Sunday, 22 October 2017
           
Home
IL-HAMES HADD TAR-RANDAN (2016) IL-QAWMIEN TA’ KRISTU HUWA L-QAWMIEN TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 12 March 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd tar-Randan Hadd bi hsibijiet  min Joe Rapa

gesu_u_l-mara_adultera.jpg  
 '' Mur u mil-lum l-quddiem tidnibx
                            izjed ''

 

Ir-Randan qiegħed iressaqna b’pass mgħaġġel lejn il-Ġimgħa Mqaddsa li tilħaq il-qofol tagħha fit-tliet ijiem qaddisa tal-Misteru tal-Għid: il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tas-Sinjur Tagħna Sidna Ġesù Kristu.  L-Insara mad-dinja kollha jiċċelebraw il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba tad-daħla fil-Mewt ta’ Ġesù biex jitqabad magħha u jaqsamha u joħroġ rebbieħ fuqha.  Hija storja li tibda ħażin, ferm ħażin... il-kriżi ta’ Kristu fil-Ġnien; l-abbandun minn sħabu mal-arrest tiegħu; it-tradimenti ta’ tnejn minnhom; il-kundanna mill-qassisin u l-mexxejja tat-Tempju; it-taqliba kompleta fl-opinjoni tal-massa dwaru; il-Passjoni ħarxa tiegħu; il-mewt mistkerrħa barra l-belt li ċaħditu... Imma tispiċċa b’mod li jaħsdek, b’mod li jbellhek, fit-trijonf komplet u impossibbli... il-Qawmien ta’ Kristu maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa.

 

Tajjeb... anke ħafna fairy-tales jispiċċaw hekk... ħafna stejjer tal-films, rumanzi.  Imma jien, jien fejn nidħol f’din l-Istorja.  Huwa veru li kulħadd jifraħ jara t-tajjeb, għal darba, jittrijonfa fuq il-ħażin f’din id-dinja mħawda tagħna, imma huwa mportanti ħafna li npoġġu din il-mistoqsija f’dan ir-Randan, għax mingħajr mistoqsijiet profondi ma nidħlux fil-qalba tal-misteru.  X’għandhom x’jaqsmu t-tbatijiet ta’ Ġesù u r-rebħa tiegħu fuq il-mewt mal-problemi tiegħi, mal-qagħda eżistenzjali tiegħi... bniedem li jagħmel minn kollox biex jgħix fil-kwiet bla ma jirnexxilu sal-aħħar, u li jaf li ħajtu hemm tmiem għaliha, u din il-ħaġa tinkwetah.  Kristu rebaħ il-mewt; imma dan xi jbiddel fir-rejaltà tal-ħajja ta’ bniedem normali.  Hemm xi ħaġa mportanti hawn, għax il-Knisja ilha elfejn sena tiffesteġġja dan l-avveniment tal-għaġeb, u mhux darba fis-sena biss, imma kull nhar ta’ Ħadd.  Darba fil-ġimgħa l-Knisja ilha elfejn sena tiltaqa’ biex tifraħ bil-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.  Ma kienx ikollha din l-enerġija għal elfejn sena sħaħ li kieku dan it-taqbid ta’ Kristu kien jikkonċerna biss lilu.  Bil-fors li jikkonċerna wkoll lil kull bniedem li qatt ħa nifs fuq din l-art.

 

 

Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja għal din is-siegħa waħda,  biex jgħix il-Misteru tal-Għid u din hi l-Aħbar it-Tajba li l-Missier bagħat lil kull bniedem.  X’Aħbar Tajba hi?  X’ifisser dan kollu?  Il-bniedem għandu tassew għax jifraħ mal-Qawmien ta’ Kristu, mhux għax is-sewwa rebaħ, mhux biss għax saret ġustizzja, imma għax il-mewt ta’ kull bniedem inqatlet darba għal dejjem!  F’ħafna stampi tal-kruċifissjoni,  jpoġġu ras ta’ mewt taħt is-salib ta’ Kristu.  Jien kont naħseb li kienet xbiha tal-mewt riesqa lejn Kristu biex taħtfu, biex tibilgħu.  Imma dik il-mewt ipinġuha maqsuma.  Mhux se taħtaf li Kristu imma Hu ħataf lilha.  Hi belegħtu tassew, imma Hu sar il-velenu li qeridha u hi nqerdet għalija, għalik u għall bnedmin kollha.  L-ikbar problema li għandu kull bniedem hija hi, is-Sinjura Mewt.  Il-problemi l-oħra jweġġgħu l-irjus, imma xejn ma jwerwer lill-bniedem daqs il-mard u l-mewt.  Kristu ġie biex jitqabad ma’ dan il-mostru li jdellel il-Ħajja, u rebaħlu.

 

L-Ittra lil-Lhud tgħid, “Billi l-uied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu.”  (Lhud 2, 14-15).  Aħna, li għadna dgħajfin fil-Fidi, ninsabu mjassrin għal għomorna kollu minħabba l-biża’ tal-mewt.  Din l-insigurtà kbira, ħafna drabi tinħeba u jirnexxielna naljenaw moħħna minnha, imma hija l-għerq tad-dnubiet kollha.  Għax il-fatt li resqin lejn tmiem joħloq theddida primordjali lin-natura nfisha tagħna u dan jagħmel lil kulħadd egoista, jagħmel lil kulħadd jiġbed lejh innifsu.  Mhux għax il-bniedem hu ħażin, imma għax hu jiddefendi ruħu meta jħossu mhedded, u jaħseb l-ewwel u qabel kollox fih innifsu.  Kull bniedem lest li jbigħ ruħu, jagħti kulma għandu, basta jeħles mill-mewt.  Ħafna nies iġemmgħu il-flus biex kollhom biex jiġġieldulha l-mewt anke jekk jafu li r-rebħa finali se tkun tagħha.  Oħrajn ifittxu sigurta fis-suċċess ta’ dak kollu li jippruvaw jagħmlu.  Hemm min jixxabbat is-sellum tal-poter u tas-setgħa biex iħoss dak il-ħelsien, dak l-eliżir ta’ ferħ, għax  mingħalih li iktar kemm jitla’ ’l fuq, iktar jipposponi l-laqgħa ta’ bil-fors li se jkollu mal-mewt.  Il-ġlieda mal-mewt ħarġet minn ġol-bniedem enerġija tant kbira li hu wettaq u għamel ħwejjeġ tal-għaġeb, ħwejjeġ mill-aqwa, u ħniżrijiet kbar ukoll.

 

Sadanittant, il-mewt m’għadhiex teżisti.  Daqshekk sempliċi hi l-Fidi tan-Nisrani veru.  Dan, wieħed ma jistax jgħidu hekk, qisu mhu qed jgħid xejn, jew qisu qed jgħid xi ħaġa li tgħallimha.  Infatti, fil-preżenza ta’ xi ħadd li tilef lil xi ħadd għażiż, aħna nimmutaw.  Nixtiequ nfarrġu lil dak li jkun, imma ma nsibux kliem siewi biex nagħmlu dan.  Il-mewt fiżika, tal-ġisem, mhix ċajta.  Kristu daħal hemm fejn kull bniedem jibża’ jidħol!  Daħal minn jeddu, konvint li l-mewt ma kellhiex setgħa żżommu taħt idejha.  Daħal fiha biex juri lid-dinja li hi tinsab imwerwra minn gidba.  U l-Missier qajmu fiżikament mill-qabar biex issa hemm Spirtu jdur mad-dinja, Spirtu rebbieħ fuq il-mewt li jixtieq jidħol f’kull bniedem.  Kienet il-mewt ta’ Kristu li irrilijzjat dan l-Ispirtu.  San Ġwann jgħidilna li qabel il-mewt tiegħu l-Ispirtu tiegħu ma setax jinagħta għax kien għadu ma xtrahx għalina bis-sagrifiċċju tiegħu.  Mal-Qawmien ta’ Kristu dan l-Ispirtu qed jinvadi n-nies u jeħlishom mill-biża’ tal-mewt u jagħmel minnhom nies ħielsa minn kull ħjiel ta’ egoiżmu u kapaċi jħobbu bħalu.  Hu għalhekk li l-Knisja tifraħ tant bil-Qawmien ta’ Kristu, għax mill-Qawmien tiegħu l-ħin kollu toħroġ qawwa ta’ Qawmien għal kull min jemmen.

 

L-Ewwel Qari

 

Fil-Qawmien u fir-rebħa finali fuq il-mewt kienu jittamaw il-profeti, imma Kristu qal li henjin huma għajnejna għax qed jaraw ħwejjeġ li l-profeti u n-nies ġusti ta’ qabel xtaqu li jaraw u ma rawx.  Il-profeti fehmu x’kienet il-mażra ma’ għonq il-bniedem li kienet iġġegħlu jbaxxi rasu u jħares dejjem lejn l-art, qatt lejn is-sema.  Huma kienu jokorbu għall-Jum meta l-ħniena tal-Missier kellha tilħaq lil kull bniedem u tagħmel minnhom nies ġodda, nies imqajma mill-mewt, nies maħruġa mill-qabar.

 

Eżekjel kien wieħed minnhom.  Darba sab ruħu f’wied mimli għadam, u għaraf x’kien ifisser.  Il-bniedem li m’għandux rebħa fuq il-mewt hu ħaj mejjet.  Aħna naħsbu li nafu x’inhi l-Ħajja; għax inkunu fiż-żogħżija, jew għax inkunu għadna f’saħħitna, jew għax ikollna l-flus, jew għax niġru kemm nifilħu wara d-dinja... naħsbu li qed ngħixu tassew u jkun hemm min saħanistra jgħir għalina.  Aħna dak l-għadam li ra l-profeta fil-wied.  Ma nafux x’inhi l-Ħajja vera.  Xi ħadd jgħidlna kelma żejda; jew nisimgħu b’aħbar li ddejjaqna; jew infallu f’xi ħaġa li xtaqniha; jew jibda jidher il-mard u l-għejja taż-żmien... u f’daqqa waħda nindunaw kemm kollox hu prekarju u jtir mar-riħ.  Mhux din hija l-Ħajja li għaliha ħalaqna Alla!  Alla jħobbna bil-wisq iktar minn hekk!

 

Eżekjel jilmaħ mill-bogħod l-opra ta’ Kristu u jinduna li se jinfetħu l-oqbra tan-nies u se jqumu dawn għal Ħajja ġdida. Huwa ra poplu ta’ nies mimlija bl-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-mewt; nies ħajjin tassew.  Dawn huma n-nies li, bi Kristu, jitteħdilhom il-biża’ tal-mewt u allura jfiqu minn ġewwa u ma jiddefendux ruħhom iktar, anżi jinagħtaw għall-oħrajn u jħobbu lil Alla b’qalbhom kollha, b’moħħhom kollu u bis-saħħa tagħhom kollha, u lil għajrhom bħalhom infushom.  Din hija l-Ħajja Ġdida li rebaħ għalina Kristu bil-Misteru tal-Għid li għadda minnu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 11-14

 

F’dak iż-żmien: Il-Mulej qalli: “O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael.  Ara, huma jgħidu: ‘Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għalkollox.’  Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael.  Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi.  U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.

 

Inqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej.”

 

Salm Responsorjali

 

Il-ħajja spiritwali mhix aljenazzjoni, jew loppju tal-bniedem, kif sejħilha Marx.  Hija l-iktar ħaġa prattika u rejali għax tikkonċerna l-ġlieda li għandu l-bniedem mal-eqqel għadu tiegħu.  Jew tirbaħna l-mewt jew nirbħulha aħna.  Ħdejn dan, l-affarijiet l-oħra jidhru xejn.  X’jiswielu l-bniedem li jakkwista d-dinja kollha biex imbagħad jispiċċa għal dejjem?  Il-bniedem li mhux aljenat bil-ħmerijiet tad-dinja li kollha jgħaddu, jitkarrab quddiem il-Missier biex jeħilsu mill-mewt ta’ dejjem.  Salm 130 hu s-Salm tal-bniedem mgħaffeġ taħt il-biża’ tal-mewt, imma li jemmen li Alla għandu s-setgħa jeħilsu.  Għandu kliem poetiku qawwi ħafna: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: isma’, Sidi, il-leħen tiegħi! Ħa jkunu widnejk miftuħa, jien u nitolbok bil-ħniena.”  (v. 1-2).  Minn qiegħ l-art; mill-qiegħ tal-kriżi; mill-qabar eżistenzjali tal-bniedem li għalkemm għadu jieħu n-nifs, qisu mejjet. 

 

Kemm huma sbieħ is-Salmi!  Kemm huma konkreti.  Kemm għandhom ħila jlissnu l-weġgħat ta’ kull bniedem.  Tassew li Alla silef it-talb tiegħu lill-bniedem meta tah is-Salmi!  Dan is-Salmista huwa l-għadam niexef fil-wied li ra Eżekjel.  Huwa mejjet imma jixxennaq għall-Ħajja, il-Ħajja vera.  Jista’ jkun il-bniedem midneb, mgħobbi bi dnubietu, imfarrak bil-qrusa ta’ dnubietu u bl-għarfien terribli li ħela ħajtu fix-xejn, li ħajtu għoddha għaddiet u hu qisu qatt ma għex.  “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?” (v. 3)  ikompli s-Salm.  Għax tassew, ilkoll kemm aħna ħtejna, żbaljajna u dnibna, u jekk isir ħaqq ġust minna, min jista’ jżomm sħiħ... min se jsalva?  “Imma għand il-Mulej hemm il-maħfra!” (v. 4) u Hu jħobbna u jgħaġġel inewwel idu biex jaqlagħna ’l barra mill-qabar.  Dan hu wettqu fi Kristu.  Il-mewt ta’ Kristu hija l-mewt tagħna.  Ir-rebħa ta’ Kristu hija r-rebħa tagħna.  Il-Glorja ta’ Kristu hija l-Glorja tagħna.  Għand il-Mulej biss hemm il-Ħajja għax kulma hawn fid-dinja, jagħmel żmienu u jgħaddi. 

 

Min se jirbaħ lid-dinja u l-mewt li tiddominaha?  Dak li għandu l-Ispirtu ta’ Ġesù.  Għalhekk, il-bniedem li mhux belhieni, jistenna li jirċievi dan l-Ispirtu.  Huwa jistenna, jgħid is-Salm, aktar milli l-għassiesa jistennew is-sebħ.  Xi xbiha sabiħa!  L-għassiesa, fid-dlam tal-lejl, jistennew li jisbaħ imma l-lejl ma jgħaddi qatt!  Meta nkunu fl-inkwiet, meta ngħixu l-mewt, meta ngħaddu minn żmien iebes, qisu ma jrid jgħaddi qatt.  Band’ oħra Iżaija jimmaġina lil dawn l-għassiesa jistaqsu lil xulxin: “Kemm baqagħlu s-sebħ?”  U jirrispondu: “Kuraġġ! Dalwaqt jisbaħ. Ftit ieħor u jisbaħ!”  Jisbaħ ifisser l-Għid tal-Mulej; ir-Reb]a fuq il-mewt b’risq tagħna.  Il-lejl huwa l-istennija ta’ Iżrael għall-Messija.  Huwa l-istennija tagħna, aħna li nixxennqu għal Fidi akbar, għal għarfien aktar ċar tal-Mulej Ġesù.  Aħna nixxennqu u nitniehdu biex, bi Grazzja, r-Rebħa ta’ Kristu tkun ir-Rebħa tagħna, u l-Għid tiegħu ikun l-Għid tagħna.

 

Ritornell:  Għand il-Mulej hemm it-tjieba u l-fidwa għandu bil-kotra.

 

Salm 130

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

Isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

Jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

Biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna,

Ruħi f’kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lill-Sidi,

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,

Jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,

U l-fidwa għandu bil-kotra.

 

Hu li jifdi lil Iżrael

Minn ħtijietu kollha.

 

It-Tieni Qari

 

Il-qari ta’ San Pawl lir-Rumani se jiftaħ bi kliem li forsi jaqtagħlna ftit qalbna.  Hu jgħid: “Dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.”  (Rum. 8, 8).  Kemm hu diffiċli ma tgħix xi ftit jew wisq skont il-ġisem, bil-ġibdiet, l-aptiti, pretensjonijiet, burdati tiegħu!  Il-Grazzja ta’ Alla trid tkun biex il-bniedem jibda jinfatam minn ġismu.  Ir-Randan jiġi biex ifakkarna ftit f’dan billi jurina t-triq tat-‘training’, it-triq tal-penitenza biex nikkontrollaw lil ġisimna u aħna nkunu sidu u mhux hu sidna.  X’se jieħu Alla x’ħin aħna ngħidu “Le” lil ġisimna?  Assolutament xejn.  Kif qatt jista’ jkun li Alla għandu bżonn il-ftit tgħakkis tagħna?  Għandu bżonn l-ikel, il-ħlewwiet, ix-xorb, id-divertiment tagħna?  Huwa aħna li ninsew li l-Ħajja hi taqbida u mhux żmien fejn wieħed jipprova jgħaddiha tajjeb il-ħin kollu.  Hemm taqbida għal ruħna, taqbida bejn il-Ħajja u l-Mewt.  L-għadu jaljenana biex ma nindunawx b’dan.  La aħna aljenati, kollox jidher żejjed, kollox jidher piż.  Kemm hi diffiċli l-penitenza fil-kultura komda li fiha ngħixu.  Nibżgħu li l-ġisem, miskin, ma jiflaħx għal tant tgħakkis!  Il-ġenerazzjoniiet ta’ qabilna kienu neqsin minn kollox, imma kienu ‘champions’ tal-penitenża.  Nies normali li kienu jafu li l-ġisem joqgħod għal kollox.  Kienu aktar b’saħħithom minna kemm fiżikament u wisq aktar spiritwalment.

 

San Pawl jitkellem fuq il-ġisem bħala dik il-qawwa fina li tiġbidna lejn id-dnub.  Din uritniha minn Adam u Eva u tikber jew tiċkien fina fil-qjies li aħna nikkonvertu lejn il-Mulej.  Hu għandu setgħa joqtol din in-natura marida tagħna u, minflokha, jagħtina oħra ġdida miġbuda għas-sewwa, għall-imħabba, għall-għotja mill-qalb lil ħaddieħor.  Lil dawk li fihom kiber l-Ispirtu ta’ Ġesù rebbieħ fuq il-mewt, fuq kull tip ta’ mewt, Pawlu jgħidilhom: “Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom.”  (v. 9).  L-Ispirtu s-Santu ma jgħixx hemm fejn jgħammar l-ispirtu tal-ħażen.  Fil-qjies li dan jiddgħajjef, Huwa jitqawwa.  Min għandu għajnejh miftuħa għal din it-taqbida, għal din it-“tug of war” li konna naraw dari bil-ħabel... min għandu għajnejh miftuħa u jrid jagħmel allejanza mal-Ispirtu ta’ Alla, li hu l-Ispirtu ta’ Ħajja għal Dejjem, allura ma jiddarrasx daqshekk mit-tgħakkis tal-ġisem għax jara sens kbir fih.  Mhux it-tbatija li ġġiegħel lill-bniedem ibati, imma t-tbatija bla sens, bla skop,  li tifnih.  Dan mhux qed ngħidu jien, imma qaluh nies kbar u esperti f’dawn l-affarijiet.

 

Kemm naraw nies fuq il-mezzi tal-midja li huma għal kollox mehdija bil-ġisem!  Huma jirriklamaw il-kultura dominanti tal-lum li tippriedka li l-ġisem biss jeżisti.  Allaħares qatt li kien hekk!  Allaħares, għax allura lkoll kemm aħna ninsabu f’tellieqa lejn il-mewt ta’ dejjem, lejn is-sies, bħan-ngħaġ ta’ Bendu.  Allura m’hemm tama għal ħadd u l-Mewt hija r-Reġina ta’ kollox.  Dan hu l-ispirtu tad-dinja.  Dan l-ispirtu jwerwirni, anke jekk fid-dgħufija tiegħi sikwit insib ruħi nagħmel allejanza miegħu!  X’miżerja l-bniedem mingħajr l-Ispirtu ta’ Ġesù li ġie lura miċ-ċimiterju biex jgħidilna li min jemmen fih u jiggranfa miegħu, daqsu se jkollu rebħa fuq il-mewt. 

 

Trid tkun taf x’ġabilna l-Għid ta’ Kristu?  Trid tkun taf l-għala l-Knisja tiċċelebra l-Għid kull nhar ta’ Ħadd, tnejn u ħamsin darba kull sena?  Ara xi jgħid San Pawl: “Jekk l-Ispirtu ta’ Dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.” (v. 11).  Din hi d-differenza bejn il-bniedem tal-Ispirtu u l-bniedem tal-ġisem.  Din hi d-differenza bejn min għandu l-Fidi u min jiżżufjetta bil-Fidi.  Din hi l-għajta tar-rebħa tan-Nisrani.  Kulma għandu x’jaqsam mal-ġisem huwa kkundannat għall-mewt;  kulma għandu x’jaqsam mal-Ispirtu hu mniżżel għal-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 8-13

 

Ħuti:  Dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom.   Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.  Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja.  Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Hekk, mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem.  Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.

 

Evanġelju

 

Wara li l-Vanġelu tal-Ħadd li għadda poġġa quddiemna il-Maħfra tal-Iben il-Ħali, illum se jipproklama il-Maħfra tal-Mara Adultera.  It-tnejn huma xbiha tal-Għid tal-Mulej.  It-tnejn li huma, l-Iben il-Ħali u l-Mara Adultera, ġarrbu, għamlu esperjenza diffiċli u kollha tbatija, imma glorjuża, ta’ xi jfisser meta Alla jagħmel mogħdija fil-Ħajja tal-bniedem.  Meta Alla jgħaddi minn ħajjitna, dejjem iwettaq il-Misteru tal-Għid... nifhmu xi ftit l-esperjenza stess ta’ Kristu.  Il-Misteru tal-Għid ifisser mogħdija mill-mewt għall-Ħajja, minn dieqa profonda għal eżultanza, mil-luttu għaż-żfin tal-festa, mill-umiljazzjoni għall-Glorja, mid-dlam għad-Dawl. 

 

Fuq l-esperjenza qarsa ta’ iben il-missier għani, smajna l-ġimgħa l-oħra: kif spiċċa jgħix mal-qżieqeż u jixxennaq għall-ikel tagħhom... xi ħaġa orribbli għal bniedem Lhudi li jqis il-ħanżir bħala annimal maħmuġ li wieħed ma jistax imiss miegħu u li laħmu hu miċħud mil-Liġi... fuq din in-niżla lejn il-qiegħ nett u l-Maħfra li reġgħet għollietu ’il fuq lejn l-Imħabba tal-missier u lejn il-festa...  Illum għandna storja simili.  Mara miżżewġa li niżlet it-tirġien lejn il-mewt, farrket iż-żwieġ tagħha u spiċċat tbigħ ġisimha lil irġiel żienja.  Fuq l-adulterju, il-Levitiku jgħid dan: “Il-bniedem li jiżni ma’ mart għajru jagħtuhom il-mewt, liż-żieni u liż-żienja.”  (Lev. 20, 10), waqt li d-Dewteronomju jgħid: “Għandhom imutu t-tnejn u hekk teqred il-ħażen minn Iżrael.”  (Dewt. 22, 22).  Dawn il-liġijiet għadhom jgħoddu fl-Islam sal-ġurnata tal-lum, imma kemm il-Ġudajiżmu u kemm il-Kristjaneżmu evolvew fuq dan.  Kristu ma ġiex fid-dinja biex iwerwer lin-nies bil-Liġi, imma biex jirbaħ il-qalb tal-bniedem.  Il-bniedem jista’ jobdi l-Liġi u ma jidnibx għax jibża’, imma Alla jaf li qalbu mhix mirbuħa u jobdih għax jibża’ mhux għax iħobbu. 

 

Iżda dan kollu ma jneħħix mill-ispirtu tal-Liġi li tgħid li din il-mara kienet ħatja ta’ qtil.  Hi qatlet il-familja tagħha u farrket tant oħrajn, qatlet l-Imħabba, qatlet is-saħħa u l-qdusija tal-poplu ta’ Alla.  Għalhekk kienu jagħtuhom il-piena tal-mewt. Fi żmien Kristu kien hemm konfront sħun bejn il-konservattivi u l-liberali dwar din il-piena li tidher hekk ħarxa.  Kristu sab ruħu mbexkel f’nasba hawn.  Imma hu kien jimpurtah biss minn ħaġa waħda: li jirbaħ qalb dik il-mara msejkna, imdejqa f’qalbha, imwerwra mill-mewt li kienet qed iddur madwarha, umiljata quddiem pjazza rġiel aktar milli kien umiljat l-Iben il-Ħali meta kien jitmiegħek fil-ħmieġ tal-ħnieżer.  Kristu kien jaf minn xhiex kienet għaddejja u qalbu nħallet għaliha.

 

M’hemmx għalfejn nintilfu llum fuq il-fatt li ħadd ma jaf x’kiteb Kristu fit-trab, jew fuq il-frażi famuża tiegħu: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.” Anke jekk hemm ħafna xi tgħid fuq dan.  Niffokaw fuq il-bidla tremenda tal-qagħda tal-mara.  Kienet għal kollox irrassenjata bħal mara diġa mejta, għalkemm ħajja: imkaxkra minn irġiel ta’ qalb iebsa li kollha kienu qed jinħbew wara d-dnub li nqabdet tagħmel biex ma jidhirx tagħhom; ħatja quddiem il-Liġi li ma tafx tħenn; nuqqas totali ta’ Mħabba fl-istorja tagħha;  bil-qalb iebsa tagħha kollha ġrieħi u li ma kinitx tistenna ħniena mid-dinja li għexet fiha. 

 

F’daqqa waħda dan kollu nbidel; ħarġet mill-qabar eżistenzjali tagħha u ġibdet nifs ’il ġewwa, n-nifs tal-Ħajja vera.  F’għajnejn Kristu mimlijin mogħdrija u ħniena rat l-Imħabba wiċċ imb’ wiċċ għall-ewwel darba f’ħajjitha.  L-Imħabba ma ġġudikathiex u din kienet l-ikbar sorpriża ta’ ħajjitha.  Il-Maħfra ta’ Kristu wellditha mill-ġdid.  Hu qalilha: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.”  (v. 11).  Kellu għalfejn jgħidilha hekk?  Ma naħsibx.  Kienet mara mibdula.  Ġralha bħall-għadam ta’ Eżekjel li reġa’ ħa l-Ħajja.  Kif ma tħobbx lill-Waħdieni li ħabbha hekk kif kienet, lill-Waħdieni li fehmha u tħassarha?  Kif ma tintrabatx ma’ Dak li qalbha dejjem fettxet f’postijiet fejn Hu żgur ma kienx?  Hija għaliha l-Kelma tal-Għanja tal-Għanjiet: “Fittixt lill-Maħbub ta’ qalbi; fittixtu mingħajr ma sibtu.  Jiena sibt lill-Maħbub ta’ qalbi, għannaqtu miegħi u ma nitilqu qatt!”  (Għ. 3, 1.4). 

 

Dan hu l-Misteru tal-Għid.  Dan hu l-Għid fil-ħajja tal-bniedem. 

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek Kristu!  Fittxu l-ġid, u mhux id-deni, ħalli tgħixu; u l-Mulej ikun magħkom.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  8, 1-11

 

F’dak iż-żmien: Ġesù telaq lejn il-Għolja taż-Żebbuġ.  Imma l-għada qabel is-sebħ reġa’ mar fit-Tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.

 

Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li nqabdet tiżni, u qegħduha fin-nofs.  “Mgħallem,” qalulu, “din il-mara nqabdet tiżni fil-fatt.  Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom.  Int, imma, xi tgħid?”  Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jakkużawh.

 

Imma Ġesù miel minn qaddu ’l isfel u beda jikteb b’sebgħu fit-trab.  Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfagħlha hu l-ewwel ġebla.”  U reġa’ niżel jikteb fit-trab.   Kif semgħuh igħid dan, wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, qabdu u telqu, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. 

 

Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara?  Ħadd minnhom ma kkundannak?”  “Ħadd, Sidi”, qaltlu.  “Mela anqas jien ma nikkundannak,” qalilha Ġesù; “mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.”

 

 

Last Updated ( Saturday, 12 March 2016 )
 
< Prev   Next >