Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IS-SAHRA FIL-LEJL QADDIS TAL-QAWMIEN, 2016 TAL-MULEJ MILL-IMWIET PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 March 2016

Din hija il- Liturgija  tas-Sahra fil-Lejl Qaddis Tal-Qawmien bi hsibijiet  min Joe Rapa

jesus-christ-resurrected-pics.jpg
                    Kristu Rxoxt

 

Id-dinja titbellah wara n-nies setagħna; titgħaxxaq b’min jagħmel suċċess; tqim u tirrispetta min għandu l-fama li jasal fejn irid bla wisq skrupli.  Il-pajjiżi li jikkmandaw id-dinja huma dawk li għandhom saħħa militari, huma sinjuri.  Id-dinja temmen fil-vjolenza u l-kredu ta’ ħafna minna hu li fejn hemm l-inġustizzja u l-vjolenza, kaxkar kollox b’iktar vjolenza.  Hekk jinbtu l-gwerer kollha.  Ilkoll kemm aħna għandna fina l-ispirtu ta’ Barabba li kien jemmen fil-vjolenza biex jagħmel ġustizzja, biex jeqred il-ħażen.  Aħna naħsbu li l-ħażen jibża’ u jilbet biss quddiem minn hu b’saħħtu, min kapaċi jrażżnu bil-vjolenza.  Bħalissa għandna l-fundamentalisti tal-Istat Islamiku li qed jagħmlu ħerba u jaqtgħu irjus in-nies, u aħna lkoll nemmnu, ‘deep down’ li jekk tidħol l-Amerika u tkisser kull m’hemm, malajr neħilsu minnhom.

 

Dan hu li naħsbu aħna, imma jiddispjaċini ngħid li dan mhux kif jaħsibha l-Vanġelu.  Żgur li mhux kif kien jaħsibha Ġesù Kristu.  ‘Min jagħti bis-sejf, bis-sejf imut.’ qal darba.  Kristu deher fid-dinja biex jitqabad kontra l-ikbar vjolenza li qatt ġrat lill-bniedem: il-mewt li daħlet bid-dnub.  Hu tqabad kontra l-mewt mhux bl-armi tal-vjolenża imma billi intelaq bħal ħaruf meħud għal qatla.  L-Apokalissi jgħid li l-bhima tintrebaħ biss mill-Ħaruf b’għonqu mħanxar li hu Kristu.  Il-Ħaruf b’għonqu mħanxar isir l-iljun rebbieħ.  L-Imħabba biss tista’ tirbaħ il-ħażen – dan hu li jgħid u jxandar il-Kristjaneżmu.  Meta l-Isis qaabdu dawk l-għoxrin Nisrani fil-Libja u ġagħluhom jinżlu għarkopptejhom biex jaqtgħulhom rashom, ma stajtx ma nhewdinx li din hi l-vera rebħa fuq il-ħażen: li wieħed jinżel bħal ħaruf quddiem il-bojja.  Għalija dak il-video għamel ħsara li dawn in-nies ħżiena ħafna iktar mill-bombi li l-Amerikani qegħdin iwaddbulhom mill-għajru.  Għax il-vjolenza tnissel vjolenza u l-mibegħda tnissel mibegħda, imma Kristu (u bħalu n-Nisrani!) ġie fid-dinja biex jilqa’ l-vjolenza fuqu u ma jroddhiex lura biex hekk jinkiser iċ-ċirku vizzjuż ta’ inġustizzja – tpattija – vjoloenza – tpattija...  Il-qattiela għad jiddispjaċihom tal-wirja li għamlu b’dawk l-għoxrin ħaruf nisrani fuq il-bajja fil-Libja.

 

Għaliex qed ngħid dan kollu.  Għax dan hu li jħabbar l-Għid: ir-rebħa tal-Ħaruf fuq il-bhima tal-ħażen; mhux ta’ setgħa akbar fuq setgħa inqas.  Le.  Imma r-rebħa tad-dgħajjef fuq dak b’saħħtu għax id-dgħufija ta’ Alla hi aqwa mill-ikbar setgħa li hawn fid-dinja.  Dan huwa l-Għid li jħabbar li l-Ħaruf manswet u umli huwa r-risposta għal dak kollu li joqtol lilek u lili.  Imma jrid ikollok il-Fidi biex temmen li bniedem maqtul u mitluq f’ħoġor Ommu huwa l-Uniku li rebaħ id-dinja!  Irid ikollok il-Fidi biex temmen li s-Salib biss jgħeleb il-vjolenza u l-ħażen għax hu jilqa’ fuqu l-ħażen tal-umanità u ma jroddhiex lura bi tpattija imma jixrobha fih u jagħti lura l-Imħabba għall-għadu.  Għalhekk San Pawl jgħid: “Il-predikazzjoni tas-Salbib hija bluha għal dawk li jintilfu, imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla... Għax il-Lhud jitolbu l-mirakli, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.”  (1 Kor. 1, 18w).

 

L-Ewwel Qari

 

It-Tradizzjoni tal-Knisja dejjem kienet tgħid li Alla wettaq erba’ Għidijiet kbar mal-bniedem fl-Istorja tas-Salvazzjoni.  Mhux wieħed, imma erba’.  Għax l-Għid huwa dak il-mument epokali, jiġifieri ta’ mportanza enormi, meta Alla jgħaddi lill-bniedem mid-dlam għad-dawl, mill-baħħ u l-vojt għas-sbuħija u s-sens tal-ħajja, mill-jasar għall-ħelsien, mill-mewt għall-ħajja.  Għalhekk l-ewwel Għid huwa meta Jahweh ħalaq id-dawl... l-ewwel ħaġa li ħalaq.  Silet id-dawl mid-dlam.  Hu biss kapaċi jagħmlu dan.  Din Kelma kbira għalina.  Alla, bi Kristu, kapaċi joħroġna mid-dlam tad-dwejjaq, tas-sens ta’ ħtija, tar-rabja għal ħaddieħor u jdaħħaln fid-dawl tal-Imħabba, tal-ferħ li jinsabu biss għandu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  1, 1-2, 2.

 

L-art kienet imħarbta u battala, u kien hemm id-dlam fuq il-baħar, u l-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq wiċċ l-ilma.  Alla qal: “Ikun hemm id-dawl”.  U d-dawl sar.  U d-dawl Alla rah sabiħ u għażlu mid-dlam.  U Alla d-dawl semmieh jum u d-dlam semmieħ lejl.  U dalam u sebaħ, l-ewwel jum.

 

Imbagħad Alla qal:  “Nagħmlu l-bniedem skont ix-xbieha tagħna, bħalna, biex jaħkem fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar, fuq l-annimali selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru mal-art.”  U Alla ħalaq il-bniedem skont ix-xbieha tiegħu, iva skont ix-xbieha ta’ Alla ħalaqhom, u għamilhom raġel u  mara.  U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u tkattru u mlew l-art, u aħkmu fuqha, u saltnu fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr tal-ajru, u fuq il-ħlejjaq kollha li jitkaxkru mal-art.”

 

It-Tieni Qari

 

It-tieni Għid huwa meta Alla ħalaq il-Fidi fuq din l-art.  Ħadd ma kien jaf min hu Alla.  Dan hu dlam.  Alla jagħżel bniedem normali, Abraham, u fih, bil-mod il-mod, inissel il-Fidi, jgħarraf lilu nnifsu lil dan ir-raġel permezz tal-ġrajjiet ta’ ħajtu.  Abraham, li qabel kien jadura l-idoli ta’ niesu, jikber u jikber fil-Fidi sakemm jasal għal dak li se nsibu fir-rakkont tal-lum.  Fuq il-muntanja fejn Alla bagħtu joqtol b’sagrifiċċju lil ibnu stess, Abraħam jilħaq il-quċċata tal-Fidi li bniedem jista’ jilħaq fuq din l-art.  Hu qal, “Alla jipprovdi, Alla jipprovdi, Alla jipprovdi!  Anke jekk noqtol lil ibni hu kapaċi jerġa’ jagħtihuli lura ħaj!” 

 

Anke aħna nagħtu qima lill-idoli ta’ madwarna.  Din hi l-verità, anke jekk hu tqil nammettuh dan.  Hemm ħafna affarijiet li jiġu qabel Alla: ix-xogħol, il-flus, il-familja, is-suċċess, il-fama, id-delizzju, id-divertiment.  Jekk Alla jikklaxxja ma’ xi wieħed minn dawn ma tantx għandu ċans magħna.  Aħna kollha l-istess.  Il-konverżjoni hi li tissasgrifika l-idolu, dak li qalbek hi marbuta miegħu, bħalma qalb Abraham kienet saret marbuta ma’ ibnu iktar milli ma’ Alla.  Tafu għaliex il-bniedem ibigħ ruħu lill-allat foloz?  Għax ikun għadu ma skopriex is-sbuħija, il-ferħ, il-għana u l-ġid immens li hemm merfugħin għalih fi Kristu, jekk jiskoprih u jgħarfu.  Din hi l-problema tagħna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  22, 1-18.

 

F’dak iż-żmien: Alla ried iġarrab lil Abraham, u qallu: “Abraham!”  Wieġbu: “Hawn jien”.  U qallu Alla:  “Aqbad ’l ibnek il-waħdieni li tħobb, lil Iżakk, u erħilha lejn l-art ta’ Morija, u offrih hemm sagrifiċċju fuq waħda mill-muntanji li nurik”.

 

U waslu fil-post li qallu Alla; u hemm Abraham bena altar u qiegħed il-ħatab fuqu.  Rabat lil Iżakk, ibnu, u qiegħdu fuq l-altar, fuq il-ħatab.  U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.  Iżda għajjatlu l-anġlu tal-Mulej mis-sema u qallu:  “Abraham, Abraham!”  Wieġeb: “Hawn jien.  U qallu l-anġlu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ, u ara li ma tagħmillu xejn għax jien rajt li għandek il-biża’ ta’ Alla u ma ċħadtlix lil ibnek, il-waħdieni tiegħek.”

 

U Abraħam refa’ għajnejh iħares, u ra muntun warajh, maqbud minn qrunu fil-friegħi.  U mar Abraham u qabad il-muntun, u offireh sagrifiċċju flok ibnu.

 

It-Tielet Qari

 

It-Tielet Qari jurina t-Tielet Għid, it-tielet mogħdija, passaġġ qawwi ta’ Alla fl-Istorja.  Min jista’ jeħles bniedem ilsir, marbut sewwa u mgħasses minn wieħed qawwi?  Min jista’ jeħles poplu sħiħ li nqatgħetlu li jaħdem minn dlam sa dlam fl-industrija tal-kostruzzjoni tal-bini bla ħlas, bla jeddijiet, bi tbatija kbira, bi mwiet kuljum... għal erba’ mitt sena sħaħa?  Min jista’ jeħles lil dan il-poplu minn taħt idejn l-akbar potenza ta’ dak iż-żmien: l-Eġittu ta’ żmien il-Fargħun, ta’ żmien il-bini tal-piramidi u bini ieħor tal-għaġeb?

 

Imma l-Kelma tistaqsi: Min jista’ jeħles lili u lilek minn taħt il-jasar tal-Fargħun tagħna li huwa satana, il-prinċep tal-ħażen?  Min jista’ jwettaq dan il-Għid magħna li joħroġna minn art il-ħġażen tal-ġibda għad-dnub, fejn aħna kostretti nagħtu qima lill-“Jien” tagħna, dejjem niġbdu lejna, dejjem ngħixu għalina nfusna biss, dejjem infittxu l-Imħabba u l-milja tal-ħajja, dejjem taħt il-biża’ mit-tbatija?  Min jista’ jagħtina l-ħelsien? 

 

Il-Missier bagħat lil Ibnu Ġesù Kristu biex ikun il-veru Mosè tagħna.  L-għadu tagħna jfaqqa’ l-frosta u jwerwirna bil-mewt. Ilkoll nibżgħu mill-mewt, jiġifieri mit-tbatija li toqtolna u tisirqilna l-ferħ.  Imma Kristu qatel il-mewt li hi l-arma tax-xitan.  Hu qam rebbieħ, u dawk li jemmnu dan huma ċerti li l-mewt m’għandhiex setgħa toqtol iktar lil min jemmen tassew.  Ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-qabar hija t-triq fil-baħar għalina.  Fi Kristu u bi Kristu aħna nistgħu ngħaddu minn bejn iż-żewġ ħitan tal-inkwiet u t-tbatija bla ma dawn jgħerrquna iktar.  Neħilsu aħna u jmut l-għadu tagħna. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Ezodu.  14, 15 - 15, 1.

 

F’dak iż-żmien: il-Mulej qal lil Mosè: “Għaliex tgħajjat lili?  Għid lil ulied Israel jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu.  U int għolli l-ħatar tiegħek u midd idek fuq il-baħar u oforqu.  Ulied Israel, imbagħad, jaqsmu fl-inxief f’nofs il-baħar.  U ara, jiena nwebbes il-qalb tal-Eġizzjani biex igħaddu warajkom, u nuri s-sebħ tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.”

 

Imbagħad Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu.  Imbagħad ulied Israel daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug.  L-Eġizzjani marru warajhom u daħlu f’nofs il-baħar biż-żwiemel kollha tal-Fargħun u l-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.

 

Il-Mulej qal lil Mosè:  “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom.”  U Mosè medd idu fuq il-baħar.  U ma’ sbiħ il-jum il-baħar reġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani huma u jaħarbu sabu ruħhom fih.  Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma.  L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u rikkieba tal-eżerċti kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar: anqas wieħed ma baqa’ minnhom.  U wlied Israel għaddew fl-inxief f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan fuq il-lemin u fiq ix-xellug tagħhom.

 

Dak in-nhar il-Mulej salva lil Israel minn id l-Eġizzjani, u Israel ra ’l Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar.  Ra Israel kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani b’idu l-qawwija.  U beża’ l-poplu mill-Mulej u emmen fil-Mulej u f’Mosè l-qaddej tiegħu.

 

Ir-Raba Qari

 

Ftit qabel ma bata l-Passjoni u l-Mewt tiegħu, l-Mulej Ġesù meta kien qed iħares lejn il-Belt għażiża ta’ Ġerusalemm minn fuq l-għolja ta’ biswit, kollu dieqa kien qal: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera mibgħutin lilek, kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!”  (Mt. 23, 37).  Dan il-Kliem juri mħabba kbira li Alla dejjem kellu lejn il-poplu tiegħu u partikularment lejn il-belt ta’ Ġerusalemm.  Fil-qari li ġej mill-Profeta Isaija, ikompli jiġi kkonfermat dan.  Jahweh huwa l-Għarus tal-poplu tiegħu li hi l-għarusa.  Tagħmel x’tagħmel l-għarusa, l-Għarus ma jitlaqha qatt.  “Jista’ wieħed jitlaq il-mara ta’ żgħożitu?” igħid il-Mulej.  Il-Mulej hu marbut ma’ għarustu b’Imħabba li swietlu ħafna għax hi ma kinitx fidila lejH.  Fettxet imħabbiet oħra imma kull darba l-Għarus imur ifittixha għax kien jaf tajjeb li kienet qed tfittex l-Imħabba li hu biss seta’ jagħtiha.  Kull darba kien isibha mitluqa u mdejqa f’qalbha għax fettxet l-Imħabba, il-milja tal-ferħ fejn la kien hemm Imħabba u lanqas ferħ.

 

Mhux l-Istorja tagħna hija din?  Kemm ġrejna u għadna niġru wara l-friefet.  Id-dnub hu kalamita; hu bħal velenu ħelu mmens li joqtol.  Iżda Dak li lilu nitradixxu dejjem, kliem ħelu, kliem ta’ namur għandu għalina: “Ja msejkna, imħabbta mir-rwiefen, bla faraġ ta’ xejn” jgħidilna.  Kull darba jerġa jiġbidna lejH u jorbotna miegħu b’rabtiet ta’ Mħabba.  Anzi, fi Kristu, Alla daq Hu l-morr tal-mewt li hi l-konsegwenza tad-dnub tiegħi u tiegħek biex lilna jibnina sbieħ bħal belt mibnija b’ħaġar prezzjuż u fuq pedamenti taż-żaffiri, bit-turretti tar-rubini u bwieb tal-iżmerald.  Dan kollu hu kliem poetiku li bih il-Profeta jrid jgħid li ħwejjeġ enormi li l-bniedem ma jistax jimmaġinahom jew joħlomhom hemm lesti għal dawk li jintelqu f’idejn l-Għarus li hu Kristu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  54, 5-14.

 

Dan igħid il-Mulej:  Il-Għarus tiegħek, il-Ħallieq tiegħek, il-Mulej tal-eżerċti jismu; il-Feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Israel, ‘Alla tal-art kollha’ jissejjaħ.  Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha sejjaħlek il-Mulej.  “Jista’ wieħed jitlaq il-mara ta’ żgħożitu?” igħid il-Mulej Alla tiegħek.  Għal ftit jien tlaqtek; imma b’imħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.  Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi minnek.  B’imħabba ta’ dejjem ħennejt għalik, igħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.

 

Dan għalija bħal fi żmien Noè, meta ħlift li l-ilma ma jerġax igħarraq l-art.  Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik u anqas ma nċanfrek.  Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx: il-kelma tal-Mulej li jħenn għalik.

 

Ja msejkna, imħabbta mir-rwiefen, bla faraġ ta’ xejn, ara, se nibnilek il-ġebel fuq il-ħaġar prezzjuż, fuq pedamenti taż-żaffiri; it-turretti tiegħek nagħmilhom tar-rubini, il-bwieb tiegħek tal-iżmerald, u d-dawra tas-swar tiegħek tal-ħaġar prezzjuż.

                                           

Uliedek kollha jkunu dixxipli tal-Mulej, u s-sliem tagħhom ikun bla qjies.  Fuq il-ġustizzja għad tkun mibnija.  Warrab ‘il bogħod minnek id-dwejjaq għax ma jkollokx mniex tibża’, u t-twerwir għax ma jersaqx lejk.

 

Il-Ħames Qari

 

Din li ġejja hi silta mill-isbaħ li nsibu fit-Testment il-Qadim, qari li jitkellem waħdu fuq l-għożża, t-tenerezza, l-Imħabba li l-Mulej għandu għalina.  Importanti li nikkonċentraw fuq il-fatt li l-Kelma hi dejjem għalina personali.  Din hi Kelma għalija.  Hi Kelma għalik.  Alla qed jitkellem miegħi u qed jitkellem miegħek waqt li tkun imxandra l-Kelma.  In-Nisrani huwa l-bniedem li fih għandu tensjoni ġejja mill-għatx li jisma’ l-Kelma ta’ Dak li ħalqu u li għandu f’idejH il-vera Ħajja.  B’dan il-mod hemm bżonn urġenti li jkollna widnejn miftuħa biex il-Kelma tidħol fil-profond tal-qalb fejn hemm bżonn isir il-miraklu tal-fejqan. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  55, 1-11.

 

Dan igħid il-Mulej: Intom li għandkom il-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li ma għandkomx flus, ejjew ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas.  Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhux ħobż u ġidkom f’dak li ma jxebbax?  Isimgħu minni u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

 

Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.  Nagħmel patt magħkom għal dejjem, skont il-wegħdi li mħabbti għamlet lil David.  Ara, jien qegħidtek xhud fost il-ġnus, prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.  Int ġens li ma tafx għad isejjaħ, ġnus li ma jafukx għad jiġu għandek minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek, u l-Qaddis ta’ Israel, għax lilek hu żejjen bil-ġieh.

 

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm hu qrib!  Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu; ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.  “Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom” – din hi kelma tal-Mulej – “ għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.  Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.

 

Is-Sitt Qari

 

F’dan il-qari li ġej San Pawl se jkellimna fuq il-Magħmudija tagħna.  Il-Magħmudija fiha tifsir kbir li joħroġ ferm u ferm iktar meta r-rit isir bl-immersjoni, kif jitlob il-Konċilju Vatikan II.  Bl-immersjoni jfisser li t-tarbija jew l-adult li junu qed jitgħamdu titniżżel jew jinżel kollu kemm hu taħt l-ilma biex juri dak li fil-att Alla jkun qed jagħmel miegħu: ikun qed jegħreq, imut, jinqered il-bniedejm il-qadim tad-dnub u li hu mmarkat dejjem mill-mewt, u joħroġ mill-ilma bniedem ġdid, bniedem imqajjem.  Mewt u qawmien hija l-iktar diskrizzjoni faċli tal-Għid li qed niċċelebraw u wkoll tal-Magħmudija.  Hemm rabta intima bejn il-Magħmudija u l-Għid.  Anzi nistgħu ngħidu li l-Magħmudija hija l-Għid tagħna personali.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  6, 3-11.

 

Ħuti: Ma tafux intom li aħna, li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?  Aħna ndfinna miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, biex kif Kristu qam mill-imwiet bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja ġdida.

 

Għax jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ukoll insiru fil-qawmien għall-ħajja.  Aħna nafu dan: li l-bniedem il-qadim tagħna kien imsallab miegħu biex jinqered il-ġisem midneb u ma nibqgħux iktar ilsiera tad-dnub.  Għax min imut ikun meħlus mid-dnub.

 

Jekk mitna ma’ Kristu, nemmnu li wkoll ngħixu miegħu.  Aħna nafu li Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar: il-mewt ma ssaltanx iktar fuqu.  Hu miet, miet għal darba għad-dnub; imma issa qiegħed igħix għal Alla.

 

Hekk intom, qisu ruħkom mejta għad-dnub, imma ħajjin għal Alla, marbutin ma’ Kristu Ġesù.

 

L-Evanġelju

 

M’għandniex għalfejn nistagħġbu li Alla jixtieq jiltaqa’ magħna f’xi mument fl-Istorja tagħna.  L-Imħabba li għandu timbotta lil Kristu sabiex jiġi jiltaqa’ magħna u din tkun esperjenża li ma ninsewha qatt.  Ma teżistix Fidi adulta tassew mingħajr laqgħa ħajja ma’ Kristu mqajjem mill-mewt.  Jista’ jkollok ħafna tagħlim u tagħrif dwar Kristu, imma hi laqgħa miegħu permezz tal-Ispirtu s-Santu li jkebbes dan it-tagħlim f’ħuġġieġa ta’ Mħabba li għandha s-setgħa li tibagħtek ixxandar lil Kristu kullimkien, ibda mill-ambjent normali tiegħek. 

 

Dan hu li ġralhom t-tliet nisa li marru jfittxu lil Ġesù mejjet.  Flok mejjet sabuH ħaj u din l-esperjenza regħdithom, bħalma triegħed lilek u lili jekk ngħaddu minn esperjenza fejn ikollna ngħidu: “Mela kollu veru dak li ilna nisimgħu minn tfulitna!  Mela veru li Kristu hu ħaj!  Issa naf li hu veru mhux għax tgħallimt jew smajt, imma għax rajt!”  Dan hu l-Għid: li tiskopri li Alla tassew  jeżisti u li Kristu tassew hu ħaj u qed jaħdem fl-Istorja tiegħek anke jekk ħafna drabi ma narawhx u ma nifhmuhx.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  24, 1-12

 

Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa, marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.  Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.  U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.  In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?  Mhuwiex hawn, imma qam.  Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jinagħta f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”

 

U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.  Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.  Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin u ma emmnuhomx.

 

Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u reġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

 
< Prev   Next >