Saturday, 16 December 2017
           
Home
L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2016) HRUG MILL-EGITTU TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 February 2016

Din hija il- Liturgija  ta' l-ewwel Hadd tar-Randan Hadd bi hsibijiet  min Joe Rapa.

temptation_jesus22.jpg
            Ix-Xitan iggarrab lil Gesu'

 

Il-meravilja tal-Iskrittura, li aħna nsejħulha l-Bibbja, u li hi l-Kelma ta’ Alla, hi li fiha nsibu miktuba l-Istorja tagħna.  Kulma hemm miktub, jitkellem l-ewwel u qabel kollox fuq Kristu, l-Iben ta’ Alla, u jitkellem ukoll fuqi u fuqek, fuq kull wieħed u waħda minna.  Dan hu dak li jagħmel il-Kelma ta’ Alla ħajja u tixbaħ lil xabla li taqta’ qatigħ miż-żewġ naħat u tinfed sa ġol-mudullun. 

 

Hekk kif il-Mulej qed jagħtina esperjenza oħra ta’ mixja tar-Randan lejn l-Għid il-Kbir, hu ta’ faraġ għalina niskopru dan sa mill-Ewwel Ħadd tar-Randan.  F’dan l-Ewwel Ħadd tal-iktar żmien qaddis tas-sena, il-Knisja tpoġġi quddiemna l-“Eġittu” u l-Ħruġ tal-poplu ta’ Alla mill-jasar f’dak il-pajjiż lejn Art Imwegħda lilu minn Alla, Art tnixxi ħalib u għasel, Art il-ħelsien, Art fejn il-poplu sab djar lesti għalih li ma beniex hu, bjar imħaffra għalih li ma ħaffirx hu, dwieli li jagħtuh il-frott u li ma ħawwilx hu.  Dan kollu tpoġġih quddiemna l-Knisja mhux biex inkomplu nitgħallmu x’ġara u ma ġarax, imma biex fil-Qari mill-Iskrittura naraw dak li jrid jagħmel il-Missier b’ħajjitna, fl-Imħabba kbira li għandu għalina.  Għax dak kollu li għadda minnu l-poplu Lhudi kien biss xbiha ta’ dak kollu li kellu jgħaddi minnu Kristu, u, wkoll, in-Nisrani li jimxi warajh.  Jekk Iżrael terraq mill-Eġittu lejn il-Glorja tal-Art Imwegħda, l-istess għamel Kristu, u l-istess, nittamaw, li qegħdin nagħmlu aħna... interrqu flimkien bħala Knisja, bħala poplu ġdid ta’ Alla lejn l-Art fejn se ngħixu għal dejjem fil-ferħ u l-ħelsien quddiem Alla fil-Ġenna. 

 

U li il-Ġenna, dan il-ħelsien u sliem jibdew minn hawn stess diġa għidnih ħafna drabi.  Hu veru li l-milja ta’ dawn ir-rigali ta’ Alla nsibuha fis-sema, imma n-Nisrani jkollu ċertezza li l-Ħajja ta’ Dejjem teżisti għax diġa jibda jduqha hawn, bħalma l-bniedem jista’ jduq l-infern hawn.  U la qed insemmu l-infern, induru lejn l-“Eġittu” fejn kien jgħammar il-poplu ta’ Alla, skjav, imsawwat kuljum, imġiegħel jagħmel dak li jridx, kemm kemm miżmum ħaj biex iservi ta’ magna fil-ħafna proġetti ta’ bini kbir li kienu qed iwettqu l-Faragħuni Eġizzjani.  Tassew li l-Eġittu kien l-infern għal Iżrael.  Ilkoll doqnih l-infern f’ħajjitna, min ftit min ħafna; min ġie meħlus minnu, min għadu mjassar fih.  Bniedem iddisprat minħabba xi problema kbira, xi salib li ma jistax jaċċetta f’ħajtu, dan qed jgħix l-infern, dan jinsab marbut ilsir fl-Eġittu.  Ieħor li jixtieq jeħles imma ma jistax minn xi viżżju bħad-droga, ix-xorb eċċ. qiegħed jgħix l-infern, ilsir anke hu fl-Eġittu eżistnzjali tiegħu.  Xi ħadd li hu mifluġ mid-dnub tiegħu, li qed ifittex il-ferħ fl-idoli tad-dinja, fis-sess, fix-xogħol sfrenat, fis-serq, fl-ambizzjoni bla lġiem, dan ukoll huwa msawwat kuljum fl-Eġittu tiegħu u jaf x’inhu l-infern, anke jekk mingħalih li qed ifittex il-Ġenna fuq l-art. 

 

Dawn in-nies kollha għandhom bżonn ħelsien u Ħellies.  Ma jistgħux jeħilsu lilhom infushom.  Bis-saħħa tiegħu biss, Iżrael qatt u qatt ma kien joħroġ mill-Eġittu, l-aqwa potenza mondjali ta’ dak iż-żmien.  Imma hemm tama għal kulħadd.  Jieżisti Xi Ħadd li hu aqwa mill-Eġittu tagħna.  Jeżisti Xi Ħadd li hu aqwa mill-Fargħun li jfaqqa l-frosta u aħna nobdu, jum wara jum.  Permezz ta’ Mosè, Alla wera l-qawwa tiegħu u ħeles lil dawk li kienu tiegħu.  Jekk aħna nuduru lejH, Hu kapaċi, Hu għandu s-setgħa li bi Kristu Ħellies jagħtina ħelsien li lanqas biss nafu li jeżisti.

 

L-Ewwel Qari

 

Id-Dewteronomju se jagħtina diskrizzjoni qasira ħafna imma li tħaddan l-esperjenza kollha tal-poplu ta’ Alla.  Ħafna jqisu dawn il-versi f’Kapitlu 26 ta’ dan il-Ktieb bħala l-eqdem Kelmiet tal-Iskrittura kollha.  Fi żmien qabel ma l-poplu beda jikteb il-ġrajjiet li Alla wettaq miegħu, hu kien iżommhom ħajjin f’moħħu, fil-Memorja tiegħu u, speċjalment, ta’ wliedu, billi filgħaxijiet kull familja kienet tiltaqa’ madwar is-sħana tan-nar, jew għall-frisk tas-sajf, u l-missier kien jirrakkonta l-istorja tal-familja u tal-poplu.  Dawn ir-rakkonti Alla ried li jkunu l-bażi tal-kitbiet qaddisa, u din li se naqraw hi waħda mill-eqdem, jekk mhux l-eqdem waħda. 

 

L-ikbar prova li jeżisti Alla li kellu Iżrael kien l-Għid li Alla wettaq miegħu meta ħarġu mill-jasar tal-Eġittu.  Għalihom din kienet u tibqa’ l-ikbar ġrajja u l-ebda oħra ma tista tisboqha.  Għan-Nisrani, imma, dan kollu kien biss xbiha ta’ Għid, jerġa’ ferm ikbar, l-Għid ta’ Kristu li qam rebbieħ biex joħroġ lil kull min jemmen fiH, mill-“Eġittu” eżistenzjali tiegħu u jieħdu lejn ħelsien u sliem li kull bniedem fettex mill-ewwel jum tal-ħolqien.

 

Il-Lhud kienu joffru s-sagrifiċċji tagħhom, sena wara sena, ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, biex jirringrazzjaw lil Alla talli għażilhom bħala l-poplu tiegħu, ħariġhom mill-Eġittu, qasmilhom il-Baħar l-Aħmar, għaddihom minn deżert fejn poplu ma setax jgħix, u tahom Art tnixxi ħalib u għasel wara li keċċa minn hemm seba’ ġnus aqwa  u ikbar minnhom.  Dawn huma ħwejjeġ tal-għaġeb.  In-Nisrani wkoll irodd il-ħajr lil Alla kuljum fl-offerta tal-Ewkaristija.  L-Ewkaristija hija liturġija qawwija ta’ Radd il-Ħajr li n-Nisrani jgħolli quddiem il-Missier biex jirringrazzjaH talli bagħatlu lil Ibnu Ġesù, ħalliH jaqa’ f’idejn l-għedewwa tiegħu, telqu f’dirgħajn mewt ħarxa fuq salib u qajmu mill-mewt biex hekk jagħti l-ħelsien, Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn lil dawk li jemmnu fih tassew.  B’hekk wieħed jibda jinduna li kulma sar fit-Testment il-Qadim kien xbiha ta’ dak li kellu jseħħ fil-Ġdid.  Tassew hienja aħna li qed ingawdu dan kollu.

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  26, 4-10

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-qassis jilqa’ minn idejk il-qoffa u jqegħidha quddiem l-altar tal-Mulej Alla tiegħek.  Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej Alla tigħek:

 

“Missieri kien minn Aram, jiġri minn post għal ieħor; imbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm.  Żgħir kien il-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran.  L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b’xogħol iebes; u aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta’ missirijietna, u l-Mulej sema’ l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b’id qawwija bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali u għeġubijiet, u daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel.  U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tani l-Mulej, biex inqiegħdu quddiem il-Mulej Alla tiegħek.’”

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmi huma t-Talba uffiċċjali tal-Knisja.  Jekk int Nisrani, is-Salmi għandhom ikunu t-Talba tiegħek ta’ kuljum.  Hekk kienu fil-bidu tal-Knisja u l-Knisja żammet din it-tradizzjoni matul is-sekli billi rabtet lill-Presbiteri tagħha u lil dawk li kkonsagraw ruħhom mill-qrib lil Alla li għandhom jitlbu s-Salmi kuljum.  Sfortunatament, is-Salmi inqatgħu mill-użu tal-‘lajċi’ għax ftit kienu n-nies li kienu jafu jaqraw.  Illum dan inbidel għal kollox.  Kulħadd jaf jaqra u l-Konċilju Vatikan II saħaq li s-Salmi għandhom jerġgħu jiġu skoperti bħala t-Talba meraviljuża ta’ kull Nisrani mhux tal-qassisin, il-patrijiet u s-sorijiet biss.

 

Hemm Salmi li jesprimu Tama waqt il-prova; hemm oħrajn li jgħajtu quddiem Alla għall-għajnuna meta kollox jidher mitluf;  imbagħad hemm Salmi ta’ ferħ li jfaħħru lil Alla għax wera ruħu qawwi fuq dak kollu li jkun beżża’ lis-salmista.  Is-Salmi jitkellmu fuq kull tip ta’ esperjenza tal-Ħajja.  Is-Salm li għandan llum, Salm 90, hu wieħed mill-iktar magħrufin għax saħansitra x-xitan jikkwotah meta prova jittanta lil Kristu, kif se naraw fil-Vanġelu tal-lum.  Huwa Salm ta’ bniedem li kien fi dwejjaq kbar, imma minnhom kollha ħelsu l-Mulej.  L-esperjenza tiegħu kienet bħal ta’ wieħed li jaqa’ mill-għoli imma fit-twerwir tal-mument, iħoss l-id ta’ Alla tilqgħu.  Hu jibqa’ mmeraviljat bis-salvazzjoni li rċieva u mbellah bil-bidla totali li ġrat fis-sitwazzjoni kritika tiegħu.  Għalhekk lil Alla jgħidlu: “Inti l-kenn tiegħi!  fik biss jien nittama!”   Hu jaf li kull meta se jsejjaħ lil Alla, Hu, b’mod jew b’ieħor kien se jwieġbu, kien se jgħinu, kien se jbiddillu xortih.  Għalhekk il-bniedem ta’ Alla hu dejjem fis-sliem.  Bħal dawk it-tliet żgħażagħ fil-Ktieb ta’ Danjel, li mdawrin bil-ħuġġieġa tan-nar li suppost kellha teqridhom b’mewta tal-biża’, jispiċċaw ikantaw, jgħollu jdejhom ’il fuq u jfaħħru lil Alla b’qalbhom kollha, għax kienu qed iħossu żiffa l-aktar ħelwa ddur madwarhom u tiddefendihom mill-fjammi terribli li kienu jhedduhom.  U din iż-żiffa kien in-nifs ta’ Alla li jdur madwarna wkoll, jekk nemmnu li Alla kapaċi jagħmlu dan.

 

Ritornell:  Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.

 

Salm 90

 

Min igħix għall-kenn tal-Għoli,

Min jgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

Hu jgħid lill-Mulej:

“Kenn tiegħi, li fih nittama.”

 

Ebda deni ma jiġrilek,

Ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu jibgħatlek,

Biex iħarsuk fi triqatek kollha.

 

Fuq idejhom jerfgħuk,

Li ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.

Fuq l-iljun u fuq il-lifgħa int timxi,

Iljun żgħir u serp b’riġlejk tgħaffiġhom.

 

La tħabbeb miegħi, jiena neħilsu;

La għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;

Miegħu nkun fid-dwejjaq;

Neħilsu u nagħtih ġieh.

 

It-Tieni Qari

 

Tassew li għandha raġun il-Knisja tiċċelebra l-Għid il-Kbir bħala “il-Festa” tagħha, l-ikbar, l-ogħla, l-aqwa ċelebrazzjoni tagħha.  U biex tenfasiżża l-importanza tal-Għid fil-Ħajja tan-Nisrani, hija tagħtina dan iż-Żmien tar-Randan biex nħejju ruħna tajjeb, biex dan l-Għid li ġej ikun mogħdija, għalina, passaġġ lejn Fidi dejjem akbar fi Kristu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt li lilna tista’ tkiddna. 

 

Huwa fil-Qawmien tal-Għid li Kristu ħareġ rebbieħ fuq kull dnub tagħna u tad-dinja kollha.  Hu veru li d-dnub tiegħi qatlu lil Kristu.  Hu ħares lejja, bniedem ikkundannat għall-mewt minħabba t-taħsir tad-‘Dnub’ li writt minn Adam; ħares lejja u għadirni, ġietu ħniena minni, u qal: “Ninżel jien, nitgħabba bi dnubu jien, immut jien biex ma jmutx hu, nidħol fil-qabar jien, biex hu jkollu Ħajja għal Dejjem, Ħajja ta’ Dejjem!”  Din hi l-Imħabba ta’ Alla lejja u lejk, murija fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  U d-dnub tiegħi u tiegħek tant hu serju, ħafna iktar milli naħsbu aħna, li lil Kristu dewqu mewta terribbli!  Kieku l-Istorja waqfet hemm, konna ngħidu: “Kemm aħna mill-agħar!  Dnubietna qatlu lill-awtur tal-Ħajja!  Tpatta d-dejn tagħna kollhu, imma issa tgħabbejna b’dejn ikbar, immensament ikbar: qtilna lil Alla nnifsu!  Min se jeħlisna minn dan iċ-ċirku vizzjuż ta’ dnub u ta’  mewt?” 

 

Huwa għalhekk li r-rebħa fuq il-mewt ta’ Kristu hija r-rebħa fuq il-mewt tagħna.  Il-qawmien tiegħu huwa l-Qawmien tagħna.  Ir-Randan mhux se jippreparana biss għall-Ġimgħa l-Kbira.  Allaħares kien hekk.  Fuq kollox ir-Randan jippreparana biex inkunu nistgħu nilqgħu il-Grazzja li ‘naraw’ l-enormità tar-rebħa tagħna fil-Qawmien ta’ Kristu.  Miskin il-bniedem pagan tal-lum li jaħseb li kapaċi jixtri dan kollu bit-teknoloġija, bid-drittijiet, bil-flus.  X’ħasra!

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  10, 8-13

 

Ħuti:  Xi tgħid l-Iskrittura?  “Il-Kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u f’qalbek,” jiġifieri l-Kelma tal-fidi li aħna nxandru.  Għax jekk inti tistqarr b’fommok, “Ġesù hu l-Mulej,” u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva.  Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustifikazzjoni, u jistqarr b’xofftejh biex ikollu s-salvazzjoni.

 

L-Iskrittura tgħid, “Kull min jemmen fih ma jintilifx”.  Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd, u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu.  Għax “kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.”

 

Evanġelju

 

Jekk l-Eġittu huwa xbiha ta’ kull tip ta’ jasar li minnu għandu bżonn jinħeles il-bniedem, il-mixja fid-deżert tal-poplu Lhudi, erbgħin sena sħaħ, hija s-simbolu tal-vjaġġ tagħna lejn il-milja tal-Ħajja, il-milja tal-Ferħ, il-milja tal-Ħelsien minn kollox u li jinsabu biss għand Alla.  Vjaġġ fid-deżert hu dejjem diffiċli u mimli perikli.  Wieħed waħdu qatt u qatt ma jista’ jasal biex jaqsmu.  Għandu bżonn karovana miegħu, ikun fi grupp, ikun f’komunità, fi Knisja.  Jekk jonqsu l-ilma, jgħinuh sħabu; jekk jitlef it-triq mhux se jitlifha waħdu; u fuq kollox, il-ħallelin tax-xagħri ma jattakkawx għax jibżgħu min-numru. 

 

Imma l-mixja ta’ konverżjoni xorta tibqa’ diffiċli, anke fi Knisja li bħala Omm tieħu ħsieb ta’ wliedha kollha. Ħafna ma jaslux sal-Art Imwegħda.  Il-poplu Lhudi li rribella kemm-il darba kontra l-Mulej, il-biċċa l-kbira safa mejjet fid-deżert matul dawk l-erbgħin sena u kienu wliedhom li daħlu jgawdu l-Art.  Kristu ried jesperjenzja dawn id-diffikultajiet tal-bniedem kollha kemm huma.  L-Ispirtu ħadu fid-deżert biex iduq it-taqbida tat-tentazzjoni.

 

Fid-deżert, Iżrael kien ittentat bi tliet tentazzjonijiet li ma kinux ħfief.  Dawn kienu l-istess tentazzjonijiet ta’ Kristu u tagħna wkoll.  Il-poplu kellu t-tentazzjoni li jgerger u jirvilla kontra n-nuqqas ta’ ikel, in-nuqqas ta’ kumdità, l-għejja eċċ.  “Xbajna bil-manna bla togħma!”  qalu.  “Kemm konna aħjar fl-Eġittu fejn kellna basal, kurrat, laħam u ħobż kemm irridu!”  Iżrael dineb bid-dnub tat-tgergir, id-dnub tal-qalb, bħalma nagħmlu aħna wkoll.  Imma Kristu rebaħ din it-tentazzjoni.   Kif tgħid it-talba tax-Xemà, Huwa ħabb lil Missieru b’qalbu kollha, tant li fuq is-Salib, qalbu ġiet minfuda mil-lanza.

 

Iżrael kien ittentat ukoll bl-Istorja... tentazzjoni serja.  “Xi ħriġna nagħmlu fid-deżert, biex toqtolna?”  qalu lil Mosè.  Ma fdawx l-Istorja ta’ ħajjithom f’idejn Alla.  Baqgħu skandaliżżati, biż-żmien dejjem għaddej, bid-dawrien donnu fil-vojt fid-deżert.  Bdew jużaw ir-raġuni ta’ moħħhom.  B’dan il-mod m’aħna se naslu mkien.  Donna miltufa fil-baħħ.  Lil Ġesù kellu ħafna xi jgħidlu x-xitan dwar l-Istorja.  Ġesù kien jaf li Missieru kien fassallu Storja ta’ tbatija b’risq il-bniedem, il-midenb.  Satana stiednu joħroġ minnha, jagħmel miraklu kbir u jaqbeż minn fuq it-tempju.  Żgur li ma kien xe jiġrilu xejn...  Ma kienx l-Iben ta’ Alla?  Ma kienx il-Messija?  Ara x’popolarità kien jikseb, kieku.  Kollox kien ikun faċli.  Hekk tgħid ir-raġuni, veru.  Imma Ġesù ħabb lill-Missieru b’moħħu kollu u fuq is-Salib rasu kienet magħfusa minn kuruna kiefra tax-xewk.

 

L-ikbar dnub ta’ Iżrael fid-deżert kienet l-idolatrija.  Għamlu idolu flok Alla: għoġol tad-deheb... sabiħ... b’saħħtu... jimpressjonak... qed tara xi ħaġa, mhux xejn!  Anke aħna għandna l-idoli tagħna li bihom inkiddu l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla: il-familja, ix-xogħol, is-saħħa, il-flus, il-fama, il-popolarità, il-vizzji.  Lil dawn nitolbuhom jagħtuna l-ferħ, il-Ħajja, is-sens.  Kristu ma riedx jinżel jadura lil satana. Huwa ħabba lil Missieru bis-saħħa tiegħu kollha tant li sammrulu jdejh u riġlejh, fejn tgħammar saħħet il-bniedem, ma’ għuda.  Ma setax jiċċaqlaq.  Hu miet jagħmel ir-rieda ta’ Missieru, imbuttat mill-Imħabba lejna lkoll.  Kienet din l-Imħabba li l-Missier qajjem mill-mewt.

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek Kristu!  il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  4, 1-13

 

F’dak iż-żmien: Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, reġa’ lura mill-Ġordan u tqanqal mill-Ispirtu biex imur fid-deżert, fejn għal erbgħin jum kien imġarrab mix-xitan.  Matul dawk il-jiem ma kiel xejn, u mbagħad, meta għaddew, ħadu l-ġuħ.  Għalhekk ix-xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil dan il-ġebel isir ħobż.”  U Ġesù wieġbu: “Hemm miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix.”

 

Imbagħad ħadu fil-għoli u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja f’ħin wieħed; u qallu x-xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll, għax hija nagħtat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.  Jekk tinxteħet quddiemi tadurani, kollha tiegħek tkun.”  Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi.’”

 

Imbagħad ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-Tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.  Għax hemm miktub li ‘lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,’ u li ‘fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’”  Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek.’”

 

Imbagħad ix-xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma jasal il-waqt.

 

 

 
< Prev   Next >