Sunday, 25 June 2017
           
Home
IT-TIENI HADD TAR-RANDAN (2016) IL-KONVERZJONI: BICCA XOGHOL BEJN TNEJN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 February 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd tar-Randan Hadd bi hsibijiet  min Joe Rapa.

transfiguration_oil_copper_hi.jpg
 Gesu' juri l-Grorja tieghu li-Appostli

 

Dan l-aħħar fuq it-televiżjoni rajt wieħed jieħu għalih għax xi ħadd mill-mistednin tal-programm qallu li kellu bżonn jikkonverti.  Beda jħaqqaqha li hu m’għandux bżonn jikkonverti biex isir Nisrani għax dejjem kien Nisrani u kien tgħammed ta’ tarbija.  Naturalment kien qed jillimita ħafna t-tifsira tal-konverżjoni.  Minn għalih li l-konverżjoni tfissel tibdel ir-reliġjon, jew minn ateju ssir temmen f’Alla.  Dik ukoll hi konverżjoni, imma l-konverżjoni hi ferm iktar minn hekk.  In-Nisrani li jieħu l-Fidi tiegħu bis-serjetà jaf li l-konverżjoni hi kuljum sal-aħħar jum ta’ ħajtu.  Ma jistax jieqaf in-Nisrani milli jikkonverti, għax jew timxi ’l quddiem jew lura.  Jekk ma timxix ’il quddiem, jekk ma tikkonvertix xi ftit kuljum, tistgħaġna u ssir bħall- ilma qiegħed.  Ilma ġieri iġorr miegħu il-Ħajja, imma l-ilma qiegħed malajr jinten u flok Ħajja jġorr il-mard.

 

Tant hu kbir il-Misteru ta’ Kristu, tant hi kbira l-Imħabba tal-Missier għalina murija f’Ibnu, li tkun tassew prużunzjoni enormi li wieħed jgħid: “Naf kollox! Jien nafu lil Kristu!  M’għandix x’infittex iktar.”  Dan hu bniedem miskin li m’għadu jistenna xejn ġdid mingħand il-Mulej f’ħajtu.  Jaf kollox!  Għandu kollox!  Sab kollox!  Lanqas il-Papa, jew l-ikbar qaddis, ma jażżarda jgħid dan.  Jimpressjonani San Tumas ta’ Akwinu, forsi l-akbar teologu li qatt kellha l-Knisja, li fuq is-sodda tal-mewt dar fuq sħabu u qalilhom li dak kollu li kiteb kien biss tiben ħdejn il-verità li hi Kristu. 

 

Dan kollu jurina li l-konverżjoni tagħmel sens biss għall-umli.  U min hu umli?  Huwa umli dak biss li għaraf xi ftit ir-rejaltà tiegħu, li hu bniedem dgħajjef miexi lejn il-mewt, u li, fuq kollox, huwa bniedem midneb, jiżbalja għal kull ħaġa ta’ xejn.  Min jagħraf dan hu umli għax l-umiltà hija l-verità, il-verità fuqna nfusna, u ftit hawn min jafha din il-verità fuqu nnifsu.  Anzi, l-iskoperta tagħna nfusna hija parti essenzjali tal-konverżjoni.  Meta wieħed jiskopri lilu nnifsu fil-qies li ma jibqa’ jiġġudika lil ħadd iktar għax jaf li hu kapaċi jagħmel bħal kulħadd, dan l-għarfien jixprunah, isir il-mutur li jimbuttaħ ’íl quddiem biex ifittex il-kenn fi Kristu, fil-Ħniena mmensa tiegħu, fil-Misericordia tiegħu.  U meta jsib dan kollu jsir qaddis, anke jekk jibqa’ dgħajjef.  Ikun għaraf li Alla lilu jħobbu anke meta kien għadu tiegħu, meta kien kattiv, egoist, rgħib, żieni, saħansitra qattiel, għax qtilna ħafna nies bi lsienna jekk mhux bis-sikkina.

 

Salm 94 jgħid:  “Jekk illum tisimgħu leħnu la twebbsux il-qlub tagħkom!”  Għax kuljum il-Mulej jipprova jinfed il-widnejn miżduda tagħna, jew bil-Kelma, jew b’xi ġrajja, jew b’xi ħaġa jew b’oħra.  Kuljum, l-ilma ġieri tal-Magħmudija tagħna li jħaxwex kollu ħlewwa fil-profond tagħna, jistedinna: “Ikkonverti llum!  Illum hu ż-żmien it-tajjeb.  Ikkonverti llum!” 

 

Tassew sabiħa u f’waqtha hija l-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija tal-lum: “’Ejja’, għidt f’qalbi, ‘fittex ’il wiċċu.’  Jiena wiċċek infittex, Mulej, la taħbix wiċċek minni.”  (S. 26, 8-9).

 

L-Ewwel Qari

 

Dwar il-konverżjoni, ħaġa waħda rridu niċċaraw mill-ewwel: l-ebda bniedem, tajjeb kemm hu tajjeb, mhu kapaċi jikkonverti lilu nnifsu.  L-ewwel u qabel kollox, il-konverżjoni ta’ qalb il-bniedem hija biċċa xogħol ta’ Alla; hija kapolavur tiegħu.  Waħdu, l-bniedem lanqas biss jibda; lanqas biss jixtieq jikkonverti.  Santu Wistin jgħid kollox, kollox hu Grazzja.  Setgħet il-Verġni Marija titqal mingħajr l-intervent ta’ raġel?  Qatt!  Alla biss seta’ jagħmilha din il-biċċa xogħol u l-konverżjoni tagħna hi mqabbla mat-tqala ta’ Marija:  totalment Grazzja.

 

Hija mqabbla wkoll, il-konverżjoni tagħna, mal-esperjenza meraviljuża ta’ Abraham li dwaru se nisimgħu fl-Ewwel Qari.  Seta’ Abraham ikollu iben fi xjuħitu, meta anke f’żogħżitha martu Sarah kienet sterili?  Qatt u qatt.   Imma kemm Marija u kemm Sarah welldu iben u din hi l-Glorja ta’ Alla li minn blata joħroġ gliegel ta’ ilma.  Allura kull bniedem ġust, kull qaddis, hu l-ewwelnett xogħol Alla.  Jekk tara bniedem jikkonverti, int għandek tgħid: Kemm hu kbir Alla!  Jekk tara bniedem li jmur għall-martirju biex ma jiċħadtx lil Kristu, dan iżid il-Glorja ta’ Alla. 

 

Abraham kellu ’il fuq minn 75 sena meta darba waħda bil-lejl, meta dan il-bniedem xiħ kien fi kriżi għax ra li ħajtu kienet falliment totali anke jekk kien irnexxa fil-business tiegħu u kien sinjur... f’dan il-lejl, Alla ħarġu barra mit-tinda tiegħu u stiednu jħares ’il fuq lejn il-kwiekeb, eluf, miljuni ta’ kwiekeb itektku s-smewwiet.  U Alla jwegħedu li hekk se jkun kotran nislu, anke jekk kien qata’ qalbu għal kollox li jkollu mqar iben wieħed. 

 

Imma hawn ġrat xi ħaġa kbira: Abraham emmen lil Alla!  U hawn jidħol il-bniedem.  Għax jekk il-konverżjoni hi xogħol Alla, il-bniedem għandu sehem ukoll: li jaċċetaha jew le.  Abraham seta ma emminx lil Alla.  Marija setgħet ma emmnitx lil Anġlu li qalilha li kien se jkollha iben u tibqa’ verġni.  Dan hu l-punt delikat immens, fejn Alla jwarrab, u f’daqqa waħda l-protagonist isisr il-bniedem.  X’se jagħmel?  X’se tagħmel int quddiem l-istedina tal-konverżjoni?  Hi se tkun għal kollox xogħol Alla, imma int se taċċettaha, se tixtieqha, se taħtafha l-okkażjoni, jew tibgħat kollox jixxejjer għax tħoss li batejt wisq f’ħajtek u qalbek ibbieset wisq? 

 

Alla ma jistax jisfurzak, ma jistax jisfurżani.  Iħobbna wisq biex jagħmel vjolenza magħna u jagħmel minn ħajjitna dak li aħna ma rridux.  Quddiem il-ħelsien li tana fi mħabbtu, Alla jsir f’daqqa waħda dgħajjef, jistenna l-“Iva” tagħna.  Ħafna ma jagħtuhielux.  Abraham tahielu għax emmen li Alla kien kapaċi jagħtih sens għal ħajtu, jagħmel opra tal-għaġeb minn ħajtu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  15, 5-12,  17-18.

 

F’dak iż-żmien: Il-Mulej ħareġ lil Abram ’il barra u qallu: “Ħares daqsxejn lejn is-sema u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom.”  Imbagħad żied igħid: “Hekk għad ikun nislek.”

 

U Abram emmen lill-Mulej, u l-Mulej għaddulu b’ġustizzja.  U qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art ħalli tkun tiegħek.”  Abram qal: “Sidi, Mulej, kif naf li se tmiss lili?”  U qallu l-Mulej: “Ġibli għoġla ta’ tliet snin, mogħża ta’ tliet snin u bodbod ta’ tliet snin, ħamiema u beċċun.”

 

U meta ħadhomlu kollha, qasamhom min-nofs u qiegħed nofs quddiem wieħed u nofs quddiem l-ieħor, izda t-tajr ma qasmux.  U niżlu l-għasafar tal-ħtif fuq il-bhejjem mejtin, iżda Abram tajjarhom.  Ix-xemx kienet nieżla, u Abram tah ngħas tqil, u biża’ u dalma kbira waqgħet fuqu.

 

U niżlet ix-xemx u dalam, u l-kenur baqa’ jdaħħan u ilsna tan-nar kienu jżiġġu bejn dawk il-bċejjeċ tal-laħam tal-bhejjem.  Għax dak in-nhar il-Mulej għamel patt ma’ Abram, u qallu: “Lil nislek jiena nagħti din l-art, mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira tal-Ewfrat.”

 

Salm Responsorjali

 

Fil-qari li għadna kif smajna mill-Ġenesi, Alla jordna lil Abraham jagħmel xi ħaġa li għalina tidher tassew stramba.  Qallu joqtol xi annimali, jaqsamhom min-nofs u jpoġġihom nofs naħa u nofs in-naħa l-oħra.  Forsi f’qalbna ngħidu, “Kemm stramberiji fit-Testment l-Antik!  Kemm hu diffiċli tifhmu.”  Fil-fatt hu sempliċi.  Fi żmien Abraham, naturalment ma kienx għad hemm nutari fejn wieħed kien imur jiffirma kuntratt li jorbot quddiem il-liġi tal-pajjiż.  Imma l-bniedem ta’ dawk in-naħat kien ivvinta rit li bih kienu jintrabtu żewġ naħat li kienu jridu jagħmlu xi ftehim importanti.  Kienu jaqsmu l-annimali u jgħaddi minn bejniethom, wieħed wara l-ieħor, waqt li jgħidu: “Ħa jiġrili bħal dawn l-annimali, jekk jien nikser il-ftehim li qed nagħmel illum!”  Kien żmien ta’ superstizzjoni kbira u kienu jemmnu li tassew kienet tiġrilhom xi traġedja li kieku kienu jiksru l-ftehim.

 

Imma l-kbira fir-rakkont li smajna hi li Alla waħdu għadda minn bejn l-annimali maqsuma; Alla waħdu daħal f’kuntratt ma’ Abraham li jagħmlu ġens kbir.  Għax wara kollox x’seta’ jagħmel Abraham?  Ħaġa waħda biss: li Alla kapaċi minn raġel xiħ joħroġ ġens sħiħ, anzi iktar minn ġens wieħed.  Imma Alla ntrabat waħdu għax waħdu kien se jagħmel din il-biċċa xogħol.

 

L-istess magħna; Alla għamel kuntratt dak in-nhar li tana l-Magħmudija.  U Hu se jipprova jżommu, jekk aħna naċċettaw l-opra tiegħu f’ħajjitna.  U jekk Alla nnifsu ntrabat magħna bil-kuntratt tal-Magħmudija, minn min għandna għax nibżgħu, jgħidilna Salm 26, is-Salm Responsorjali tal-lum?  Il-Mulej huwa l-kenn tagħna; Hu dejjem favur tagħna.  Allura quddiem minn għandna nitwerwru?  Il-Fidi tkeċċi l-biża’, it-taħbil il-moħħ, l-inkwiet.  Is-Salm jgħidilna: “Fittxu lil wiċċu.”  Jiġifieri, ejjew ngħarfuH dejjem iktar, ngħarfu l-Imħabba tiegħu.  Huwa wriena dak kollu li kellu jurina fuqu nnifsu meta bagħat lil Ibnu.  Li kieku wieħed jista’ jagħsar l-essenza ta’ dak li hu Alla, din l-essenża nsibuha fi Kristu Ġesù Ibnu.  Nagħrfu lil Alla billi nagħrfu lil Ġesù.  U tagħraf lil Ġesù jfisser tagħraf b’liema Mħabba int maħbub minn min ħalqek mix-xejn.

 

Ritornell: Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

 

Salm 26

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,

Minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,

Quddiem min għandi nitwerwer?

 

Isma’, Mulej, il-leħen tiegħi:

Meta ngħajjat ħenn għalija u weġibni.

Minnek tgħid qalbi: “Fittex lil wiċċu.”

 

Jiena nfittex ’il wiċċek, Mulej;

La taħbix wiċċek minni,

La twarrabx fil-korla l-qaddej tiegħek;

Inti l-għajnuna tiegħi.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej

F’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,

Ittama fil-Mulej.

 

It-Tieni Qari

 

Meta tara Nisrani ta’  veru, Nisrani li fih seħħet il-Kelma li tgħid: “Fl-Imħabba m’hemmx biża’; l-Imħabba tkeċċi l-biża’ ’l barra!”  (1 Ġw. 4, 18), allura int tkun trid issir bħalu.  Aħna lkoll għandna bżonn naraw Nisrani ta’ veru;  id-dinja għandha bżonn tara Nsara ta’ veru.  San Pawl jgħid li “l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas”  (Rum. 8, 22) għax “il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana l-wirja ta’ wlied Alla.”  (Rum. 8, 19).  Id-dinja xebgħet tisma’ paroli u reklami.  Trid tara biex temmen.  Għandha bżonn tara sinjali biex temmen fi Kristu.  in-Nisrani veru hu sinjal għad-dinja.  J’Alla xi darba aħna nkunu hekk, reklam veru għal Alla!

 

Il-Filippin raw Nisrani ta’ veru, u kif, għax raw lil Pawlu nnifsu li kien il-katekista tagħhom.  Hu stess iħeġġiġhom ibex jixbhu lilu u jimxu fuq l-eżempji tiegħu.  Pawlu rebaħ ħafna nies għal Kristu, imma kellu l-fallimenti tiegħu ukoll kif se jgħidillna f’dan il-qari.  Għax kif għidna qabel, il-konverżjoni, għalkemm hi biċċa xogħol ta’ Alla, trid l-“iva” tal-bniedem biex isseħħ, u ħafna ma jagħtuhiex din l-“Iva”. 

 

In-Nisrani li jinsab fi proċess ta’ konverżjoni kuljum, hu bniedem differenti mill-oħrajn.  Ma nistgħux inkun Insara u ma nkunux differenti.  Jekk m’aħniex differenti, mela għad baqagħlna x’nimxu fil-konverżjoni.  San Pawl jgħid li aħna pajżana tas-sema pajjiżna.  Dan hu biżżejjed biex jagħmlek differenti.  Is-soċjetà tal-lum temmen li ħajja waħda hemm, din t’hawn.  Kollox hu kkonċentrat fuq ‘hawn’ u l-bniedem qed jipprova jibni Ġenna hawn fuq din l-art għax qata’ jiesu mis-Sema.  Hu għalhekk li l-problemi t’hawn ikidduna tant, għax fuq hawn biss qegħdin ninvestu.  L-edukazzjoni saret kedda, il-finanzi personali saru kedda, biex tibni dar saret kedda enormi, kedded fuq dak li nieklu, fuq dak li nilbsu, fuq kif se nqattgħu il-ftit ħin ħieles li baqagħlna, fuq kif se nisirqu l-ħin liberu tat-tfal billi nibagħtuhom ’l hemm u ’l hawn flok inħalluhom jilagħbu.  Dawn il-ftit snin li nqattgħu hawn saru fissazzjoni tal-biżà, waqt li l-Kelma tgħidilna li dan mhux pajjiżna, li aħna għorba hawn, barranin, li qatt ma nistgħu inkunu kuntenti tassew għax pajjiżna hu x’imkien ieħor.  Il-bniedem tal-lum irid jagħmel sforż kbir biex jaħseb fuq dan.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  3, 17 – 4, 1

 

Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina.  Għaliex hawn ħafna – dan għidtulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja – hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu.  Dawn, it-telfien għad ikun tmiemhom, alla tagħhom hi żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.

 

Imma aħna pajżani tas-sema pajjiżna; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi s-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu.  Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.  Għalhekk intom, ħuti, li intom il-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u glorja tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.

 

Evanġelju

 

Għidna li l-konverżjoni hija biċċa xogħol ta’ bejn tnejn: hu il-Mulej li jaħdimha, imma hu l-bniedem li jrid jaċċettaha l-konverżjoni, jixtieqha, jitlob għaliha.  Meta jara din ir-rieda, Alla jaħseb biex jibda jimmatura l-Fidi ta’ dak li jkun.  Il-Fidi tikber bis-smigħ tal-Kelma, bl-ilma tal-Ħajja li hemm fis-Sagramenti tal-Knisja, bil-ġrajjiet li ngħaddu minnhom u fuq kollox billi jkollna laqgħa ħajja ma’ Kristu.  Din, ħafna nies ma tinżlilhomx għax jgħidu li huma biss il-qaddisin kbar li jkolllhom laqgħa ħajja ma’ Kristu.  Dan mhu veru xejn.  Ikollok laqgħa ma’ Kristu ma jfissirx li jkollok xi dehra jew viżjoni, imma li jkollok esperjenza, Memorjal li tibqa’ tiftakru, okkażjoni li għalik tkun ħaġa ċara u ċerta li fiha kellek din il-laqgħa mad-divin.  Dan hu mportanti, u Alla jixtieq li jagħti din l-esperjenza lil kull min qed ifittxu.  Memorjal ta’ Alla tkun dik l-okkażjoni li tibqa tiftakar għal dejjem għax tgħid li kieku ma kienx Alla li ġie jiltaqa’ miegħek dak in-nhar f’dik is-sitwazzjoni, kieku ma tafx x’kien jiġri.  Importanti jkollok Memorjal, jew Memorjali, bħal dawn.

 

Kristu kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu se jitgerbu quddiem l-iskandlu tal-Passjoni u l-Mewt tiegħu.  Għalhekk biex isaħħaħ lil tlieta minnhom, tellagħhom miegħu fuq it-Tabor, u hemm urihom ir-rejaltà, il-verità.  Ir-rejaltà u l-verità mhumiex il-ħajja u l-ambizzjonijiet li tant naħlu enerġija fuqhom hawn, imma s-Sema.  Is-Sema hi r-rejaltà, il-verità.  Ħdejn is-Sema il-ħajja qasira t’hawn mhix ħajja.  Id-dixxipli tbellhu b’dak li raw.  Reġgħu sabu ruħhom fid-dinja kontra qalbhom.  Dan kien Memorjal ta’ Kristu fil-ħajja tagħhom.  Imma, sakemm għadna hawn, ma nistgħux ngħixu dejjem fuq it-Tabor, dejjem f’Memorjal!  Hawn ninsabu tturufnati u r-rejaltà ta’ hawn hija s-salib li rridu nġorru.  Kristu kellu salib daqsxhiex riesaq lejh, imma anke l-appostli.  Biss meta kollox kien jidher mitluf u Kristu kien kiesaħ ġo qabar, huma ftakru fit-Tabor u ttamaw, bħalma tagħmel int meta tkun f’xi problema kbira u tiftakar f’dak in-nhar meta esperjenzjajt lil Alla mill-qrib.  Tiftakar u tittama.

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek Kristu!  Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:  Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  9, 28b-36

 

F’dak iż-żmien: Ġesù ħa miegħu ’l Pietru u ’l Ġwanni u ’l Ġakbu u tela’ fuq il-muntanja biex jitlob.  U ġara li, huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.  U dehru żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, li kienu Mosè u Elija; dawn dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.  Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.

 

X’ħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!  Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”  Ma kienx jaf x’inhu jgħid.

 

Waqt li kien qiegħed igħid dan, ġiet sħaba u għattiethom, u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba.  U minn ġos-sħaba nstema’ leħen igħid:  “Dan hu Ibni l-maħtur; isimgħu lilu.”  X’ħin instema’ l-leħen Ġesù kien jinsab waħdu.  Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn u ’l hadd, minn dak li kienu raw.

 
< Prev   Next >