Saturday, 16 December 2017
           
Home
HADD WARA T-TRINITÀ QADDISA (2016) IT-TIFKIRA SOLENNI TAL-GISEM U D-DEMM TA’ KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 May 2016

Din hija il- Liturgija  tas-Solennita' Tal-Gisem u D-Demmm ta' Kristu bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus-loaves-and-fish.gif
        Gesu jaghmel il-miraklu tal-hobz
                             u l-hut

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hija l-qofol tal-Ħajja Nisranija, il-milja ta’ dak kollu li Alla ta lill-bniedem, ir-radd ta’ ħajr tal-bniedem lil Alla għal dan il-ġid kollu, u fuq kollox hija l-Memorjal tal-Għid ta’ Kristu li fih il-Knisja, in-Nisrani, jerġa’ jgħix mill-ġdid il-mewt u l-Qawmien tal-Iben ta’ Alla b’risq tiegħu.  Issa, anke jekk hawn diġa għidna ħafna, l-Ewkaristija, terġa’, hi aktar minn hekk, imma, fuq dak li għidna wieħed jista’ jikteb ktieb sħiħ, u nkitbu kotba bla għadd minn awturi famużi.

 

Għidna li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hija l-qofol tal-Ħajja Nisranija, hija ċ-ċentru tal-liturġija tal-Knisja Kattolika.  Il-Knisja għandha storja ta’ għana bla qjies fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tagħha, imma l-Ewkaristija dejjem kienet il-kalamita li ġibdet lill-bniedem lejn Alla.  Hija s-sagrament li fih l-Ispirtu s-Santu jxerred il-barka tiegħu fuq min jgħixha b’intenżjoni safja u b’qima qaddisa.  Hija l-ossiġnu, l-arja safja ta’ Alla nnifsu li kull bniedem għandu bżonn.  Kemm bnedmin, għajjiena bl-Istorja tagħhom, sabu s-serħan u l-aptit li jkomplu jgħixu f’Ewkaristija mmexija tajjeb, f’Ewkaristija ħajja, partiċipata min-nies, b’kant imqanqal mill-Fidi, Ewkaristija bla għaġla, kollha sbuħija u qima.  F’dan is-sens, l-Ewkaristija tassew li hija festa.  Hija l-inbid ġdid li l-Verġni Marija talbet lil-Ġesù biex jipprovdi fit-tieġ ta’ Kana.  Hija l-passaġġ, il-mogħdija, mill-medjokrità tal-ħajja materjali għall-esperjenza ta’ dik li hi l-Ħajja vera li Alla jixtieq jagħtina. 

 

L-Ewkaristija hija l-milja ta’ dak kollu li Alla ta lill-bniedem, għax il-milja tal-għotja ta’ Alla huwa Ibnu, Kristu Ġesù, u dan jinagħta u jerġa’ jinagħta mill-Missier b’risq min ikun preżenti għaċ-ċelebrazzjoni.  Il-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu mill-qagħda midinba u mjassra tiegħu, imma l-Missier fetaħlu t-triq għal Ħajja Ġdida fi Kristu u l-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu fl-Ewkarisitija.  L-Iskrittura titkellem ħafna fuq il-waqgħa tal-bniedem, li qed jgħix ħajja mhux dik li l-Missier xtaq li jgħix, imma tip ta’ eżistenza ħafna, ħafna nferjuri.  Anżi l-bniedem huwa mjassar minn egoiżmu li hu frott tal-insigurtà tiegħu.  Huwa mġiegħel il-ħin kollu juża kulma jagħmel biex jaċċetta lilu nnifsu xi ftit iktar.  Għalhekk dejjem għaddej jippjana, jivvinta, l-ħin kollu sejjer u meta jfallu l-pjanijiet tiegħu, qisha waqgħet id-dinja.  Għalhekk, fil-fond il-fond, kull bniedem huwa tallab, jittallab li jkun aċċettat, stmat, maħbub.  Għaliex dan?  Għaliex waqa’ f’din il-qagħda l-bniedem?  Għax tilef iċ-ċertezza tal-bidu li Alla hu Missieru u li l-mewt ma setgħetx tmiss miegħu ladarba Hu jħobbu tant.  Din iċ-ċertezza nbidlet f’dubju u tkompli titgħarraq  meta l-maħluq jibda jara f’Dak li ħalqu, rival, għax ir-rieda divina hi dejjem differenti mir-rieda tiegħu.  Dan id-dubju fis-subkonxju tiegħu il-bniedem ma jistax jaqbad u jaqilgħu ’il barra hekk...  Għalhekk, quddiem Alla, huwa dnub serju kull meta aħna niġġudikaw lil xulxin.  Alla ma jiġġudikax lill-bniedem għas-sempliċi raġuni li Hu jaf tajjeb il-qagħda ta’ jasar li fih jgħix.  Kristu nnifsu laqat il-musmar fuq rasu meta qal: “Jien ma ġejtx fid-dinja biex niġġudika l-bniedem imma biex insalvah.”  (ara Ġw. 3, 17). 

 

L-opra ta’ Kristu hi l-aqwa biċċa xogħol spiritwali u anke politika li qatt seħħet fl-istorja tal-bniedem.  Hu sfronda l-ħajt żonqri li kien jagħlaq lill-bniedem fid-dubju tiegħu u sar Spirtu li jagħmel mill-bniedem ħlejqa totalment ġdida.  Il-bniedem jeħles mill-jasar billi jitwieled mill-ġdid fi Kristu, fil-Fidi tiegħu fi Kristu, għax Kristu kien l-ewwel wieħed li, bil-passjoni u l-Qawmien tiegħu, twieled mill-ġdid u fetaħ it-triq għal purċissjoni ma taqta’ qatt ta’ nies “ġodda” u ħajjin tassew.  Kull Ewkaristija hija Memorjal ta’ dan kollu.  ‘Memorjal’ ifisser li jerġa’ jseħħ dak li jkun qed jiġi mfakkar.  Il-Quddiesa tfakkar, terġa’ tgħix il-Passjoni,  il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu; l-għotja tal-Ġisem u d-Demm tiegħu.  Waqt li aħna preżenti nistgħu nidħlu fl-esperjenza tal-ispettaklu ta’ dak li Kristu wettaq għalina għax l-Ewkaristija hija l-Għid tal-Iben ta’ Alla, il-mogħdija tiegħu mid-dlam tal-Passjoni u d-daħla terribbli f’dirgħajn il-mewt għad-Dawl ġdid tal-Qawmien għal Ħajja eterna, bla tmiem, u li ma tistax tiġi misruqa lilek.  Kemm hi tal-għaġeb l-Ewkaristija!  X’għajb li dawwarniha f’Liġi li trid tattendi għaliha bil-fors għax tagħmel dnub, u allura tant nies iħarsu lejn l-arloġġ qisu qed tinsterqilhom il-Ħajja u mhux tinagħta lilhom!

 

Quddiem dan il-ġid kollu li l-bniedem jirċievi, dejjem bil-Fidi fi Kristu, hu jimtela bi gratitudni, b’radd il-ħajr.  Min jista’ jifhem dan ħlief il-priġunier meħlus miċ-ċella tiegħu; l-ilsir mixtri minn benefattur kbir biex jinagħta l-ħelsien; il-marid għall-mewt imfejjaq mill-biża’ ta’ din l-esperjenza orribbli?  Għalhekk l-Ewkaristija hija wkoll radd il-ħajr lil Alla, anżi l-aktar ringrazzjament safi u għoli li l-Knisja toffri lil dak li ħatafha mill-ħama li kien qed jiblagħha.  Dwar dan jagħti ħjiel l-ewwel qari li għandna llum.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-kelma “Ewkaristija” ġejja mill-Grieg u tfisser “ringrazzjament”, “radd il-ħajr”.  Is-sens safi tal-Ewkaristija hija li l-ġemgħa tiltaqa’ biex tfaħħar lil Alla tal-ġid kollu li jkun għamel magħha.  Nimmaġinaw Knisja ċkejkna miġbura ġo dar fl-ewwel mitt sena ta’ wara Kristu, komunità magħmula minn ex-pagani li ġew trasformati mis-smigħ tal-Aħbar it-Tajba.  Il-bieb tal-ħabs infetaħ beraħ għalihom, ‘gratis’.  Bla ma kien ħaqqhom irċivew Fidi ħajja li tathom garanzija li minn ilsira saru ulied is-Sultan.  Kienu tassew konxji tal-fatt li l-verità hija li huma ħajjin, maħluqin, għal dejjem u l-mewt ma kellha l-ebda setgħa iktar fuqhom.  Għeb il-biża’ u l-egoiżmu, u twieldet fihom l-Imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, saħansitra lejn l-għadu għax dan ma seta’ jagħmlilhom xejn aktar.  Għalihom l-Ewkaristija kienet splużjoni ta’ ferħ billi kienet tkellimhom il-ħin kollu fuq din l-esperjenża meraviljuża li kellhom ta’ Alla li ħenn għalihom.  X’ma jirringrazzjawhx u ma jroddulux ħajr!  Jekk l-Ewkaristija tinsab fi kriżi llum, dan għax m’għandniex dan it-tip ta’ Fidi, din l-urġenza u t-tqanqil li nfaħħru u nirringrazzjaw lil Alla minn qiegħ qalbna.

 

Il-Ġenesi se jurina dan. Il-qari hu qasir ħafna, u xott, imma jekk niflu r-rakkont naraw li Abraham daħal f’basla minħabba neputih li kien maqbud priġunier minn forzi armati ta’ ħames slaten allejati li kienu ħarbtu l-art ta’ Kangħan.  Abraham ma kienx bniedem tal-gwerra; ma kienx ġeneral jew xi kmandant ta’ ġellieda, imma kellu jiġbor lin-nies tiegħu u jaħbat għall-għadu biex jeħles lil Lot bin ħuh.  Ir-rebħa kbira ta’ Abraham ma kinitx xogħol idejh, u dan hu kien jafu.  Kienet konferma li hu kien il-magħżul tal-Mulej, li Alla kien miegħu, kien Missieru.  Ir-rebħa tiegħu kienet Għid, mogħdija mit-twegħir u l-inkwiet għall-ferħ tad-dehra tal-għadu ferm aqwa minnu li ħarab quddiemu. 

 

X’għamel quddiem dan kollu?  Offra sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, xbiha tal-Ewkaristija.  Huwa offra ħobż u nbid, l-iktar żewġ tipi ta’ ikel u xorb sempliċi li kellu l-bniedem f’dak iż-żmien.  Imma kien fihom tifsir profond.  Il-ħobż ażmu kien bla togħma u xott.  Kien jixhed għall-esperjenza ta’ nkwiet, tbatija, kriżi.  L-inbid, mill-banda l-oħra, kien ħelu, jferraħ, jgħinek tagħmel festa.  Abraham irringrazzja lil Alla li għaddih mill-morr tal-inkwiet għall-ħlewwa tas-serħan il-moħħ, mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-ħajja.  Mhux aħna lkoll jiġrilna li l-ħajja tgħaddina minn dawn il-passaġġi ħafna drabi?  Għalhekk l-Ewkaristija għandha tkun parti minn ħajjitna għax titkellem fuq dan kollu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  14, 18-20

 

U Melkisedek, sultan ta' Salem, li kien qassis ta' El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u  l-inbid.  U bierku u qallu:

 

“Mbierek Abram minn El-għeljon, 

li għamel is-sema u l-art.

U mbierek El-għeljon 

li reħa f'idek l-għedewwa tiegħek.”

 

Salm Responsorjali

 

Melkisedek jidħol f’daqqa waħda fl-istorja ta’ Abraham, u f’daqqa waħda joħroġ minnha.  Din il-figura misterjuża hija ta’ bniedem li kien sultan ta’ Salem, l-isem antik ta’ Ġerusalemm, u wkoll qassis ta’ Alla l-Għoli, El-għeljon, kif kien magħruf il-Mulej f’dak iż-żmien.  Ftit ħafna kienu n-nies li kellhom għarfien ta’ Alla l-veru.  Abraham innifsu qatt ma kien sema’ b’isem il-Mulej għal parti sostanzjali ta’ ħajtu.  Infatti Alla beda juri min hu lill-bniedem permezz ta’ Abraham, imma ekku, li f’daqqa waħda jidher dan Melkisedek, li mhux biss kien għaraf min hu l-Mulej imma kien ukoll qassis tiegħu. 

 

Dan il-bniedem misterjuż, il-qassis ta’ Alla mhux magħruf f’dak iż-żmien, weħel mal-immaġinazzjoni Lhudija u anke Nisranija bħalma jixhed is-Salm tal-lum.  Abraham kellu rispett kbir lejn dan il-bniedem qaddis li ġie jiltaqa’ miegħu wara l-battalja mal-ħames slaten, tant li offrilu l-għexur, jiġifieri taħ waħda minn kull għaxra tal-ġid li kiseb minn fuq dahar l-għedewwa tiegħu.  Billi hu jidher fil-ġrajja u jisparixxi f’daqqa waħda bla ma ħadd jaf xejn fuq twelidu jew mewtu, fuq l-antenati tiegħu jew fuq dawk li tnisslu minnu, hu ħa l-fama ta’ xi ħadd etern li la twieled u lanqas miet.  Infatti s-Salm 110 jiddiskrivi lis-Sultan ta’ Iżrael bħala qassis għal dejjem bħal Melkisedek.

 

Għall-Insara dan is-Salm hu Salm messjaniku, jiġifieri jitkellem fuq il-Messija li hu Ġesù.  L-Ittra lil-Lħud timbotta fil-fond din l-ideja li Kristu hu l-qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek, għax billi offra Ġismu u Demmu għall-qerda bħala sagrifiċċju ta’ tpattija għall-umanità kollha, Kristu huwa l-Qassis per eċċellenza.  Infatti fl-ewwel mijiet ta’ snin tal-Knisja, l-kelma “Qassis” kienet tintuża biss għal Kristu u għal ħadd iktar.  Dawk li llum iwettqu l-ministeru saċerdotali kienu jissejħu f’dak iż-żmien, “Presbiteri”, kelma li reġa’ skopriha l-Konċilju Vatikan II, imma li għadha ma ġietx f’ilsien in-nies.  Kristu huwa l-uniku Saċerdot għax hu ma offriex il-laħam u d-demm ta’ ħaddieħor jew ta’ xi annimal, imma tiegħu stess.  U billi hu rebaħ il-mewt bil-Qawmien tiegħu, jistħoqqlu t-titlu ta’ “Saċerdot, qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek.”  (v. 4). 

 

Ritornell: Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!

 

Salm 110

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:

"Oqgħod fuq leminti,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek jibgħat

il-Mulej minn Sijon:

aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

 

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek fuq

l-għoljiet imqaddsa,

sa minn qabel is-sebħ

bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih:

"Inti qassis għal dejjem

bħal Melkisedek!"

 

It-Tieni Qari

 

Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, Pawlu jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Ma jidħolx fid-dettalji taċ-ċelebrazzjoni għax qiegħed jikteb lil nies li kienu diġa kkatekiżżati minnu fuq l-Ewkaristija u kienu jafu bl-amment id-dettalji u t-tifsir ta’ kollox. 

 

Il-Knisja tal-bidu kienet taf tajjeb li l-Ewkaristija Nisranija ħarġet mil-lejl tal-Għid Lhudi, anke jekk din il-ħaġa, maż-żmien, tgħattiet b’ħafna veli ta’ devozzjonijiet, biex imbagħad reġgħet ġiet miksuba lura fil-Konċilju.  Kull sena l-Lhud kollha kienu jagħmlu Memorjal, ċelebrazzjoni tal-ħruġ tagħhom mill-Eġittu.  Din iċ-ċerimonja ma kinitx issir fit-Tempju imma kienet ċelebrazzjoni domestika, jiġifieri fid-dar, fil-familja, bil-missier iċ-ċelebrant li kien imexxi kollox.

 

Dan il-lejl tal-Għid kien ta’ mportanza kbira għal kull familja Lhudija, u għadu hekk sal-lum. Iċ-ċerimonja laħqet il-qofol tal-importanza fi żminijiet ta’ dijaspora, żminijiet li fihom il-poplu kien imferrex ’l hawn u ’l hinn, ’il bogħod minn pajjiżu, bħal fi żmien l-Eżilju f’Babel, jew fiż-żmien tal-lum ukoll meta miljuni ta’ Lhud jgħixu emigranti f’pajjiżi barranin.  Hu ta’ mportanza għax mhux sempliċi tifkira imma Memorjal, kif diġa għidna, u allura l-familja kienet tħoss u temmen li waqt li qegħda tiċċelebra l-ħruġ mill-Eġittu, dan il-ħruġ Alla kien qiegħed iwettqu magħhom ukoll u anke huma kien se jirritornaw lejn l-Art li Alla wegħedhom. 

 

Kristu waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija propju f’dan il-lejl li huwa xtaq li jiċċelebra mal-appostli tiegħu.  Huwa kien iċ-ċelebrant ewlieni li ppresjieda dan il-lejl li fih hu kien ittradut.  Iżda minflok il-ħobż ażmu u l-inbid li kienu jużaw il-Lhud bħala offerta, huwa offra lilu nnifsu kollu kemm hu billi bidel f’Ġismu l-ħobż li kellu jittiekol mill-għeżież tiegħu u f’Demmu l-inbid li kellu jinxtorob minnhom biex jispiċċa jiġri fil-vini tagħhom.  Fl-Ewkaristija, Kristu jilħaq il-quċċata tal-għotja ta’ Alla lill-bniedem.  Anzi l-Ewkaristija xxandar u tiċċelebra u terġa’ tagħmel iseħħu l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù llum.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  1 Kor. 11, 23-26

 

Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobżu wara li radd il-ħajr qasmu u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi."  Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: "Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b'demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b'tifkira tiegħi."  Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

 

Evanġelju

 

Il-Knisja minn dejjem xebbhet il-miraklu kbir tat-tkattir tal-ħobż mal-miraklu tal-Ewkaristija.  Il-Lhud kellhom it-tradizzjoni li l-Kelma ta’ Alla hi ikel tassew, ikel li jqawwi l-bniedem fit-taqbid u t-taħbit ta’ kuljum.  Isaija ġa kellu dik il-profezija famuża u poetika li tgħid: “Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax?  Isimgħu minni, u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.”  (Is. 55, 2).  U fil-Kotba tal-Għerf, l-Għerf iqabbel lilu nnifsu ma’ bankett kbir, festa ta’ ikel mill-aqwa li għaliha kulħadd huwa mistieden.  Il-problema hija li ftit huma li jitħajru jilqgħu l-istedina għax ftit jemmnu f’dan l-ikel, f’din il-festa ta’ benna.  Għal kuntrarju, Kristu stess jgħidilna f’waħda mill-parabboli tiegħu, li addirittura, n-nies taħseb li Alla se jeħdilha xi ħaġa meta jistedinha għall-festa tiegħu u allura min iġib skuża mod u min skuża mod ieħor.  M’aħniex ’il bogħod minn dawn in-nies aħna!

 

Tassew li l-Kelma ta’ Alla hija ikel mill-aqwa, hija l-manna fil-mixi tagħna fl-Istorja ta’ din il-ħajja fuq l-art.  Mingħajrha naqgħu mejta fid-deżert tal-ħajja.  Imma n-Nisrani m’għandux biss l-ikel tal-Kelma, imma fuq kollox għandu l-ikel tal-Ġisem ta’ Kristu u x-xorb tad-Demm ta’ Kristu.  X’affarijiet tal-għaġeb!  Meta Kristu tkellem fuq dan il-Misteru tal-Ewkaristija, il-Lhud fehmu tajjeb x’kien qed jgħid, tant li ħasbuh miġnun.  Tant rawha kbira din li tawh dahrhom u ħallewh, anke dawk li kienu ġa emmnu fih.  Ġew skandaliżżati mill-Ewkaristija! 

 

Min seta’ jemmen li Alla kien se jinżel tant fil-baxx li jsir ikel u xorb għall-bnedmin!  Aħna drajna b’dan l-għaġeb minn mindu bdejna nimxu u meta ġejna mdaħħla f’dan il-Misteru, għamlulna festa kbira.  Imma kemm hu faċli li nieħdu din l-għotja totali ta’ Alla ‘for granted’.  Intqal li min jimla l-ilma ġo barmil imtaqqab jibqa’ b’xejn.  Min jiġbor il-Grazzja tas-Sagramenti tal-Knisja b’Fidi mtaqqba minn kullimkien, b’xiber imnieħer jibqa’.  Għax dawn l-affarijiet huma prezzjużi wisq u mhux lakemm tagħfas buttuna u joħroġ dak li trid int.  Is-Sagrament jiddependi mill-qjies tal-Fidi li għandi.  Għalhekk il-parroċċa għandha jkollha l-ewwel għan tagħha li tgħin in-nies jikbru fil-Fidi, u dan għandu jidher fl-istrutturi tagħha.  Inutli kumdità ta’ sagramenti bħalma għandhom il-parroċċi tagħna kollha, biex imbagħad nilqgħu dawn il-waqtiet ta’ Grazzja f’barmil imtaqqab, b’Fidi tat-tfal.  Fuq żewġ binarji timxi l-ferrovija: il-binarju tal-pastorali sagramentali... u f’dan ma jonqosna xejn sakemm jibqa’ jkollna vokazzjonijiet; u l-binarju tal-katekeżi, tad-daħla fil-Fidi adulta... u hawn qed neħlu; hawn għandna l-faqar. 

 

Din hija l-ġlieda li l-Knisja qed tiffaċċja fil-pajjiżi tal-punent.  Jekk ġenerazzjoni tfalli milli tgħaddi l-Fidi lill-ġenerazzjoni li tiela’ warajha, nistenbħu jum wieħed u nsibu li l-Fidi tkun għabet!  Hekk ġara fl-Ewropa fejn il-knejjes li kienu tant għeżież darba, u li kienu l-mimmi ta’ għajnejn il-popli Ewropej, illum qed jinbiegħu għal supermakets, lukandi u affarijiet ħafna u ħafna inqas jixirqu minn dan.  Nitolbu lil Alla jgħinna u jibgħat fuqna l-Ispirtu tad-dixxerniment biex ngħarfu x’għandna nagħmlu, għax kbira hi r-responsabiltà li għandna, u lkoll se niġu mistoqsija fuq dan f’Jum il-Ħaqq.

 

Versett:  Hallelujah.  Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema, igħid il-Mulej; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  9, 11b – 17

 

Il-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta' Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. 

 

Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: "Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet  tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f'post imwarrab."  Iżda hu qalilhom: "Agħtuhom intom x'jieklu." Qalulu: "Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!"  Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: "Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin."  Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda. 

 

Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa' għajnejh lejn is-sema, berikhom u  qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom lin-nies.   U kulħadd kiel u xaba' u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

 

Last Updated ( Tuesday, 07 June 2016 )
 
< Prev   Next >