Monday, 26 June 2017
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-GHID (2016) KRISTU GESÙ HU AHBAR TAJBA GHALIK PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 08 April 2016

Din hija il- Liturgija  tat-tielet Hadd ta' l-Ghid bi hsibijiet  min Joe Rapa

 christ-appears-on-the-shore-of-lake-tiberias-741x484.jpg
 Gesu jidher lil Appostli fuq ix-xatt
tal-Galilija

                         

Li kieku nsiru nafu min hu Ġesù Kristu, kieku ħajjitna tisplodi bil-ferħ.  Kieku nsiru nafu min hu Ġesù Kristu, kieku qalbna tħossha għall-ewwel darba maħbuba tassew, hekk kif inhi, maħbuba minn Alla li ħalaqha, u din l-Imħabba tnixxef il-ġrieħi kollha tagħha u int issir ħolqien ġdid u tinsa l-affarijiet tiegħek, l-egoiżmi tiegħek, u l-ferħ tiegħek ikun li tgħin lill-ieħor, għax issa anke int tħobb bħalma int maħbub.  Dan hu tal-għaġeb.  Dan hu l-Kristjaneżmu.

 

Għall-kuntrarju, ħafna qed jgħixu ereżija għax irreduċew l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej għażiż Ġesù f’lista ta’ dmirijiet li ma jħossuhomx sewwa jekk ma jobdux.  Flok namur qed jgħixu obligu.  Flok ma rċivew xi ħaġa kbira, enormi, iħossu li għandhom jagħtu.  Dan il-ħsieb imħawwel fis-subkonxju tagħna li għandna nagħtu xi ħaġa lil Alla, hu tassew ikrah.  U billi aħna dgħajfa u għażżenin, nirreduċu “it-taxxa” tagħna lil Alla fil-quddiesa solitarja tal-Ħadd.  Il-quddiesa, l-Ewkaristija, għandha tkun splużjoni ta’ ferħ, imma għal tant nies ta’ Fidi ċkejkna hija konċessjoni lil Alla, tliet kwarti li wieħed irid jissaportihom, xi trid tagħmel, biex inżommu lil Alla kuntent.  X’viżjoni kattiva tal-Mulej li hu Mħabba!!

 

 

Hawn qed nitkellmu fuq dawk li almenu għadhom imorru l-Knisja nhar ta’ Ħadd.  Xi ngħidu fuq il-maġġoranza tal-poplu Malti li m’għadhomx jersqu lejn il-Knisja ħlief għal xi teatrin ta’ Magħmudija, Żwieġ jew Funeral?  Xi ngħidu għal dawk li l-Kristjaneżmu huwa l-“ispettaklu” tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, jew il-bum bum u z-zinn zinn tal-festa tar-raħal?  Imma min jiena biex niġġudika?  Għaliex hawn min messitu l-Grazzja, infetħulu għajnejh u “ra” li hu maħbub minn Alla... jew almenu induna li fi Kristu hemm teżor moħbi lest għalih u Alla m’għandu bżonn xejn minn tiegħu imma lest li jagħtih, jagħtih, jagħtih?  M’hawnx nies aħjar minn oħrajn.  Hawn min infetħulu għajnejh u “ra”, u hawn min għadu mdallam, għami.

 

Huwa dwar dawn li l-Papa jitkellem ħafna.  Kristu qam mill-mewt b’risq tiegħi.  Għandi bżonn niskopri x’inhu dan ir-risq.  Fejn nidħol jien fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu?  Hemm bżonn li nirribella kontra r-reliġjon bħala dmir u niskopri relazzjoni oħra ma’ Kristu... relazzjoni ta’ mħabba... relazzjoni ta’ bin Alla u mhux lsir... relazzjoni ta’ gratitudni u mhux ta’ obligu.  Kristu huwa mriegħex minn dawk li jkaxkru saqajhom lejn il-quddiesa tal-Ħadd, għax hekk imdorrijin.  Hemm misteru ta’ salvazzjoni u ftit huma dawk li huma f’tensjoni biex jiskopruh.  Ninsabu fi kriżi epokali.  Il-Fidi Nisranija tinsab f’salib it-toroq.  Ftit huma dawk li qed jindunaw.  Relazzjoni mibnija biss fuq “kif suppost tgħix”, x’suppost tagħmel, x’suppost tobdi... relazzjoni bħal din hija destinata biex iċċedi quddiem il-materjaliżmu u s-sekularizzazzjoni tal-lum.  Alla qed jibagħtilna s-sinjali taż-żminijiet.  Imma jekk niskopru l-Imħabba li hemm imkebba għalina fl-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu, ħadd ma jista’ għalina.  Kristu rebaħ id-dinja, u Kristu hu l-Imħabba... l-Imħabba, mhux il-Liġi.  L-ewwel l-Imħabba, imbagħad il-morali.  Ħajja morali tajba jgħixha biss, biss min iħobb u mhux min hu lsir.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Appostli ġratilhom waħda tal-għaġeb:  bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu skoprew li l-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu kienu l-Mewt u l-Qawmien tagħhom. Il-Knisja qegħda tgħix iż-żmien ta’ qabel il-Pentekoste, Għid il-Ħamsin sabiex nikkonvinċu ruħna li għandna bżonn ir-riefnu tal-Ispirtu s-Santu, riefnu li jiknes l-għanqbut ta’ moħħna u tal-Knisja tagħna u nsiru “ġodda” fi Knisja “ġdida”.  Qabel ma ġarrhom miegħu l-Ispirtu s-Santu, huma ma nbidlux, lanqas meta ltaqgħu mal-Mulej imqajjem mill-Mewt.  Tbellhu, iva.  Stagħġbu, iva.  Iġġennu, iva.  Inbidlu?  Le!  Baqgħu imdawrin miċ-ċirku tal-mewt li jdur madwarna lkoll... jiġifieri baqgħu fid-dnub.  Kull darba li kien iżurhom Kristu kien isib il-bieb magħluq u msakkar tajjeb bl-istaneg.  Kien meta mlihom bl-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu rebbieħ fuq il-biża’ tal-mewt, li huma bdew “jaraw” kollox ġdid, kollox differenti... saru “ġodda”.  Minn nies materjali, saru nies spiritwali.  Tużżana sajjieda saru ħuġġieġa nar li saħħnet id-dinja!  Min se jżommhom nies bħal dawn? 

 

Dan għax l-akbar qawwa li teżisti, mhux biss fid-dinja imma fl-univers, u lil hemm mill-univers, hija l-Ispirtu s-Santu.  X’ideja miskina għandna tiegħu!!  Hu umli, sensittiv, u qażba mġelġla ma jiksirhiex... “ħamiema” mhux bomba atomika... u għalhekk nitqarrqu.  Huwa hu l-Imħabba u m’hemmx qawwa, setgħa ikbar mill-Imħabba vera.  L-Imħabba tiżboq saħansitra l-mewt.  Imma aħna skandaliżżati... għax nirċevuh dan l-Ispirtu fil-Magħmudija u fil-Griżma tal-Isqof u ma nħossu l-ebda bidla, l-ebda qawwa li tinvadina.  Okkazjonijiet soċjali li jiswewlna xi ftit tal-flus... jgħaddu u kollox jibqa’ kif kien.  Ma nintebħux li ġejna mogħtija biss iż-żerriegħa ta’ din l-akbar potenza li jista’ jimmaġina l-bniedem.  Żerriegħa ċkejkna li trid tiġi kkurata, mħarsa, mkabbra.

 

L-Appostli fehmu l-Aħbar... sa fl-aħħar fehmu dak li aktarx aħna għadna ma fhimniex... fehmu x’għamel Kristu.  Fehmu li minn issa ’l quddiem il-mewt m’għadhiex iktar l-aħħar kelma.  Dan solvielhom il-problemi kollha; ħallhom mill-biża’ kollu.  Ħarġu jxandru lid-dinja s-sejba tagħhom.  Nerġa’ ngħid: min se jżommhom nies bħal dawn?  Min se jżommha Knisja bħal din?

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  5, 27b-32, 40b-41

 

F’dak iż-żmien: Il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sanhedrin.  U l-qassis il-kbir qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux f’dan l-isem, u araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna d-demm ta’ dan il-bniedem!” 

 

Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal: “Jeħtieġ li nobdu aktar ’l Alla milli ’l-bnedmin.  Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda.  Lilu Alla bil-leminija tiegħu għolla, u għamlu Kap u Salvatur, biex jagħti lil Israel l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet.  U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna u l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil dawk li jobduh.”

 

Imbagħad lill-appostli ordnawlhom li ma jitkellmux fl-isem ta’ Ġesù, u telquhom.  Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sanhedrin, ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom ikunu mmaqdra minħabba fl-Isem.

 

Salm Responsorjali

 

L-għedewwa veri tagħna m’humiex bnedmin imma huma x-xjaten, is-setgħat tal-ħażen li jobogħduna, li jaħkmuna, li jnassu għalina biex jarawna meqrudin għal dejjem.  Huma dawn l-għedewwa li huma l-periklu kbir għalina.  Huma jżommuna fil-mewt, jinterpretawlna l-Istorja, jhedduna bl-inkwiet ta’ min jaf x’jista’ jiġri... u fuq kollox iżommuna fil-qabar imdallam tal-bniedem li jiddubita fuq l-imħabba ta’ Alla.  Dawn huma l-għedewwa li jżommuna marbutin fil-bruda, fil-vizzji, fl-idolatrija tal-allat tad-dinja.  Huma l-għedewwa li, meta jasal il-waqt, jitterroriżżawna bil-biża’ tal-mard, tax-xjuħija u tal-mewt.  Dik tkun festa għalihom. 

 

L-għadu tal-għedewwa tagħna, u l-allejat tagħna, id-difensur tagħna huwa Dak li rebaħ il-mewt u ħataf l-armi minn idejn ix-xjaten.  Huwa Hu li jtellalna lil ruħna mill-imwiet u ħelisna minn dawk li jinżlu għal dejjem fil-qabar.  Kristu qiegħed joffrilna Ħajja Ġdida, Ħajja ħielsa mill-biża’ tal-mewt u mill-inkwiet fieragħ.  Jekk inti mdawwar minn xi tip ta’ biża’, kun af li int ilsir, miżmum priġunier tal-qawwiet tad-dlamijiet.  Kristu jrid jagħmel Għid miegħek u jrid jibdel l-għali tiegħek fi żfin, id-dlam tiegħek f’dawl ġdid, il-vistu tiegħek f’għana ta’ radd il-ħajr.

 

Ritornell:  Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah!

 

Salm 29

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

U ma ferraħtx ’l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli ’l ruħi mill-imwiet,

Ħlistni minn dawk li jinżlu fil-ħofra.

 

Għannu lill-Mulej, o ħbieb tiegħu,

U faħħru t-tifkira mqaddsa tiegħu.

Għax is-saħna tiegħu ftit iddum,

Iżda tjubitu għomor sħiħ.

 

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija,

Mulej, kun il-għajnuna tiegħi!

Int bdiltli fi żfin il-għali tiegħi.

Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem.

 

It-Tieni Qari

 

L-Ispirtu s-Santu mhux xi ħaġa “cheap” li tfaqqa’ subgħajk biex jiġi!  It-Testment l-Antik hu mimli b’nies kbar quddiem Alla, nies ġusti u qaddisa, profeti u slaten, nies li wettqu mirakli kbar f’Isem il-Mulej... u ma kinux jafu x’inhu dan l-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt!  U taħseb li jien jew int jistħoqqilna dan l-Ispirtu iktar minn dawk in-nies?  Huma kollha mietu jistennew “Il-Jum” tal-Mulej u Kristu nnifsu jgħidilna: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!”  (Lq. 10, 23-24). 

 

Allura, għaliex mess lilna?  X’aħna aħna, jew x’għamilna aħna li profeti u slaten m’għamlux?  Xejn!  Bi grazzja qegħda tiġi mogħtija lilna l-possibiltà ta’ żogħżija għal dejjem, Ħajja bla tmiem li tibda minn hawn, twelid ġdid.  Min rebħilna dan kollu?  Għaliex issa inftħulna l-bibien tal-Ispirtu s-Santu?  Għaliex issa n-nies jiġu nvaduti mill-Ispirtu tal-Ħajja għal Dejjem, waqt li qabel le?  Għax il-Ħaruf ġie maqtul għalina u l-prezz issa tħallas!  Mhux b’merti tagħna!  Kollox hu Grazzja.  Kristu rebaħ għalina din il-Ħajja ġdida.  Hu jagħtina kollox u minn għandna ma jrid xejn ħlief li nixxennqu għal dak li jrid jagħtina Hu. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  5, 11-14

 

Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġlim li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, igħidu b’leħen qawwi: “Jistħoqqlu l-Ħaruf il-maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u l-ġieh u l-glorja u t-tifħir.”

 

U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom igħidu: “Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf, jingħata t-tifħir u l-ġieh u l-glorja u l-ħakma, għal dejjem ta’ dejjem.”  L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin bdew igħidu, “Ammen!”, waqt li x-Xjuħ xteħtu jagħtu qima.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu jippreżentalna lill-appostli qabel l-esperjenza tremenda tal-Ispirtu s-Santu. Kien għadu riesaq Għid il-Ħamsin.  Bħalma jiġri fil-kampanja tagħna, hekk ukoll f’art Israel, ir-raba’ kien qed jibjad għall-ewwel ħsad u r-riħ tar-Rebbiegħa kien qed jagħmel xogħolu.  L-appostli kienu raw lil-Mulej ħaj.  Dan ferraħhom imma ħawwadhom.  Kienu mifxula.  Pietru qabditu nostalġija għall-ħajja ta’ qabel, il-ħajja li fiha trabba u kiber, il-ħajja meta kollox kien ferm aktar sempliċi u kwiet u l-Imgħallem kien għadu ma daħalx f’ħajjithom u qalibhielhom ta’ taħt fuq.  Reġa’ lura lejn il-Galilija u fettex id-dgħajsa ta’ dari.  Sħabu għamlu bħalu.

 

Pietru kien sieket daż-żmien.  Kien tilef ħafna mill-prużinzjoni tiegħu. Kien jaf hu min hu.  Qabel, le.  Kien ċaħad u ċaħad u ċaħad lill-Imgħallem.  Kien jaf li ma kien jiswa għal xejn.  Kont aħjar qabel, qal f’qalbu.  Imma bil-lejl ma qabdu xejn.  Il-lejl mudlam tal-falliment.  Int tinduna int min int u tagħraf li ma int xejn.  Int midneb, bħali.  Din hi l-unika verità fuqna. Nippruvaw u nistinkaw biex inkunu puliti u ‘tajbin’, imma għalxejn.  “Dak li hu mill-ġisem hu ġisem”.  (Ġw. 3, 6).

 

Imma Hu jiġi hawn fejn huma ħarbu.  Jiġi jfittixhom.  Iħares lejhom mill-bogħod u jitħassarhom jitħabtu għal xejn.  Qalbu tinqasam bl-Imħabba għalihom.  Dak li huma tant jixtiequ, dak li tant jinkeddu għalih, Hu lest jagħtihulhom b’xejn u huma ma jafux.  Jgħidilhom Kelma u jaqbdu ħafna ħut.  Kelma ta’ Kristu!  Wieħed minnhom kien iktar mistiku, iktar spiritwali minnhom ilkoll.  Kien wieħed li jgħarrex.  Kien wieħed li jfittex.  Huwa ċċassa lejn il-bniedem fuq ix-xtajta u qal: “Il-Mulej dan!”  Għarfu!  Pietru nduna u l-bruda taritlu... u għat-tliet ċaħdiet, ipproklama tliet darbiet: “Inħobbok!  Inħobbok! Inħobbok!”  Dan hu li qed jistenna minnek il-Mulej.

 

Versett:  Hallelujah!  Nafu li Kristu qam tassew mill-imwiet.  Int, Sultan rebbieħ, ħenn għalina.  Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  21, 1-19

 

F’dak iż-żmien, Ġesù reġa’ wera ruħu lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija.  Dehrilhom hekk:  Xmun Pietru, Tumas imlaqqam it-Tewmi, Natanael minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnej oħra mid-dixxipli kienu flimkien u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.”  Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.”  Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

 

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma ntebħux li kien Ġesù: Ġesù qalilhom: “Għandkom xi ħuta, uliedi?”  “Le”, weġbuh.  Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.”  Dawk waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux itellgħuha daqskemm qabdu ħut!  Dak id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”  Għalhekk Xmun Pietru, kif sema’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għarwien, u ntefa’ l-baħar.  Id-dixxipli l-oħrajn, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art – xi mitejn driegħ biss – resqu bid-dgħajsa ikaxkru x-xibka bil-ħut warajhom.

 

Kif nislu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u ħobż.  Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.”  Xmun Pietru tela’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma tqattgħetx.  Qalilhom Ġesù, “Ejjew, kulu.”  Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, “Int min int?”, għax intebħu li kien il-Mulej.  Ġesù resaq, u qabad il-ħobż u newwilulhom; hekk ukoll għamel bil-ħut. 

 

Din kienet it-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara li tqajjem mill-imwiet.

 

 

Last Updated ( Friday, 08 April 2016 )
 
< Prev   Next >