Saturday, 16 December 2017
           
Home
IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2016) IL-KONVERZJONI = TWELID TAL-BNIEDEM IL-GDID PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 March 2016

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd tar-Randan Hadd bi hsibijiet  min Joe Rapa

prodigal_son.jpg
 L-Iben il-hali lura d-dar

 

Fil-qalba tar-Randan Imqaddes, il-Knisja se twasslilna Kelma li hi kollha kemm hi Aħbar Tajba, hija stedina biex nifirħu fil-Mulej Ġesù għax Hu jżomm Kelmtu magħna, u kulma jwegħedna jagħtihulna.  Il-Konverżjoni, li fuqu jisħaq tant ir-Randan, mhux xi ħaġa ta’ swied il-qalb għall-bniedem, anzi!  Mingħand il-bniedem li għadu ma qalax fuq rasu mid-dinja, li għadu mhux iddiżappuntat, fallut, ittradut mill-allat foloz u mejta... mingħand dan il-bniedem ma tistax titlob konverżjoni sinċiera.  Forsi l-iktar li jista’ jasal hu li jagħmel xi qrara fir-Randan biex jitqarben, jekk ikun xi ftit reliġjuż.  Imma malli jgħaddi kollox, hemm jerġa’ jmur... ifittex il-Ħajja fejn Ħajja m’hemmx, ifittex il-ferħ fejn ferħ m’hemmx.  Forsi għandu tiċlieqa ta’ reliġjożità, imma qalbu mhix tfittex is-sens ta’ kollox f’Alla, u, fl-aħħar mill-aħħar, għal dan il-bniedem, Ħajja waħda hemm, dik t’hawn, u fiha jinvesti t-tamiet tiegħu.

                                                            

Imma hemm bnedmin oħra, li bħal dan li għadna kif tkellimna fuqu, fittxew il-milja tal-Ħajja fil-frugħa u d-duħħan tal-affarijiet li jgħaddu, imma li, baqgħu imbellha kemm giddieba hija d-dinja, kemm giddieba huma s-suċċessi, kemm giddieba huma l-fama u l-popolarità, kemm giddieba huma l-flus, kemm giddieba huma l-pjaċiri u s-sokor f’dak li jogħġob il-laħam.  Hawn nies li ppruvaw kollox u baqgħu vojta, b’ħajja bla sens, b’uġigħ f’qalbhom, solitudni, nuqqas ta’ mħabba vera, egoiżmu li webbsilhom qalbhom.  Dan kollu mlihom bi ġrieħi profondi, feriti f’qalbhom li ġagħalhom jaħsbu bis-serjetà biex idawru wiċċhom u jfittxu rikonċiljazzjoni ma’ Dak li qatt ma emmnu li seta’ jimlilhom ħajjithom.  Ħafna qaddisin saru qaddisin kbar għax appuntu daqu d-dinja ħafna iktar minni u minnek, u ħadd ma seta’ jqarraqhom iktar għax indunaw li barra minn Kristu kollox huwa gidba. 

 

Bi bniedem li jibża’ jagħmel id-dnub mhux għax iħobb lil Alla imma għax jibża’ minn xi kastig, jew li jmut f’daqqa u jmur l-infern... b’dan il-bniedem tista’ tidħaq id-dinja għax fil-fond hu jemmen li d-dnub hu xi ħaġa tajba u sabiħa imma li Alla ma jridhiex u allura jaqbel li noqogħdu attenti, le, għax min jaf x’se nsibu n-naħa l-oħra!  Dan mhux raġunament ta’ bniedem konvint, anke jekk imur il-Knisja kuljum.  Iktar konvint huwa l-bniedem li daq id-dnub u ġarrab f’laħmu li dak li tgħid il-Kelma ta’ Alla huwa veru: li d-dnub joqtol, u joqtol tassew!

 

Għal dan il-bniedem, il-konverżjoni hi xi ħaġa mixtieqa tassew.  Hu jobgħod il-bniedem il-qadim li wegħdu tant affarijiet u ħallih b’xiber imnieħer, jobgħod id-dnub u nidem minnu.  Huwa dan li jista’ jġarrab il-ferħ, l-eżultanza ta’ twelid ġdid li fuqu jitkellem Kristu.  Dan jiġrilu bħall-Maħbuba fil-Għanja tal-Għanjiet li ħarġet tiġġerra tfittex il-Maħbub tagħha u ma sabitux għal żmien twil.  Imma meta sabitu ħaddnitu magħha u ma riedet titilqu qatt.  Din hi l-konverżjoni vera, it-twelid ġdid li għandna bżonn.  Dan jiżboq kollox.  Nistgħu nagħmlu purċissjonijiet u pageants kemm irridu, marċi funebri u liturġiji sbieħ, wirjiet sagri u drawwiet kemm trid marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa... imma hi l-konverżjoni ta’ qalb muġugħa li tassew tnissel festa fis-sema.

 

L-Ewwel Qari

 

Iżrael kellu għajb fuqu, u għajb kbir.  L-għajb tal-jasar.  Il-Lhudi kien ilsir u l-ulied li jitweldulu kienu lsiera bħalu, bla ma jaħti hu u bla ma jaħtu huma.  Dan kien l-għajb ta’ Iżrael fl-Eġittu.  Ilsir ifisser tkun tiswa daqs annimal, daqs bhima tat-tagħbija, daqs magna li taħdem kull x’ħin trid tħaddimha.  U meta l-bniedem ma jibqax jiswa għax jixjieħ u jitlef saħħtu, allura oqtlu biex nifrankaw l-ikel.  Din l-ideja dieħla mit-tieqa fis-soċjetà tagħna tal-punent ukoll.  Ix-xjuħ, dawk li m’għadhomx jiswew, dawk li qegħdin fuq żaqqna għax jerdgħu il-pensjoni u l-kura minn fuq il-pajjiż... lil dawn noffrulhom l-ewtanasja u nippreżentawha sabiħa kemm nistgħu, kollha ħniena, biex ma jbatux imsieken, biex ma jitilfux unurhom, hemm dejjem bilqegħda jew f’qiegħ ta’ sodda ma jistgħu jagħmlu xejn.  Il-mewt jippreżentawha bħala rigal.  Fl-Eġittu, Lhudi kien jiġi maqtul meta ma kienx jibqa’ jiswa.

 

Huwa għalhekk li, jekk tistaqsi lil wieħed Lhudi li ħareġ mill-Eġittu, għaliex kien jemmen f’Alla, ma kienx se jwieġbek bil-katekiżmu li tgħallem bl-amment, imma bil-fatti.  Hu jgħidlek li fl-Eġittu kien ra lil missieru jaħdem daqs bagħal minn dlam sa dlam bla ħlas, għal ftit ħobż li kien iżommu ħaj biex l-għada jerġa jmur jgħaffeġ it-tajb u t-tiben biex jagħmel il-madum għall-Fargħun.  U meta missieru kiber fiż-żmien (u dak iż-żmien kienu jixjieħu malajr ħafna) ra lil missieru jissawwat fuq ix-xogħol li ma kienx għadu kapaċi jagħmel bħal dari, jissawwat sa ma qatluh.  F’dik il-miżerja, f’dak il-qiegħ tad-disperazzjoni, għajjatna lill-Mulej, jgħidlek, u Hu ħariġna minn hemm b’għemejjel tal-għaġeb.  Hu neħħielna l-għajb, il-mistħija tal-jasar minn fuqna.  Ma ħriġniex mill-Eġittu qisna maħrubin, mistoħbijin, imma kienu l-Eġizzjani li talbuna nitilqu u tawna rigali biex ngħaġġlu... tawna deheb u fidda u żejnu lin-nisa tagħna bihom.  Għax Alla kien werwirhom bid-daqqiet li tahom.  Kull min jitlaq il-ħajja tad-dnub u jikkonverti bis-serjetà lejn il-Mulej jara wkoll għeġubijiet iseħħu għalih, u anke hu jesperjenzja li jitneħħa minn fuq wiċċu l-għajb li ġagħalu jistħi fl-imgħoddi, ġagħalu ma jaċċettax lilu nnifsu.  Issa, iva, jaċċetta lilu nnifsu għax issa sar iben adottiv ta’ Alla, bin is-Sultan, u m’għadux jgħammar iktar fil-kantina imma fuq, fis-sala s-sabiħa ta’ missieru.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè.  5, 9a. 10-12

 

F’dak iż-żmien: Il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom il-għajb tal-Eġittu.”

 

L-Iżraelin waqqfu l-għerejjex tagħhom f’Gilgal.  Hemm, fil-wita ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid fil-għaxija tal-erbatax tax-xaħar.  U l-għada sewwa tal-Għid huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ mikwi.

 

Minn dak in-nhar, wara li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet.  L-Iżraelin ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli biet tagħti l-art ta’ Kangħan.

 

Salm Responsorjali

 

Għadna kif qrajna kif taħt it-tmexxija ta’ Ġożwè Alla wassal lill-poplu fl-Art li kien wegħdu.  Wara esperjenza twila fid-deżert, il-poplu beda jiekol mill-Art tnixxi ħalib u għasel.  Imma l-esperjenza tad-deżert ma nsewha qatt.  Alla ħareġ lil Iżrael fid-deżert u dewmu hemm erbgħin sena sħaħ għal għan importanti mmens.  Ried jgħallmu jemmen fiH, jafda fiH, jorbot fuqU, u hekk jgħix moħħu mistrieħ il-jiem kollha ta’ ħajtu.  X’differenza hemm bejn il-bniedem tal-Fidi u dak li jemmen biss f’dak li kapaċi jagħmel hu!  Għalhekk ngħidu u nerġgħu ngħidu li mhux biss li Alla ma jrid jeħodlok xejn, imma jrid jagħtik ħajja fuq din l-art ferm aqwa u isbaħ u mimlja sliem milli qatt tista’ tagħtik id-dinja. 

 

Fid-deżert Iżrael tgħallem li Alla hu tajjeb, kif se jgħid is-Salm Responsorjali, u dejjem, dejjem jaqbillek tistrieħ fuqu milli fuq l-allat mejta li ma jistgħux iserħulek moħħok.  Fid-deżert bniedem ma jgħixx, aħseb u ara poplu ta’ eluf u eluf ta’ nies.  Iżrael skopra li għex erbgħin sena għax Alla jeżisti u hu kien il-magħżul tiegħu, il-poplu tiegħu.  Kemm hu ta’ ferħ għalina li niskopru li Alla għażilna biex jagħmilna tiegħu, biex jieħu ħsiebna, biex jurina kemm iħobbna meta bagħtilna lil Ibnu.  Jekk inħarsu lejn Alla niddu bil-ferħ u wiċċna ma jistħi qatt.  Inħarsu lejn Alla jfisser li niskopru lil Kristu.  Kristu huwa l-wiċċ ta’ Alla, l-Imħabba ta’ Alla.

 

Ritornell: Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

 

Salm 33

 

Kull ħin inbierek il-Mulej,

Tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi,

Jisimgħu l-fqajrin u jifirħu!

 

Kabbru l-Mulej miegħi,

U ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

U minn kull biża’ ħelisni.

 

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,

U wiċċkom ma jistħix.

Dan il-fqajjar sejjaħ ’il-Mulej, u semgħu,

U mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu.

 

It-Tieni Qari

 

Is-Salm għadu kif qalilna: “Dan il-fqajjar sejjaħ ’il-Mulej, u semgħu, u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu.” (v. 7). Min hu iktar imdejjaq mill-bniedem imfarrak mill-fallimenti u d-daqqiet tad-dinja?  Min hu iktar fqajjar mill-midneb li ma jafx fejn se jagħti rasu... li kiber fiż-żmien u qed jinduna li ħela ħajtu?  Imma l-fqajjar isejjaħ u hemm garanzija li l-Mulej jisimgħu.  Min jitlob lil Alla b’qalb maqsuma u bi spirtu ta’ konverżjoni, Alla jisimgħu żgur u jaqilgħu mid-dwejjaq tiegħu kollha.  M’għandu jkollna l-ebda dubju dwar dan! 

 

San Pawl se jgħidilna li “meta wieħed jinagħqad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid; il-qadim għadda biex daħal il-ġdid floku.”  (2 Kor. 5, 17).  Dwar dan, x’imkien ieħor jgħid li “skont it-tnissil tal-ġisem, Ġesù twieled min-nisel ta’ David, imma skont l-Ispirtu s-Santu, ġie muri bħala l-Iben ta’ Alla.”  (Rum. 1, 3-4).  L-istess aħna.  Skont il-ġisem nitnisslu minn ġenituri tad-demm u l-laħam, imma skont l-Ispirtu, jekk nikkonvertu, nsiru ulied ta’ Alla, ulied adottati tiegħu.  Ħafna ma jemmnux f’din il-bidla tal-għaġeb, imma l-Iskrittura, speċjalment it-Testment il-Ġdid jitkellem ħafna fuqha.  Din il-bidla fenomenali fija u fik hi possibbli li sseħħ mhux għax aħna xi ħaġa, mhux għax kapaċi nwettquha aħna, imma għax kbira hija l-Grazzja ta’ Alla.  Huwa Alla biss li għandu s-setgħa jibdel il-qalb tagħna.  Dan il-qari se jgħidilna li “kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu.”  (v.18). 

 

Ħafna jgħidu li l-Kristjaneżmu huwa diffiċli.  Min jgħid hekk huwa ottimist ħafna!  Għax il-Kristjaneżmu mhux diffiċli imma mpossibbli!  Impossibbli għall-bniedem bin-natura mwaqqa tiegħu, bil-bniedem il-qadim imnissel minn Adam li hemm jgħammar fih.  “Jista’ ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra...?”  Hawnhekk m’aħniex nitkellmu fuq reliġjon.  Il-Kristjanezmu jmur lil hemm mir-reliġjon.  Ir-reliġjonijiet kollha jistrieħu fuq sett ta’ liġijiet li l-bniedem, xi ftit jew wisq, kapaċi jimxi fuqhom... xi ftit jew wisq.  Il-Kristjaneżmu hu xi ħaġa oħra.  Il-Kristjaneżmu mhux liġi imma Aħbar Tajba, Aħbar li twegħdu l-meravilja tal-Grazzja ta’ Alla, tal-ħidma ta’ Alla fih u mhux tal-ħidma tal-bniedem.  Kien Alla li għamel li Abraham, bniedem xih bla tfal, isir missier kotra ta’ ġnus.  Kien Alla, li minn tfajla verġni li ma kellhiex x’taqsam ma’ raġel, nissel lil Ibnu Ġesù.

 

Fid-Diskors tal-Muntanja, Kristu jgħid: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”  (Mt. 5, 48).  Jekk wieħed jaħseb li dan hu kmandament li Alla qed jistenna lill-bniedem iwettqu hu, allura l-bniedem malajr jaqta’ qalbu u jgħid, “Mela jien Ġesù Kristu”, u billi l-ħajja diġa fiha ħafna problemi u diffikultajiet, jispiċċa ma jagħtix kas għax l-Aħbar ta’ Kristu m’għandha xejn xi tgħidlu fil-prattika.  Imma dan huwa ngann tax-xitan.  Il-Vanġelu, ismu miegħu, Aħbar Tajba.  Huwa rigal ta’ Alla lill-bniedem... qisu qed jgħidlu: “Jekk tgħidli ‘Iva’, jekk tagħtini permess naħdem fik, hekk nagħmlek jien, bniedem li jħobb saħansitra lill-għadu tiegħu.”awnH

  U dan mhux bl-isforżi tiegħek.  Li jrid Alla minnek hu li tinfetaħ għall-Ispirtu Qaddis tiegħu bħalma għamlet Marija quddiem l-Anġlu.

 

Il-qari li għandna mit-Tieni Korintin huwa ġabra fil-qosor tal-Kerigma Nisranija, l-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju.  “Ejjew inħallu lil Alla jħabbibna miegħu!”  (v. 20), se nisimgħu.  Ninnotaw li mhux aħna nitħabbu ma’ Alla imma nħalluh iħabbibna Hu miegħu, jagħmilna Hu ħbieb tiegħu.  Dan hu mportanti li nifhmuh.  Għax il-Missier jixtieq jagħtina Spirtu ta’ ferħ, ta’ glorja, ta’ sliem li mhux l-ispirtu għejjien tal-egoiżmu, mhux l-ispirtu rrabbjat tal-vjolenża u t-tpattija, mhux l-ispirtu li jaħrab mill-Istorja li ma togħġbux fid-dnub, fiż-żina, fis-serq, fil-paroli fuq l-oħrajn, fit-tgergir... imma Spirtu ta’ mogħdrija għal kulħadd, imħabba, ġenerożità, għajnuna u ħniena.  Dawn kollha minn Alla jiġu u mhux mill-bniedem.

 

Imma jekk jogħġobna dan l-Ispirtu rridu nitolbuh, nittalbu għalih, nixxennqu għalih quddiem il-Mulej.  Din hi l-parti tagħna.  Nagħrfu li dan l-Ispirtu m’għandniex, u nitkarrbu għalih.  Hemm proċess f’dan kollu.  Xejn ma jsir f’daqqa waħda.  L-ewwel tinduna li int m’għandekx dan l-Ispirtu qaddis u ħieles; imbagħad titlob għalih jekk tassew tagħraf li fih biss hemm il-Ħajja vera; imbagħad tiskopri l-Imħabba li l-Missier dejjem kellu għalik anke meta kont midneb, tant li, kif se jgħidilna l-appostlu, “ma qagħdx iżomm il-kont ta’ dnubietna”  (v. 19), imma tefa dnubna kollu kemm hu fuq Ibnu li ġarru miegħu biex qerdu fuq is-salib.  Il-qari jgħid xi ħaġa tal-għaġeb: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustiżżja ta’ Alla.”  (v. 21).  Il-midneb isir ġust quddiem Alla mhux minħabba xi ħaġa li jagħmel hu imma minħabba l-għotja ta’ Kristu fuq is-salib bħala offerta ta’ tpattija li tiswa ħafna, ħafna.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  5, 17-21

 

Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.  Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla.  Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.  Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieh Kristu: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.”  Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

 

Evanġelju

 

Wieħed mill-aktar qari famużi u qawwija li dejjem niltaqgħu miegħu fir-Randan, huwa dan li ġej.  Se tiġi proklamata il-parabbola tal-Iben il-Ħali.  Inħalluha titkellem waħedha.  Noqogħdu attenti: ma niġġudikawx lit-tfal tal-Missier tal-parabbola.  It-tnejn kienu midinbin, ma kellhomx Imħabba għal missierhom, kellhom qalb iebsa.  Imma żgur, żgur li mit-tnejn għandna aħna.  L-isbaħ libsa, iċ-ċurkett, is-sandli, l-għoġol imsemmen... kollha huma sinjali tas-Saltna, tat-twelid ġdid li tagħtina l-konverżjoni serja.  U, jekk naħsbu li aħna għadna ’l bogħod, ara, l-Missier qiegħed jgħarrex l-oriżżont u qed jarana resqin lejH u qed jitħassarna u qed ilesti Grazzja għalina.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek Kristu!  Inqum u mmur għand missieri u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u quddiemek.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  15, 1-3, 11-32

 

F’dak iż-żmien: Il-Publikani u l-midinbin kienu qegħdin jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh.  U kemm il-Fariżej kif ukoll il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Dan!  Nies midinba jilqa’ għandu!  Magħhom jiekol!”

 

U Ġesù qabad qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.  U ż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’  U dak qassmilhom il-ġid.  Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu, f’ħajja mtajra.  Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u hu beda jħoss ruħu fil-bżonn.  U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-qżieqeż.  Kien jixtieq ħafna kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-qżieqeż imma ħadd ma kien jagħtih.  Imbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn ninqered bil-ġuħ!  Ħa  nqum u mmur għand missieri, ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u quddiemek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’  Qam, u telaq għand missieru.

 

Iżda kif kien għadu fil-bogħod, missieru lemħu u tħassru; u b’ġirja waħda mar xteħet fuq għonqu u mlieh bil-bews.  ‘Missier’, qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u quddiemek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’  Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw!  Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh!  Ġibu l-għoġol imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab!”  U bdew jagħmlu festa.

 

Mela ibnu l-kbir kien il-għalqa.  Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sema’ daqq u żfin.  Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dan x’kien. ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax reġa’ għandu qawwi u sħiħ.’  Hu nkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu.  ‘Ara’, qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi!  Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa tat-triq, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’  ‘Ibni’, qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.’”

 

 
< Prev   Next >