Monday, 11 December 2017
           
Home
IS-SITT HADD TAL-GHID RIESQA L-FESTA L-KBIRA TA’ GHID IL-HAMSIN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 April 2016

Din hija il- Liturgija  tas-Sitt Hadd ta' l-Ghid bi hsibijiet  min Joe Rapa.

01-christ.jpg
 Gesu mad-dixxipli wara li qammill-mewt

 

Żmien il-Għid li ninsabu fih nistgħu insejħulu wkoll Żmien il-Pentekostè, jew bil-Malti pur, Żmien Għid il-Ħamsin, għax kif ir-Randan wassalna għat-Tridu tal-Għid, hekk dan iż-żmien qed iqarreb lejna l-Memorjal tal-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqna, li aħna l-Knisja ta’ Kristu.  Memorjal hi kelma ġejja mil-Latin li għall-Knisja tfisser ferm, ferm aktar minn tifkira jew festa.  Il-festi l-kbar tal-Mulej Sidna Ġesù Kristu huma Memorjali għall-Knisja, jiġifieri mhux biss jitfakkar xi avveniment importanti li ġara, imma dan l-avveniment jerġa’ jiġri mill-ġdid waqt li int tkun qed tiċċelebrah.  Il-Għid il-Kbir huwa l-ikbar Memorjal tal-Knisja għax waqt li qegħda tiċċelebrah, hi terġa’ tesperjenzja qawmien ġdid, ħajja ġdida... jerġa’ jseħħ il-Għid f’nies individwali u fil-ħajja personali tagħhom.

 

Hekk ukoll Għid il-Ħamsin.  Kemm għandna bżonn l-Ispirtu s-Santu!  Mingħajru ma teżistix Knisja!  Mingħajru ma teżistix Fidi fuq din l-art!  Kollox hu xogħol idejH.  Kristu wettaq u temm il-missjoni tiegħu fit-Tridu tal-Għid.  Dak li bagħtu jagħmel il-Missier Hu wettqu b’fedeltà tal-għaġeb, u minħabba dan, il-Missier għollieH sas-smewwiet u għamlu Sid ta’ kollox, anke tal-mewt.  Imma dan il-fatt ma biddilx l-Appostli u d-dixxipli tiegħu!  Il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, waħedhom, ma bidlux in-natura miskina, beżagħna, dubjuża u suspettuża tal-Appostli u d-dixxipli... u tagħna lkoll.  Kien l-Ispirtu s-Santu li ta n-nar lil dan kollu u rewwaħ ħuġġieġa qaddisa fil-qalb ta’ dawk li kienu magħluqin ġewwa fiċ-ċenaklu u fihom infushom.  Huma ħarġu miċ-ċenaklu u minnhom infushom u ħadd iktar ma seta’ jżommhom sa’ jum il-mewt tagħhom.  Dak li kien rebaħ għalihom Kristu, il-ħelsien totali, ħa l-ħajja u sar rejaltà tal-għaġeb fil-Pentekostè meta tassew twieldet il-Knisja.

 

Imma f’dan kollu fejn nidħlu aħna?  Fejn nidħol jien u fejn tidħol int?  Nidħlu ingħid!  L-Ispirtu s-Santu rċivejnih bħala żerriegħa li trid tikber, kemm fil-Magħmudija kif ukoll  fil-Griżma tal-Isqof.  Din hi żerriegħa ta’ potenzjal xokkanti, imma żerriegħa hi, trid tikber.  Fid-DNA tagħha hemm potenzjal li ma jitwemminx, imma bħal żerriegħa li taqa’ fuq maduma, tista’ tmut għal kollox.  Allura, għandna tassew għax nistennew il-Memorjal ta’ Għid il-Ħamsin, għax dak li ġara darba Alla jixtieq jerġa’ jwettqu fik u fija, fil-qjies li nixtequh u fil-qjies li aħna lesti għalih, għax il-Mulej ma jisforża lil ħadd.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Antifona tal-Ftuħ ta’ din l-Ewkaristija hija versett mill-isbaħ meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: “Ħabbru dan b’għajat ta’ ferħ, semmgħuh, wassluh sa trufijiet l-art, għidu: Il-Mulej ħeles il-poplu tiegħu, ħallelujah!”  (Is. 48, 20).  Għal dan inħalqet il-Knisja.  Biex twassal Aħbar Tajba lid-dinja, welled il-Knisja Kristu, bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.  Dan hu x-xogħol ewlieni tagħha u mingħajr l-Ispirtu s-Santu mhix kapaċi tagħmlu.  Hu faċli tgħid li Kristu feda d-dinja bil-mewt u l-qawmien tiegħu... irid ikun miraklu li int temmnu dan, li tarah ċar, li tinżel f’qalbek din l-Aħbar bħal balzmu fuq il-ġrieħi kollha li laqqat matul ħajtek u tfejqek minnhom kollha.

 

Illum huma ħafna moda il-psikoloġisti u l-psikjatri, u l-mediċina li jagħtuk huma hija fost l-iktar li timxi fis-suq.  Kulħadd huwa mmarkat minn xi kundizzjoni, jgħidulek, u jekk tmur tkellem xi psikoloġista għax tkun inkwetat fuq xi ħaġa, malajr ipoġġik f’waħda minn tant “pigeon holes” li għandhom.  L-għerf li għandhom huwa don ta’ Alla u jagħmlu ħafna ġid lill-bniedem, imma l-ungwent veru, il-mediċina vera li għandna bżonn għall-ġrieħi tal-qalb (u tal-moħħ!) huwa l-Ispirtu teneru, ħelu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-biża’ tal-mewt... u l-isem ta’ dan l-Ispirtu huwa ‘Mħabba’.

 

Imma biex dan ikollu effett, wieħed għandu bżonn il-Fidi, bħalma ħafna nies għandhom tant fidi fil-mediċina u fit-tobba.  Il-Fidi fi Kristu biss issalvana, tbiddilna, teħlisna mill-kundizzjonamenti, mill-kriżijiet u l-għeluq li fihom insibu ruħna.  Imma anke din il-Fidi hija rigal tal-Ispirtu s-Santu.  Dan qed ngħidu għax fl-ewwel qari se nisimgħu fuq kwistjoni taħraq li qamet fil-bidu tal-Istorja tal-Knisja u għadha polemika enormi anke llum!  Xi jsalvak lilek, il-Fidi fil-merti li rebaħ għalik Kristu fuq is-salib u bil-qawmien tiegħu, jew l-isforzi tiegħek biex tkun tajjeb?  Din hi mistoqsija diffiċli.  Ħafna jaħsbu li mhi diffiċli xejn: jgħidulek, mhux int trid tkun?  Jekk trid li tmur il-Ġenna, kemm trid titqanżaħ biex jirnexxilek.  Wara kollox mhux kollox hekk taħt il-kappa tax-xemx? Jekk trid tgħaddi minn eżami trid tistudja; jekk trid li jkollok il-flus trid taħdem daqs kelb u tibża’ għalihom; jekk trid li tkun b’saħħtek, tpejjipx, tixrobx, kull ikel li jgħodd għal saħħtek, agħmel l-eżerċizzju...

 

Dan kollu hu skont in-natura tal-bniedem u tad-dinja u kollu hu veru.  Imma hawn qed nitkellmu fuq ħwejjeġ lil hemm min-natura tal-bniedem.  Is-Salvazzjoni ta’ ruħek trid taħdem għaliha, tassew, imma hi miksuba għalik minn Kristu u minn Kristu biss u dan int tagħrfu bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Għax jekk kollox jiddependi minnek, jekk il-bniedem hu fiċ-ċentru ta’ kollox, allura, x’ġie jagħmel Ġesù Kristu fid-dinja?  Għalfejn bata?  Xi jfisser il-qawmien glorjuż tiegħu?  X’rebħa ġab għall-bniedem, li, wara kollox diġa kellu l-Liġi ta’ Mosè li kienet turih tajjeb x’inhi r-Rieda Qaddisa tal-Missier?

 

Mhux veru li l-Liġi ta’ Mosè teħles lill-bniedem, għas-sempliċi raġuni li l-ebda bniedem qatt ma nstab li obdiha; hi wisq lil hemm mis-saħħa tal-bniedem. Dan il-punt ħawwad lill-Knisja tal-bidu, imma bid-dawl tal-Ispirtu instabet it-triq it-tajba dak in-nhar, bħalma għandha bżonn tinstab illum ukoll.  Mhux iċ-ċirkonċiżjoni u l-Liġi jsalvaw lill-bniedem imma l-Fidi ħajja fi Kristu, Dawl tal-Ispirtu s-Santu... dawn huma li jagħtuk natura ġdida li tgħix ir-Rieda tal-Missier u tidħol il-Ġenna sa minn hawn stess.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  15, 1-2, 22-29

 

F’dak iż-żmien: Niżlu xi wħud mil-Lhudija u bdew igħallmu lill-aħwa li, “Jekk ma tagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw.”  Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha mhux ftit magħhom; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm għand l-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.

 

L-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba.  Dawn kienu Ġuda msejjaħ Barsabba, u Silas,li kienu magħrufa sew fost l-aħwa, u bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa li ġew mill-pagani, li huma f’Antjokja, fis-Sirja u fiċ-Ċiliċja: is-sliem għalikom!  Billi smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom bi kliem li qalbilkom moħħkom, aħna, wara li qbilna lkoll bejnietna, dehrilna li nagħżlu xi rġiel u nibagħtuhom għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, irġiel li taw ħajjithom għall-isem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.  Għalhekk bgħatnielkom ’il Ġuda u ’l Silas, li bi kliemhom iwasslulkom l-istess ħaġa.  Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ: jiġifieri, li titbegħdu mill-ikel mogħti lill-idoli, mid-demm, mil-laħam tal-bhejjem fgati, u miż-żina.  Tagħmlu tajjeb li tħarsu rwieħkom minn dawn.  Saħħa!”

 

Salm Responsorjali

 

Wara ċ-ċirkonċiżjoni kien hemm moħbija l-ideja tal-Liġi, li tagħmel it-tajjeb għax hekk suppost jew għax tibża’ minn xi kastig.  Il-Liġi hi tajba u turik x’inhi l-Qdusija, imma din il-Qdusija int ma tilħaqhiex bl-isforzi tiegħek imma bil-Grazzja, b’rigal mogħti lilek ‘gratis’ jiġifieri b’xejn.  Il-Grazzja tal-Fidi fi Kristu hi dejjem Sorpriża Ferrieħa li teħles lill-bniedem u titfgħu mill-isforz u l-biża’ għall-Imħabba u l-ħeġġa.  Il-Kristjaneżmu hu l-isbaħ ħaġa li hawn fil-ħolqien għax ixandarlek li Alla tant iħobbik, lilek, hekk kif int, bid-difetti u r-rejaltà dgħajfa tiegħek, li Hu bagħat lil Ibnu fid-dinja biex jekk int tinagħta li tassew temmen fiH int tirċievi gratis il-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja Dejjem, dejjem Ħaj, ġa minn hawn!  Temmen fi Kristu jfisser tagħraf x’għamel għalik, u tħobbu la tiskopri kemm ħabbek.  Hija l-Imħabba... hija l-Imħabba li tagħmlek tgħix ir-Rieda tal-Missier u mhux is-sens ta’ Liġi, għax hekk suppost.

 

Għalhekk Salm 66 jibda billi jgħid: “Iħenn għalina Alla, u jberikna, idawwal wiċċu fuqna!”  Hu jrid ikun li jdawwar wiċċu lejna u aħna niddawlu bid-Dawl li jiddi minn wiċċu li hu d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  F’dan id-Dawl biss nistgħu ngħarfu kemm hi tal-għaġeb is-Salvazzjoni li l-Missier qiegħed jaħdem għalina matul ħajjitna.  Kulma jiġri fl-Istorja tagħna, jogħġobna jew ma jogħġobniex, qiegħed jaħdem għal dan il-għan meraviljuż: li aħna ngħarfu lil Kristu u l-Opra kbira tiegħu favur tagħna.  “Ħa tinagħraf triqtek fuq l-art, u fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek!” ikompli s-Salm.

 

L-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu tferraħ il-ġnus u timlihom bit-tifħir.  Dan, il-Liġi ma tistax tagħmlu għax il-Liġi hi dejjem toqol u madmad.

 

Ritornell: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 66

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna,

Idawwal wiċċu fuqna!

Ħa tinagħraf triqtek fuq l-art,

U fost il-ġnus kolha s-salvazzjoni tiegħek!

 

Jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ,

Għax int tagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa,

U tmexxi l-ġnus fuq l-art.

 

Ifaħħruk il-popli O Alla,

Ifaħħruk il-popli kollha.

Ħa jberikna Alla,

U ħa jibżgħu minnu t-trufijiet kollha tal-art.

 

It-Tieni Qari

 

Jekk l-Aħbar ta’ Kristu timla l-bniedem bi Spirtu ġdid u tagħmlu bniedem ġdid mimli tama u żelu biex iwettaq il-ġid fost sħabu l-bnedmin, mela kemm hi prezzjuża u sabiħa Knisja mimlija b’nies bħal dawn!  X’rigal għad-dinja hija Knisja ħajja mimlija Fidi fis-Salvatur tagħha.  Tassew li hija l-melħ, id-dawl u l-ħmira ta’ dinja marida minħabba d-dnub.  Għalhekk l-Apokalissi jitkellem bi kliem poetiku fuq is-sbuħija u l-valur enormi ta’ dan ir-rigal li l-Mulej, fl-Imħabba tiegħu, ta lid-dinja.

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  21, 10-14, 22-23

 

L-Anġlu ħadni fl-Ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bis-sebħ ta’ Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs il-kristall.

 

Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u tnax-il Anġlu fil-bibien li fuqhom hemm miktuba ismijiet, jiġifieri l-ismijiet tat-tnax-il tribù ta’ wlied Iżrael.  Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa tal-Lvant, tlieta għan-naħa tan-nofsinhar, tlieta għan-naħa tat-tramuntana, u tlieta għan-naħa tal-punent.

 

U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il pedament, li fuqhom hemm tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf.

 

Ebda tempju ma rajt fiha, għax il-Mulej hu t-tempju tagħha, Alla li jista’ kollox, u l-Ħaruf.  U l-Belt ma teħtieġ la xemx u anqas qamar biex idawluha, għax biex idawwalha għandha s-sebħ ta’ Alla, u l-musibeħ tagħha l-Ħaruf.

 

Evanġelju

 

Fil-Vanġelu li ġej, Ġesù jħabbar il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u jagħmilha ċara li huwa Hu li jrid ifakkarna f’kulma qal u għamel Ġesù.  Huwa Hu li jrid jagħtina l-fehma u fuq kollox il-Fidi.  Huwa Hu, l-Ispirtu s-Santu, li jagħtina l-kuraġġ li m’għandniex, biex inxandru l-Isem ta’ Ġesù.  Huwa Hu, li minn bnedmin mejta u bierda, jagħmel minna Nar iħeġġeġ li ħadd ma jista’ jitfih.  Xi ħwejjeġ tal-għaġeb!

 

Dan l-Ispirtu seta’ jiġi biss jekk Kristu kellu jħalli l-Appostli biex jakkwista dan l-Ispirtu bil-merti tat-tbatijiet, il-mewt u l-Qawmien tiegħu.  Biex jiġi l-Ispirtu kien hemm bżonn titwettaq it-tpattija għad-dnubiet kollha tad-dinja, u tintrebaħ  u tinqasam il-mewt.  L-Ispirtu jiġi għandna għax immeritahulna l-Mulej Ġesù.  Huwa l-Ispirtu biss li jista’ jiftħilna għajnejna biex ‘naraw’ tassew lil Ġesù, imma huwa Ġesù li akkwistaH għalina.

 

Versett: Hallelujah.  Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, igħid il-Mulej; u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.  Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  14, 21-29

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu nagħmlu l-għamara tagħna għandu.  Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi.  U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

 

Għedtilkom dan meta għadni magħkom.  Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, igħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.  Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.  Tħallux li qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.

 

Smajtu dak li għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom.  Jekk ħabbejtuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.  U għedtilkom dan qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ, temmnu.”

 

Last Updated ( Saturday, 30 April 2016 )
 
< Prev   Next >