Sunday, 25 June 2017
           
Home
IL-HAMES HADD MATUL IS-SENA (2016) MORRU U HABBRU! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 06 February 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd matul is-sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

fish-feature.jpg
 Gesu juri lil Pietru fejn ghandu jistad

 

L-Evanġelizzazzjoni saret kelma fuq fomm ħafna li huma midħla tal-Knisja.  Evanġelizzazzjoni jew inkella Evanġelizzazzjoni Ġdida.  Tkellem fuqha l-Konċilju ħamsin sena ilu, u minn dak in-nhar bdiet tikber fl-importanza u l-urġenza.  Il-kelma “Evanġelizzazzjoni” ġejja mill-kelma “Evanġelju” li tfisser “Aħbar Tajba”.  Hawn qegħdin nitkellmu, naturalment, fuq l-Aħbar it-Tajba li l-Missier bagħat lil Ibnu sabiex jagħti lill-bniedem mitluf fuq din il-pjaneta li nsejħulha d-dinja.  Allura, Evanġelizzatur huwa wieħed li jwassal din l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù, u Evanġelizzazzjoni hija x-xogħol li wieħed irid imidd għonqu għalih biex iwassal din l-Aħbar. 

 

Sal-lum għad hawn ħafna, forsi l-maġġoranza, li jaħsbu li biex wieħed jevanġelizza jrid imur jippriedka lil Kristu f’xi pajjiż tal-Afrika li għadu ma semax biH, jew tal-Asja, bħaċ-Ċina.  Dan jibqa’ veru, imma l-ilma li bih hija mdawra l-ħuta (simbolu tan-Nisrani) qed jinbidlilha, u ilu li nbidlilha fil-pajjiżi tradizzjonalment Insara.  Illum il-Knisja għandha quddiema sfida biex terġa’ tevanġelizza dak li kien evanġelizzat fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, nkluża Malta.  Quddiem is-sekularizzazzjoni u l-kollass tal-Fidi u l-valuri Nsara s-sejħa urġenti li għandha l-Knisja hu li terġa titnibbet fejn darba kienet siġra kbira, imma li llum mietet.

 

Sfortunatament mhux kulħadd iħoss din l-urġenza.  Il-kelma “Evanġelizzazzjoni” saret ‘buzz-word’ sikwit vojta u bla sugu.  F’pajjiżna r-rejaltà hi li hu faċli li wieħed jinganna ruħu, għax dejjem għadna aħjar mill-Ingilterra, Franza, Irlanda, Spanja eċċ fejn tidħol l-istatistika tal-quddies, imma hawn niżlin ’l isfel bil-ħedel, u fejn jidħlu l-valuri Nsara, tant qed narmuhom bl-għaġla li saħansitra qegħdin niftaħru li għaddejna lill-pajjiżi tal-Iskandinavja fil-“progress” lejn soċjetà ‘liberali’ u ‘ħielsa’... aġġettivi li personalment qajla naf xi jfissru jew fejn se jwasslu.

 

Il-problema hija fl-intern tal-Knisja.  Hu faċli tinagħlaq ġol-Knisja tal-ġebel u tara li hemm servizz ‘komdu’ ta’ quddies u liturġija, u sakemm l-istaġuni ‘qawwija’ tal-liturġija, bħall-Ġimgħa Mqaddsa, Żmien il-Milied, il-Festa Parrokkjali u xi ftit  okkażjonijiet oħra, għadhom jiġbdu n-nies, nilludu ruħna li din hija l-Ħajja Nisranija; dan hu x-xogħol tal-Knisja.  Imma Sid l-Istorja huwa Alla u Hu qed jippermetti, jħalli, li ġnus sħaħ joħorġu mill-Knisja biex din tibdel il-mentalità tagħha.  Dak li kien jgħodd sittin sena ilu, m’għadux jgħodd illum!  Irridu mmorru lura biex nerġgħu inħawlu l-Fidi, anke fil-parroċċi tagħna, u l-Fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.  Huwa hawn li tidħol l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida

 

Il-ħajja sagramentali tal-Knisja hija ta’ mportanza enormi għax is-sagramenti huma l-mezz kif id-deżert, li ħafna drabi hija ħajjitna, tixxettel bin-nixxigħat tad-doni tal-Ispirtu s-Santu.  Imma s-sagramenti jitolbu l-Fidi u din qegħdin neħduha ‘for granted’.  Qed immorru niġbru l-grazzja tas-sagrament ġo barmil imtaqqab.  L-ilma tal-Ispirtu s-Santu jiġi għandna imma m’għandniex ġo x’hiex nilqgħuh!  Per eżempju, huwa inutli li nħambqu fuq il-morali u ngħafsu b’mod tradizzjonali fuq predikazzjoni moralistà (tagħmilx hekk, għamel hekk) meta l-bniedem mhux matur fil-Fidi.  Bħallikieku tgħid lil wieħed paralitiku biex iqum minn hemm u ma jitgħażżinx; jew issawwat żiemel biex jimxi meta hu ġa mejjet, kif jgħidu l-Ingliżi.  Il-problema tal-bniedem mhux li ma jafx x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, imma m’għandux is-saħħa jgħix it-tajjeb.  Quddiem it-tentazzjoni, l-għażla ma tibqax iktar bejn it-tajjeb u l-ħażin, imma bejn it-tajjeb u dak li jidher li hu tajjeb.  Ninsabu ngħixu b’Babilonja sħiħa, imma f’dan kollu jiddi d-Dawl ta’ Kristu li hi l-Kerigma, iż-żerriegħa tal-Fidi, l-Aħbar tal-Imħabba li ġiet tfittixna u li nagħtat għalina.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Profeta jintagħżel minn żogħżitu biex imur iħabbar il-Kelma lill-poplu li kien tilifha.  In-Nisrani wkoll hu Profeta u ntbagħat iħabbar sa minn twelidu permezz tal-Magħmudija li rċieva.  Isaija kien għadu mhux lest, u tnaddaf u ġie mimli bl-Ispirtu s-Santu, kif se nisimgħu.  In-Nisrani wkoll irid jitnaddaf u jikber fl-Ispirtu għax ħadd ma jista’ jagħti milli m’għandux.  Il-Magħmudija trid tissaqqa u titkabbar bis-Smigħ tal-Kelma sabiex int tmur twassal il-Kelma.  U din li wieħed iwassal il-Kelma m’għadhiex iktar magħluqa għall-qassisin, patrijiet eċċ.  Kull Nisrani għandu fih iż-żerriegħa li jekk tikber tagħmel minnu Profeta u mhux biss għandu d-dritt imma d-dmir li jwassal il-Kelma (profeta = wieħed li jwassal il-Kelma ta’ Alla).

 

Għall-ewwel il-Profeta kien bejn ħaltejn imma l-Mulej għaddieh minn proċess ta’ tisfija u maturazzjoni ta’ Fidi u spiċċa jimtela biż-żelu tal-Ispirtu s-Santu u jgħajjat: “Ibgħat lili!  Ibgħat lili!”  Huwa l-istess proċess li l-Knisja għandha d-dmir tgħin l-Insara jgħaddu minnu.  Dan il-proċess jimxi fuq żewġ binari, bħal ferrovija. B’binarju wieħed ninqalbu!  Dawn iż-żewġ binarji huma l-ħajja tas-sagramenti u l-predikazzjoni għall-Fidi.  Waħda ma tgħaddix mingħajr l-oħra.  Sagrament jitlob il-Fidi, u l-Fidi titqawwa u titkabbar bil-Grazzja tas-Sagrament.  Inħoss li waħda qed tinagħta b’qawwa... l-oħra le.  Din hi problema li kull parroċċa trid issolvi.  M’għadniex iktar poplu tas-smigħ. Quddies immorru, imma katekeżi jew priedka  narawha żejda.  Dan hu Kristjaneżmu taċ-ċajt, reliġjożità naturali li ma tasalx biex tippenetra l-meravilja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. 

 

Isaija huwa x-xbiha tiddi ta’ x’inhi l-Evanġelizzazzjoni.  Huwa juru dnubu lill-poplu, jgħinu jiskopri li hu poplu marid, jikkonvinċih li mhux veru li hu ħieles imma għandu spirtu marbut, imjassar, imdawwar biċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt.  Meta l-bniedem jaraf din ir-rejaltà tiegħu, jagħraf li hu tassew midneb b’mod profond ħafna iktar milli qatt kien jaħseb, hu jidħol fi kriżi għax l-Infern jeżisti!!  Tafu li l-infern jeżisti?  Meta l-aħħar li smajtu bl-infern ġo Knisja, għax anke aħna tteħidna mill-marda tal-‘political correctness’?  Lill-bniedem, il-Profeta jurih il-verità tal-qagħda prekarja u perikoluża tiegħu u meta dan jiftaħ għajnejh, jurih il-Qaddej ta’ Jaħweh, il-Qaddej li bata għalih, li ħallaslu dejnu kollu, li ħa fuqu l-konsegwenzi kollha tad-dnub tiegħu. Kristu daħal fl-infern biex jien ma nidħolx hemm, imma jekk jien dan ma nemmnux, hemm se nispiċċa.  Din hi l-verità tal-qagħda tagħna. 

 

L-Evanġelizzazzjoni hi kwistjoni ta’ ħajja jew mewt; mhux jekk tgħaddix mill-eżami, mhux jekk tidħol jew ma tidħolx l-università, mhux jekk ma ssibx xogħol tajjeb, mhux jekk ma tiżżewwiġx jew m’għandekx biex tibni dar... mhux dawn huma kwistjonijiet ta’ ħajja jew mewt, imma jekk tiġix salvata ruħek jew tintilef għal dejjem!  Liż-żgħażagħ, speċjalment, għandna jkollna l-qawwa li ngħidulhom il-verità.  U minn fejn se tiġina din il-qawwa.  Jien nirtgħod bil-biża’ quddiem din ir-responsabiltà!  Isaija ma kienx imidd pass kieku ma ntbagħtlux serafin mis-sema.  Kollox hu Grazzja.  Jew jaħdem Alla jew xejn.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  6, 1-2a, 3-8

 

Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jiena rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju.  ’Il fuq minnu kien hemm is-serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:  “Qaddis, qaddis, qaddis, hu l-Mulej tal-eżerċti.  L-art kollha mimlija bis-sebħ tiegħu”.

 

Bl-għajat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżhżu, u t-tempju mtela bid-duħħan.  Imbagħad jiena għidt: “Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xofftejh imniġġsa jien, u f’nofs poplu b’xofftejh imnniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti.”

 

Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:  “Ara, din messitlek xofftejk: ħżunitek għabet, u dnubek inħafer.”

 

Imbagħad smajt leħen il-Mulej igħid: “Lil min se nibgħat? Min se jnmurilna?”  U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”

 

Salm Responsorjali

 

Il-bniedem li jisma’ l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù u jemminha, wara li jkun għaraf bis-serjetà li hu midneb f’għajnejn Alla, jimtela b’ferħ kbir, b’ħelsien li wieħed jista’ jitkellem fuqu biss jekk iġarrbu.  Is-slaten kollha tal-art ifaħħru lill-Mulej meta jisimgħu l-Aħbar tal-ġenerożità tiegħu mal-midneb.  Imma din l-Aħbar hija biss għall-midneb.  Huwa biss il-midneb li jifhimha, jemminha, jiddawwal biha.  Allura hi għalina lkoll, għax min minna mhux midneb?  Anke l-Papa jgħid u jerġa’ jgħid li hu midneb u għandu bżonn it-talb tagħna u li kieku ma kienx hekk kien ikun maqtugħ mill-Aħbar ta’ Kristu li ssalva l-bniedem.  Mhux ta’ b’xejn il-Knisja fil-lejl tal-Għid tkanta “Xi ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal Dan!  Xi ħtija hienja!”  Tal-għaġeb il-Kristjaneżmu!  Huwa ħafna, ħafna iktar minn reliġjon.  Jisparixxu r-reliġjonijiet kollha vvintati mill-bniedem quddiem id-dija tal-Aħbar ta’ Kristu li miet biex jien ma mmutx, li daq l-Infern biex jien ma mmisx miegħu, li sar midneb Hu, kollu kemm hu dnubiet, Hu li kien innoċenti, biex jien nidher ġust quddiemu, iġġustifikat b’demmu!

 

Is-Salm li ġej hu kliem mill-isbaħ mpoġġi fuq fomm bniedem li jagħraf dan u tqanqlet fih enerġija, qawwa ta’ radd il-ħajr, Ewkaristija, lejn Alla li ħabbu tant li abbanduna lil Ibnu b’risq tiegħu!  “Irrodlok ħajr,Mulej, b’qalbi kollha, quddiem l-anġli rrid ngħannilek.  Inrodd ħajr lil Ismek għat-tjieba tiegħek u l-fedeltà tiegħek, għax fil-jum ikraħ, mudlam, kollu kriżi li fih sejjaħtlek, smajtni.  Il-leminija tiegħek salvatni!”  U l-leminija tal-Missier intweriet b’mod tal-għaġeb fi Kristu, fil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu.

 

Ritornell:  Quddiem l-anġli, Mulej, ngħannilek.

 

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

Quddiem l-anġli rrid ngħannilek.

Ninxteħet quddiem it-tempju mqaddes tiegħek.

 

Irrodd ħajr lil ismek

Għat-tjieba tiegħek u għall-fedeltà tiegħek.

Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni;

Kattartli l-qawwa f’ruħi.

 

Ifaħħruk, Mulej, is-slaten kollha tal-art,

Għax semgħu kliem fommok.

U jgħannu l-imġieba tal-Mulej,

Għax kbir hu sebħ il-Mulej.

 

Il-leminija tiegħek issalvani.

Il-Mulej itemm għalija kelmtu.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

La titlaqx għemil idejk.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl jitkellem fuq l-Evanġelju li kien ħabbar lin-nies ta’ Korintu.  Dan l-Evanġelju ma kienx moralistà, ma kienx ibbażat fuq x’għandek x’tagħmel u x’ma għandekx x’tagħmel.  Il-morali wkoll, naturalment, hija parti mill-Aħbar ta’ Kristu.  Aqraw id-Diskors tal-Muntanja u tkunu tafu.  Imma San Pawl jgħid li dak li salva lill-Korintin u wellidhom mill-ġdid f’nies ġodda (kif Kristu kien qal lil Nikodemu) ma kinitx xi ħajja tajba għax dawn il-Korintin ma kinux nies moralment tajbin.  Dak li salvahom u tahom Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn kien li huma emmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Jiġifieri, huma għarfu li kienu ħlew ħajjithom fil-ħmerijiet, fl-idoli u l-ambizzjonijiet tad-dinja, fil-passjonijiet u dnubiet bla rażan u bla għadd, imma... emmnu li Kristu bata Passjoni ħarxa meta tgħabba bi dnubietu Hu... li miet bħal Ħaruf innoċenti biex huma ma jkollhomx xi jħallsu għal dnubiethom, għax meta kien qed jissammar mas-Salib kienu qed jissamru wkoll dnubiethom... li qam mill-mewt u għalhekk dnubiethom issa kienu maħfurin kollha, kollha, għax id-dnub ma rnexxilux joqtol lill-awtur tal-Ħajja.  Huma emmnu li ma’ Kristu kienu mietu huma wkoll spiritwalment;  fil-kastig li waqa’ fuq Kristu bla ħtija kien ħadu l-kastig huma wkoll.  Fuq kollox emmnu li fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, huma, li kienu issa parti minn Ġismu, kienu rebħu l-mewt tagħhom b’tali mod li kienu se jgħixu għal dejjem miegħU. 

 

Jgħixu għal dejjem!  Qatt ħsibt int fuq din ir-rejaltà tal-għaġeb.  Jekk temmen dan fi Kristu, int m’int se tmut qatt.  Il-mewt tiegħek, anke dik fiżika hija mirbuħa.  Dan hu l-bniedem li joħroġ miċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt, tgħid l-Ittra lil-Lhud, u għalhekk ma jħossx iktar il-bżonn li jkun egoista għax mhux mhedded iktar.  Dan biss hu l-bniedem li jista’ jgħix ħajja tant moralment tajba li jiġbed nies għal Kristu.  Il-bniedem mifdi minn Kristu biss jista’ jgħix id-Diskors tal-Muntanja li hu erba’ darbiet itqal mill-Kmandamenti ta’ Mosè, skont l-esiġeti.  U kollox bi Grazzja, jgħid San Pawl.  Mhux ‘supermen’ dawn, imma nies midinba u dgħajfa, mifdija bil-Fidi adulta fi Kristu.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  15, 1-11

 

Ħuti: irrid infakkakrkom fl-evanġelju li ħabbartilkom, li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ.  Bih intom salvati, bil-kelma li jien ħabbartilkom, jekk qegħdin iżżommuha u jekk il-fidi tagħkom ma kinitx għalxejn.

 

Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba fi dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh, u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura.  U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.

 

Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa dixxipli flimkien.  Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum: xi wħud minnhom raqdu.  Deher imbagħad lil Ġakbu, u wara lill-appostli kollha.  Fl-aħħar deher lili wkoll, wara kulħadd qisni twelidt barra miż-żmien.  Għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.

 

Imma, bil-grazzja ta’ Alla, jien dak li jien, u l-grazzja tiegħu fija ma sefgħetx fix-xejn, għax tħabatt ħafna aktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi.  Imma sew jekk huma u sew jekk jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

 

Evanġelju

 

L-Evanġelizzazzjoni mhix divertita.  Nerġa’ nfakkar: ma nistgħux iktar nixtħu din ir-responsabiltà fuq il-Presbiteri tal-Knisja u n-nies ikkonsagrati.  Kull lajk li jikber fil-Fidi jirċievi teżor li ma jistax iżommu għalih waħdu; ikun irid jaqsmu.  U iktar kemm jaqsmu ma’ ħaddieħor iktar jikbirlu!  Nerġa ngħid: mhix divertita.  Jew tħobb tassew lil Kristu jew ma tagħmel xejn.  Ħafna huma l-fallimenti, id-diżappunti.  Imma l-Bibbja tgħid: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-risq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni u jgħid lil Sijon: “Alla tiegħek isaltan!”  (Is. 52, 7-8). 

 

Mill-banda l-oħra l-bniedem tal-lum aljenat b’tant ġugarelli, b’tant xejxi... kemm huma dawk li jilqgħu stedina biex jikbru fil-Fidi?    Imma dawk li jilqgħu il-Bxara għandhom il-mewt solvuta.  Hu veru li wieħed irid jgħaddi lejl sħiħ jistad għalxejn.  Lejl sħiħ!  Imma meta jasal il-waqt il-ħut jinqabad u kbira tkun il-Glorja tal-Mulej.  Ara kif dejjem hemm passaġġ, mogħdija mid-dlam tal-Ġimgħa l-Kbira għaż-żerniq tal-Għid!

 

Versett: Hallelujah.  Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, igħid il-Mulej; ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  5, 1-11

 

Jum wieħed il-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt il-għadira ta’ Ġenesaret.  U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.  Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad ixteħet bilqiegħda u qagħad igħallem lin-nies mid-dgħajsa.

 

Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.”  Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.”  Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.  Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom, li kienu fid-dgħajsa l-oħra, biex jiġu jagħtuhom daqqa ta’ id.  Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

 

Xmun Pietru, kif ra dan, ixteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” Għax inħataf  bil-għaġeb, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu.  U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew li kienu sħab Xmun.

 

Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.”  Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Last Updated ( Saturday, 06 February 2016 )
 
< Prev   Next >