Saturday, 16 December 2017
           
Home
IT-TIENI HADD TAL-GHID (2016) IS-SLIEM TAGHNA BISS FI KRISTU MQAJJEM MILL-MEWT PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 April 2016

Din hija il- Liturgija  tat-tieni Hadd ta' l-Ghid bi hsibijiet  min Joe Rapa

gesu_ma_l-appostli_wara_li_qam.jpg
 Gesu ma' l-Appostli waqa il-Qawmien
                         mill-mewt

Il-bniedem ifittex is-sliem u s-serħan tal-moħħ f’kull ħaġa li jagħmel.  Sew it-tajjeb li jagħmel u anke l-ħażin, kollox ġej minn din l-enerġija li Alla poġġa fil-bniedem: li jfittex is-sliem, għax Alla ħalaq il-bniedem għas-sliem.  Naturalment, billi l-Mulej ħalliena liberi li nagħżlu li nimxu fi triqatu jew le, sikwit nużaw din l-enerġija, din ix-xewqa kbira għas-sliem biex inwettqu ħwejjeġ li wara jiddispjaċina minnhom.  Eva, u żewġha magħha, ħasbet li jekk tiekol mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, is-siġra tal-għerf, hija ssir bħal Alla u jkollha s-sliem.  Fettxet is-sliem fejn flok sliem kien hemm il-mewt.  Din hi x-xorti ta’ ħafna minna, anżi hi x-xorti tagħna lkoll għax sikwit infittxu l-Ħajja, is-Sliem fejn hemm l-għawġ, l-inkwiet, is-swied il-qalb u l-mewt.  Jiġifieri, fejn hemm id-dnub.

 

L-Iskrittura mimlija ġrajjiet bħal dawn.  Id-dnub ta’ Adam u Eva intiret mil-laħam kollu li tnissel minnhom.  Il-bniedem itawwal idu għas-Sliem u flok Sliem jikseb qerda għax ma jafdax f’Missieru li ħalqu, anzi jissuspetta fih li jrid ixekklu, li jrid jeħodlu l-ħelsien, li ma jridux jgħix kuntent.  Jaħseb li kull ħaġa li f’għajnejh tidher tajba u togħġbu, donnu li hemm liġi jew preċett bejnu u bejnha.  Din hi n-natura mwaqqa’ tagħna, miġbuda lejn id-dnub u t-taħsir, u finalment, lejn il-mewt.

 

 

Hija gidba faħxija li tgħammar fis-subkonxju tal-bniedem li Alla jrid jikkontrollana u jiċħdilna l-għors tal-Ħajja.  Għall-kuntrarju, il-Missier jurina t-triq lejn is-Sliem veru, imma triqatu dejjem jidhru differenti minn tagħna, il-ħsieb tiegħu minn tagħna.  Imma jekk l-Iskrittura turi xi ħaġa fuq Alla, din hi l-Ħniena u l-Mogħdrija li hu għandu lejn il-bniedem iblah li jterraq il-ħin kollu lejn tarf is-sies.  Hu bagħat profeti u nies ġusti fuq l-art biex inibbet is-sewwa f’qalb il-bniedem, l-għerf veru, l-għaqal.  Kollha spiċċaw ħażin.  Fl-aħħar Hu jibgħat lil Ibnu.

 

Bid-dehra ta’ Kristu fid-dinja, tfaqqa’ f’daqqa waħda it-triq lejn is-Sliem.  Jekk il-mewt hija l-ikbar għadu tas-Sliem, Kristu jidħol fiha biex fil-waqt li tidher li għelbitu, Huwa jsir il-velenu li jeqridha.  Il-Missier jagħmel minn Ibnu rebbieħ fuq il-mewt, setgħa, qawwa enormi, splużjoni atomika ta’ enerġija li tidħol fin-nies... u din l-enerġija għandha isem: l-Ispirtu s-Santu.  Dan l-Ispirtu, din il-Qawwa ħierġa minn Kristu li ma jistax imut iktar, tinvadi lil dawk kollha li jikbru fil-Fidi fiH, u tagħtihom ċertezza, garanzija, ‘assurance’ li huma m’huma se jmutu qatt!  Ċertezza li huma saru parti minn Dak li hu aqwa minn kull tip ta’ mewt u nkwiet.  Ma’ Kristu jidher il-veru ferħ fid-dinja.  In-nies li jiġu mibdula mill-qawwa tiegħu, mill-“enerġija” li tissupera l-mewt, jinagħtaw natura ġdida:  mhux iktar in-natura tad-dubju f’Alla li wirtu minn Adam, imma n-natura stess ta’ Kristu.  Din hi l-meravilja tal-Aħbar it-Tajba li jxandar il-Kristjaneżmu.  Jekk tinnotaw: mhux Liġi jxandar il-Kristjaneżmu lill-bniedem, mhux sforzi, mhux “obdi, nkella...”, imma Grazzja, għotja ta’ Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn u din mogħtija b’xejn, ‘gratis’.  Ħafna ma jemmnux li dan hu possibbli u jibqgħu ma jirċievu xejn.  Dawk li jemmnu li fi Kristu Alla kapaċi jissorprendi l-ħolqien kollu, dawn jirċievu, minn issa stess, Ħajja eterna, Ħajja Dejjem, Ħajja li ma tispiċċax mal-mewt fiżika tal-ġisem.  U dan hu s-Sliem.

 

L-Ewwel Qari

 

Matul dan iż-żmien sabiħ tal-Għid se nisimgħu ħafna siltiet mill-Atti tal-Appostli li huwa Ktieb ta ferħ, Ktieb frisk li jirrakkonta l-ewwel esperjenzi tal-Knisja.  Minn kull paġna ta’ dan il-Ktieb tbaqbaq il-ħeġġa tan-nies li kienu l-ewwel li rċivew l-Ispirtu dejjem Ħaj ta’ Kristu.  Huma kienu ċerti minn ħaġa waħda: li fi Kristu huma ħajjin għal dejjem.  Dan għamel li huma li kienu nies sempliċi, imtlew b’kuraġġ ta’ sur għax ħassew li ħadd ma seta’ jagħmlilhom xejn.  Xi ħsara setgħu jagħmlulhom il-bnedmin meta huma kienu qed iġorru fihom teżor enormi: il-Ħajja ta’ Kristu nnifsu li ma setax imut iktar?  Dan il-ħelsien għamel li minnhom joħorġu sinjali li bdew jiġbdu ħafna nies lejn il-Knisja. 

 

Biex temmen fi Kristu, id-dinja għandha bżonn tara sinjali.  Tnejn huma dawn is-sinjali: l-Imħabba u l-Għaqda.  Għal dawn hi għatxana d-dinja llum għax fejn hemm dawn hemm is-Sliem.  Min jista’ jipprovdi Mħabba fil-qies tas-Salib, jiġifieri tkun tħobb tant li tissallab għall-maħbub, u Għaqda bejn nies differenti minn xulxin?  Min?  Min hu edukat?  Min mar l-università?  Min għandu ħafna ittri wara ismu?  L-Imħabba vera u l-Għaqda sinċiera joħorġu biss mingħand dawk li, mhux għall-merti tagħhom, jgħammar Kristu fihom.  Dan jidher fil-qari li ġej.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  5, 12-16

 

Bis-saħħa tal-appostli kienu qegħdin isiru ħafna mirakli u għeġubijiet kbar fost il-poplu.  Kienu jiltaqgħu lkoll flimkien fil-portiku ta’ Salamun.  Ħadd mill-oħrajn ma kien jissogra jissieħeb magħhom, imma kulħadd kien jagħtihom l-ogħla tifħir.

 

Il-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, sew irġiel sew nisa, kien dejjem jizdied u joktor, hekk li kienu wkoll iġorru l-morda tagħhom fi triqat wiesgħa u jqegħduhom fuq sodod u mtieraħ biex, xħin igħaddi Pietru, jaqa’ mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom.

 

In-nies kienu jiġu mill-ibiet ta’ madwar Ġerusalemm, iġorru magħhom lil dawk li kienu morda u li kienu maħkuma mill-ispirti mniġġsa; u lkoll kienu jitfejqu.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 117 ifaħħar lil Alla għat-tjieba tiegħu li dejjem wera ma’ Iżrael.  L-ikbar att ta’ tjieba u Mħabba li l-Missier wera mal-bniedem kien meta bagħat lil Ibnu Ġesù biex jgħix l-Għid, il-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem.  Il-Missier bagħtu biex jiftaħ it-triq, ibaqqan Hu l-ewwel biex aħna nkunu nistgħu ngħaddu warajH b’faċilità.  Tassew li, kif se jgħid u jerġa’ jgħid dan is-Salm, it-tjieba tiegħu hi għal dejjem!

 

Imma, Kristu, fil-ġimgħa li fiha kellu jiġi maqtul, beka fuq il-belt ta’ Ġerusalemm, għax induna li l-għotja tiegħu kollu kemm hu ftit li xejn kellha tħalli ġid għall-belt għażiża li ma emmnitx fiH.  Ġerusalemm kellha tagħżel it-triq ta’ Barabba, it-triq li tgħidlna n-natura mwaqqa’ tagħna, it-triq li tfittex is-Sliem fejn hemm il-mewt, il-vjolenża, it-tbaqbiq, il-mibegħda, it-tpattija, ix-xabla u t-traġedji.  Kristu jibki fuqi u fuqek jekk aħna nibqgħu nimxu ħajjitna kollha fuq ix-xejra ta’ din id-dinja.  In-Nisrani hu differenti!!  Dan hu fundamentali.  Mhux biżżejjed li tkun bil-għaqal, twajjeb, tal-Knisja, ta’ fama tajba, pulit, edukat...  Trid tkun differenti mis-soċjetà materjalistà ta’ madwarna.  Diżgrazzjatament, aħna lkoll niddejqu nkunu differenti.

 

Id-dinja ma tista’ qatt tagħraf lil Kristu bħala s-Sliem tal-bniedem.  Għad-dinja, Kristu huwa l-ġebla li warrbu l-bennejja, għax mhix ġebla tajba f’għajnejhom.  Ġebla mormija għal ħafna, imma hi l-ġebla tax-xewka għal dawk li jinagħtalhom li jemmnu f’Ġesù.  Kollox bi Grazzja.  “Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.” jgħid is-Salm.  Bis-saħħa tal-Mulej, mhux bis-saħħa tagħna,  għalhekk m’għandniex biex niġġudikaw lid-dinja li rmiet lil Kristu.  M’aħna aħjar minn ħadd.  “Il-Mulej hu Alla, Hu jsalvana.”

 

Ritornell:  Faħħru ’l Mulej, għaliex hu tajjeb!

 

Salm 117

 

Ħa jgħid Israel:

It-tjieba tiegħu għal dejjem!

Ħa tgħid id-dar ta’ Aron:

It-tjieba tiegħu għal dejjem!

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

It-tjieba tiegħu għal dejjem!

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

Saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

Ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

Ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitlbuk, Mulej, salvana!

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Inberkukom minn dar il-Mulej.

Il-Mulej hu Alla, hu jsalvana.

 

It-Tieni Qari

 

Dan iż-żmien se jpoġġi quddiemna wkoll il-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann, il-Ktieb li jagħlaq il-Bibbja.  Il-Ktieb jiftaħ billi jgħid li Kristu ġie jiltaqa’ mal-appostlu f’Jum il-Mulej.  Tant kienet kbira l-esperjenza tal-Knisja meta għaddiet mis-sorpriża enormi tal-Qawmien tal-Maħbub tagħha, tant hu kbir il-Għid tal-Mulej għaliha, li hi tgħixu mhux darba fis-sena biss, imma kull ġimgħa, fl-ewwel jum tal-ġimgħa li huwa l-Ħadd.  Huwa f’Jum ir-Rebħa, mhux biss ta’ Kristu imma tal-bnedmin kollha, li l-Mulej Ġesù jiltaqa’ ma’ Ġwanni, priġunier fuq il-gżira ta’ Patmos, liebes l-abjad u b’sidru mħażżem bi ħżiem tad-deheb.

 

L-ilbies abjad twil jirreferi għas-saċerdozju ta’ Kristu.  Kristu huwa s-saċerdot veru li qiegħed fil-lemin tal-Missier fejn qiegħed jidħol għalija, għalik u għad-dinja kollha.  Hu juri l-pjagi tiegħu lill-Missier biex jippreżenta l-merti tal-Passjoni u l-Mewt tiegħu favur kull bniedem, speċjalment favur dawk li huma l-akbar midinbin.  Il-ħżiem tad-deheb ifisser ir-regalità tiegħu, il-fatt li hu is-Sultan per eċċellenza, dak li jsaltan fuq kollox u li huwa Sid l-Istorja.  Xuxtu bajda silġ tindika l-Ħajja għal Dejjem li jipposjedi, l-eternità li rebaħ bħala bniedem. Fuqu l-mewt m’għad baqagħla l-ebda setgħa; huwa Hu l-ewwel bniedem li rebaħ il-mewt u li nkisirlu ċ-ċirku terribbli tal-biża’ tal-mewt.  Għajnejh huma bħal ġmamar tan-nar għax għandu l-għerf divin.  Hu jara ħwejjeġ li ħadd ma jista’ jarahom u jifli l-qalb u l-ħsibijiet ta’ kull bniedem.  Saqajh huma tal-bronż  li jfissru li Hu għandu l-istabilità, li xejn ma jħarrku, li satana m’għandu l-ebda setgħa li jfixklu fil-Pjan glorjuż tiegħu li jsalva d-dinja.

 

Hu jgħaġġel jgħid lill-appostlu maħbub tiegħu biex ma jibżax, għax id-dehra ta’ Kristu bħala Mħallef tkexkex, l-aktar lix-xjaten li jaħkmu lin-nies taħt dittatura kiefra.  “Jien l-Ewwel u l-Aħħar”, jgħid Kristu, “Jien l-Ħaj.”  Huwa hu l-Uniku Ħaj tassew u min irid ikun Ħaj tassew irid jersaq lejH biex jixrob mill-Ispirtu tiegħU.  Għax il-Ħajja vera hi Kristu; għandu biss hemm dak li l-bnedmin kollha jfittxu tul ħajjithom kollha.  Mingħajru aħna neżistu biss u resqin mgħaġġla lejn il-mewt.  Imma biH ngħaddu minn issa stess għal Ħajja oħra ġa minn hawn. 

 

Fuq kollox Kristu jiddikjara li għandu jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Qiegħ l-art.  Jiġifieri Huwa għandu s-setgħa li jsalva l-bniedem mill-mewt u mit-telfien ta’ dejjem.  Ir-rebħa li kiseb ma kisibhiex għaliH biss; il-Ħajja ta’ Dejjem li għandu ma jgħożżhiex u jżommha għaliH biss, imma jxerridha fuq dawk kollha li jemmnu fiH u hekk jisraqhom lill-Mewt u minn post it-telfien.

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  1, 9-11a, 12-13, 17-19

 

Jiena, Ġwanni, li f’Ġesù Kristu jiena ħukom u sieħeb tagħkom fit-taħbit u fis-saltna u fis-sabar.  Minħabba fil-kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù, sibt ruħi fil-gżira li jisimha Patmos.

 

Darba, f’Jum il-Mulej, ħasssejtni merfugħ fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta’ tromba, igħidli: “Kull ma tara, niżżlu fi ktieb u ibagħtu lis-seba’ Knejjes.”

 

U jiena dort biex nara min kien qiegħed ikellimni; u, kif dort, rajt seba kandelabri tad-deheb, u f’nofs il-kandelabri, kien hemm wieħed qisu Iben ta’ bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh, b’sidru mħażżem bi ħżiem tad-deheb.

 

Jien, kif rajtu, waqajt f’riġlejh qisni mejjet.  Iżda hu medd idu fuqi u qalli: “Tibżax: jiena hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Qiegħ l-art.  Ikteb kull ma tara, kemm il-ħwejjeġ li hawn issa u kemm dawk li se jiġru ’l quddiem.”

 

Evanġelju

 

Żmien il-Għid nistgħu insejħulu wkoll Żmien il-Pentekostè għax dan huwa ż-żmien li jwassalna għat-tielet festa kbira tal-Knisja, ħamsin jum fuq l-Għid.  Mingħajr il-Pentekostè ma kinitx titwieled il-Knisja, u l-Għid ta’ Kristu kien jibqa’ mkebbeb fid-dlam bla għarfien mill-bniedem.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-Ħajja lill-Kelma li nisimgħu, u l-Kelma hi Kristu.  Mingħajr il-Qawwa li toħroġ mill-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt u tinvadi l-bniedem, m’hemmx evanġelizzazzjoni, m’hemmx tħabbir tal-Bxara t-Tajba.  Il-Knisja xterdet mal-erbat irjieħ tad-dinja propju għax irċeviet fiha nnifisha il-Qawwa rebbieħa fuq il-mewt li għandu Ġesù.  Dan l-Ispirtu Ġesù sawbu fuq il-Knisja f’Għid il-Ħamsin, jew il-Pentekostè bil-Grieg.

 

Ġesù kien jaf li d-dehra tiegħu mqajjem mill-mewt fost l-appostli ma kinitx biżżejjed biex tibdilhom.  Huma ferħu tassew.  Huma stagħġbu bil-kbir x’ħin lil Ġesù rawh jiekol magħhom.  Huma tbellħu meta, lil dak li kienu difnuh, huma setgħu issa jmissuh.  Dawn kollha huma ħwejjeġ tal-għaġeb.  Imma m’humiex biżżejjed biex tinbidel in-natura tal-bniedem imdawra bil-biża’ tal-mewt.  Ġesù jidhrilhom, imma huma xorta jibqgħu bil-bibien imsakkra tajjeb bl-istaneg għax ħassewhom mhedda.  Ma kellhom l-ebda qawwa li joħorġu barra fl-appert, fil-pjazez ta’ Ġerusalemm biex hemm ixandru li huma kienu raw u messew lil Ġesù mqajjem.  Ma kellhomx l-almu joħorġu minnhom infushom.  Kull wieħed kien u baqa’ magħluq fih innifsu.  Mhux tort tagħhom.

 

Daqskemm ma kienx tort ta’ Tumas li sabha tant bi tqila li jemmen li Kristu kien qam mill-mewt.  Wara kollox anke l-oħrajn emmnu x’ħin raw.  U anke aħna, jekk nemmnu, nemmnu bi Grazzja.  Ġesù jibda jagħtihom dak li huma tassew kellhom bżonn: il-Qawwa, l-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu s-Santu.  Hu jonfoħ fuqhom, imma huma kellhom jirċevuh fil-milja tiegħu nhar il-Pentekostè.  Ġesù jonfoħ fuqhom bħalma Alla nefaħ in-nifs tal-Ħajja tiegħu stess fi mnifsejn Adam.  Adam tilef din il-Ħajja minħabba d-dubju f’Alla u minħabba d-dnub.  Dan il-Vanġelu, u speċjalment il-Pentekostè juruna ħolqien ġdid.  Minn Adam sa Kristu, il-bniedem kien biss jeżisti.  Imma issa Kristu jonfoħ mill-ġdid il-Ħajja fuq il-bnedmin u jagħmilhom ġodda, ritorn lura lejn il-Ħajja ta’ Dejjem tal-Ġnien tal-Għeden.

 

Versett:  Hallelujah. Hallelujah.  Tumas, emmint għax rajtni, igħid il-Mulej; henjin dawk li ma rawx u emmnu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  20, 19-31

 

Dak il-Ħadd filgħaxija, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżża’ mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paċi magħkom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu.  Id-dixxipli ferħu meta raw ’il-Mulej.

 

Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Il-paċi magħkom! Kif Missieri bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.”

 

Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmim ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.  Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.”  Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer, jekk ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx.”

 

Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa u Tumas kien magħhom.  Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi magħkom!”  Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’il hawn u ara idejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma tonqosx fik il-fidi iżda emmen.”  Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”  Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni!  Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

 

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’Ismu.

 

 
< Prev   Next >