Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IL-HAMES HADD TAL-GHID 2016 GERUSALEMM GDIDA: IL-KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 24 April 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd ta' l-Ghid bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 spub.jpg
San Pawl u Barnaba

 

 

Lill-poplu Lhudi, l-poplu l-magħżul tiegħU, Alla kien ordnalu li t-Tempju waħdieni li fih kellha tgħammar il-Preżenza tiegħu fost il-poplu, kellu jkun f’Ġerusalemm u mkien iżjed.  Fi żmien ta’ taqlib politiku, aktar tard, is-Saltna ta’ Iżrael inqasmet fi tnejn, dik tat-Tramuntana li fiha kienu jgħammru għaxra mit-tribujiet ta’ Iżrael, u li baqgħet tissejjaħ Iżrael, b’Samarija l-belt kapitali, u dik tan-naħa tan-nofsinhar, pajjiż iż-żewġ tribujiet l-oħra, li bdiet tissejjaħ Ġuda, jew Ġudea, b’Ġerusalemm il-belt kapitali tagħha.

                                         

Din il-qasma politika ġabet xiżma anke fil-qima lejn Jaħweh.  Is-slaten ta’ Samarija ma ridux li n-nies tagħhom ikomplu jinżlu Ġerusalemm għall-festi l-kbar u għalhekk bnew tempji oħra bħala alternattiva għal dak ta’ Ġerusalemm u hekk kisru l-kmand tal-Mulej.  Interessanti din li Alla ma riedx ħlief Tempju wieħed fil-pajjiż kollu, sabiex iżomm l-unità u l-għaqda tal-kult.  Wara l-eżilju ta’ Babel, imbagħad, f’kull belt u raħal inbnew dik li bdiet tissejjaħ “Sinagoga” li ma kinitx bħat-Tempju jew Knisja tagħna.  Iktar kient post ta’ tagħlim, għalkemm in-nies tar-raħal jew belt kienu jiltaqgħu hemm biex jitolbu wkoll.  Imma l-liturġija l-kbira tas-sagrifiċċji eċċ. kienet tiġi ċċelebrata biss fit-Tempju ta’ Ġersualemm.

 

Minħabba dan it-Tempju fejn għoġobha tgħammar ix-Xekinah tal-Mulej, il-Preżenza tiegħu, Ġerusalemm kienet “il-Belt il-Qaddisa” f’għajnejn il-Lhud kollha.  Imma, traġikament, hija m’għarfitx il-Messija meta wasal.  Stennietu fuq li stennietu, seklu fuq seklu, imma billi kellha ideja tagħha dwar x’kellu jkun il-Mibgħut tal-Mulej, ma ntebħitx bis-siegħa mbierka tal-miġja tiegħu.  Għalhekk Kristu jitkellem fuq “Ġerusalemm Ġdida” li tagħha Ġerusalemm il-qadima kellha tkun biss xbieha.  Ġerusalemm il-Ġdida kellha tkun il-Knisja, li hi l-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu tassew fi Kristu bħala l-Uniku Iben ta’ Alla.  Din il-Knisja kellu jkollha ġerarkija ta’ tmexxija li taqdiha u żżommha magħquda waqt li tiddefendi t-tagħlim u t-tradizzjoni mgħoddija lilha mill-Appostli.  Kien Kristu li ried din il-ġerarkija għax mid-dixxipli għażel tnax, u minn fost dawn it-tnax sejjaħ tlieta li wieħed minnhom kien Pietru li lilu qal biex isaħħaħ u jqawwi lil sħabu.

 

Lil din il-ġerarkija l-Mulej taha Spirtu li ma tax lill-bqija tal-Knisja. L-Isqfijiet għandhom kariżma ta’ tmexxija li ma tinagħtax lill-qassisin normali u lanqas lill-bqija tal-Insara.  Lill-Insara kollha Alla jagħtihom diversi kariżmu li huma biżżejjed għax-xogħol tat-tkattir tal-Knisja, imma lill-Papa, suċċessur ta’ Pietru, u lill-Isqfijiet, suċċessuri tal-Appostli, Alla jgħaddilhom l-Ispirtu speċjali permezz tat-tqegħid tal-idejn.

 

Imma lanqas ma hi din il-ġerarkija l-aktar importanti fil-Knisja.  Il-Knisja hi poplu li fih kulħadd hu ugwali, l-istess.  Il-ġerarkija u l-kariżmi l-oħra qegħdin hemm biex b’umiltà ġejja mill-Ispirtu li rċivew, jaqdu l-poplu ta’ Alla. Fuq dan, jitkellem b’mod meraviljuż il-Konċilju Vatikan II fid-dokument tiegħu: “Lumen Ġentium”.  Il-Knisja hija mpoġġija fid-dinja mhux biex isalvaw biss dawk li jidħlu membri tagħha.  X’inhi l-missjoni tal-Knisja, Ġerusalemm il-Ġdida, jgħidilna Kristu nnifsu.  “Intom il-melħ tal-art, intom id-dawl tad-dinja, intom il-ħmira.”  (ara Mt. 5, 13par.).  Il-borma, bl-ikel qed isir fiha, hija d-dinja.  Il-melħ hu ftit, imma għandu setgħa li jagħtiha togħma.  Hekk il-Knisja għandha l-Ispirtu tal-Qdusija fiha li tqaddes dinja li tilfet it-togħma minħabba d-dnub u l-egoiżmi. Id-dnub agħma u dallam id-dinja, imma l-Knisja għandha missjoni li ddawwal għax fiha jgħammar Kristu, il-Waħdieni li rebaħ il-mewt.  U bħalma l-bożża jew il-ftila fil-musbieħ huma ċkejkna u jieħdu spazju minimu mill-kamra, hekk ukoll il-Knisja.  Mhux importanti li tkun kbira fin-numru, imma hu mportanti li minnha joħroġ dawl qawwi, sinjali li meta jarawhom in-nies, jemmnu li Alla jeżisti, u għandu mnejn li bniedem fil-punt tal-mewt idur lejn Alla u jsejjaħ l-Isem ta’ Ġesu u hekk isalva.  Hu b’dan il-mod li l-Knisja ssalva, tmellah u ddawwal id-dinja.  U s-sinjali li jimpressjonaw lid-dinja tant huma żewġ ħwejjeġ li hi m’għandhiex: l-Imħabba saħansitra lejn min hu differenti minnek, u l-Għaqda bejn l-aħwa.

 

Li tipproduċi dawn is-sinjali, dan u dan biss, huwa l-Missjoni tal-Knisja.

 

L-Ewwel Qari

 

Kif għidna l-aħħar darba, il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli għandu xeħta jentużjażmak għax hu mburġat b’atti tal-Ispirtu s-Santu.  L-Ispirtu hu dejjem frisk u l-Ktieb tal-Atti hu wkoll dejjem frisk u attrajenti.  Pawlu u Barnaba kienu żewġ bnedmin mixgħula bil-ħeġġa tal-Ispirtu s-Santu.  Kienu bħar-riħ, jiġru ’l hawn u ’l hinn skont fejn kienu jħossu lill-Ispirtu jimbuttahom.  Fejn ma kinux jiġu milqugħa kien jfarfru saħansitra t-trab tal-belt mill-qrieq tagħhom, imma fejn il-Kerigma li kienu jxandru kienet tiġi milqugħa, huma kienu jwaqqfu komunitajiet ta’ nies li jibdew jimxu mixja ta’ fidi.  Kienu jikkatekiżżawhom u jxandrulhom l-Aħbar it-Tajba, imbagħad iħalluhom għal xi żmien biex jikkatekizzaw bliet oħra.  Meta kienu jerġgħu jgħaddu minn hemm kienu jaraw f’hiex waslu fil-fidi.  Għax il-fidi mhix xi ħaġa li għandek u daqshekk.  Trid tikber, inkella tmurlek lura.  Il-fidi hi mixja, u l-appostli kienu l-katekisti tagħhom.  Għażlu wkoll presbiteri kullimkien biex l-aħwa jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jitolbu flimkien, jerġgħu jisimgħu fuq Ġesù, u fuq kollox jiċċelebraw l-Ikla tal-Għid tal-Mulej, jiġifieri l-Ewkaristija.

 

Xi ġmiel ta’ missjoni kellhom Pawlu u Barnaba!  Kemm tgħabbiet b’xogħol żejjed, jaħasra l-Knisja llum!  Xogħol ta’ amministrazzjoni, xogħol ta’ organizzazzjoni żejda, xogħol ta’ finanzi, festi eċċ., meta l-isbaħ xogħol, u l-uniku, mitlub minnha minn Kristu hu li xxandar il-Vanġelu l-ħin kollu u tkabbar il-fidi ta’ dawk li jemmnu.

 

Qari mill-Ktieb ta-Atti tal-Appostli.  14, 21-27

 

F’dak iż-żmien: Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn Listra u Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli, iħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, u jgħidulhom li bi tbatijiet kbar jinħtiġilna nidħlu fis-Saltna ta’ Alla.  Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u bis-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu.

 

Imbagħad għaddew minn Pisidja u ġew Pamfilja.  Wara li xandru l-kelma ta’ Alla f’Perge, niżlu Attalja;  minn hemmhekk marru bil-baħar lejn Antjokja minn fejn kienu telqu, merħijin għall-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li kienu temmew.

 

Meta waslu, laqqgħu lill-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom u kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani.

 

Salm Responsorjali

 

Il-Knisja titwieled mill-Evanġelizzazzjoni.  L-Evanġelizzazzjoni hi x-xandir tal-Aħbar meraviljuża ta’ Kristu li hi li “Alla hekk ħabb lid-dinja li bagħat lill-Ibnu l-Waħdieni biex kull min jemmen fih isalva.”  (Ġw. 3, 16).  Madwar din l-espressjoni ta’ Kristu lil Nikodemu, l-Knisja dejjem bniet l-Evanġelizzazzjoni tagħha.  Huwa mportanti li l-bniedem imdejjaq, mitluq, ma jafx għalfejn qed jgħix, jiġi muri d-dnub tiegħu.  Ħafna ħafna nies isibuha faċli jindunaw bid-dnub ta’ ħaddieħor bla ma jobsru li anke huma midinbin bis-serjetà!  Anzi, l-bidu tax-xandir tal-Kerigma għandu l-għan biex jikkonvinċi l-bniedem li l-problema numru wieħed li għandu hi d-dnub tiegħu.  Huwa d-dnub li joqtol lill-bniedem, anke jekk jista’ jwaħħal fl-għedewwa, jew fil-mard, jew fix-xorti.  Meta l-bniedem jibda jara dan ċar, jgħid f’qalbu dak li darba qal San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  (Rum. 7, 24). U huwa hawn li tidwi b’qawwa t-tħabbira ta’ x’ġie jagħmel Ġesù fid-dinja; kif ta kollox għas-salvazzjoni tiegħi u tiegħek u patta Hu għad-dnub li serqilna l-ferħ u flok ħajja dewwaqna l-morr tal-mewt.

 

L-Evanġelizzazzjoni hi l-ikbar turija tal-Ħniena ta’ Alla mal-midneb, mal-għadu tiegħU.  Meta l-bniedem jinagħta li jemmen, għax il-fidi hi dejjem rigal ta’ Alla, hu ma jkunx jista’ jżomm il-ħelsien ġdid tiegħu għalih innifsu.  Għalhekk Salm 144 jgħid: “Igħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek u l-ġmiel glorjuż tas-Saltna tiegħek.”  U band’ oħra, l-istess Salm jgħid: “Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd, u ħnientu akbar minn kull ma għamel.”  Min jafu dan?  Jafu tajjeb min ġarrab  il-miraklu li nfetħulu għajnejh u għaraf x’għamel għalih il-Mulej Ġesù.

 

Ritornell:  Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah!

 

Salm 144

 

Il-Mulej tajjeb u ħanin,

Idum biex jagħdab, u kollu tjieba.

Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,

U ħnientu akbar minn kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej,

U ħbiebek iberkuk;

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

Fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.

 

Igħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek,

U l-ġmiel glorjuż tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna taż-żminijiet kollha,

U l-ħakma tiegħek minn nisel għal nisel!

 

It-Tieni Qari

 

L-Għarusa ta’ Kristu hija l-Knisja.  Huwa jħobbha lil din l-Għarusa tiegħu, u jagħti ħajtu għaliha.  B’imħabbtu jsebbaħha, jneħħilha t-tikmix tagħha, jagħmilha dejjem aktar żagħżugħa u mimlija ġmiel.  Hi tiżżejjen biex tissebbaħ għall-Għarus tagħha; tiżżejjen bl-opri tal-fidi li huma l-Imħabba għal-għadu u l-Għaqda ta’ bejn l-aħwa.  Mingħajr dawn mhux veru li teżisti Knisja ta’ Kristu, anke jekk ikollok knisja tal-ġebel mill-aqwa u opri tal-arti li jbellhu lil min jarahom.

 

Il-Knisja, magħmulha minn nies li jemmnu, imma li huma għatxana għal aktar fidi u aktar għarfien tal-Imħabba tal-Għarus... din il-Knisja diġa tibda tgħix minn hawn ħjiel qawwi tal-Ħajja ta’ Dejjem, tal-Ġenna.  Kristu nnifsu jixxotta d-dmugħ minn għajnejn id-dixxipli tiegħu, anke f’din id-dinja, imma b’mod difinittiv fil-Ġenna li qegħda tistenniena.  Ġa minn hawn, in-Nisrani jista’ jgħid “Ma hawnx iktar mewt, anqas biki jew għajat ma hawn iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel ma kkonvertejna!”  Imma dan jista’ jgħidu b’qjies limitat, fil-qjies tal-fidi dejjem tikber li għandu.  Huwa jħares ’il quddiem lejn il-pajjiż li dejjem riesaq lejh, fejn il-Mulej Ġesù qed jistennih biex iħaddnu miegħu wara l-vjaġġ f’din id-dinja li fih wera ruħu fidil.

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  21, 1-5a

 

Jiena, Ġwanni, rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar.  U l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha.

 

U smajt leħen qawwi ġej mit-tron igħid: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.  Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.”

 

Imbagħad Dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: “Ara, se nġedded kollox”.

 

Evanġelju

 

Għidna li Alla poġġa Knisja fid-dinja biex hija tmellaħ lid-dinja, tagħtiha togħma, iddawwalha.  Dawn kollha huma espressjonijiet li jfissru ħaġa waħda: xogħol il-Knisja mhux li kulħadd jidħol fiha bħall-annimali li daħlu fl-arka ta’ Noe meta huma biss salvaw, imma li hi ssalva lid-dinja, anke lil dawk li m’humiex parti minnha.  U l-Knisja ssalva d-dinja mhux għax hi għandha, minnha nnifisha, s-saħħa biex tagħmel dan, imma għax fiha jgħammar Dak li waħdu, u waħdu biss, rebaħ il-mewt.  Huwa l-biża’ tal-mewt li jġiegħel lill-bniedem jidneb, u d-dnub iżid il-mewt fil-bniedem.  Għalhekk il-bniedem huwa magħluq f’morsa, f’ċirku vizzjus ta’ mewt, dnub, mewt...  Min se jkisser dan iċ-ċirku tal-biża li aħna lkoll inbatu minnu?  Ġesù Kristu!  U fejn jinsab Ġesù Kristu?  Fejn hu qiegħed, fil-konkret, biex il-bniedem ikun jista’ ‘jaraH’ u jemmen xi ftit fih, biżżejjed biex isalva?  Ġesù Kristu jinsab fil-Knisja.  U kif jinsab fil-Knisja?  Jinsab f’dawk li jemmnu fih b’tali mod li Hu kiber fihom permezz tal-Ispirtu s-Santu.  U kif se jarawH dawk li għandhom tant bżonn jarawh?  Dan se jgħidulna l-Vanġelu tal-lum:  “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.  Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk ikollkom l-Imħabba ta’ bejnietkom.” 

 

L-Imħabba ssalva d-dinja.  L-Imħabba li jisimha Ġesù Kristu.  l-Imħabba saħansitra lejn l-għadu.  Min hu kapaċi jħobb f’dan il-qjies?  Għaliex Kristu qal lill-Insara biex iħobbu f’dan il-qjies meta huwa mpossibbli għall-bniedem iħobb bħal Alla?  Huwa qallhom hekk għax kien jaf li fihom jikber l-Ispirtu tiegħu, u l-Ispirtu tiegħu fihom iħobb bħalma ħabb hu meta kien fid-dinja.  Dan hu x-xogħol tal-Knisja.  Xogħol divin.  Xogħol aqwa, ikbar, oħla, aktar għoli minn kull xogħol ieħor li jeżisti.

 

Versett:  Hallelujah.  Nagħtikom kmandament ġdid, igħid il-Mulej, li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  13, 31-33a, 34-35

 

Wara li ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Issa Bin il-bniedem huwa msebbaħ, u fih msebbaħ Alla.  Jekk Alla huwa msebbaħ fih innifsu, Alla wkoll għad isebbħu fih innifsu, u dalwaqt isebbħu.

 

Uliedi, se nkun magħkom għal ftit.  Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin.  Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.  Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk ikollkom l-imħabba ta’ bejnitkom.”

 

Last Updated ( Sunday, 24 April 2016 )
 
< Prev   Next >