Wednesday, 16 August 2017
           
Home
IT-TIELET HADD TAR-RANDAN TKOMPLI S-SEJHA GHALL-KONVERZJONI VERA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 27 February 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd tar-Randan Hadd bi hsibijiet  min Joe Rapa.

index.jpg
     Il-bidwi jahdem madwar is-sigra
                           tat-tin

 

Jien u int, aħna msejħin bħala Nsara biex nikkonvertu kuljum, is-sena kollha.  Imma r-Randan Imqaddes jiġi sabiex jagħmilna iktar konxji minn dan.  Mhux għar-Randan biss hija l-Konverżjoni, imma għas-sena kollha, iżda dan hu żmien partikulari fejn l-għajta ta’ Ġesù Kristu tinstema’ iktar ċara u qawwija.  Għaliex iridna Alla nikkonvertu b’tant urġenza?  Għax fin-nofs hemm jitqabdu mewt jew ħajja għalina.  Jaħasra għalina kemm ġejna ‘brainwasħed’, kemm tlifna moħħna wara t-tħajjir dejjem iktar kbir u sottili ta’ din id-dinja li hi kalamita li magħha jeħel kulħadd!

 

Sakemm għadna żgħażagħ, sakemm kbirna xi ftit imma għadna ma mradniex serjament, inħallu li niġu aljenati mill-ħsieb li ħajja waħda biss hawn u li t-tmiem hu fil-bogħod.  Hu tqil biex nirriflettu li fi Kristu hemm ħajja ferm isbaħ hawn, u l-Glorja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.  Hu tqil għalina nemmnu li Kristu ma jrid jeħdilna xejn ħlief il-velenu li qiegħed joqtolna bil-mod il-mod bla ma nindunaw.  Alla qed jara kollox.  Qed jara l-għadu jitfa’ l-velenu tal-mewt fil-vini tagħna u ma jissaportix joqgħod bi kwietu l-Mulej, għax lilna jħobbna u jridna ngħixu fis-sliem għal dejjem.

 

Il-bidu tal-konverżjoni hu li nindunaw b’din ir-rejalta’ tal-biża’ imma li hi moħbija għal għajnejna.  Kbira hija l-mibegħda ta’ satana għalija u għalik, imma ħaġa waħda hi ċerta: hu dejjem jilbes maksra sabiħa u aħna nitqarrqu u nimxu warajh bħal mogħoż bla moħħ lejn tarf is-sies, bla ma nindunaw.  Imbierek il-bniedem li r-Randan tal-2016 isibu misjur għall-konverżjoni!  Imbierek il-midneb li anke jekk dineb ħafna, xeba’ mill-ħajja l-qadima u jqum u jgħid: “Ħa mmur għand Dak li dejjem ħabbni u qed jistennieni lura!”

 

L-Ewwel Qari

 

l-Isem qaddis ta’ Alla huwa “Jiena Hu”, jiġifieri jiena biss hu, jiena biss neżisti.  Barra minni m’hemm ħadd, m’hemmx allat oħra.  Barra minni m’hemmx ħajja.  “Jiena Hu”.  Min mhux ikkumnikat miegħi mhux jirċievi ħajja... huwa mejjet.  Jaħdem jiekol, jorqod, imma huwa mejjet.  Għax il-Ħajja hi għandi biss.  Minħabba dan, l-għajta għall-konverżjoni hija għajta għall-Ħajja, sejħa biex ngħixu.  Donnu Alla qed jittallabna biex induqu l-Ħajja vera li qatt ma doqna, Ħajja vera li tibda minn hawn

 

Iżrael kien marbut fil-jasar tal-Eġittu.  Kien imsawwat, imħaddem, mgħakkes... imma donnu kien dara din il-ħajja wkoll.  L-Eġizzjani kienu jitimgħuhom, biex jaħdmulhom aktar.  Kienu sejrin tajjeb l-Eġizzjani!  Għalhekk kienu jibżgħu għall-ilsira tagħhom li kienu l-magni tagħhom fl-ekonomija tal-pajjiż.  Anke aħna nidraw fil-jasar tad-dnub.  Id-dnub jitmagħna wkoll, jitmagħna l-pjaċiri, is-sodisfazzjon tal-mument... ħafna affarijiet... biex nibqgħu naqdu lill-ikrah li jidher sabiħ għall-għajnejn morda tagħna.  Imma Alla ried bil-qawwa jeħles lill-poplu tiegħu mill-infern tal-Eġittu u jibgħatlu lil Mosè.  Bl-istess mod irid jeħles lilna mill-madmad tal-viżżju, tal-inklinazzjoni li għandna lejn dak kollu li jidher zokkor minn barra imma li jeqridna minn ġewwa.

 

L-ewwel qari tal-lum ipoġġi quddiemna s-sejħa ta’ Mosè, li Alla jibagħtu biex permezz tiegħu ikun jista’ jiġbed ’il barra l-poplu minn taħt idejn l-akbar potenza ta’ dak iż-żmien.  Għalina, Alla bagħat Salvatur ferm u ferm ikbar minn Mosè.  Bagħatilna lil Ibnu stess biex jeħlisna minn jasar ikbar minn tal-Eġittu.  Mosè ma mietx għall-poplu... ma kellux għalfejn.  Imma Kristu mieta għalija u għalik u għall-bnedmin kollha, l-aktar għal dawk li huma l-ikbar midinbin.  Kristu miet għall-għedewwa tiegħu biex ineħħi d-dnub u l-kundanna minn fuq kull min jemmen fih, u jħalli li jinqered Hu biex ma ninqerdux aħna.  Din hija l-ikbar storja ta’ Mħabba li qatt dehret fuq wiċċ l-art... imma aħna nilagħbu b’ħajjitna, qiesna tfal żgħar bla moħħ.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  3, 1-8a, 13-15

 

F’dak iż-żmien: Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetro, qassis ta’ Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm mid-deżert, u wasal sa ħdejn il-Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla.  Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb il-għollieq.  Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm.  Mosè qal: “Ħa nersaq fil-ġenb u nara did-dehra tal-għaġeb, għaliex mhux jinħaraq il-għollieq.”

 

Il-Mulej rah riesaq fil-ġenb biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb il-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!”  U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”  U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’il hawn.  Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax l-imkien li inti fuqu hu art qaddisa.”  U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb.”  Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.  U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu.  U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-imgħallmin tagħhom.  Għaraft l-uġiegħ tagħhom.  Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel.”

 

Mosè reġa’ wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom, ‘Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom.’ U huma jistaqsuni, ‘X’jismu?’  Jien xi ngħidilhom?”

 

Alla wieġbu: “JIEN LI JIEN.”  U ssokta jigħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael, ‘JIEN HU bagħatni għandkom.’”  U żied igħid Alla lil Mosè: “Dan għid lil ulied Iżrael: ‘JAĦWEH, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom.’  Dan hu ismi għal dejjem, u din hi t-tifkira tiegħi minn nisel għal nisel.”

 

Salm Responsorjali

 

Huwa mportanti li jkollna l-esperjenza qarsa tal-jasar.  Id-dnub innifsu jikxef l-għata tax-xitan li warajha jinħeba biex ma nindunawx bi kruhitu.  Kif jagħmel dan, id-dnub?  Kif jirnexxilu Alla saħansitra mid-dnub jislet il-Grazzja?  Għax id-dnub li jgħammex, li jħajjar bħalma l-kant sabiħ tas-sireni ħajru lil Ulisse biex iduq il-benna tal-mewt, kull dnub joqtolna, jerdagħlna l-ħajja, inħossu insodisfazzjon fil-profond tagħna.  Il-bniedem jinduna li s-sirena sabiħa li stednitu għad-dnub bil-kant tagħha li jsaħħrek ma kienet xejn ħlief l-ikbar kruha u monstrożità li teżisti: satana, l-iktar wieħed li jobgħod, l-iktar wieħed li għandu qilla, l-iktar wieħed li jgħir għalija u għalik.

 

L-esperjenza tal-jasar hija mportanti għax  min iduq l-uġigħ tiegħu jista’ jqum fuq tiegħu, idur lejn Alla u jgħajjat għall-ħelsien.  Salm 103 ibierek u jerġa’ jbierek lil Alla għax min kitbu ġera bħal miġnun wara d-dnub (u min minna m’għamilx hekk?), imma skopra li l-Imħabba ta’ Alla tmur lil hemm mid-dnub tiegħu.  Skopra li fil-ħażen tiegħu sab wieħed li ħabbu hekk kif kien: mhux ommu, mhux missieru, mhux ħutu, mhux ħbiebu, mhux il-puluzija... imma Alla li kontriH kien dineb.  Għalhekk, b’qalbu kollha jgħid: “Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej, kull ma hu ġo fija ħa jbierek l-isem qaddis tiegħu.  Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej u la tinsa qatt il-ġid kollu li għamel miegħek!”

 

Liema ġid?  Mhux biss il-Maħfra taħ, imma Alla nnifsu tgħabba bil-konsegwenza tad-dnub tiegħu u tagħna.  Għax jaħfer kemm jaħfer Alla, hemm konsegwenza fid-dnub u din hi l-mewt.  Jekk id-dnub joqtol, Alla ma jistax jagħmlu ma joqtolx u jgħidilna, “Minn issa ’il quddiem tistgħu tidinbu kemm tridu u tagħmlu li tridu għax jien neħħejt il-mewt u l-uġigħ mill-ħażen u mid-dnub.”  Jekk jista’ jagħmel kollox, din Alla ma jistax jagħmilha għax Hu qaddis u ma jistax jagħmel allejanza mad-dnub tagħna.  Imma, minflok dan, għamel xi ħaġa kbira mmens, ta’ barra minn hawn:  bagħat lil Ibnu l-għażiż biex iħallas Hu l-prezz tad-dnub tagħna.  Jekk il-mewt toqtol, Kristu ta lilu nnifsu għall-mewt biex aħna li konna għedewwa tiegħu waqt l-azzjoni tad-dnub, ma mmutux imma ngħixu u jkollna jedd għall-Ħajja ta’ Dejjem. 

 

Dan hu li jfissru l-Kelmiet tas-Salm li jgħidu: “Hu li jaħfer dnubietek kollha, li jfejjaq il-mard tiegħek kollu, li jifdi lil ħajtek mill-ħofra, li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.”  Nerġa’ ngħid: Imbierek il-bniedem li jiskopri dan l-għana ta’ Alla, dan it-teżor moħbi fil-Knisja tiegħu.

 

Ritornell: Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

 

Salm 103

 

Bierek ruħ tiegħi, ’il-Mulej,

Kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej,

U la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha,

Li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,

Li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra,

Li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa

U l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf triqtu lil Mosè,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.

 

Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,

Idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Daqs kemm huma s-smewwiet ’l fuq mill-art,

Hekk hi kbira t-tjieba tiegħu ma’ min jibża’ minnu.

 

It-Tieni Qari

 

Dak kollu li ġara fit-Testment l-Antik, Alla riedu jiġri b’tixbiha għalina, b’tagħlim għalina, biex fih aħna naraw dak li aħna aħna, naraw kemm hu kbir il-jasar tagħna u l-mod kif jaħdem Alla biex jaqlagħna mill-ħama tagħna.  Dan jgħidu ċar u tond San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin.

 

Jekk Iżrael ġarrab jasar ta’ erba’ mitt sena fl-Eġittu, anke aħna lkoll ġarrabna l-jasar tad-dnub għal ma nafx kemm żmien.  Jekk Alla bagħatilhom Salvatur li hu Mosè, anke lilna bagħtilna Salvatur li hu Kristu Ġesù, imbierek ikun Ismu!  Jekk lil Iżrael Alla qasamlu l-Baħar tal-Qasab, anke lilna għaddiena minn ġol-ilmijiet tal-Magħmudija qawwijin u sħaħ.  Jekk fl-ilmijiet tal-baħar għerqet l-armata tal-Fargħun, anke fl-ilma tal-Magħmudija hemm il-potenzjal li jiġi mgħarraq il-bniedem il-qadim tagħna, il-Fargħun tagħna, in-natura mwaqqa’ tagħna li tagħmel id-dnub bħalma wieħed jiekol il-ħobż.  Jekk lill-poplu Lhudi Alla taħ mixja twila fid-deżert fejn tgħallem jemmen, mill-esperjenza, li Alla hu r-Ragħaj il-Kbir tiegħu u li ma kellu jibża’ minn ħadd għax Alla kien miegħu... anke lilna l-Mulej jagħtina mixja ta’ konverżjoni.  L-ebda Nisrani dehen ta’ dan l-isem ma jista’ jasal fl-Art Imwegħda mingħajr ma jagħmel l-esperjenza tad-deżert, tal-konverżjoni, tal-maturazzjoni fil-Fidi.

 

Tafu li l-ikbar dnub ta’ Iżrael fid-deżert kien it-tgergir?  Ilkoll ingergru kemm nifilħu.  Ingergru kontra dak jew dik, kontra dak li jiġrilna, kontra n-nuqqas ta’ flus, kontra t-tbatijiet, kontra kollox.  Fil-fatt inkunu ngergru kontra Alla.  Iżrael gerger kontra Mosè, imma Mosè malajr qalilhom, “Jien min jien biex intom tgergru kontrija?  Intom mhux kontrija qegħdin tgergru imma kontra l-Kbir Alla.”  Din hija verità kbira.  J’Alla l-Missier iħares lejn il-pjagi ta’ Ibnu li qegħdin jgħajtu favur tagħna fis-Sema, għax tassew li ħadd minnha ma jixraqlu l-Ħniena tal-Mulej.  Ara ma jkunx hemm min jaħseb li hu wieqaf, għax malajr jaqa’.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  10, 1-6,  10-12

 

Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll kienu taħt id-dell tas-sħaba, u lkoll qasmu l-baħar, u lkoll kienu mgħammda bis-sħaba u l-baħar biex ikunu ma’ Mosè; u lkoll kielu mill-istess ħobż spiritwali; u lkoll xorbu mill-istess xorb spiritwali: xorbu mill-blata spiritwali li kellhom warajhom, u l-blata kienet Kristu. Iżda l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx, u mietu mxerrda fid-deżert.

 

Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxenqux għal ħwejjeġ ħżiena bħalma xxennqu huma.  U tgemgmux bħalma għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom l-anġlu tal-qerda.  Dan kollu seħħ b’eżempju għall-oħrajn, u nkiteb bi twissija għalina, għalina li qegħdin ngħixu qrib it-tmiem.  Min jaħseb li hu wieqaf, iqis li ma jaqax.

 

Evanġelju

 

Is-silta tal-lum hija mportanti biżżejjed għall-Knisja biex għażlitha biex tkun wieħed mill-qari ta’ dawn il-Ħdud tar-Randan.   Bl-ikbar serjetà, Ġesù jwissina biex niffissaw dejjem fuq il-bżonn urġenti li nikkonvertu dejjem iktar lejn Alla għax min ma jikkonvertix, traġedja kbira hemm tistennih.  Dan qiegħed ngħidu għalija l-ewwel wieħed.  Hemm ħafna nies, anke ġol-Knisja li ma jogħġobhomx kliem bħal dan, imma l-verità hi li Kristu jagħmel din it-theddida f’dan il-Vanġelu, u mhux hawn biss.  Id-dnub mhux ħaġa taċ-ċajt.  Lil Kristu swielu demmu kollu, swielu dik id-dippressjoni enormi fil-ġnien, swielu l-ġrieħi kollha, it-tqanżiħ għan-nifs fuq is-salib.  Id-dnub tiegħu lil Kristu li hu l-għajn tal-Ħajja u li minnu toħroġ il-Ħajja għall-univers, lil Kristu d-dnub tiegħi qatlu.  Il-Ħajja mietet fuq il-Kalvarju.  L-Imħabba ġiet maqtula mill-egoiżmu tiegħi.  Dawn m’humiex affarijiet taċ-ċajt.

 

It-telfien li Kristu jsemmi llum, huwa telfien tal-ġenn.  M’hemmx ħelsien minn ġol-infern.  Huwa etern, għal dejjem.  Dan donnu li Kristu biss jafu.  Min jaf kemm-il darba konna qiesna tfal żgħar nilagħbu ħdejn bieb l-infern, qiesna boloh.  Mhux biss iridna nibżgħu mid-dnub il-Mulej, imma jridna nixxenqu li nagħtu frott tajjeb.  Għax is-siġra, li hija jien, tista’ tkun mimlija weraq sabiħ u minn barra tidher sabiħa... imma sidha jaf li mhix kapaċi tagħti frott għax fettex ħafna drabi fiha u opri tajba tal-fidi ma sab qatt.  Siġra bħal din Kristu ma jħallihiex tgħix.  Hu ta kollox għaliha, u hi ma tat xejn.  Imma hemm il-bidwi, il-Knisja li titlob lil Sidha biex jagħtina ċans ieħor, forsi min jaf, nikkonvertu, u fl-aħħar joħroġ xi ħaġa sura minna.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek, Kristu!  Indmu, igħid il-Mulej, għax qorbot is-Saltna tas-Smewwiet. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  13, 1-9

 

F’dak iż-żmien: Ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilej li Pilatu kien ħallat demmhom ma’ dak tal-vittmi tas-sagrifiċċju tagħhom.  U Ġesù qabad u qalilhom:  “Taħsbu intom li dawk il-Ġalilej kienu iżjed midinbin mill-Galilej l-oħra biex sofrew dan kollu?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu, bħalhom.  Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu, xorta waħda.”

 

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fil-għalqa.  Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.  Għalhekk qal ’il dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Tliet snin, ara, ili niġi nfittex il-frott f’din it-tina, u qatt ma sibtilha.  Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’  Iżda dak wieġeb u qallu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.  Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, alqalgħha.’”

Last Updated ( Saturday, 27 February 2016 )
 
< Prev   Next >