Sunday, 22 October 2017
           
Home
SOLENNITÀ TAT-TRINITÀ QADDISA ID-DESTINAZZJONI TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 May 2016

Din hija il- Liturgija  tas-Solennita' tat-Trinita Qaddisa bi hsibijiet  min Joe Rapa.

special-trinity.jpg
              It-Trinita' Qaddisa

Fejn jidħol Alla bilfors li nsibu l-Misteru.  Alla wera ruħu lill-poplu tiegħu Iżrael, bil-mod il-mod, bi proċess twil li nsibuh imniżżel b’risq tagħna fil-Bibbja Mqaddsa.  Din il-wirja li Alla għamel tiegħu innifsu quddiem il-bniedem laħqet il-milja kollha tagħha f’Ibnu Ġesù Kristu.  M’hemm xejn iktar dwar Alla li moħħ il-bniedem jista’ jifhem li ma ġiex muri fi Kristu, tant li San Ġwann tas-Salib jgħid li nkunu niżbaljaw jekk nitolbu lill-Missier jagħmel lilu nnifsu iktar ċar għalina għax dak kollu li kellu x’jgħidilna fuqu nnifsu qalulna f’Ibnu.  Anke jekk il-Madonna, u l-istess Ġesù, ġie li dehru li xi mistiċi qaddisin, ma qalu xejn ġdid li ma konniex diġa nafuhom minn dak li qalilna l-Mulej Ġesù.

 

Imma xorta waħda jibqa’ l-Misteru dwar Alla, u ma jistax ikun mod ieħor għax Hu kbir wisq u aħna ċkejknin bil-bosta. Qisna dak in-nemlu jitkaxkar mal-art, hemm fejn tibda muntanja kbira u għolja mmens.  Kulma qiegħed jara n-nemlu hija żrara li qegħda quddiemu, u anke din hija kbira għalih.  Lanqas biss jiflaħ jgħolli għajnejh lejn xifer il-muntanja, aħseb u ara jara l-quċċata tagħha.  Għalih teżisti biss iż-żrara ta’ quddiemu.  Ħafna nies jgħixu hekk.  Kollha kemm aħna għandna din it-tentazzjoni, li għalina teżisti biss iż-żrara ta’ quddiemna, din il-ħajja ċkejkna u qasira, bil-frugħat tagħha.  L-eternità hija spazju nfinit li moħħna jitgħażżen jaħseb fuqu. 

 

 

U hawn tidħol il-Fidi.  Bil-Fidi naraw ħafna ’l fuq.  Il-bniedem mhux bħal dak in-nemlu, mela.  Fost il-ħlejjaq kollha, huwa l-bniedem l-uniku li kapaċi jidħol fid-dinja tal-Fidi.  Il-Fidi hi dejjem rigal ta’ Alla.  Hawn min għandu u hawn min m’għandux.  Anke dan hu misteru.  Min għandu l-Fidi jaf li din ma ġabhiex b’idejh.  Kristu qal, “Henjin dawk li ma rawx u emmnu!”  In-nies tal-Fidi huma ħafna, ħafna ġġudikati minn dawk li m’għandhomx Fidi.  Id-dinja ma tistax tifhem il-bniedem tal-Fidi għax hu qed jgħix esperjenża li hi ma tistax tgħix.  Il-bniedem materjali jemmen biss fl-affarijiet li jara u jħoss.  Għalih l-importanti huma l-flus u s-saħħa.  Fuq dawn tiddependi s-sigurtà tiegħu u s-serħan tal-moħħ.  Imma dawn l-affarijiet ma jistgħu qatt jissodisfawh għax f’dak kollu li hawn fid-dinja hemm is-susa tal-mewt tiekol bil-mod il-mod.  Kollox għad irid jitnawwar u jmut. Anke l-blat żonqri jispiċċa, aħseb u ara s-saħħa miskina tagħna. 

 

Għalhekk hija l-Fidi li tgħolli l-bniedem ’il fuq mill-ħlejjaq kollha.  Il-Fidi hija leħen misterjuż fil-profond tal-bniedem li jagħtih xhieda li Alla jeżisti, li Alla hu Missieru għax ried li hu jinħalaq, li dan Missieru jħobbu u li bagħatlu lil Ibnu liebes laħam ta’ bniedem bħalu biex il-bniedem ikun jista’ jitħabbeb ma’ Alla u jiret mingħandu l-Ħajja ta’ Dejjem.  Il-Fidi tiftaħ quddiem il-bniedem bieb għal xi ħaġa kbira, meraviljuża u kemm kemm titwemmen: il-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja Dejjem, il-Ħajja għal Dejjem.  Alla biss għandu din il-Ħajja. Hu biss jgħix għal dejjem.  Imma hu jagħtiha lill-bniedem b’rigal.  Hija l-Fidi li twassalna għal dan.  Aħna nirtu n-natura ta’ Alla u nsiru parti minnu, saħansitra bħalu, jasal biex jgħid l-Evanġelista San Ġwann, għax għad jasal jum li b’għajnejna naraw lil Alla hekk kif inhu.  Dak in-nhar in-nemlu jara l-muntanja kollha kemm hi, anzi jiġi mtella’ hemm fuq u jara dak li qatt ma kien joħlom li jista’ jara!

 

Għalhekk min daq xi naqra minn din il-Fidi, bi grazzja, jiġġennen meta jara xi ħadd min uliedu jiżżufjetta b’dawn l-affarijiet.  Lil uliedu jgħidilhom biex jistudjaw u jippreparaw ruħhom għas-snin li għandhom iqattgħu hawn, imma fuq kollox jgħidilhom biex ifittxu lil Alla, jitolbu għal Fidi dejjem iktar matura, għax hemm biss qegħda l-Ħajja ta’ Dejjem u la fil-flus, la fis-suċċess, la fil-karriera u lanqas fis-saħħa.  L-affarijiet li naraw u mmissu b’idejna huma għal ftit ta’ żmien, iżda l-ħwejjeġ li naraw biss bl-għajnejn tal-Fidi jibqgħu għal dejjem. 

 

Qegħdin niċċelebraw f’dan l-ewwel Ħadd fuq il-Pentekostè, il-Misteru tat-Trinità.  Dan hu l-ikbar Misteru tal-Fidi tagħna.  Hemm għad irridu naslu.  Ninsabu f’Mixja, f’pellegrinaġġ f’din id-dinja.   Kulma jiġrilna, sabiħ jew ikrah, hu parti minn dan il-pellegrinaġġ, dan il-vjaġġ qaddis lejn l-għaqda tagħna mat-Trinità Qaddisa.  Kollox jieħu sens b’din il-viżjoni.  Iblah il-bniedem li jaħseb li hu għal hawn, għax mhux.  Ħafna mill-affarijiet li jagħmel il-bniedem, jagħmilhom għax jaħseb li hu se jibqa’ hawn, għax jaljena ruħu mill-verità.  Aħna resqin lejn is-sema pajjiżna.  Santa Roża ta’ Lima qalet: “Li kieku l-bnedmin jiftħu għajnejhom u jaraw lejn xhiex aħna resqin, lejn liema sbuħija, lejn liema għana ta’ wirt, kieku minn qalbhom, anzi b’qalbhom kollha jħaddnu t-tbatijiet u l-kuntrarji kollha li toffri din il-ħajja, għax kollox jgħin sabiex naslu hemm.”  U naslu hemm fejn?  Naslu għand it-Trinità Qaddisa li minnha toħroġ is-sbuħija kollha li wieħed jista’ jimmaġina.

 

L-Ewwel Qari

 

L-ewwel qari tal-Festa tat-Trinità ipoġġi quddiemna l-Għerf.  Kull tip ta’ għerf li jesa’ moħħ il-bniedem huwa xrara mill-Għerf li hu Alla.  L-Għerf veru huwa Alla.  Mhux għerf bħal dak tad-dinja.  Mhux dak l-għerf li aħna nsejħulu inteliġġenza, għalkemm anke din ġejja minn Alla.  L-Għerf veru hu dejjem umli, ma jerfax rasu, ma jikkompetix ma’ ħaddieħor.  Hu l-għarfien ta’ xi ftit mill-Misteru ta’ Alla li hu Mħabba.  Biex tidħol fl-intimità mal-Imħabba li hi Alla m’għandekx bżonn l-għerf skont id-dinja, lanqas it-tagħlim tagħha.  L-Għerf veru huwa esperjenza: bħal meta wieħed iħobb tfajla u ma jeżisti xejn ħliefha għalih.  Anzi iktar minn hekk.  Ħdejn l-għarfien tal-Imħabba li Alla għandu għalik, kulma jleqq fid-dinja hu knis, rimi, karfa ttir mar-riħ, jgħid San Pawl.  Min għandu dan l-Għerf, jistagħġeb dwar kemm inkwieta għal xejn, kemm ħela saħħtu fuq frugħat, kemm tbaqbiq, kemm pressjoni fir-ras. 

 

Dan l-Għerf waħdieni kien jeżisti qabel ma nħalqet l-ewwel traba tad-dinja; qabel il-‘Bib Bang’ li jħobbu jsemmu daż-żmien... u għada  pit’għada jiskopru xi ħaġa oħra... imbagħad xi ħaġa oħra.  Il-Ktieb tal-Proverbji, ktieb minn tat-Testment il-Qadim li hu mimli għerf qaddis, jitkellem fuq dan l-Għerf li hu parti minn Alla u li fil-milja taż-żminijiet, ġie jgħammar magħna, ġie jimxi fit-toroq tagħna, twieled kif nitwieldu aħna u saħansitra daħal fl-esperjenza tal-mewt bħalna, biex idawwal dak li hu l-iktar imdallam u jaqtagħlna n-nifs.  Dan l-Għerf huwa Ġesù Kristu, il-Messija, il-Mibgħut tal-Missier għalina.

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji.  8, 22-31

 

Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta' għemilu,

sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.

Sa minn dejjem twaqqaft,

mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.

Kien għad m'hemmx  l-ibħra l-kbar, meta

tnissilt jien,

kien għad m'hemmx għejun inixxu l-ilma;

qabel ma tqiegħdu l-muntanji,

qabel l-għoljiet jien twelidt.

Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba'

tagħha,

u lanqas l-ewwel traba ta' l-art.

Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,

meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,

meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,

u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta' qiegħ il-baħar;

meta ħażżeż trufijiet il-baħar,

biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;

meta qiegħed sisien l-art,

jien kont maġenbu bħala tfajjel,

l-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor,

nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;

nitliegħeb fuq l-art imħejjija

għall-bnedmin,

nitgħaxxaq b'ulied il-bnedmin.

 

Salm Responsorjali

 

Kull bniedem għandu salib xi jġorr.  Mingħajru la nimmaturaw fil-Fidi u lanqas fil-għaqal tal-bnedmin.  Imma s-salib, it-tbatija tal-ħajja m’għandhomx jagħmu l-bniedem mill-fatt li huwa mdawwar bi grazzji u rigali ta’ Alla.  Santu Wistin jgħid: “Ħares madwarek u ara tarax xi ħaġa li mhix grazzja!”  Il-ħajja nnifisha, il-fatt li ġejt jien u mhux xi ħaddieħor floki... din diġa grazzja kbira.  Is-sbuħija tan-natura, il-moħħ li bih Alla għamilna kapaċi naħkmu u nużaw tant affarijiet, il-ħlejjaq li qegħdin għall-qadi tagħna... tant ġenn ta’ sbuħija jwassal lis-salmista biex jesklama: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?”  Tassew, x’inhu l-bniedem biex int tibagħtlu lil Ibnek biex għalih iħallas prezz hekk għoli ħalli jkun jista’ jsir aqwa mill-allat, aqwa mill-anġli saħansitra jixbaħ lilek?!  Fid-dinja nbatu jkollna, jgħidilna l-Mulej, imma tibżgħux, jiena rbaħtha d-dinja.  Din hi l-ikbar grazzja, ikbar mill-ħolqien, ikbar mis-sbuħija kollha li hawn madwarna: l-Imħabba tal-Missier għalija u għalik li ntweriet fi Kristu. 

 

Sabiħ Salm 8 li se nisimgħu, imma xorta jibqa’ fqir biex jesprimi l-gratitudni li għandu jħoss il-bniedem quddiem il-ġenerożità ta’ Alla.

 

Ritornell:  Mulej, Alla tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna,

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Int qegħedt is-sebħ tiegħek 'il fuq mis-smewwiet.

 

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa,

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih,

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem

 tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar,

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna,

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

It-Tieni Qari

 

Il-Misteru tat-Trinità Qaddisa ħadd ma jista’ jifhmu, u lanqas għandna bżonn nifhmuh.  Li għandna bżonn nifhmu u ngħarfu huwa kif jaħdem Alla fil-ħajja personali tagħna.  Alla huwa Mħabba u din l-Imħabba ntweriet lilna fi Kristu, f’dak li Kristu wettaq għalina.  Imma biex ngħarfu dan il-ġid kbir li ġie mogħti lilna għandna bżonn il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu rebbieħ fuq il-mewt li joħroġ mill-Missier u l-Iben. 

 

Fil-qari li ġej San Pawl jitkellem fuq kelma li hu jħobb juża: il-Ġustifikazzjoni.  Din hi kelma mportanti ħafna fil-Fidi tagħna, u hija kontroversjali wkoll.  Kull bniedem li jersaq lejn Alla jiġi mdawwal fuq ir-rejaltà tiegħu, li hi rejaltà ta’ dnub, rejaltà ta’ jasar, rejaltà ta’ sens ta’ ħtija, rejaltà ta’ kemm il-ħajja li qegħdin ngħixu hija ’il bogħod mill-Ħajja vera, mill-Ħajja ħielsa, ’il bogħod mis-sens veru li għalih ġejna maħluqa.  Isaija jesprimi din il-qagħda tajjeb ferm meta ħass lil Alla qrib tiegħu.  Hu qal: “Imsejken jien! Bniedem b’xofftejh imniġġsa jien u ngħammar fost poplu ta’ xofftejh imniġġsa!” (Is. 6, 5).  Anke San Pawl kellu esperjenza simili u quddiem il-verità dwaru nnifsu huwa jokrob u jgħid: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tad-dnub?”  (Rum. 7, 24). 

 

Huwa ċar li l-bniedem ma jistax jeħles lilu nnifsu, jipprova kemm jipprova.  Xi ħadd aqwa minnu biss seta’ jaqilgħu minn din is-sitwazzjoni ta’ ħtija, ta’ mewt, ta’ jasar.  U dan ix-xi ħadd aqwa minnu mhu ħadd ħlief Alla nnifsu li jinżel biex jaħtfu mill-ħofra fil-persuna ta’ Ġesù.  Imma l-opra ta’ Kristu tiddependi mill-Fidi.  Kull min jemmen fi Kristu, anke jekk hu midneb u dgħajjef, huwa ġġustifikat quddiem il-Missier.  Il-Missier ma jarahx aktar bħala midneb, imma jara fih l-ubbidjenza ta’ Ibnu, is-sagrifiċċju ta’ tpattija ta’ Ibnu, il-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu.  Dan kollu rċevejnih bħala żerriegħa fil-Magħmudija, imma jikber u jieħu n-nar iktar kemm timmatura l-fidi tagħna.  Kollox bi Grazzja. 

 

Il-Grazzja tal-Ġustifikazzjoni hija rigal enormi.  Il-bniedem jinża’ mill-ħtijiet tiegħu kollha, mill-kumplessi kollha, u mill-iskrupli wkoll.  Il-fatt li jaf li hu ġust quddiem Alla, u dan bil-merti ta’ Kristu, jagħtih ħelsien, jagħtih Imħabba lejn min ħabbu tant, lejn l-Uniku li ma tqażżiżx minnu, u din l-Imħabba lejn Alla tintwera bil-fatti fl-Imħabba lejn il-proxxmu, lejn kulħadd. 

 

Rigal ieħor barra dan li l-Ispirtu s-Santu jagħtina hu d-dixxerniment li ‘naraw’ bl-għajnejn tal-Fidi li dak kollu li jiġrilna hu għajnuna biex aħna nidħlu dejjem iktar f’dan il-Misteru meraviljuż tal-fidwa ta’ Kristu.  Għalhekk San Pawl se jgħidilna xi ħaġa li hi bluha għad-dinja: in-Nisrani jiftaħar bit-tbatijiet, jiftaħar bis-salib li qed iġorr f’ħajtu, għax bid-dixxerniment tal-Ispirtu, jagħraf li dawn it-tbatijiet qed jagħmluh jixbah dejjem iktar lil Kristu, jixbah dejjem iktar il-ferħ u l-ħelsien tiegħu.  Kollox fih sens fi Kristu, xejn b’kumbinazzjoni, xejn b’xorti ħażina.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  5, 1-5

 

Ħuti: Issa li għandna l-ġustifikazzjoni bil-bidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih nidħlu għal din il-grazzja li fiha ninsabu issa.  Aħna niftaħru minħabba t-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.

 

U mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar iġib il-prova,u l-prova ġġib it-tama.  U t-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fina permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

Evanġelju

 

Fl-Evanġelju, Ġesù jagħti qima lill-Ispirtu s-Santu u jfaħħar l-opra enormi u qaddisa li jaħdem fil-bniedem tal-fidi.  Dak kollu li akkwistalna Kristu, dak kollu li wettaq b’risq tagħna, it-taħbit u t-tbatijiet tiegħu, kienu jkunu għalxejn mingħajr id-dawl tal-Ispirtu fi qlubna.  L-Għid ta’ Kristu hu bla siwi, qisu qatt ma ġara, li kieku ma jkunx l-Ispirtu s-Santu li jurihulna hu, bħalma wrieħ lill-Knisja fil-bidu tagħha fil-Pentekostè.  L-Appostli nbiddlu tassew meta ġew invaduti mill-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin.  Kien f’dak il-ħin li seħħew għalihom il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  Sakemm l-Ispirtu jkun għadu ma wettaqx din ir-rivoluzzjoni fina, aħna nibqgħu ngħixu qisna fit-Testment l-Antik, qisu Kristu għadu ma mietx u qam mill-mewt għalina.  Kristu jibqa’ biss storja li ma tmissx tassew lil ħajjitna.  Għalhekk mingħajr ma trid ikollok tinnota li ħafna pagani jew nies bierda, imma li għandhom karattru tajjeb, huma l-istess bħal ħafna Nsara li għadhom ma ltaqgħux ma’ din l-esperjenza tal-Ispirtu.

 

Hu għalhekk li t-talba kostanti, l-ħin kollu, tagħna, għandha tkun biex il-Missier jgħarraqna fl-Ispirtu ta’ Ibnu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt.  Dan hu l-għana veru, il-ġid veru, l-ikbar Grazzja li jista’ jagħtina Alla, it-talba li hi garantita li tinstema’. Wieħed jista’ jitlob biex ifiq u ma jfiqx.  Jista’ jitlob biex jgħaddi minn eżami u ma jgħaddix.  Jista’ jitlob għall-paċi u ħlief gwerer ma jarax.  Għax Alla jwettaq ir-rieda tiegħu li hi ħafna iktar għarfa mill-pjanijiet tagħna.  Imma hemm talba, li Kristu jgħid li l-Missier jismagħha u jwettaqha żgur fina, u din hi t-talba għall-Ispirtu.  Dan hu li d-dinja tassew għandha bżonn. 

 

Il-Verġni Marija tgħinna f’din it-talba meraviljuża u safja għax hi daqet x’inhu l-Ispirtu.  Hija titniehed quddiem Binha u tgħidlu: “Dawn m’għandhomx inbid; jiġifiri m’għandhomx ferħ veru, m’għandhomx Ħajja.” Huwa bl-Ispirtu s-Santu biss li aħna nistgħu nitqalu bi Kristu, u San Pawl jgħidilna li dan l-Ispirtu “min-naħħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għalina skont ma jrid Alla.”  (Rum. 8, 26-27).

 

Versett: Hallelujah.  Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu, lil Alla li hu, li kien, u li ġej.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  16, 12-15

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ xi ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux terfgħuhom.  Meta jiġi hu, l-Ispirtu tas-sewwa, imexxikom lejn is-sewwa kollu; għax hu ma jitkellimx minn rajh, imma jgħidilkom dak kollu li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.  Hu jsebbaħni, għax jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.  Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi.  Għalhekk għidt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”

Last Updated ( Saturday, 21 May 2016 )
 
< Prev   Next >