Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IS-SEBA’ HADD TAL-GHID 2016 TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA – LAPSI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 May 2016

Din hija il- Liturgija  tas-Seba' Hadd ta' l-Ghid bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus_ascension-04.jpg
 Gesu ntella s-sema

 

Hu diffiċli għall-bniedem iħares lejn is-sema. In-natura tagħna hija marbuta għal kollox ma’ din l-art.  Aħna ggranfati ma’ hawn u l-akkwisti kollha tal-bniedem, l-avanzi li wettaq fil-kumdità tal-ħajja, fix-xjenza, fit-teknoloġija, fil-mediċina u l-bqija, wettaqhom għax imbuttat minn enerġija enormi li ġġagħlu jiggranfa ma’ din l-unika ħajja li jista’ jara b’għajnejh u jmiss b’idejh.  Din il-ħajja, illum hija ferm iktar attrajenti minn qatt qabel.  Anzi, l-bniedem huwa għal kollox mifxul minnha, aljenat, imbellah bis-sbuħija tagħha, u ħafna ma jridu xejn iktar ħlief igawdu lilha, għax għall-bniedem ‘naturali’ hi biss teżisti. 

 

Huwa għalhekk li jiżgarra tant funeral.  Huwa stunatura terribbli għal dan il-bniedem.  Funeral iġibu fir-rejaltà.  Jara ġismu jinbidel, jixjieħ, jikrieħ, jimrad... u dan kollu aktar iġennu biex jiggranfa ma’ hawn.  Imma hu jaf fil-fond il-fond, li dan kollu għalxejn.  Kollox hu frugħa allura, la kollox jispiċċa.  Allura, l-uniku sens għall-ħajja hu “nieklu u nixorbu għax għada mmutu”.  Għad-dinja esperjenza waħda biss tagħmel sens, fl-aħħar mill-aħħar: iddroga ruħek bix-xorb, bil-pjaċiri, bil-ħolm, bil-logħob, bl-aljenazzjoni... għax kollox hu duħħan.  Tħaffer kemm tħaffer, il-ħajja hija droga li tnissi r-rejaltà li hi li lkoll neżlin niġru n-niżla lejn il-ħofra.  Negattiviżmu?  Libbisha kemm trid il-ħajja bis-suċċess, bil-pjaċir, bil-fama, bil-ġid, bis-saħħa, bil-festi, bl-imħabbiet u l-ħbiberiji... quddiem dan il-ħajt issib ruħek, dejjem.  Jekk int sinċier.

 

Imma fil-qiegħ tal-esseri tiegħu, il-bniedem minn dejjem sema’ leħen, kellu mistoqsija, li hu biss, fost il-ħlejjaq kollha, seta’ jagħmilha:  “Kif jista’ jkun li l-bniedem, il-ħolqien, ġie maħluq għal dan?”  Ħass qawwa li timbuttah biex iħares ’il fuq, setgħa li tiġġieled kontra l-madmad fuq għonqu li jorbtu li jħares lejn it-trab biss.  L-insgurtà ta’ din il-ħajja nfisha, dejjem imbuttatu lill-bniedem biex, b’għajnejn għajjiena, jfittex fil-baħħ tal-univers, ir-raġuni vera għall-eżistenza tiegħu, is-sens tal-ħolqien, is-sigurtà li tirbaħ il-mewt, ix-Xi Ħadd li minnu ħareġ kollox.  U telgħu it-tempji, u f’moħħ il-bniedem twieldu l-allat... u skopra li, b’differenza mill-ħlejjaq kollha, hu kien ħlejqa ‘reliġjuża’ għax hu biss seta’ jagħmel il-mistoqsijiet li għamluh ‘reliġjuż’: “Jien min jien?  Għalfejn twelidt?  Min għamilni?  Lejn fejn sejjer?

 

Fil-qalba ta’ din ir-‘reliġjożita naturali’ li ma ħafritx lill-bniedem mill-jasar tiegħu, huwa kellu bżonn Aħbar Tajba.  Aħbar li tiġi minn barra minnu.  Aħbar li tasal għandu minn ġol-baħħ tal-univers.  Aħbar li qatt ma setgħet tkun invenzjoni ta’ moħħu għax kieku ma kienet issolvilu xejn.  Il-bniedem fettex lil Alla, imma l-isplużjoni storika għall-umanità seħħet meta kien Alla li ġie jfittex lilu. 

 

L-Ewwel Qari

 

Infatti l-Glorja tal-bniedem tikkonsisti f’illi jiltaqa’ ma’ dan ix-Xi Ħadd li beda l-istorja ta’ kollox mix-xejn.  Dan ix-Xi Ħadd ħa sura ta’ bniedem, biex il-bniedem ikun jista’ jgħarfu.  Nerġa’ ngħid, din hija l-Glorja tal-bniedem.  Prosit għall-avanzi fix-xjenzi u l-bqija... kellu bżonnhom, imma l-Glorja tal-bniedem hija li hu jagħraf is-sigriet tal-eżistenza tiegħu, għarfien li taqsamlu fi tnejn il-mewt u tiftaħlu s-sema, it-triq għal Ħajja dejjiema.  Il-bniedem stagħġeb bl-enormità ta’ din l-iskoperta.  Għajnejh kibru meta ra l-għan glorjuż tal-ħajja... mhux iktar il-ħofra fl-art imma t-tiċrita fil-velu li kienet tgħatti l-Ħajja vera fejn m’hemmx iktar mewt, iktar mard, iktar xjuħija, iktar dmugħ, iktar insigurtà u biżà.  Ħolm ivvintat minn xewqet il-bniedem?  Il-Fidi hi esperjenza mhux tagħlim.  Jew għandek din l-esperjenza jew m’għandekx.  Jew iżurek Alla jew ma jżurekx. 

 

L-Appostli kellhom esperjenza.  Kellhom tagħlim ukoll, imma t-tagħlim huwa bħal ħafna żkuk nexfin li inti toqgħod tħares lejhom fis-silġ, tirtogħod bil-bard.  Importanti ż-żkuk, u prezzjużi, u fihom hemm salvazzjoni.  Imma jrid jinżel nar minn x’imkien biex iqabbadhom u jagħmel minnhom Ħuġġieġa Qaddisa.  Hu dan li jbiddel tassew il-Ħajja tal-bniedem.  Il-Bibbja hi mimlija esperjenzi ta’ nies li “raw” lil Alla.  Jien u int mistiedna jkollna din l-esperjenza.  Imma xejn mingħajr l-Ispirtu s-Santu.  Mhux il-bniedem li jsib lil Alla imma huwa l-Ispirtu li jsibulu.  Ħa naqraw esperjenza enormi li għamlet mill-ewwel dixxipli xhieda li jeżisti Alla, teżisti s-Sema, teżisti Ħajja differenti, il-Ħajja vera, il-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  1, 1-11

 

Fl-ewwel kitba tiegħi, O Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem mill-bidu sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li bl-Ispirtu s-Santu wissa lill-appostli li hu kien għażel.  Lil dawn hu deher ħaj wara mewtu b’xhieda sħiħa għalih innifsu, billi dehrilhom għal erbgħin jum u kellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla.  Waqt li kien magħhom, qalilhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew isseħħ il-wegħda tal-Missier.  “Fuq din,” qalilhom, “smajtuni nkellimkom: li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom titgħammdu bl-Isirtu s-Santu fi ftit jiem oħra.”

 

Għalhekk, xħin kienu flimkien, staqsewh, “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa twaqqaf is-saltna ta’ Iżrael?”  Hu weġibhom, “Mhix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-jiem u ż-żmien li l-Missier żamm fis-setgħa tiegħu.  imma intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu.  U tkunu xiehda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija, u sa truf l-art.”

 

Wara li qal dan, kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.  Hu u tiela’ ’l fuq huma kienu jħarsu b’għajnejhom iċċassati lejn is-sema, meta f’daqqa waħda ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies abjad, li qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?  Dan Ġesù, li ttieħed minn magħkom lejn is-sema, hekk għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.”

 

Salm Responsorjali

 

Fi Kristu, dawk li huma magħżula mill-Missier biex ikun Nsara bil-Fidi, jgħarfu lil Alla nnifsu.  Alla ġie jżur lill-poplu tiegħu, lil dawk li Hu jagħżel.  Huma jaraw ħwejjeġ li oħrajn ma jarawx; huwa għalhekk li min m’għandux Fidi ma jista’ qatt jifhem lil min għandu.   Huwa għalhekk li Ġesù wiegħed lil dawk li hu jagħżel, bla ma jħares lejn l-uċuħ, li d-dinja għad tobogħdhom għax m’għandhiex l-istess esperjenża li għandhom huma.  Għal min bi Kristu jsib lil Alla, kollox jaqa’ f’postu, kollox jagħmel sens, kollox hu mdawwal, anke l-mumenti koroh li jimmarkaw b’tant qawwa din il-Ħajja.  Aħna mexjin alenija wara Kristu lejn is-Sema, u kulma jiġri hawn hu mbuttatura fil-Mixja tagħna, waqt li l-mewt mhi xejn ħlief bieb li jinfetaħ biex nissieħbu mar-Ras tagħna li hu Kristu. 

 

Minn hawn ġej il-ferħ Nisrani.  Il-ferħ Nisrani mhux ġej milli kollox imurlek tajjeb hawn, milli Alla dejjem jisma’ talbek u jsolvilek kollox u jfejjaqlek il-mard tiegħek kollu u jħallik tgħix hawn għal dejjem.  Mhux dan hu l-ferħ Nisrani.  Il-ferħ Nisrani hu li l-Ġenna teżisti, li s-Sema ċċartet minn Ġesù Kristu u hemm wirt li ħadd ma jista’ jisraqulna u li qiegħed jistenniena għax Kristu xtrana, ħalsilna d-djun tagħna, giddeb il-mewt, u hemm l-Ispirtu tiegħU jgħammar fina li jgħajjat: “Abba!  Pa!  Missier!” Issa hemm qawwa ikbar minn atomika fil-bniedem li tixhidlu li l-Ħajja ta’ Dejjem hija tiegħu għax hu Iben u werriet. 

 

Is-Salm li ġej jixhed għal dan il-ferħ f’din is-Solennita ferrieħa tal-Knisja.

 

Ritornell: Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Salm 46

 

Ċapċpu idejkom, intom ġnus kollha,

Ifirħu b’Alla, għajtu u għollu leħinkom!

Għax il-Mulej, il-Għoli, hu tal-biża’,

Hu Sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ,

Il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lill-Mulej, għannu,

Għannu lis-Sultan tagħna, għannu!

 

Għax hu s-Sultan tal-art kollha:

Għannu bis-sengħa lil Alla!

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

Alla qiegħed fuq it-tron imqaddes tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Hija meravilja kif it-Tinda tal-Laqgħa li kienu jġorru wlied Iżrael fid-deżert, u l-binja tat-Tempju f’Ġerusalemm, li kien kopja ta’ din it-tinda, it-tnejn kienu xbiha tal-ħajja tal-bniedem!  Din l-arkitettura, din il-pjanta, ma seta’ qatt jivvintaha l-bniedem li kien għadu ma fehemx is-sens tal-eżistenza tiegħu u lanqas kienet għadha ntweriet lilu l-Ħajja ta’ Dejjem u r-rebħa fuq il-mewt.  Fi żmien Mosè, li rċieva mingħand Alla it-taqsim tat-tinda qaddisa, il-bniedem kien jgħix, imut u daqshekk.  Kellu, forsi, xi tama ta’ xi ħajja oħra, imma din tant kienet imkebba f’misteru li fir-rejaltà l-poplu ma kienx jemmen fiha.  Kien għadu primittiv fil-Fidi tiegħu.

 

It-Tempju ta’ Ġerusalemm, bħat-tinda fid-deżert, kellu ħafna taqsimiet, imma nistgħu naqsmuhom fi tnejn: taqsima fejn seta’ jidħol kulħadd... u din kienet xbiha tal-ħajja tagħna hawnhekk, fejn kulħadd qiegħed jgħix, jieħu n-nifs, jiekol u jorqod;  u taqsima oħra,mifruda għaliha minn purtiera ħoxna u tqila, li fiha ħadd ma seta’ jidħol, ħlief il-Qassis il-Kbir darba fis-sena biss.  Din il-Kamra kienu jsejħulha l-Qaddis tal-Qaddisin, jiġifieri l-iktar post qaddis fuq wiċċ l-art kollha.  Kienet tirrappreżenta l-Ġenna, is-Sema, hemm fejn jgħammar Alla.  F’din il-Kamra kien hemm il-Preżenza, ix-Xekinah ta’ Alla, speċi ta’ Tabernaklu kbir. 

 

Kienet maqtugħa mill-bniedem għax waqt li dan il-post kien iktar sagru mill-bqija tat-Tempju, kien il-Qaddis, is-Safi... il-bniedem kien imniġġeż, ġismu kien korrott għax il-ħin kollu qed jitħassar u jmut.  Fil-Kamra l-Qaddisa kienet tgħammar il-Ħajja, waqt li barra minnha, fil-bqija tat-Tempju, fil-bqija tal-art, kienet tgħammar il-Mewt.  il-bniedem kien biss iħares lejha mill-bogħod, jixxennaq għall-Preżenza ta’ Alla waqt li jaf li hu kien maqtugħ minnha.  Ma kienx hemm Ħajja għalih; kellu biss eżistenza li kienet ikkundannata għall-mewt.  Ħafna nies għadhom jgħixu f’din l-ideja ta’ Ħajja.  Min Alla mhux missieru m’għandux wirt, ma jemminx f’Ħajja oħra, ma jistax jidħol fil-Qaddis tal-Qaddisin; hu ltim.

 

Imma darba waħda ġara fatt epokali, enormi!!  Il-purtiera tqila tat-Tempju li kienet tifred lill-bniedem mill-Ġenna, ċċarrtet!  Malli Kristu mejjel rasu fuq is-Salib u radd ruħu, iċċarrtet il-Purtiera tat-Tempju, u l-post ipprojbit u l-Ħajja bla tmiem li kienu miċħuda lill-bniedem, issa huma miftuħa beraħ għal min jemmen!  Bis-saħħa ta’ Kristu!  Int u jien nistgħu nidħlu hemm fejn qabel ħadd ma seta’ jidħol għax kulħadd kien imniġġes bir-riħa tal-mewt fuqu, u dan kollu għax fdiena Kristu, għax xtrana Kristu, għax iġġustifikana Kristu.  Id-dnub li kien jifridna mill-Ħajja vera, ħadu fuqu Kristu u ħarqu fin-nar tat-tbatijiet tiegħU.  Min jemmen f’dan, jixhidlu l-Ispirtu s-Santu li hu ġust quddiem il-Missier, anke jekk jibqa’ dgħajjef matul il-Mixja tiegħu fuq din l-art.  Għalhekk l-Insara jissejħu “il-Qaddisin” fl-ewwel kitbiet tal-Knisja, anke meta kienu għadhom jgħixu hawn. 

 

Il-fiduċja tan-Nisrani hi mibnija fuq blata soda għax għandu l-fiduċja li jidħol fis-Santwarju, fil-Ħajja veru, mhux bis-saħħa ta’ demmu, tal-isforzi tiegħu, imma bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi jgħaddi mit-triq ġdida u ħajja li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu.  Hekk se tgħidilna l-Ittra lil-Lhud f’din is-silta mportanti.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  9, 24-28;  10, 19-23

 

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.  U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor.  Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.  Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu.  U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistnnewh bil-ħerqa.

 

Ladarba, huti, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi.  Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’  kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.

 

Evanġelju

 

Biex dan kollu jseħħ fina għandna bżonn tal-Fidi, u biex il-Fidi tinbet fina għandha bżonn tixxandrilna l-Aħbar it-Tajba li tkun akkompanjata mill-mogħdija tal-Mulej fil-Ħajja tagħna.  Kollox jiddependi mill-Ispirtu s-Santu.  Huwa Hu li jnissel u jkabbar il-Fidi fina.  Huwa Hu li jdawwal lil għajnejna biex f’fatti li jiġrulna, fl-Istorja tagħna, naraw lil Alla għaddej biex iġorrna miegħu lejn il-Ħajja vera. 

 

Alla poġġa l-Knisja fid-dinja biex hi tkun għajn ta’ Tama, Dawl fid-dlam, tħabbira ta’ Ħajja ta’ Dejjem f’post fejn jgħammru l-mewt, l-egoiżmi, il-vjolenża, l-inġustizzja...  Dan hu x-xogħol tal-Knisja: li xxandar li l-Purtiera tat-Tempju ċċartet; Kristu, r-Ras tagħna, diġa daħal fil-Qaddis tal-Qaddisin, u min jagħmel parti minnu se jidħol hemm hu wkoll, żgur.  Għax Hu għamlilna Wegħda, qalilna l-qari ta’ qabel, u Hu jżomm Kelmtu.  Fuq il-blat hi mibnija t-Tama tagħna, Hallelujah!

 

Versett:  Hallelujah.  Morru għallmu l-ġnus kollha, igħid il-Mulej; jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.  Hallelujah.

 

Għeluq tal-Evanġelju ta’ San Luqa.  24, 46-53

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati, u jqum mill-imwiet fit-tielet jum, u li lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm, tixxandar f’ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet.  Intom xhud ta’ dan.  U jiena, ara, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri.  Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma tkunu tlibbistu bil-qawwa mill-għoli.”

 

Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u refa’ idejh u berikhom.  U ġara li, huwa u jberikom, infired minnhom u kien imtella’ fis-sema.  Huma xteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin bil-ferħ reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju, ibierku ’l Alla.

Last Updated ( Saturday, 07 May 2016 )
 
< Prev   Next >