Wednesday, 16 August 2017
           
Home
GHID IL-HAMSIN (PENTEKOST╚) 2016 SOLENNIT└ TAL-MIGJA TAL-ISPIRTU S-SANTU IT-TWELID TAL-KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 May 2016

Din hija il- Liturgija  ta' Ghid il-Hamsin ( Pentekoste' ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

pentecostes024.jpg
 L-Ispirtu s-Santu fuq L-Appostli

 

Għid il-Ħamsin, bil-Grieg Pentekostè, iwassal l-Għid il-Kbir għall-milja tiegħu.  Dak li kellu jagħmel Kristu għall-bniedem, kull bniedem, għalija u għalik, għamlu fil-Misteru tal-Għid li fih hu fdiena, ħalsilna dejna, ħa fuqu Hu s-saħta li d-dinja ġġorr minħabba l-qtugħ minn Alla.  Imma l-fejqan veru tad-dinja, almenu f’dawk li jemmnu, beda jseħħ fil-Pentekostè.  Mingħajr l-Għid ta’ Kristu m’hemmx Pentekostè, imma mingħajr Pentekostè m’hemmx Għid, lanqas.  L-Aħbar it-Tajba tal-Kristjaneżmu seħħet fil-Għid, imma niżlet f’qalb il-bniedem, fejn jeżistu l-ġrieħi li jwassluh biex jidneb, fil-Pentekostè.  L-Appostli raw l-Għid ta’ Kristu jseħħ b’għajnejhom, imma dan l-Għid, li hu Misteru wara kollox, biddlilhom qalbhom u xegħelhielhom b’għaġeb lil hemm min-natura meta invadihom l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla f’Għid il-Ħamsin. 

 

Kien fil-Pentekostè li l-Appostli ġew imdawla tassew fuq x’għamel Kristu għalihom u għad-dinja kollha.  Qabel il-konverżjoni li tahom l-Ispirtu bi Grazzja, l-Għid kien biss ġrajja oħra ta’ persekuzzjoni mid-dinja għal dak li hu qaddis, veru u tajjeb... u r-rebħa tat-tajjeb fil-Qawmien ta’ Kristu.  Storja li fil-fatt ftit li xejn kienet tikkonċernahom personalment.  Forsi ħafna minna jaħsbu hekk ukoll.  Forsi għal ħafna minna l-Għid hu biss storja oħra ma’ tant oħrajn li hemm fil-Bibbja, forsi l-isbaħ waħda, imma storja oħra li spiċċat tajjeb.  L-Għid ta’ Kristu huwa l-uniku sens għall-ħajja, barra minnu kollox hu frugħa, bih kollox jieħu sens... imma dan wieħed jifhmu bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Inutli titgħallem; inutli taqra; inutli timmedita; inutli tisma’, u tisma’, u tisma’... jekk ma ttirx spark mill-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt u tqabbad dan kollu li nisimgħu, naqraw eċċ, kollox jibqa’ mejjet, niexef, jonqsu xi ħaġa mportanti.  Hu l-Ispirtu s-Santu, hija l-esperjenza ta’ Pentekostè f’ħajtek li tqabbadlek kollox f’Ħuġġieġa li ssaħħanlek qalbek, li ddawlek, li tagħmlek bniedem ġdid.

 

Nistennew il-Pentekostè b’ħerqa u b’għatx, għax il-miġja tal-Ispirtu fina hija l-ikbar grazzja li nistgħu nirċievu, l-aqwa ħaġa li jista’ jagħtina l-Missier, u l-iktar talba li tagħmel sens li nistgħu nitolbu.  Il-festi tal-Knisja m’humiex biss tifkira solenni, imma fuq kollox Memorjal, jiġifieri dak li seħħ darba qed jerġa jseħħ waqt li jiġi mfakkar.  Dan hu mportanti, u dan jgħinna nishru u nistennew.  Min jaf jekk il-Mulej jgħaddix minn ħajjitna bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu din is-sena?

 

L-Ewwel Qari

 

Id-dnub tal-bniedem huwa wieħed: is-suppervja li ġġagħlu jaħseb li Alla mhux Missieru imma rival tiegħu li jxekklu, li jiġġilidlu, li ma jħallihx jagħmel dak li jrid.  Dan kien li ġiegħel lil Eva ttawwal idejha lejn is-siġra fil-‘parabbola’ tal-Ġnien tal-Għeden; dan kien li ġiegħel il-kotra tipprova “tilħaq is-sema” bit-teknoloġija ta’ dak iż-żmien u hekk il-bniedem jagħmel lilu nnifsu Alla flok Alla, jakkwista l-indipendenza minn Dak li hu jissuspetta fuqU.  Din hija l-mewt.  Dan hu t-taħwid. Dan hu l-firda tal-bniedem minn Alla u minn bniedem ieħor.  Il-firda fl-ilsna li huma mitkellma hu biss xbiha tal-firda li hemm fil-bniedem minħabba li-qtugħ tiegħu minn Alla.  Babel huwa l-kontra tal-Pentekostè.  F’Babel tidher ċar il-problema, l-insigurta tal-bniedem.  Fil-Pentekostè jitfaċċa ħruġ minn din il-qagħda tal-biża’.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi:  11, 1-9

 

L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed.  Iżda ġara li, meta telqu mil-Lvant, sabu pjanura f’art Singħar, u qagħdu hemm.  U qalu lil xulxin: “Ejjew nagħmlu ġebel tat-tafal u naħmuh fil-foħħarija.”  Il-ġebel tagħhom kien tal-fuħħar, u flok tajn kienu jużaw iż-żift.  Imbagħad qalu: “Ejjew nibnu belt għalina u torri, b’quċċata tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu monument għalina ħalli ma nitferrxux ma’ wiċċ l-art kollha.”

 

U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin.  U qal il-Mulej: “Arahom daqsxejn, ġens wieħed huma, u jitkellmu lsien wieħed.  U dan għadu l-bidu tax-xogħol tagħhom!  Issa kull ma jfettlilhom jagħmlu ma jaqtagħlhomx qalbhom.  Żul ħa ninżel hemm inħabblilhom ilsienhom biex ma jifhmux ’il xulxin.”

 

U minn hemm il-Mulej xerridhom ma’ wiċċ l-art kollha, u huma waqfu mill-bini tal-belt.  Għalhekk issejħet Babel, għax hemmhekk il-Mulej ħawwad ilsien l-art kollha, u minn hemm il-Mulej xerridhom ma’ wiċċ l-art kollha.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Festa tal-Pentekostè mhix biss festa Nisranija.  Hija ferm eqdem minn hekk.  Fi żmien l-Appostli kienet diġa festa antika ħafna, saħansitra qabel il-ħruġ tal-poplu mill-Eġittu.  Fil-bidu kienet festa agrarja: il-ħsad tal-ewwel frott bikri tas-sena.  Kien ikun żmien ta’ ferħ għal popolazzjoni li kienet tiddependi għall-ħajja totalment minn dak li tagħti l-art.  Meta l-frott kien ikun kotran, kien ikun hemm ferħ kbir u għors liema bħalu waqt il-ħsad tal-għelieqi u l-bniedem kien iħoss li għandu joffri lura xi ħaġa lil Alla mill-kwantità li kien ikun tah.  Din kienet il-festa tal-Pentekostè fil-bidu nett.

 

Kien fiż-żmien li kienet taħbat din il-festa, li Iżrael wasal quddiem il-muntanja Sinaj fil-ħruġ tiegħu mill-Eġittu.  Alla għażel din il-festa biex fiha jagħmel mal-poplu tiegħu il-Patt tas-Sinaj.  Dan kien mument enormi u ta’ mportanza kbira għall-poplu.  Iżrael għaraf li hu kien il-poplu magħżul minn Alla, li tiegħu kienu l-popli kollha, biex miegħu jagħmel ftehim, biex lilu juri ruħu, juri min hu tassew.  Fuq il-Muntanja Alla tahom il-Liġi tal-Qdusija, Liġi li kellha turihom ir-rejaltà tagħhom, il-fatt li huma ma kinux jistgħu jobduha għax in-natura tagħhom, bħal tagħna, kienet waħda midinba.  Kienet l-impossibiltà ta’ din il-Liġi tal-Qdusija li ġegħlet lil Iżrael jittama f’wirja oħra ta’ Alla, wirja aktar profonda, aktar vera: il-Miġja tal-Messija.  Mid-dgħufija tal-bniedem quddiem il-Liġi tal-Ħajja vera, tnisslet it-tama u l-istennija għall-Mibgħut, għal Kristu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  19, 3-8a.  16-20b.

 

F’dak iż-żmien: Mosè tela’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u tgħarraf lil ulied Israel: ‘Intom rajtu x’għamilt lill-Eġizzjani.  Jiena rfajtkom fuq ġwienaħ l-ajkli u ressaqtkom lejja.  Issa, jekk tisimgħu sewwa leħni u tħarsu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-ġnus kollha.  Għaliex l-art kollha kemm hi hija tiegħi.  Tkunu għalija saltna ta’ qassisin, ġens qaddis.’  Dan hu l-kliem li għandek tgħid lil ulied Israel.”

 

Mosè mar u sejjaħ lix-xjuħ tal-poplu u qiegħed quddiemhom kull ma ordnalu l-Mulej.  Il-poplu kollu, b’leħen wieħed, wieġeb: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.”

 

Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja.  Instama’ wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp.  Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma’ Alla; u waqfu f’riġlejn il-muntanja.

 

Il-muntanja Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar.  Id-duħħan beda tiela’ ’l fuq bħad-duħħan ta’ forn, u l-munanja kienet titheżżeż kollha.  Kull ma jmur, id-daqq tat-tromba beda dejjem jitqawwa.  Imbagħad Mosè tkellem, u Alla wieġbu b’ragħda.

 

U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-Muntanja Sinaj, u l-Mulej sejjaħ ’il Mosè biex jitla’ fuq il-quċċata tal-muntanja.

 

It-Tielet Qari

 

Għidna li quddiem il-Liġi ta’ Mosè, il-bniedem jogħtor, iħossu dgħajjef, u jekk hu sinċier, ikollu jammetti li jekk din il-Liġi hija ritratt tal-bniedem ta’ Alla, allura huwa ’il bogħod minn dan, huwa midneb.  Il-Liġi turina x’inhi l-Ħajja.  Barra minnha hemm biss mewt, telqa, egoiżmi, ġiri wara r-riħ, diżappunti... dnub.  Dan hu l-għadam niexef li jara Eżekjel fil-wied.  Hu qari mpressjonanti!  Dan l-għadam huwa jien u int.  Fittixna l-Ħajja u sibna l-mewt.  Ġrejna wara l-Ferħ u ksibna dwejjaq u frustrazzjoni.  Ħlomna bin-‘Nirvana’ u xjaħna u bqajna l-istess.  Ittamajna f’xorti tajba u bqajna ma tlajna qatt fil-lotterija tal-Ħajja.  Hemm xi tama għalina?  Naqraw dan il-qari.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 1-14.

 

F’dak iż-żmien: Id il-Mulej qabditni u ħaditi bl-ispirtu tal-Mulej, u qegħditni f’nofs wied.  Dan kien miżgħud bil-għadam.  Huwa għaddieni dawramejt madwarhom; kien hemm kotra bla qjies fuq wiċċ il-wied, u kienu nexfin qoxqox.  U l-Mulej qalli:  “Bin Adam, jista’ dan il-għadam jerġa’ jieħu l-ħajja?”  Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu.”

 

U qalli: “Ħabbar lil dan il-għadam u għidlu: Ja għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej.  Hekk qal Sidi l-Mulej lil dan il-għadam niexef: ‘Ara, jiena se nġib fik ir-ruħ, u inti terġa’ tgħix.  U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam u ngħattik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ.  U inti terġa’ tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej.’

Imbagħad ħabbart kif orndali.  U jiena u nħabbar instema’ ħoss, u ara, il-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma.  Jien ħarist, u ara, ġew fihom in-nervi, telgħalhom il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom.  U qalli: “Ħabbar lir-ruħ; ħabbar, bin Adam, u għid lir-ruħ: ‘Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ja ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, u jerġgħu jieħdu l-ħajja.’”

 

Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.  U qalli: “Bin Adam, dan il-għadam huwa d-dar kollha ta’ Israel.  Ara, huma jgħidu: ‘Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għal kollox.  Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom.  Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom,ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Israel.  Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi.  u jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.  Nagħtikom il-mistrieħ f’artkom, u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għidt u hekk nagħmel.”

 

Ir-Raba’ Qari

 

Dak li l-bniedem ma jistax jagħmlu b’idejh, iwettaqulu l-Ispirtu s-Santu.  Jekk il-Liġi hi dejjem pass lil hemm minn idu, jekk il-Ħajja vera, is-sens veru tal-eżistenza, is-sliem kotran, il-Ferħ li kull bniedem ifittex il-ħin kollu... l-Imħabba, wara kollox... dan kollu jiżloq tant minn idejna... jinagħtalna b’rigal, b’xejn, gratis, bi Grazzja u jġibulna l-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu li Kristu rebaħ għalina bil-Mewt u l-qawmien tiegħu.  Dan l-Ispirtu mhux xi ħaġa ‘cheap’ li tagħfas il-buttuna u jiġi.  Hu jixtieq jiġi, imma hemm prezz.  L-Appostlu San Ġwann fl-Apokalissi jibda jibki u jolfoq kemm jiflaħ għax jinduna li m’hemm ħadd li kapaċi jħallas dan il-prezz għall-Ispirtu... hu prezzjus wisq.  L-ebda qaddis ma akkwistah bil-merti tiegħu.  Min se jħallas il-prezz għalina, liema merti jakkwistawhulna?  Il-merti ta’ Kristu.  Il-merti tal-ubbidjenza tiegħu għar-Rieda tal-Missier li ħassret id-diżubbidjenza tagħna.

 

Dan l-Ispirtu tal-għaġeb li jbiddel qalb il-bniedem, lemħu mill-bogħod il-Profeta Ġoel.  Hu jibqa’ mistagħġeb bil-ġenerożita ta’ Alla li jitfa’ r-ruħ tiegħu fil-bniedem biex il-bniedem jiret dak kollu li hu ta’ Alla.  Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ meta jagħmel dan, imma hu ġeneruż fuq li ġeneruż ma’ kull min jemmen fl-Opra Qaddisa li wettaq Ibnu.  “Jeħlisha kull min isejjaħ isem il-Mulej”, (3, 4), jgħidilna l-profeta.  Kull min isejjaħ l-Isem ta’ Ġesù għax tassew jemmen fiH, jirċievi l-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn, Ħajja għal Dejjem, il-Ħajja ta’ Alla nnifsu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel.  3, 1-5.

 

Dan jgħid il-Mulej: “Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.  Uliedkom iħabbru, subien u bniet, ikollhom ħolm ix-xjuħ tagħkom, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.  U fuq l-ilisera wkoll, irġiel u nisa, insawwab l-Isġirtu tiegħi f’dawk il-jiem.  Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni ta’ duħħan!  Ix-xemx tinbidel fi dlam u l-qamar f’demm qabel ma jasal jum il-Mulej, kbir u tal-biża’!  Jeħlisha kull min isejjaħ isem il-Mulej; għaliex fuq il-muntanja ta’ Sijon u Ġerusalemm ikun hemm il-meħlusin, kif qal il-Mulej; u fost il-maħrubin ikun hemm min isejjaħlu l-Mulej.

 

Il-Ħames Qari

 

Il-Ġenesi jqabbel il-bnedmin mifrudin minn Alla ma’ poplu wieħed li jinfired fi ġnus differenti, b’lingwi, manjieri, użanzi, kulturi, drawwiet differenti... ħafna drabi għedewwa ta’ xulxin, vittmi tal-ispirtu vjolenti li min hu mbiegħed minn Alla jitgħabba bih.  Eżekjel iqabbel il-qagħda tal-bniedem ma’ wied mimli għadam: xbiha perfetta tal-inkapaċità tal-bniedem li jeħles mill-egoiżmu u l-biża’ tal-mewt u jibda jħobb tassew lil kulħadd. 

 

San Pawl iqabbel il-bniedem bla Alla ma’ mara fl-uġigħ tal-ħlas, tokrob u titniehed fix-xewqa tagħha li teħles. Il-bniedem hu dan.  Hu ma jafx, hu għama, hu aljenat.  Jaħseb li hu mejjet għal iktar flus, iktar imħabba, iktar fama, iktar suċċess, iktar sess, iktar serq, iktar poter, iktar xalar, xiri, ġiri mad-dinja...  Hu ma jafx li l-għatx tiegħu, il-krib tiegħu huwa għall-Ispirtu s-Santu!  Mur għidlu!  Xi wħud jindunaw.  Dawn jistennew bis-sabar għax għandhom tama, mhux iktar fl-affarijiet tad-dinja għax indunaw bil-gidba, imma fl-Ispirtu “li jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tneħid li ma jistax jitfisser bil-kliem”.  (8, 26).

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 22-27.

 

Ħuti: Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nnifisna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna.  Għax aħna wkoll salvati bit-tama.  Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma jkunx hemm aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa qiegħed jara?

 

Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m#aħniex narawh, qegħdin nistennewh bis-sabar.  Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, igħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kiem; u Dak li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu, kif bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

 

Evanġelju

 

Dan hu qari qasir imma prezzjuż.  Kristu jqum fuq saqajh għax imbuttat minn ħeġġa liema bħalha għal dak li kien se jgħid.  Jiftaħ ħalqu u mhux jitkellem imma jgħajjat, ixandar, iħabbar u jipproklama!  “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob u minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj!”  Din sentenza prima!  Min jixrob minn Kristu l-Ispirtu s-Santu, hu stess isir għajn li minnu jixrob l-istess Spirtu ħaddieħor!  Possibbli li din il-Wegħda Kbira tgħodd għalina, tgħodd għalik u għalija?  Imma possibbli?  Jew il-Bibbja, bħall-kotba l-oħra miktuba mill-bniedem, hi mimlija ħwejjeġ li rridu naraw xi jfissru, li jduru mal-lewża, li jgħidu ħaġa u jfissru oħra...  Il-Bibbja hi l-Kelma ta’ Alla u l-Evanġelju huwa l-Aħbar it-Tajba tiegħU għal kull min hu fqir.  Għax trid tkun ‘fqir’ u umli biex tittama li dak li qed jgħid Kristu llum huwa għalik.  Iva, għalik!  Int, forsi, anzi aktarx, tixxennaq għal ħwejjeġ oħra, imma lilek Alla jrid jagħtik l-Ispirtu Qaddis tiegħu u fik in-nies tara dan l-Ispirtu u tixtiequ u tiġi tixorbu minnek.  Dawn huma ħwejjeġ tal-għaġeb.  Dan kollu jiġri fil-Knisja, għax wara kollox il-Knisja hija l-ġabra ta’ nies li għaddew minn din l-esperjenza, nies sempliċi, komuni, bħalna, li rċivew bi grazzja l-Ispirtu li għamel minnhom “Kristjani”.

 

Ritornell:  Hallelujah.  Ejja, Spirtu s-Santu,imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  7, 37-39.

 

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam igħid b’leħen għoli: “Min jieġdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.”

 

B’dan ried ifisser l-Ispirtu s-Santu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih – għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma ġiex mogħti billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.

 

 
< Prev   Next >