegħed jaħdem il-ħelsien tiegħek minn dak kollu li qed jisraqlek il-ħajja, jiġifieri l-ħazen, id-dnub.  Jekk tisma’ l-Kelma li tgħid li l-Anġlu deher quddiem Marija biex iħabbrilha ħaġa li ma setgħetx isseħħ: li hi se ssir Omm Kristu mingħajr l-intervent ta’ raġel... din il-Kelma titħabat sabiex titwettaq f’ħajtek.  F’ħajjet Marija twettqet;  issa l-importanti huwa int, ħajtek.  Anke lilek, il-Knisja tħabbalek li minnek jixtieq jitwieled Kristu billi tkun xhud tiegħu fl-ambjent fejn tgħix... mhux bis-saħħa tiegħek, imma għax jinvadik l-Ispirtu s-Santu bħalma nvada lil Marija.

 

B’dan il-mod li l-Bibbja ssir ħajja f’ħajtek.  Hemm nies li f’kull paġna tagħha jaraw ħajjithom miktub.  Abraham huwa int, Ġakobb, David, Iżrael, huwa int.  Imma noqogħdu attenti: anke Ġuda nistgħu nkunu jien jew int!

 

Versett:  Hallelujah.  Il-Mulej bagħatni biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin u nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin. Hallelujah.

 

Bidu tal-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 1-4;  4, 14-21

 

Billi kien hemm bosta li ndaħlu għax-xogħol li jiġbru sewwa l-istorja tal-ġrajja li seħħu fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom u sar ministri tal-kelma, hekk ukoll jien, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li niktiblek kollox ħaġa wara l-oħra, għażiż Teofilu, ħalli tagħraf sewwa l-qawwa tat-tagħlim li tgħallimt.

Last Updated ( Saturday, 23 January 2016 )
 
< Prev   Next >