Sunday, 22 October 2017
           
Home
IN-NAWFRAGJU TAL-APPOSTLU MISSIERNA SAN PAWL IT-TWELID TAL-KNISJA F’MALTA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 31 January 2016

Din hija il- Liturġija  tal-Festa tan-Nawfraġju ta' San Pawl F'Malta bi ħsibijiet  minn Joe Rapa.

malta_2008_-_rabat_st_paul_68-1024.jpg
      In-Nawfragju ta' San Pawl f'Malta

B’antiċipazzjoni, l-Knisja f’Malta qegħda tagħmel il-festa solenni tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fuq xtutna.  Kien nawfraġju ieħor, tempesta oħra, diżgrazzja fost il-ħafna li kienu ġraw qabel u li ġraw wara madwar gżiritna.  Imma dik li ġrat jew fil-ħarifa jew fix-xitwa (hemm diskussjoni fuq dan) tas-sena 60 wara Kristu bidlet l-Istorja ta’ pajjiżna.  Illum aħna għadna nippersistu b’soċjetà u ċiviltà Nisranija fuq il-fruntieri tal-Knisja, biex ngħid hekk, għax ftit kilometri ta’ baħar lejn in-nofs in-nhar jibda territorju Mislem fl-Afrika ta’ fuq, territorju li darba kien kollu Nisrani daqsna jew iktar, imma li ġie misruq lill-Knisja ta’ Kristu bil-forza tal-armi.

 

Il-Knisja f’Malta hija waħda mill-ftit Knejjes Apostloliċi li għad fadal, jiġifieri hija Knisja mwaqqfa mill-Appostli, fil-kas tagħna minn San Pawl.  Kien hemm żmien, speċjalment taħt il-ħakma Għarbija, fejn qajla kien għadu jidher sinjal ta’ ħajja f’din il-Knisja.  Kien żmien li l-istudjużi jgħidu li l-maġġoranza tal-ftit Insara li kien fadal kienu Għawdxin u mhux Maltin. In-Normanni, ħakkiema Franċiżi, taw ir-ruħ lill-Knisja li kienet kważi mejta, u minn dak in-nhar reġgħet bdiet era Nisranija għal pajjiżna, era twila li fiha l-Fidi fi Kristu ġiet trażmessa b’reqqa u bi skruplu minn ġenerazzjoni għall-oħra, minn missirijiet għal ulied, sakemm waslet għandna llum.  X’qed nagħmlu aħna llum b’dan il-wirt tal-Fidi, hija kwistjoni oħra.

 

 

Illum ninsabu fi żmien ta’ bidla epokali, bidla li tiġri kull elf jew elfejn sena.  Bidla f’kollox.  Riħ ta’ bidla li ħasad il-Knisja, anke jekk Alla bagħatilha profeti li welldu Konċilju ħamsin sena ilu biex jilqa’ għal dan kollu.  Alla huwa Sid l-Istorja.  Xejn ma jiġri li Alla ma jdawrux bħala parti mill-Pjan meraviljuż tiegħu għall-bniedem, għas-salvazzjoni tal-bniedem, anke jekk lill-bniedem dejjem iħallih fil-libertà.  M’hemmx Imħabba mingħajr libertà.

 

Fit-taqlib li fih qegħdin ngħixu, l-aktar fil-qalba ta’ taħt fuq fejn jidħlu l-valuri tal-bniedem, Alla qiegħed joħloq Knisja ġdida li ma tintagħrafx minn nies ta’ sebgħin sena ilu, imma li tagħmel sens għall-Insara li għexu fl-ewwel mijiet ta’ snin ta’ Kristjaneżmu.  Għax il-Knisja ġiet imlibbsa ħafna saffi ta’ ħwejjeġ minn San Pawl ’il hawn, kapep fuq kapep, kollha sbieħ u li kienu jagħmlu sens fi żmienhom, imma li issa qed jinħassu tqal u bla sens.  Ma riditx tinża’ minn dawn il-kapep il-Knisja, imma Alla malajr ineżżagħha minnhom bl-Istorja li biha jdawwarha.  Dejjem hekk għamel.  Biex irriforma l-Knisja mill-korruzzjoni li niżlet fiha ħames mitt sena ilu, bagħat lil Luteru.  Dan kien biss strument f’idejn Alla li ġiegħel lill-Knisja vera ta’ Kristu biex tħares bis-serjatà lejha nnifisha u ċċarrat dak kollu li ma kienx skont il-Vanġelu minn fuqha.  L-istess qed jiġri llum, għall-grazzja ta’ Alla.

 

L-Ewwel Qari

 

IL-Ktieb tal-Għerf ixandar u jipproklama li l-Istorja tal-bniedem qegħda f’idejn Alla, anke jekk il-bniedem, fis-suppervja tiegħu, jimmaġina li kollox qed imexxi hu.  Alla jibgħat il-maltemp fil-ħajjja ta’ nazzjon jew fil-ħajja ta’ individwu, biex wara li jkun intlaħaq l-għan qaddis tiegħu, isikket ir-riħ, jikkalma l-ibħra, ikeċċi s-sħab u jtella’ x-xemx li tħabbar il-bnazzi u s-sliem.  Fuq l-arka ta’ Noe kien hemm iż-żerriegħa tal-bniedem li reġa’ tkattar biex mela wiċċ l-art.  Fuq il-bastiment ta’ Pawlu kien hemm iż-żerriegħa tal-Fidi li fost it-taħbit tal-maltemp u t-twegħir intefgħet fuq l-art Maltija u nisslet u tkattret. 

 

Pawlu, u sieħbu Luqa, telaq wara tliet xhur, imma ħalla warajh Knisja, nies li emmnu li Alla wieħed hemm u li Hu bagħat lil Ibnu fid-dinja biex jitgħabba b’dak kollu li jtaqqal il-kuxjenża u jħallas Hu l-konsegwenza tad-dnub sabiex il-bniedem ma jmutx imma jgħix għal dejjem.  Dan huwa d-Dawl qawwi li keċċa d-dlamijiet minn fuq ġżira mkebba fid-dlam u l-maltemp ta’ dik l-għodwa, dawl li ħareġ minn għuda mbierka, kif jgħid il-qari li ġej, l-għuda tas-Salib.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  14, 3-7

 

O Missier, bil-providenza tiegħek inti tmexxih (il-bniedem).  Għax int tajtu triq fil-baħar, u mogħdija żgura fuq il-ħalel.  Int urejt li int tista’ tħarsu minn kull tiġrif, hekk li wkoll min mhux tas-sengħa jista’ jbaħħar.  Int ma tridx li l-opri tal-għerf tiegħek jisfgħu fix-xejn; għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom fuq daqsxejn ta’ laqxa, jaqsmu l-imwieġ fuq dgħajsa u jaslu fil-port bis-sliem.

 

Għax tassew, sa mill-bidu taż-żmien, meta ġganti kburin kienu qegħdin jinqerdu, it-tama tad-dinja sabet il-kenn fuq dgħajsa u, immexxija minn idek, ħalliet lid-dinja ż-żerriegħa ta’ nisel ġdid.  Imbierka l-għuda li biha jsir is-sewwa.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 106 huwa Salm ta’ tifħir lil Alla li jirrepeti u jerġa’ jirrepeti l-Misteru tal-Għid fil-ħajja ta’ kull bniedem biex iwasslu fil-port mixtieq tas-Salvazzjoni vera, dik li ġablu Ġesù Kristu.  L-għan ta’ Alla għal kull wieħed minna hu li ngħarfu l-Imħabba kbira u l-ġenerożità ta’ barra minn hawn li wera għalina meta bagħat lil Ibnu fid-dinja.  Il-bniedem li jagħlaq għajnejh għall-ħajja bla ma jasal biex jagħraf almenu xi ftit dan il-Misteru, jintilef, u xi traġedja tkun dik!  Alla jirriskja kollox f’kull bniedem, f’kull storja umana.  Meta bniedem ma jagħrafx l-Imħabba li hemm fi Kristu għalih ikun ifisser li d-Demm ta’ Alla nnifsu ġie mxerred għalxejn, intrema’ fl-art għalxejn.

 

Biex jgħinna nidħlu f’dan l-Għerf moħbi, ħafna drabi mgeżwer f’avvenimenti li ma jgħoġbuniex, Alla jgħaddina minn Għid għal Għid, minn stejjer diffiċli li jispiċċaw bl-intervent tiegħu li jsalva u jerġa’ jsalva.  Lil Abraham bagħatu jissagrifika lil ibnu fuq l-għolja... tlett ijiem ta’ dlam, imma fuq l-għolja Abraham esperjenzja li Alla hu hemm, li Alla jipprovdi, Hu dejjem jipprovdi.  Kemm ngħaddu minn ġrajjiet diffiċli f’ħajjtna li kollha jippanikjawna, imma mbierek il-bniedem mimli bl-għomor li jkun għadda minn ħafna f’ħajtu imma li dara jafda għax dejjem sab lil Alla jistennih fl-aħħar tal-istorja.  Alla dejjem jipprovdi.  Fuq kollox jipprovdi lil Ibnu biex il-mewt li tbeżża’ tant, tintrebaħ.

 

Ritornell: Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

 

Salm 106

 

Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu,

Għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

Ħa joffru sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,

U jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi.

 

Dawk li jmorru bil-baħar fuq l-iġfna,

Li jagħmlu l-qligħ f’ibħra kbar ħafna,

Huma raw l-għemejjel tal-Mulej

U l-opri tiegħu tal-għaġeb f’qiegħ il-baħar.

 

Hu ordna u qajjem riefnu,

Li qanqal imwieġ il-baħar.

Għolew m’ogħla s-smewwiet,

Niżlu sa qiegħ il-baħar;

Qalbhom tmewtet bil-biża’ tat-telfa.

 

Bdew iduru u jixxenglu bħal nies fis-sakra,

U tilfu ħilithom kollha.

Sejħu l-Mulej fit-tiġrib tagħhom,

U mill-hemm tagħhom ħelishom.

Hu bidel ir-riefnu f’żiffa,

U siktu mwieġ il-baħar.

 

Huma ferħu għax waqfu l-imwieġ;

U hu mexxihom sal-port li xtaqu.

Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu,

Għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

 

It-Tieni Qari

 

Passiġġier importanti fuq il-ġifen li Alla ried li jitfarrak fuq Malta f’dik is-sena mbierka, 60 w.K., kien Luqa l-Evanġelista, sieħeb Pawlu f’dan l-aħħar vjaġġ tiegħu.  Kien Grieg li tgħallem il-professjoni ta’ tabib.  Huwa kien kittieb prolifiku li, barra mit-tielet Vanġelu, kiteb ukoll l-Atti tal-Appostli li fih insibu diskrizzjon dettaljata mmens dwar il-wasla ta’ Pawlu f’Malta.  Anzi rari nsibu fl-Iskrittura kollha ġrajja mpinġija b’tant dettalji u f’tant tul daqs in-nawfraġju ta’ Pawlu f’Malta.  Mill-kitbiet tiegħu, l-aktar fl-Atti, toħroġ l-istampa ta’ bniedem umli li dejjem iwarrab lilu nnifsu fil-ġenb biex id-dawl jaqa’ biss fuq it-temi l-kbar tal-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù u tax-xogħol li l-apposlti, l-aktar Pawlu, wettqu biex ixerrdu din l-Aħbar mad-dinja ta’ dak iż-żmien.  Pawlu jsejjaħlu “it-tabib għażiż” fl-Ittra lill-Kolossin (Kol. 4, 14).  Naqraw parti mir-rakkont twil li t-“tabib għażiż” kiteb dwar l-iktar ġrajja mportanti fl-Istorja ta’ pajjiżna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  27, 16-28, 6

 

F’dak iż-żmien: b’ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda.  Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha mill-baħar.  Imbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ u l-arbli, għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ ikaxkarna miegħu.  Il-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew il-parank tal-ġifen b’idejhom stess.  Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb, it-tempesta li laqtitna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.  In-nies kienu ilhom ħafna ma ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u t-telf.  Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.  Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, “Tibżax, Pawlu.  Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek.  Mela qawwu qalbkom, ħbieb.  Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwa sew kif tħabbar lili.  Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”

 

Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin ’l hawn u ’l hinn fil-baħar t’Adrija.  Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art.  Skandaljaw il-għoli tal-baħar, u sabu għoxrin qama; imxejna ftit ieħor ’il quddiem, reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.  Huma beżgħu li xi mkien konna se naħbtu ma’ xi sikka, u għalhekk niżżlu d-dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.

 

Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.”  Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.  Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad iħajjarhom ilkoll biex jitrejqu b’xi ħaġa, u qalilhom: “Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn.  Għalhekk inħajjarkom tieħdu xi ħaġa tal-ikel, u jwettikom f’saħħitkom, għax ħadd minnkom mhi se tintiliflu xagħara waħda minn rasu”.  Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr ’l Alla quddiem kulħadd qasam u beda jiekol.  Imbagħad kulħadd għamel il-qalb u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll.

 

Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen.  Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.  Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista’ jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha.  Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.  Imbagħad tellgħu l-qala’ tat-trinkett għar-riħ u ħadu għax-xtajta.  Iżda ħbatna ma’ sikka, li kellha l-baħar miż-żewġ naħat.  Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.  Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jaħrabx xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ.  Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen.  U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

 

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-ġżira kien jisima Malta.  In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.  Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.  Mela Pawlu ġabar qatta zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar.  Fiż-żkuk kien hemm lifgħa li malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu.  In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew igħidu wieħed lill-ieħor: “Dar-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-ġustizzja ma ħallitux igħix!”  Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.  Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew igħidu li kien xi Alla.

 

Evanġelju

 

L-ordni l-kbira li Kristu ta lill-Knisja u li tahulha bl-aħħar kliem tiegħU eżatt qabel ma telaq minn din id-dinja biex jitla’ fil-lemin ta’ Missieru, kienet li hi għandha xxandar l-Aħbar it-Tajba tiegħU.  Dan hu x-xogħol il-kbir tal-Knisja: l-evanġelizzazzjoni.  Tagħmel ħafna xogħol barra dan il-Knisja, imma l-ebda wieħed ma jersaq lejn dan fl-importanza tiegħu.  Il-Knisja minn dejjem ħadet ħsieb il-morda u bniet sptarijiet; meta ma kinux jeżistu servizzi soċjali mill-istat, daħlet hi biex waqqfet għaqdiet ta’ karità biex jieħdu ħsieb il-foqra u r-romol; bniet orfanatrofji biex tiġbor tfal mitluqa mill-familji tagħhom li ma setgħux irabbuhom;  edukat ġenerazzjonijiet bla għadd ta’ wlied il-poplu meta skejjel ma kinux jeżistu; fetħet hi l-iskejjel, u l-kunventi u l-monasteri saru ċentru ta’ tagħlim għal min ried jitgħallem; iffundat l-universitajiet kollha antiki u famużi li nsibu fl-Ewropa u f’kontinenti oħra wkoll; tat spinta lill-arti u ċ-ċiviltà, l-aktar tal-punent.  Dan kollu kien ta’ mportanza enormi għall-bniedem, imma dan id-dawl huwa għal kollox megħlub u mitfi mid-Dawl il-kbir tal-Aħbar li Alla ried jibgħat lill-bniedem... li hemm miftuħa għalih triq li tieħu għal Ħajja għal Dejjem.  Dan hu x-xogħol-meravilja tal-Knisja u għalhekk il-Knisja ssejjaħ lilha nnifisha: “Lumen Ġentium”, “Dawl tal-Ġnus”, u bir-raġun.

 

Tagħmel żball il-Knisja univerali u l-Knisja lokali li hi l-parroċċa, li tinitlef wara ħafna affarijiet, li għalkemm sbieħ u mportanti fihom infushom, m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-ġid veru li hemm fix-xandir ta’ Kristu bħala l-Uniku Salvatur għall-bniedem.  Għall-grazzja ta’ Alla ħafna karitajiet li kienet tagħmel il-Knisja fl-imgħoddi, issa ttieħdu minn fuq spallejha u qed jagħmilhom l-Istat, u din il-Knisja “ġdida” hi iktar ħielsa u ħafifa mit-toqol li kellha biex tagħmel ix-xogħol li jrid minn għandha Kristu, u dan hu li tippriedka l-Vangelu.  L-ikbar ġid, anzi l-uniku ġid li Pawlu għamel ma’ Malta kien li ħabbrilha għall-ewwel darba lil Kristu bħala s-Salvatur tagħha, il-Maħbub tagħha.  Hu veru li wettaq xi mirakli fiżiċi, tant li n-nies tal-gżira bdew iġibulu l-morda tagħhom biex ifejjaqhom.  Imma dan għamlu biex il-Maltin ikunu jistgħu jemmnu l-Aħbar li kellu għalihom.  Nirringrazzjaw lil Alla li numru minn dawk li semgħuh infetħulhom widnejhom u Alla żera’ fihom iż-żerriegħa tal-Fidi li għadha tixxettel sal-ġurnata tal-lum.

 

Versett:  Hallelujah.  Faħħru l-Mulej, ġnus kollha, sebbħuh popli kollha, għax qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina: il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  16, 15-20

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Ħdax: Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.  U dawn huma l-mirakli li jissieħbu ’l dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”  U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.  Huma mbagħad marru jippriedkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

 

Last Updated ( Friday, 05 February 2016 )
 
< Prev   Next >