Saturday, 16 December 2017
           
Home
Hadd il-Palm- Dahla tal-Mulej F' Gerusalem PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 March 2016
palm-sunday.jpg

      

Mal-waqt li l-Knisja terġa’ tgħix id-Daħla Solenni tal-Mulej f’Ġerusalemm, tibda l-iktar ġimgħa għażiża u qawwija fil-Liturġija tal-Knisja, il-Ġimgħa Mqaddsa.  Il-Misteru tal-Għid kien iċ-ċentru tal-ħajja ta’ Kristu, is-sens tal-miġja tal-Iben ta’ Alla fid-dinja, u huwa l-fus li fuqu jduru t-tagħlim u t-twemmin tal-Insara.  Kollox jiddawwal bil-Misteru tal-Għid.  Ma tistax taqra l-Iskrittura mingħajr id-dawl ta’ dan il-misteru kbir, misteru li l-Missier jixtieq li aħna nifhmu.  Kulma ġara fit-Testment il-Qadim kien qed jipponta lejn dawn il-ftit ġranet.  Kollox kien xbiha minn qabel tal-opra enormi ta’ Kristu, is-siegħa tiegħu li ġpermezz ta’ mewt ħarxa jgħaddi għall-Glorja mmens u bla tmiem miksuba fil-Qawmien.

 

Il-Misteru tal-Għid huwa mewt u qawmien.  Dan titkellem fuqu saħansitra n-natura ta’ madwarna, l-istaġuni, il-ħxejjex u s-siġar, it-tqala tal-bnedmin u tal-annimali... kollox huwa leħħa, dehra mċajpra tal-Għid li Alla nnifsu ried li jgħix u jġarrab b’risq tiegħi u tiegħek.  Ġesù qal, “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma tindifinx u tmut taħt l-art hi tibqa’ waħedha, imma jekk tmut, tgħix billi tagħti ħafna frott.”  Tal-għaġeb din it-tixbiha.  Ħabba li tinqasam fid-dlam taħt il-ħamrija toħroġ nibbieta minna.  Tista’ tgħid li lanqas biss mietet għax kif tista’ toħroġ il-ħajja minn xi ħaġa mejta?  Fl-aħħar sforz tagħha l-ħabba tal-qamħ toħroġ in-nibbieta li tikber sakemm titfaċċa mill-ħamrija: xitla ġdida li se timmultiplika l-qamħa f’ħafna qmuħ.  Jekk din mhix stampa tal-Ħajja ta’ Dejjem, ma nafx x’inhi.  Il-ħabba daħlet fil-mewt imma flok tmut tagħti frott kotran u tibqa’ tgħix.  Ħajja eterna.  Imma kieku ma daħlitx fil-mewt u baqgħet fl-art, mormija x’imkien, kienet tibqa’ waħedha sakemm titħassar... u mbagħad kienet tmut tassew.

 

 

L-istaġuni wkoll ixandru l-Għid tal-Mulej, il-passaġġ, il-mogħdija mill-mewt tax-xitwa mudlama għall-ħajja ġdida tar-rebbiegħa; is-siġar li jkunu neżgħu u saru zkuk donnhom bla ħajja joħorġu weraq ġdid, friegħi ġodda u l-ewwel fosthom il-lewża li bil-ward abjad tagħha tħabbar li qorbot is-siegħa tal-Mulej.  U tant u tant affarijiet oħra.

 

It-Testment l-Antik fih l-għeruq ta’ Kristu li jsir siġra li twarrad fit-Testment il-Ġdid.  Ma tistax tifhem il-missjoni ta’ Kristu, il-Misteru tal-Għid jekk ma tmurx lejn l-għeruq tiegħu li jinsabu fit-Testment l-Antik.  Il-prova ta’ Noe, middieħaq u mwaqqa għaż-żuffjett minn kulħadd... l-għarar terribbli li ra b’għajnejh... l-ors u l-ferħ ta’ ħajja ġdida dak in-nhar li fetaħ bieb l-arka biex joħroġ għal ħajja ġdida.  Is-snin ta’ falliment u dlam li għadda minnhom Abraham qabel ma tawh f’idejh it-tarbija li welditlu martu fi xjuħitu, għadha kollha demm.  Hu daħaq u daħaq għall-ħsieb li raġel xiħ bħalu kellu jġib tarbija fid-dinja permezz ta’ martu sterili u anke daħaq bil-ferħ għax dak li ħadd ma kien emmen fih ħliefu, seħħ.  Kristu qal, “Abraham ra l-jum tiegħi u feraħ” u kellu raġun jgħid hekk għax minn ġuf mejjet qisu qabar ta’ Sara ħarġet il-ħajja li minnha kellhom jitnisslu ġnus sħaħa.  Mill-mewt toħroġ il-Ħajja.  Dan hu għemil ta’ Alla.  Dan hu l-għemil prinċipali ta’ Alla li mid-dlam joħroġ id-dawl, mill-mewt il-ħajja.  Dan hu li għex Ġonna wara tlett ijiem f’żaqq il-ħuta, biex insemmu ftit intietef mit-Testment il-Qadim li juruna lil Kristu.  Israel quddiem il-baħar tal-qasab, Israel fid-deżert, l-Imħallfin, David, il-profeti... dawn kollha ġarrbu f’laħamhom il-mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-ħajja.  Tassew li m’hemmx Qawmien mingħajr ħajja.

 

L-Ewwel Qari

 

Isaija jippersonifika lill-profeti kollha meta fl-Ewwel Qari li għandna jiddiskrivi dan il-passaġġ li qed nitkellmu fuqu.  Lill-ħbieb tiegħu il-Mulej jgħakkishom, iġarrabhom, jitfagħhom fid-dlam tal-kriżi, biex imbagħad joħroġhom Imqajmin, rebbieħa fuq dak kollu li jifni l-bniedem.  L-istess dak li għex Kristu.  għax il-bniedemta’ Alla hu bħal ċappa tafal bla forma u iebsa, mimlija żrar.  Il-fuħħara jgħaffiġha u jerġa’ jgħaffiġa sakemm irattaba; inaqqiha miż-żrar u l-ħmieġ tagħha, imbagħad jibda jifforma xi ħaġa tal-għaġeb biha.  L-istess jagħmel mal-bniedem: jgħakksu imma ma jitilqux għall-mewt, sakemm iġibu jobdi u jagħmel ir-rieda tiegħu minn qalbu. 

 

Isaija jgħid li hu ta dahru lil dawk li sawtuh, ħaddejh lil dawk li nittfulu lħitu u ma ħebiex wiċċu mit-tgħajjir u l-bżieq.  Imma fid-dalma tal-persekuzzjoni, il-profeta jibqa’ ma jitħawwadx, jibqa’ jittama li għad jisbaħ għax kellu fiduċja f’Dak li fih kien jemmen.  Huwa għamel wiċċu bħaż-żnied, ma beżax għal wiċċu għax ma kien jistħi minn ħadd u ma kien jibża’ minn ħadd, mhux għax kien xi superman imma għax kien jaf li l-Mulej hu Missieru, li kien dejjem ħdejh, dejjem maġenbu lest biex jgħinu meta jkun se jogħtor.  Hu kien jaf li jekk kien miexi fid-dlam, il-Mulej kien id-dawl u sbieħ il-jum għalih.  Jekk kulħadd kien jgħoddu bi msejken, bħallikieku mejjet, il-Mulej kien il-Qawmien tiegħu.  Ekku l-Misteru tal-Għid fil-ħajja tal-profeta!

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  50, 4-7.

 

Il-Mulej Sidi tani lsien ta’ wieħed mgħallem, biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.  Ta’ kull filgħodu jqajjimli widinti, biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.  Sidi l-Mulej fetaħli widinti, u jien ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.  Tajt daħri lil dawk li kienu jsawturni, ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tgħajjir u l-bżieq.

 

Sidi l-Mulej igħinni, għalhekk ma nitħawwadx; għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied: jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 21 (jew 22, skont liema verżjoni tal-Bibbja taqra), huwa l-iktar Salm profetiku li jitkellem minn sekli qabel dwar id-dettalji tat-tbatijiet tal-Messija, il-Ħaruf bla ħtija li kellu jbati għall-poplu ħati.  Huwa Salm li jkanta l-glorja tal-Misteru tal-Għid, il-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja u Ħajja bla mtiem.  Dan hu l-Għid.  Imma m’hemmx Għid mingħajr mewt.  Għalhekk Salm ieħor jgħid li “Għażiża f’għajnejn il-Mulej hija l-mewt tal-ħbieb tiegħu.”  Din is-sentenza tinftiehem biss fid-dawl tal-Għid: mewt li twassal għal Qawmien.  Kemm faraġ għalina, li nitilfu l-għeżież tagħna, hija l-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu!  Kemm tama, kemm ċerteżża għan-Nisrani f’wiċċ il-mewt fiżika tiegħu.  Tassew li l-Fidi hi l-ikbar rigal li jista’ jagħti Alla.  Ħalli qatt ma nkunu kuntenti bil-Fidi tagħna, imma dejjem nitolbu għal Fidi ikbar, biex ikbar tkun ir-rebħa tagħna fuq dak kollu li joqtolna, jew jipprova joqtolna.

 

Is-Salmi kollha għexhom Kristu imma b’mod partikulari għex dan is-Salm li se nisimgħu biss parti żgħira minnu.  Is-Salmista jagħmel lista twila ta’ moħqrijiet li rċieva, li hawn illum għandna biss ftit minnhom.  Fid-dwejjaq u t-batijiet huwa jaħseb li Alla telqu.  “Alla tiegħi, Alla tigħi, għaliex tlaqtni?”  X’għamilt tant ħażin f’għajnejk biex għaddejtni minnn dan kollu?  Dan is-Salm talab bih il-Mulej tana fuq is-Salib.  Daqshekk hu mportanti. 

 

Imma dan is-Salm huwa Salm Paskwali għax jispiċċa b’nota ta’ ferħ, il-ferħ tal-Qawmien, l-ikbar ferħ li jista’ jimmaġina l-bniedem.  M’hemmx ferħ ikbar mill-ferħ tal-Għid!  Bħal meta wieħed m’għandux ħlief xi ftit ċenteżmi u jilgħab kulma għandu f’lotterija u jirbaħ il-miljuni: ħajtu tinbidel ta’ taħt fuq.  Il-ferħ ta’ Israel li ra l-baħar jinfetaħ quddiemu u l-għedewwa jgħerqu fih;  il-ferħ ta’ Abraham li diġa semmejna;  il-ferħ ta’ David għax il-mewt li resqet lejh fil-forma tal-ġgant, ġiet maqtula;  il-ferħ ta’ Marta u Marija quddiem Lażżru ħiereġ mill-qabar, jew tal-omm minn Najm.  Il-ferħ ta’ kull Nisrani li jagħlaq għajnejh għall-aħħar darbsa u jiftaħhom biex jara t-tbissima ta’ Kristu li qed jistennih.  Dan hu l-ferħ tal-Għid.  Ħdejh kollox hu frugħa.

 

Is-Salmista meħlus mill-irbit tal-mewt iwiegħed ħaġa waħda: li jxandar dak li għamel il-Mulej miegħu.  Iwegħdu li mhux se jieqaf jitkellem fuq l-għeġubijiet li raw għajnejh.  Min seta’ jżomm l-Appostli wara l-Pentekoste meta r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt invadiethom, daħlet fihom, saret parti minnhom, tant li anke huma saru nies rebbieħa fuq il-mewt għax kellhom l-Ispirtu tal-Għid fihom?

 

Ritornell:  Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

Igħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!”

 

Ara l-klieb daru miegħi,

Ġemgħa ta’ nies ħżiena trossni;

Taqqbuli jdejja u riġlejja.

Nista’ ngħodd għadmi kollu.

 

Ħwejġi jaqsmu bejniethom,

Għal-libsa tiegħi jaqtgħu x-xorti.

Imma int, Mulej, la titbegħidx!

Għajnuna tiegħi, fittex għinni!

 

Inxandar ismek lil ħuti,

F’nofs il-ġemgħa nfaħħrek.

Faħħru ’l-Mulej, intom li għandkom il-biża’ tiegħu;

Sebbħuh intom ilkoll, ulied Ġakobb.

Ibżgħu minnu intom ilkoll, nisel ta’ Israel!

 

It-Tieni Qari

 

Il-qdusija, il-Mixja ta’ Salvazzjoni, it-triq lejn il-Ħajja ta’ Dejjem mhix ’il fuq, intiru bħall-anġli, imma hija niżla, il-kenosi, bil-Grieg.  Din il-kelma ‘kenosi’ kienet komuni u magħrufa ħafna fil-Knisja tal-Bidu.  Għax is-sagrament tal-Magħmudija li biha l-pagani kienu jidħlu fil-Knisja u jsiru Nsara kienet sagrament li turi niżla, tant li l-battisteru, l-fonti jew il-ħawt fejn l-imgħammdin kienu jiġu mniżżla, mgħarrqa fl-ilma, imgħammda bl-immersjoni, kellu żewġ sistemi ta’ taraġ.  Fuq naħħa seba’ tarġiet neżlin ’l isfel u seba’ tarġiet oħra tilgħin ’il fuq in-naħħa l-oħra.  Il-kandidat għall-Magħmudija l-ewwel kien jinżel is-seba’ tarġiet li jieħdu ’l isfel lejn l-ilmijiet fejn kien jiġi mgħaddas kollu kemm hu mill-Presbiteru, sinjal qawwi u ċar li jfisser l-għarqa, l-mewt tal-bniedem il-qadim, bħall-għarqa tad-dinja korrotta fid-dilluvju ta’ Noe, imbagħad kien joħroġ mill-ilma, bniedem ġdid u issa iva jista’ jitla’ s-eba tarġiet li jieħdu ’il fuq.

 

Is-seba’ tarġiet neżlin ’l isfel ikun ġa għexhom qabel, fil-katekeżijiet u ż-żmien ta’ formazzjoni u thejjija li jkun għadda minnhom fejn hu jkun għaraf ix-xejn tiegħu, is-seba’ dnubiet kapitali li lkoll għandna minnhom.  Din hi niżla.  Hu kien jaħseb li hu ‘tajjeb’, jew almenu ‘mhux ħażin’.  Imma dik l-esperjenza ta’ niżla wrietu li kellu bżonn jitwieled mill-ġdid.  Anke l-Magħmudija hija Għid.  Infatti Kristu stess jgħid li kien qed jistenna Magħmudija u kemm xtaq li tasal.  Kien qed jirreferi għall-Għid tiegħu, għall-mewt u l-qawmien tiegħu.

 

San Pawl se jkellimna fuq in-niżla, il-kenosi li wettaq Kristu fil-ġenerożità u l-Imħabba li għandu għalija u għalik.  Huwa Innu sabiħ li nisbuh fl-Ittra lill-Filippin.  Hu li kien daqs Alla tneżża minn kollox u sar agħar mill-bnedmin, anzi ilsir u bata mewt mogħtija lill-agħar kriminali.  Imma, hekku l-Għid!  Mill-mewt, il-Ħajja; mid-dlam id-Dawl;  mill-qabar il-Qawmien!  Għax niżel tant ’l isfel, il-Missier għollieh fuq kollox u fuq kulħadd u kull ħaġa maħluqa tinżel għakopptejha tadurah.  F’dan l-Innu San Pawl ġabar kollox, dak kollu li kien ilu jgħid it-Testment l-Antik u li seħħ għal kollox fi Kristu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.

 

Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla,

Ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

Imma tneżża’ minn kollox,

Billi ħa n-natura ta’ lsir;

Sar jixbaħ lill-bnedmin,

U deher minn barra bħal bniedem;

Ċekken lilu nnifsu,

Billi obda sal-mewt,

Anzi sal-mewt tas-salib.

 

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,

U żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,

Biex fl-Isem ta’ Ġesù,

Fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art,

Il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkopptejhom,

U kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej

Għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

 

L-Evanġelju

 

Ħadd il-Palm jissejjaħ ukoll Ħadd il-Passjoni għax illum jinqara l-Passju, jiġifieri r-rakkont sħiħ tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej.  Huwa inutli għalina li nimmaġinaw li aħna ma nidħlu mkien f’dan ir-rakkont.  Wieħed jiftaħ il-Bibbja biex jiskopri ħajtu fiha.  L-istess il-Passju.  Kien id-dnub tiegħi li niżżel lil Kristu minn ħdan il-Missier, ġagħalu jitlibbes b’laħam bħal tiegħi, biex dak li tgħid il-Liġi fuqi, jiġifieri li d-Dnub iġib il-mewt jieħdu Hu fuqu.  Hu bata biex jifrankalna t-tbatija tad-Dnub; hu miet biex jeħilsilna l-piena tal-kundanna minħabba d-Dnub. Id-dinja llum neħħiet il-kelma ‘dnub’ mill-vokabbolarju tagħha għax m’għadhiex issemmih.  In-Nisrani, dan ma jistax jagħmlu, għax jekk tneħħi d-dnub mill-moħħ tal-bniedem tneħħi s-sens tal-Misteru tal-Għid, tneħħi s-sens tat-tbatija u l-mewt ta’ Kristu, timmina għal kollox il-missjoni ta’ Kristu.  Kristu jsir biss bniedem kbir ieħor bħal oħrajn li ġew qablu u warajh. 

 

Imma Kirstu hu l-Uniku, il-Waħdieni, l-Ispeċjali għax wettaq ħaġa li l-ebda bniedem qatt u qatt ma jista’  jasal għaliha.  Hu ħa fuqu d-dnubiet tagħna lkoll, iffrankahom lilna u għamilhom tiegħu, u d-dnubiet tad-dinja kaxkruh lejn mewt l-aktar ħarxa.  Din hi s-salvazzjoni tad-dinja.  Il-qerda tad-dinja huwa d-dnub, imma s-salvazzjoni mid-Dnub huwa Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa li inqatel minflok il-bniedem.

 

Għalhekk aħna preżenti fir-rakkont tal-Passju, u kif!  San Pietru jgħid li konna aħna li qtilna lill-Qaddis għax kienu dnubietna li ġabuh fejn ġabuh.  Konna aħna l-kaġun tad-dippressjoni mmensa li sofra fil-Ġnien. Konna aħna li akkużajnih quddiem Pilatu u għażilna lil Barabba.  Konna aħna li ħarisna bla ma rfajna sebgħa wieħed meta rabtuh ma kolonna, ifflaġellawh b’mod selvaġġ u żżuffjetaw bih.  Konna aħna li mxejna, kollna kurżità u b’qalb iebsa lejn il-Kalvarju biex nassistu għall-ispettaklu tal-forka.  Konna aħna li sal-aħħar weġġajnih bi lsienna meta għidna, “Jekk hu l-Iben ta’ Alla ħa jinżel minn hemm.  Hu ħeles lil ħafna, ħa jeħles lilu nnifsu issa!”  Min jagħmel kenosi u jinżel is-seba’ tarġiet tad-dnubiet tiegħu u jibda jħabbat fuq sidru għax jagħraf li hu midneb, ma jisbhiex bi tqila biex jemmen li hu kien ma’ dawk li sallbu lil Kristu.

 

Hawn se nġibu biss parti ċkejkna mill-qari tal-Passju.

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek Kristu!  minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.

 

U ħaduh ’il barra biex isallbuh.  Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċirene, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.  U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa.

 

U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu.  Imbagħad sallbuh, u qasmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu.  Kienu d-disgħa ta’ filgħodu meta sallbuh.  Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud”.  Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

 

Dawk li kienu għaddejjin bdew igħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:  “Għajb għalik, int li tħott it-Tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem!  Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!”  Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu:  “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva!  Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Israel, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!”  U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll.

 

Meta sar nofs-in-nhar waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta.  U fit-tlieta ta’ wara nofs–in-nhar Ġesù għajjat b’leħen qawwi:  “Eloi, Eloi, lemà sabaqtani?” li jfisser, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”

 

Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!”  U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba, u tah jixrob filwaqt li qal:  “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!”

 

Imma Ġesù għajjat għajta kbira u ħarġet ruħu.  U l-purtiera tat-Tempju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.  Iċ-ċenturjun, li kien biswitu, meta rah igħajjat u jmut hekk, qal: “Dal-bniedem kien tassew Bin Alla!”

 
< Prev   Next >