Friday, 20 October 2017
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-GHID IR-RAGHAJ IL-KBIR IMEXXINA LEJN IL-HAJJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 15 April 2016

Din hija il- Liturgija  tar-Raba'Hadd ta' l-Ghid bi hsibijiet  min Joe Rapa

jesus-the-good-shepherd.jpg
 '' In-naghag tieghi jisimghu lehni .... ''

 

Dan iż-Żmien tal-Għid li qegħdin ngħixu, mhux xi żmien kwalunkwe għan-Nisrani.  Is-sena kollha hi mimlija kuluri differenti għal min qed jagħmel l-esperjenza ta’ Kristu.  Is-Sena Liturġika tal-Knisja tagħti sens liż-żmien, tagħti direzzjoni.  Għax aħna popli li ninsabu f’Mixja Qaddisa.  Aħna sejrin x’imkien.  Fejn?  Alenija resqin lejn imkien mill-isbaħ; isbaħ minn dak kollu li tista’ toffri d-dinja.  Isbaħ minn dak kollu li jista’ jimmaġina l-moħħ, li tista’ tara l-għajn jew tisma’ l-widna.  Aħna mexjin lejn is-Sema Pajjiżna, lejn il-Ġenna; imma l-fwieħa, d-dawl, il-ferħ ta’ dan il-post ta’ Alla jimla l-Ħajja saħansitra minn hawn.  L-istess l-infern, Alla ħares qatt!  Kemm il-Ġenna u kemm l-Infern jibdew minn hawn.  Il-ferħ tas-salvazzjoni u d-disperazzjoni tat-telfien għal dejjem, jibdew minn hawn; jibdew jinħassu minn hawn.

 

Għalhekk ma jistax ikollok Nisrani bil-gdiedem.  Mamma mia!  Iħarisna l-Mulej milli flok ma nkunu reklam għalih, nimbuttaw nies oħra biex ifittxu l-ferħ fid-dinja, għand x-xjaten u jgħidu: “Mela x’nagħmel ma mmurx ma’ dawk; mela jien miġnun!”  Alla ħares qatt!  Għax tassew li jeżistu dawk li huma hekk imsejħa “Insara” għax huma qrib il-Knisja, li għamlu mill-Kristjaneżmu, mill-Vanġelu, mill-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu... tqanżiħa li timbażwak, monotonija, madmad fuq għonqok, toqol, dieqa... għid li trid.  Għall-kuntrarju, il-Vanġelu ta’ Kristu għandu jġennen liż-żgħażagħ, jiġbidhom bħal kalamita, jagħtihom idejal għall-Ħajja, skop biex jgħixu, blata li magħha jiggranfaw, dawl li jferraħhom.  U mhux liż-żgħażagħ biss. 

 

Kristu huwa r-Ragħaj li jagħti esperjenza ta’ namur, ta’ ntimità, ta’ Mħabba.  Min isibU jkun sab it-Teżor tal-Ħajja, is-sigurtà li n-nagħaġ iħobbu tant, għax jafu li l-ikbar Ragħaj, l-ikbar Mexxej huwa Dak li qed imexxi lilhom. X’ma nifirħux meta nesperjenzjaw, inġarrbu li r-Ragħaj il-Kbir tagħna mhux bħall-idoli tad-dinja li jgħajtu, jitbelhu, jogħxew għax popolari... u mbagħad għandhom riħa ta’ mewt fuqhom taqsmek. Fejn hu Michael Jackson, miskin?  Illum għandna lil dawk ta’ Kardashian.  Imsieken!  Riħa ta’ mewt!  Nies mejta mlibbsa ġisem sabiħ.  Katavri ambulanti, li jimxu, jidħku, jieklu, jorqdu, jistagħnu minn fuq in-nies, jogħxew bil-pjaċiri tad-dinja... u l-ħin kollu qed jixjieħu u jmutu.  F’qalbhom m’hemmx il-ferħ tal-Ġenna li riesqa, il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn, imma l-biża’ tat-tikmix, tax-xjuħija, ta’ ħalq il-mewt li qed jistennihom.

 

Kristu biss għandu l-Kliem tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Hu biss, u ħadd ħliefu, ma ażżarda jitkellem u jwiegħed Ħajja għal Dejjem!  Min jemmen fiH biss jirbaħ il-mewt, minn hawn stess.  Minn hawn stess, inkella x’sinjal se nkunu għad-dinja?  Id-dinja trid tara.  Xebgħet tisma’.  Emmnet wisq fi profeti foloż kemm mill-kamp tal-ekonomija, tad-divertiment, tal-ispettaklu, tal-politika, tax-xjenżi u tal-invenzjonijiet.  Tkellimhiex, lid-dinja, fuq għerf, fuq wegħdi, fuq xinxilli.  Id-dinja trid tara. Trid tara bnedmin li tassew għandhom il-mewt mirbuħa.  Xi jfisser dan fil-fatti, konkretament?  Għax id-dinja qed tirremetti t-teoriji kollha.  Fatti trid tara.  “Int tgħid li rbaħt il-mewt?” tistaqsi lin-Nisrani.  “Int tgħid li Kristu rebaħ il-mewt?  Tajjeb.  Urini fatti!  Kif se turini li l-mewt tista’ tkun mirbuħa?  Xbajt nisma’ u naqra paroli!”

 

Kif se jwieġeb għal dan in-Nisrani?  Din hi l-isfida li għandha l-Knisja.  Hi trid tikkonvinċi lil min hu xettiku, dgħajjef, b’qalbu maqtugħa, imwerwer mill-mard u t-tbatija, skandaliżżat b’ħajja-falliment, li hemm tama, hemm triq li tieħu lejn il-Ħajja vera.  Kif?  Billi tħobb.  Billi tħobb fil-qjies tas-Salib, jiġifieri lill-għadu.  Billi taħfer.  Billi turi għaqda bejn l-aħwa.  Imħabba u Għaqda.  Dawn ma ssibhomx fid-dinja.  Ma tistax issibhom minħabba l-egoiżmu.  Imma l-bniedem meħlus minn Kristu, iva, jurihom, u mhux bi sforż, għax iktar ingerrxu lil dak li jkun.  Jekk jarak tisforza u tbati biex tgħix ta’ Nisrani, hu jgħid f’qalbu: “Jien m’inix bħal dan, u qatt ma nista’ nkun.   Dan qisu ‘superman’, imma jien dgħajjef.  M’hemmx tama għalija!”  Le.  Min jgħix il-Vanġelu tassew, jgħixu għax fih jgħammar l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-mewt.  Kristu biss jista’ jħobb lill-għadu u ħadd iktar.  Kristu biss kapaċi jżomm bnedmin differenti minn xulxin, magħqudin flimkien għal dejjem.  Imma bħalu jagħmel in-Nisrani wkoll, mhux għax kapaċi hu, imma għax irċieva b’xejn, gratis, bi Grazzja, l-Ispirtu tiegħu.  In-Nisrani jrid juri lid-dinja li l-bniedem kapaċi jħobb u jaħfer u jmut għall-ieħor bħal Kristu, minħabba l-Ispirtu li Kristu rebaħ għalih bit-tbatijiet tiegħU. 

 

Kollox minn Kristu.  Kollox bi Kristu.  Kollox għal Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Dan il-ferħ ta’ Kristu, dan il-ħelsien, din il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn, din iċ-ċertezza li int ma tmut qatt u li ħadd ma jista’  għalik... dan l-Ispirtu narawh ibaqbaq f’kull paġna tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, ktieb meraviljuż mimli żelu għall-Evanġelizzazzjoni, mimli ferħ qaddis, mimli għotja għall-ieħor anke meta l-ieħor hu differenti, hu għadu, saħansitra.

 

Pawlu u Barnaba huma żewġ ħuġġiġiet qawwija fil-bidu tal-Istorja tal-Knisja.  Qalbhom kienet ħuġġieġa waħda għax kienet mimlija biż-żelu tal-Ispirtu s-Santu għall-Evanġelizzazzjoni, jiġifieri biex iwasslu l-Aħbar ta’ Kristu kull fejn ir-riħ tal-Ispirtu kien jeħodhom.  Addio kalkoli!  Addio ppjanar u organizzazzjoni!  Dik li kienu qed jgħixu dawn iż-żewġ bnedmin ixxurtjati kienet avventura fil-Mulej. Ħajjithom kienet avventura waħda... dak kollu li żgħażugħ jixxennaq għalih.  Kienu jterrqu minn belt għal belt, ifittxu sinagoga tal-Lhud malli jaslu u jmorru hemm f’Jum is-Sibt biex ixandru ’l Kristu lil-Lhud l-ewwel, billi huma kienu diġa mkissrin fuq il-Patt tal-Mulej mal-poplu. 

 

Iżda ftit kienu l-Lhud li laqgħuhom tajjeb.  Irridu niftakru li Pawlu u Barnaba ma kinux qed jevanġelizzaw fil-Lhudija imma f’artijiet pagani bħas-Sirja, l-Asja Minuri (illum it-Turkija) u l-Greċja.  Imma tista’ tgħid li f’kull belt kien hemm emigranti Lhud għax ħafna Lhud kienu xterrdu ’l hemm u ’l hawn mad-dinja Rumana ta’ dak iż-żmien.  Meta l-Lhud ma kinux jilqgħu il-Kelma, Pawlu u sieħbu kienu jduru fuq il-pagani u jxandruha lilhom, u dawn bdew jilqgħuha ferm iktar.  Hekk huma bdew iwaqqfu komunità f’kull belt li kienu jżuru.  Kienu jgħaddu xi żmien hemm sabiex jgħallmu, iħeġġu u jrawmu l-aħwa fil-Vanġelu ta’ Kristu.  Imbagħad kienu jagħżlu mexxejja minn fosthom u kienu jħalluhom biex imorru bliet oħra, wara li jkunu wissewhom biex ikomplu jiltaqgħu flimkien u jżommu sħiħ fil-Fidi li kienu rċivew.  Hekk it-tnejn ħallew warajhom komunitajiet f’Listra, Efesu, Tessalonika, Antijokja ta’ Pisidja, Perge, Ikonju, eċċ.

 

Imma mhux kollox kien ward u żahar.  Sikwit il-Lhud kien ikollhom certa setgħa fil-bliet Griegi u kienu jxewxu u jqajmu persekuzzjonijiet kontra l-appostli.  Il-Knisja bdiet ħajjitha attakkata u ppersegwitata.  Dan kollu kien ifakkar lil Pawlu li anke hu kien ħa sehem fl-attakki kontra l-Knisja qabel il-konverżjoni meraviljuża tiegħu.  Il-fatt li ħutu l-Lhud bdew isibuha diffiċli li jaċċetaw lil Ġesù bħala l-Messija kien iħawwad lil Pawlu u jnikkitlu qalbu.  Iżda l-faraġ u l-ferħ tal-Ispirtu s-Santu qatt ma telaqhom.  Kristu wiegħed persekuzzjonijiet għal dawk li jaħdmu fl-għalqa tiegħu imma qatt ma ħabbrilhom li kienu se jitilfu l-paċi u l-ferħ li d-dinja ma tafx x’inhuma. Infatti l-qari li se nisimgħu jispiċċa bis-sentenza: “Iżda d-dixxipli kienu mimlijin bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.”

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  13, 14.  43-52

 

F’dak iż-żmien: Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu sejrin u waslu sa Antjokja ta’ Pisidja.  F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda.  U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna nies, kemm mil-Lhud u kemm mill-proseliti, marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, li baqgħu jkellmuhom u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.

 

Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġemgħet biex tisma’ l-kelma ta’ Alla.  Il-Lhud, meta raw il-ġmiegħi, imtlew bil-għira, u bdew jidgħu u jmieru dak li kien igħid Pawlu.  Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien jinħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel; billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru għal fuq il-pagani.  Għax hekk ordnalna l-Mulej, “Jien għamiltek biex tkun dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.’”

 

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jfaħħru l-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżulin għall-ħajja ta’ dejjem emmnu.  Hekk il-kelma tal-Mulej kienet tixtered mal-art kollha.  Imma l-Lhud xewxu lin-nisa twajba u magħrufa, kif ukoll lill-kbarat tal-belt, u keċċewhom ’il barra minn arthom.  U qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba.  Huma farfru għal fuqhom it-trab ta’ riġlejhom u marru Ikonju.  Iżda d-dixxipli kienu mimlijin bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

 

Salm Responsorjali

 

Iżrael minn dejjem qies ruħu bħala l-merħla tal-Mulej.  Iżda mhux Iżrael kollu kien tassew wild Abraham, anke jekk min-nisel tiegħu.  Mill-ġisem kienu mir-razza tiegħu, iżda fl-ispirtu, ħafna minnhom ma kinux uliedu għax meta deher il-Messija ma kellhomx dixxerniment biżżejjed biex jagħrfuh.  Pawlu u Barnaba batew minħabba dan, u magħhom l-appostli l-oħra wkoll u l-Knisja kollha.  Iżda l-iktar li ra mill-poplu tiegħu stess kien Ġesù.  Ftit, il-fdal ta’ Iżrael, inagħtaw għajnejn biex, bħal Pietru, jgħidu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj!”

 

Dan il-fdal kienu l-umli, il-fqar, l-anawim.  Huma l-‘fqar’ tad-dinja li jgħarfu lil Ġesu bħala r-Ragħaj il-Kbir tagħhom.  Dawk li huma ‘għonja’ m’huma lesti jkunu l-merħla ta’ ħadd, anzi li jkunu parti minn merħla hu diżunur għalihom.  Min huma l-‘fqar’ u min huma l-‘għonja’ tad-dinja?  Mhux bil-fors li l-‘fqar’ huma dawk li m’għandhomx flus, jew l-‘għonja’ dawk li huma tat-tajjeb.  Il-‘fqar’ f’għajnejn Alla huma dawk li huma umli, waqt li l-‘għonja’ huma dawk li jagħmlu lilhom infushom ‘alla’ u jippretendu li għandhom il-ħila jmexxi l-Istorja tagħhom.

 

Is-Salm 99 li se nisimgħu, bħas-Salmi kollha, huwa talba tal-fqar.  Huwa espressjoni ta’ ferħ li ċ-ċkejknin biss jiskopru: il-ferħ ta’ dak li jġarrab, jgħix, jesperjenzja, li Alla tassew jeżisti u li hu jdellel l-Istorja tiegħu, hu bħal dell li jħarsu tul ħajtu.  Dan il-bniedem jista’ jfaħħar minn qalbu lil Alla u jistieden lill-oħrajn biex iduqu u jaraw kemm hu tajjeb il-Mulej.  Hu min għandu x’jirrakkonta jista’ jgħid lill-oħrajn: “Għax twajjeb hu l-Mulej, għal dejjem it-tjieba tiegħu, u minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.”

 

Ritornell:  Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Salm 99

 

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

Aqdu lill-Mulej bil-ferħ,

Idħlu quddiemu b’għana ferrieħi.

 

Kunu afu li l-Mulej hu Alla,

Hu ħalaqna u aħna tiegħu,

Aħna l-poplu tiegħu u n-ngħaġ tal-merħla tiegħu.

 

Għax twajjeb il-Mulej,

Għal dejjem it-tjieba tiegħu,

U minn żmien għal żmienb il-fedeltà tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Inkomplu naqraw mill-Ktieb tal-Apokalissi, u f’dan il-Ħadd se niltaqgħu ma’ din is-silta meraviljuża li titkellem fuq il-Ġenna, l-Art Imwegħda li tant hi tal-għaġeb, tant hi prezzjuża, tant hi l-post li hu l-uniku li jista’ jimla qalb il-bniedem, li Kristu ħass li kien vallapena li jidħol għal mewt l-aktar ħarxa biex jakkwistaha għal dawk kollha li jemmnu fiH.  Għax il-Ġenna, bħall-ferħ veru  u s-sliem veru, huma imbarrati għal kull bniedem minħabba d-dnub li writtna minn Adam.  Dan id-dnub li bih nitwieldu u li jikkondizzjonana tant, huwa s-suspett li kellhom l-ewwel ġenituri tagħna: is-suspett fuq l-Imħabba ta’ Alla.  Min għandu dan is-suspett hu mejjet, mhux ħaj.  U huma l-ħajjin biss li jistgħu jidħlu l-Ġenna.

 

Kien għalhekk li Kristu ċċekken, tneżża u intelaq f’idejn l-għedewwa tiegħu, biex isir il-Ħaruf innoċenti li jiġi offrut b’sagrifiċċju ta’ tpattija.  Dawk li jemmnu f’din l-għotja tal-għaġeb ta’ Alla nnifsu, dawk li ma jgiddbux din l-Imħabba ta’ Alla, dawn jinfetħilhom il-bieb tal-post il-qaddis fejn jgħammar Alla u l-qaddisin u dawk  kollha li “ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf”.  Huma ħaslu lbieshom għax qabel kien maħmuġin bid-dnub li wirtu u b’dawk li għamlu huma stess.  Kienu mejta fi dnubiethom imma emmnu fi Kristu, u l-merti tiegħU saru l-merti tagħhom.  Ħwejjiġhom inħasslu fid-demm tal-Ħaruf u billi l-Imħabba ta’ Kristu invadiethom u fejqithom minn ġewwa, huma imtlew bi Mħabba enormi lejH u minn qalbhom, u mhux bi sforz. batew għal Kristu u għaddew minn taħbit kbir.

 

Imma issa qegħdin fil-post tal-Mistrieħ il-Kbir fejn Alla nnifsu jixxutalhom kull demgħa minn għajnejhom u Hu jisqihom l-ilma tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Illum ftit tisma’ min isemmi l-Ġenna.  Għalqulna s-sema.  Is-soċjetà materjalista li qegħdin ngħixu fiha għalqitilna s-sema.  L-għaref veru hu dak li jaf lejn fejn qed iterraq.  L-għorrief tad-dinja, kuntenti bil-lawriji li kisbu, bl-għana li ġemmgħu, bis-setgħa li akkwistaw, ma jafux iwieġbu jekk xi ħadd jistaqshom lejn fejn sejrin.  Qishom boloh u ma jindunawx li jinsabu f’merħla li r-ragħaj tagħha hi l-mewt u li qed issuqhom lejn is-sies u t-telfien ta’ dejjem.

 

Il-Ġenna hi pajjiżna.  Aħna l-pajżana ta’ dan il-post meraviljuż fejn hemm il-Mulej Ġesù flimkien ma’ Marija Ommu u tant ħbieb u qraba tagħna li qed jistennewna fuq ix-xwiek biex noħorġu minn ġo dan il-flixkun li hi din id-dinja u niksbu l-ħelsien veru u għal dejjem.

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  7, 9. 14b-17

 

Jiena, Ġwanni, ħarist, uara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf,m libsin ilbiesi twal bojod, bil-friegħi tal-palm f’idejhom.

 

U wieħed mix-Xjuħ qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf.  Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom igħammru taħt il-kenn tiegħu.

 

Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xems ma taħkimhomxm anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom, u hu jwassalhom ħdejn għejjun ta’ ilmijiet tal-ħajja.  U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.”

 

Evanġelju

 

Is-soċjetà tal-lum ħolqot il-kultura tal-individwaliżmu; kulħadd għal rasu.  Kull bniedem jiddeċiedi hu x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, bla ma jindaħallu ħadd u bla ma jagħti kas tal-esperjenza enormi li missirijietna ġabru matul is-sekli.  Illum il-bniedem hu adult, u hu ħieles daqs qatt ma kien qabel.  Imma xi prezz kellu jħallas għal dan!  Tmermret l-ideja tal-‘grupp’ għax komunikazzjoni mal-oħrajn, relazzjoni mal-oħrajn, ifissru ktajjen.  Għax biex toqgħod fi grupp, f’familja, f’komunità int trid iċċedi xi ftit mill-ħelsien tiegħek għall-ġid komuni tal-grupp, u dan huwa aenatema għall-bniedem tal-lum.  Il-bniedem tal-lum tilef lil Kristu u safa għarwien minn ħafna kapaċitajiet li kellhom in-nies ta’ dari.  Sar bla ħila li jinagħta, u s-soċjeta welldet filosofi atei li ħarġu bi stqarrijiet tal-biża’ li qallbu moħħ il-bniedem.  Bħall-Ġermaniż Nietzchè li qal:  “L-ieħor hu l-infern!”  L-ieħor, jiġifieri l-proxxmu, dak li għandek bżonn tibni relazzjoni miegħu jew magħha. L-ieħor jista’ jkun jgħix miegħek fil-familja, tiltaqa’ miegħu kuljum fuq ix-xogħol, il-club eċċ.  Dawn l-istarrijiet orribbli jkunu kollha mibnija fuq nofs verità, għax hu veru li “l-ieħor” sikwit jitliflek il-paċenzja, jew iqanqal vjolenza, imirik, u saħansitra jasal biex ikun salib.

 

Allura soluzzjoni waħda hemm: itlaq minn dar missierek, aħseb għal rasek u ħallik minn familtek; aqta l-irbit kollu mal-oħrajn biex żgur ma jdejqek ħadd; qaċċat l-għeruq u mur oqgħod fejn ma jafek ħadd.  U hekk tgħix ħieles u tkun indipendenti, tgħidlek il-kultura tal-lum.  Kemm hu tal-qoxra l-għerf tal-bniedem!  Dan kollu ħoloq bniedem solitarju, mifni mis-solitudni.  Dan forsi ftit jiġri hawn, f’ambjent hekk ċkejken, imma l-bliet tal-Ewropa huma mimlijin nies imfarrka, dejjem waħedhom fil-flat tagħhom, u hekk saru tant popolari l-klieb.  Kulħadd jippassiġġa bil-klieb.  Għax kelb ma jmerikx, mhux xewka.  Aħjar kelb milli jkollok familja, jgħidulek, u hekk fil-pajjiżi tat-tramuntana ħadd ma għadu jrid jiżżewweġ. 

 

L-Ewropa hija kontinent ta’ nies li ftit li xejn jonqoshom, u jonqoshom kollox għax hija kontinent ta’ nies imdejqa.  U aħna nippruvaw nikkuppjawha f’kollox bħax-xadini, bħal nies li ma jistgħux jeħilsu mill-mentalità kolonjali li tgħidlek li dawk żgur huma għorrief iktar minna u jafu x’qed jagħmlu iktar minna, għax dawk tal-Ewropa... Ingliżi, Ġermaniżi, Franċiżi...

 

Dan kollu hu frott tat-telfien tal-Kristjaneżmu.  Għax il-Kristjaneżmu joffrilek Knisja fejn int issib sigurtà u widna li tisimgħek u spalla li magħha tistrieħ fl-għejja tal-ħajja.  Il-Vanġelu hu totalment kontra l-individwaliżmu, anzi hu mibni kollu kemm hu fuq l-imħabba ta’ bejn l-aħwa.  Altru milli waħdek, Kristu jridek tkun f’merħla, fi grupp, f’komunità li miexja warajH, Hu li hu r-Ragħaj il-Kbir.  Is-soċjetà tal-punent tgħidlek: “Aqsam waħdek id-deżert tal-Ħajja”, waqt li r-Ragħaj it-Tajjeb jgħidlek: “Waħdek tmut fid-deżert, ibni!”  Mhux diffiċli tinduna min qed jgħid il-verità!

 

Versett:  Hallelujah.  Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb, igħid il-Mulej; jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jgħarfu lili.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  10, 27-30

 

F’dak iż-żmien:  Ġesù qal: “In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.  U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.  Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.  Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.”

 

 
< Prev   Next >