Sunday, 25 June 2017
           
Home
L-GHAXAR HADD MATUL IS-SENA (2016) ALLA TAL-GHEGUBIJIET PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 June 2016

Din hija il- Liturgija  ta' L-Ghaxar Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

widows_son_02.gif
 Gesu jqajjem mil-mewt lil Bin
l-armla

Laqtitni l-Antifona qawwija tal-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd, meħuda minn Salm 26: “Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża’?  Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; quddiem min għandi nitwerwer?”  (S. 26 1-2).  Kristu Ġesù ġie fid-dinja mibgħut mill-Missier propju għal dan: biex ineħħi mill-bniedem il-biża’ tal-mewt li jdur madwaru malli titfaċċa problema.  Salm ieħor jgħid: “Bħan-naħal daru miegħi, bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu” (S. 118, 12).  Il-biża’ jġiegħel lill-bniedem iwettaq ħwejjeġ orribbli, dnubiet kbar għax in-niggieża tal-mewt hija d-dnub.  L-insigurtà, il-fatt li jiġu waqtiet li jħossu mhedded, inkwetat, dawn l-affarijiet joħolqu biża’ fil-bniedem li jġagħluh ikun egoistà u mneżża’ mill-kapaċità li jgħaddi għall-ieħor, li jħobb lill-ieħor, li jaħseb fil-bżonnijiet tal-ieħor.

 

Dan il-biża’ quddiem l-Istorja, quddiem xi ġrajja, xi sitwazzjoni, ġej mill-fatt li l-Fidi tkun qed tiġi attakkata.  Il-bniedem iħossu waħdu meta jiddubita jekk Alla hux Missieru jew le, jekk l-Imħabba li hi Alla hix Sidt l-Istorja jew le.  Il-Fidi tidher glorjuża fil-bniedem meta hu jidħol f’sitwazzjoni ta’ mewt waqt li jafda fil-Missier li jdawwar għall-ġid tal-għeżież tiegħu kulma jiġri.  Mhux ta’ b’xejn li San Pawl jgħid: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.  Fejn hi ja mewt ir-rebħa tiegħek? Fejn hi ja mewt in-niggieża tiegħek?”  (1 Kor. 15, 55); waqt li San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu jgħid: “Fl-imħabba ma hemmx biża’; l-imħabba tkeċċi l-biża’ ’il barra.”  (1 Ġw. 4, 18).  Liema Mħabba?  L-Imħabba tal-Missier, tal-Abba, tal-Pa tagħna li Hu wriha ċara meta ċeda u ta lil Ibnu biex isir il-Ħaruf tas-sagrifiċċju u hekk ikollna bi grazzja l-biljett u l-jedd għall-Ħajja li ma tispiċċa qatt. 

 

 

Fil-qari mill-Iskrittura li għandna llum se niltaqgħu ma’ żewġ persunaġġi dgħajfa li jirtogħdu quddiem il-biża’ li din il-ħajja kapaċi toffri lil kull bniedem.  Hawn ħafna nies li jagħmluha tal-bulijiet u jiftaħru li ma jibżgħu minn xejn.  Din hi gidba.  Il-biża’ tal-mewt idur madwar kull bniedem u meta ngħidu l-biża’ tal-mewt ma nirreferux biss għall-mewt fiżika, tal-aħħar, imma wkoll għal kull mewt imsejħa “ontika” fil-psikoloġija, jiġifieri dawk is-sitwazzjonijiet li niltaqgħu sikwit magħhom fejn int titbeżża’ minn xi ħaġa: minn xi aħbar ħażina, minn xi mard, minn xi falliment, jew anke minn kelma li xi ħadd jista’ jgħidlek u li biha jkun għafaslek fuq ġerħa moħbija li ġġorr f’qalbek.  Ngħiduha kif inhi, kull bniedem hu dgħajjef quddiem il-ħajja u jħossu bla sigurtà u waħdu f’ċerti sitwazzjonijiet.

 

Hija l-Fidi f’xi ħadd aqwa minnek biss li tfejqek min-nuqqas ta’ sigurtà.  Il-Fidi, iċ-ċertezza li int maħbub minn Alla tagħtik is-serħan tal-moħħ meta ma tibqa’ tafda f’ħadd, meta ħadd ma jista’ jgħinek.  Se niltaqgħu ma’ tnejn min-nies li huma xbiha tad-dgħufija tal-bniedem, xbiha tal-miżerja umana.  Huma nisa, li fi żmienhom kienu ħafna dgħajfa; biex tagħqad huma romol, u allura bla difiża u bla ħadd li jipprovdilhom; u tilfu liż-żewġ uliedhom subien, it-tama tagħhom li meta jikbru u jsiru rġiel kienu se jieħdu ħsiebhom u jserrħulhom moħħhom.  Dawn iż-żewġ nisa kienu tassew imdawrin biċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt għax għalkemm il-ħajja hi sabiħa, taf tkun iebsa u tagħtik fuq wiċċek.

 

Għaliex Alla jippermetti dan kollu?  Għaliex it-tbatija fid-dinja?  Dan hu misteru kbir li fid-dawl tal-Fidi biss nistgħu nifhmuh.  Ir-risposta tal-Missier quddiem it-tbatija li ġejja mit-tinwir u l-korruzzjoni tan-natura tal-bniedem mhix li jneħħi t-tbatija imma li jdawwalha.  Kif?  It-tbatija u l-mewt huma mdawlin bil-Għid ta’ Kristu.  Hu veru li Kristu wettaq mirakli, imma r-rejaltà l-kbira tal-missjoni tiegħu ma kinitx li jneħħi t-tbatija billi jwettaq miraklu ma’ kulħadd imma li jidħol anke Hu fit-tbatija, fil-mewt biex juri lid-dinja li hemm mogħdija mill-mewt għall-Ħajja, mill-uġiegħ għas-serħan.  Li m’hemmx Qawmien mingħajr il-monstru tal-mewt.  M’hemmx dehra ta’ Alla mingħajr id-dlam tal-kriżi.  M’hemmx ħelsien mingħajr il-jasar.  M’hemmx eżultanza u festa mingħajr it-tensjoni u t-taqtigħ il-qalb.  Huwa d-dlam li jwassal għad-Dawl ta’ Dejjem. 

 

Għalhekk ngħidu li l-Fidi adulta f’Alla tinbena ħafna mill-esperjenza.  Dawn iż-żewġ nisa li se niltaqgħu magħhom illum jekk tistaqsihom għaliex jemmnu f’Alla mhux se jwieġbu bil-katekiżmu ta’ bl-amment imma billi jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom.  Alla jippermetti t-tbatija għax hu hemm, fil-qilla tat-taqbida li l-bniedem jgħajjat tassew lil Alla għall-għajnuna u b’xi mod misterjuż jagħraf li Alla jeżisti, li Alla hu tajjeb, li hu Missieru, li jaħseb għal kollox u li jħobbu hekk kif inhu.  It-tbatija qatt mhi kastig imma opportunità li Alla jippermetti f’ħajjitna biex nesperimentaw dan kollu.

 

Imma dan, jew wieħed jgħaddi minnu jew kollox jibqa’ paroli li jtir mar-riħ.  Għax fit-tbatija, l-bniedem jista’ jispiċċa jidgħi u jisħet lil Alla u lil xortih, u minflok ma jiskopri l-Imħabba, jaħlef li Alla hu rival tiegħu, għadu tiegħu.  Għalhekk il-Fidi hi dejjem miraklu, il-Miraklu Morali jsejħulu fit-teoloġija, l-aqwa miraklu.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Ewwel ktieb tas-Slaten ipoġġi quddiemna lill-profeta Elija li fil-qilla tal-ġuħ li kien waqa’ fuq il-pajjiż, il-Mulej isalvah mill-mewt bl-għajnuna ta’ waħda armla fqira.  Din il-mara kellha passat sigriet li hi u Alla biss kienu jafu.  Alla laqqagħha mal-profeta u wettqet opra tajba miegħu fil-faqar tagħha, imma kienet pagana, mara barranija għal Izrael. Min kienu l-pagani?  Ma kinux nies li ma jemmnux b’Alla.  Anzi kienu nies reliġjużi ħafna u flok Alla wieħed kellhom ħafna, daqs kemm għandna qaddisin aħna.  Il-problema kienet li dawn l-allat kienu biss invenzjoni tal-immaġinazzjoni tal-bniedem li kien joħloq allat skont kif  jixtieq li jkun Alla hu.  Il-pagan jaħseb li l-allat iħobbuh u jgħinuh skont kemm jogħġobhom u jimpressjonahom bl-offerti, bil-flus, bl-opri tajba li jagħtihom.  Dan għandna minnu aħna wkoll jekk nirriflettu ftit.  Il-pagan qatt ma jasal biex jemmen li Alla jħobbu hekk kif inhu, anke bid-dnub tiegħu; qatt ma jasal biex jemmen li m’għandux għalfejn jimpressjona lil Alla għax Alla l-Missier ħabbu meta kien dnub kollu kemm hu, u bagħat lil Ibnu biex ikun tpattija għalih, appuntu għax hu midneb.  Għax Alla jobgħod id-dnub tagħna imma lilna jħobbna hekk kif aħna.  L-uniku wieħed li lilek iħobbok b’dan il-mod.

 

Lil din il-mara minn Sarefta ħdejn Sidon ġratilha biċċa kbira.  Wara li kien mitilha r-raġel, issa mitilha binha wkoll.  Lil Elija tgħidlu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, raġel ta’ Alla, biex dħalt għandi tfakkarni ħżuniti u ġibt il-mewt fuq ibni?” (1 Slat, 17, 18).  Din hija r-rejazzjoni tal-bniedem reliġjuż li jkun għadu ma ltaqax u ma skopriex l-Imħabba ta’ Alla.  Hija rejazzjoni naturali.  “X’għamilt jien biex ġie dan kollu fuqi u ħaddieħor ipappiha?”  U billi aħna lkoll naqgħu u aħna midinbin, naħsbu li dan hu xi kastig.  Kristu qal: “Jien ma ġejtx biex niġġudika lid-dinja imma biex insalvaha.”  (Ġw. 3, 17).  Dik il-mara daħlet fid-dlam tat-telfa biex tiltaqa’ mad-Dawl jiddi tal-Imħabba kbira li Alla kellu għaliha, bi dnubietha b’kollox. 

 

Laqgħa ma’ Mħabba bħal din tbiddel il-qalb tal-bniedem.  Alla jaqla minn ġo qalb il-bniedem il-ġibda lejn id-dnub billi jlaqqa’ l-bniedem mal-Imħabba li għandu għalih.  Fuq l-Imħabba nisimgħu ħafna, imma għandna bżonn il-mument tal-Grazzja li fih jaħdem l-Ispirtu s-Santu biex nemmnu tassew fiha.  U l-mument tal-laqgħa ħajja mal-Imħabba ħafna drabi jseħħ taħt is-salib, fil-mument tat-tbatija.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  17, 17-24

 

Wara dawn il-ġrajja marad it-tifel ta' dik il-mara li kienet sidt id-dar. U ġara li l-marda tqawwiet tant li ma kienx baqagħlu iżjed nifs.  U hi qalet lil Elija:  X'hemm bejni u bejnek, bniedem ta' Alla? Jaqaw ġejt hawn biex tfakkarni fi ħżuniti u toqtolli 'l ibni?”  

 

U hu wieġeb: Agħtini lil ibnek.” U ħadu minn ħoġorha, u tellgħu fl-għorfa fejn kien jgħammar hu, u meddu fuq il-mitraħ tiegħu.  U sejjaħ lill-Mulej u qal: Mulej, Alla tiegħi, fuq din l-armla wkoll, li qiegħed magħha, ridt iġġib il-ħsara u toqtlilha lil binha?”  U mtedd tliet darbiet fuq it-tifel, u sejjaħ lill-Mulej u qal: 'Mulej, Alla tiegħi, ħalli ruħ it-tifel tarġa' lura fih!'  U l-Mulej sama' leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja.  U Elija qabad it-tifel u niżżlu d-dar mill-għorfa, u tah lil ommu; u Elija qalilha: Ara, ibnek ħaj.”  U l-mara qalet lil Elija: Issa naf li int bniedem ta' Alla, u l-kelma tal-Mulej fuq fommok hi s-sewwa.”

 

Salm Responsorjali

 

Jekk naħsbu ftit nindunaw li ħajjet il-bniedem hija sensiela ta’ Għidijiet; Għid wara Għid.  Issa l-Għid għandu żewġt uċuħ: it-tbatija u l-mewt, il-Ġimgħa l-Kbira, fuq naħa; u l-glorja tal-Qawmien fuq l-oħra.  It-tnejn flimkien jagħmlu l-Għid, mhux il-Qawmien biss.  M’hemmx Qawmien mingħajr Mewt u dan Kristu għexu f’laħmu biex jiftaħ triq ta’ Tama għal kull min hu mħabbat u mdawwwar biċ-ċirku tal-mewt.  Is-Salmista, bħal kull bniedem ieħor, kien jaf x’inhi t-tbatija; kien jaf x’inhuma l-għedewwa li jgħammru, mhux barra minna, imma ġo fina, l-ispirti tal-ħażen li jagħmlulna tant ħsara psikoloġika bil-gideb tagħhom.  L-għadu l-veru tagħna huwa msejjaħ minn Kristu, “missier il-gideb”.  Is-salmista jfaħħar lil Alla li taħ ir-rebħa fuq l-għedewwa, fuq il-biża’, fuq is-sitwazzjoni ta’ mewt li għadda minnha.  Lil Alla jgħidlu: “Mulej, tellajtli lil ruħi mill-imwiet, ħlistni minn dawk li jinżlu fil-ħofra.”  (S. 28, 2).  Min minna m’għaddiex minn dan?  Għalhekk l-Iskrittura hi dejjem ħajja.  Min minna ma kienx riesaq lejn il-ħofra... hawn mhux qed jitkellem fuq il-qabar imma fuq esperjenza eżistenzjali li fiha tħossok li messejt il-qigħan tal-art, li ma tistax tinżel ’l isfel aktar.  Min minna ma sebaħx għalih wara d-dlam tal-lejl u tgħallimna li nkwetajna għal xejn, li ħsibna li Alla telaqna għalxejn għax kien magħna l-ħin kollu jistenna l-waqt li fih jinżel u jaħtafna ’l barra?  Għalhekk dan il-bniedem tas-salm jgħid: “Filgħaxija jidħol il-biki, filgħodu jfeġġ il-hena.  Int bdiltli fi żfin l-għali tiegħi u għalhekk infaħrek għal dejjem.”  Qed taraw kif Alla joħroġ il-ġid mit-twegħir; jibni l-Fidi mit-tifrik ta’ xi esperjenza kerha...

 

Ritornell: Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

 

Salm 29

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki,

fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.

 

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.

Għalhekk ruħi tgħannilek bla head.

 

It-Tieni Qari

 

Iltqajna ma’ miraklu kbir fl-Ewwel Qari u se naraw ieħor daqstant kbir fil-Vanġelu.  Parti mill-missjoni ta’ Ġesù kienu l-mirakli li għamel; imma mhux dawn kienu l-aktar parti mportanti tax-xogħol tiegħu.  Infatti, għalkemm Huwa wettaq ħafna mirakli, x’uħud li belhu lil min kien preżenti, bħal dak li se naqraw illum, Hu ma fejjaqx lill-morda kollha ta’ pajjiżu.  Anzi.  Il-mirakli kienu dejjem magħmulin bil-qjies u bi skop mhux ta’ fejqan fiżiku biss. 

 

Anke l-Appostli, warajH, inagħtatilhom din il-Kariżma mill-Ispirtu s-Santu, iżda anke huma ma ħassewx li Alla kien bagħathom fid-dinja biex iwettqu l-mirakli.  Il-miraklu dejjem seħħ bi skop li titwemmen il-Kelma l-ewwel u qabel kollox.  Għax altru li mhux faċli li titwemmen il-Kelma ta’ Alla.  Ma rridux ninsew li qed ngħixu f’dinja li hi ddominata mill-Princep tagħha li huwa satana.  F’kull ġenerazzjoni din is-setgħa tad-dlamijiet tieħu xeħta differenti.  Fi żmienna hija l-kultura dominanti ta’ ateiżmu u sekularizzazzjoni; ta’ telfien tal-valuri kollha, tant li kollox sar xejn mhu xejn.  Hija kultura li qed taħtaf id-dinja b’ħeffa tal-għaġeb.  Altru li Kristu qiegħed dejjem jilgħab ‘away’ hawn.  Id-dinja mhix pajjiż in-Nisrani.  Pajjiżu hu x’imkien ieħor.  Għalhekk li wieħed jemmen il-Kelma ta’ Kristu hi xi ħaġa li tmur kontra n-natura mwaqqa’ tal-bniedem.

 

Kristu kien iwettaq il-miraklu meta kien iħoss li mhux emmnut, anżi mgiddeb.  Pietru u Ġwanni fejqu l-mifluġ fl-Atti tal-Appostli għax ħadd ma ried jemmen li dak li kien ġie msallab fuq forka tal-kriminali kien Bin Alla, kien il-Messija li kienu ilhom tant jistennew.  Tassew li mhux faċli.  Il-miraklu jgħin biex, almenu dawk li jkunu preżenti, jiftħu widnejhom u qalbhom għall-Kelma.  Malli l-Kelma tibda titwemmen, jieqfu l-mirakli.

 

U x’ħin jieqfu l-mirakli jibda jseħħ miraklu ikbar: il-Miraklu Morali li hu l-miraklu tal-konverżjoni, tal-bdil fil-qalb, tar-rivoluzzjoni sħiħa fil-ħajja tal-bniedem.  Min jaf kemm, issa stess, qiegħed iseħħ dan il-Miraklu kbir f’nies li dejjem kienu iebsa għall-Kelma.  Għax Alla qiegħed jaħdem il-ħin kollu, anke jekk ħafna drabi xogħlu ma jidhirx.

 

San Pawl jitkellem fuq dan il-Miraklu tal-konverżjoni li għal Alla hu l-iktar ħaġa mportanti.  Dawk li jxandru lil Kristu jgħidulek li biex il-bniedem ikun ferħan mhux tant importanti li jekk ikollu sieq waħda isirlu miraklu u jiġi normali, imma li jseħħ fih il-miraklu li jiltaqa’ mal-Imħabba ta’ Alla li timlilu lil qalbu u li turih ċar li s-salib tiegħu huwa Grazzja.  San Pawl għadda minn din l-esperjenza, u tant ħasditu u qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq li kemm fl-Ittri tiegħu u anke fl-avventuri tiegħu fl-Atti tal-Appostli nsibuh jirrepeti din l-esperjenza tiegħu: l-uniku fatt li ġagħlu jemmen li, wara kollox, Kristu kien tassew l-Iben ta’ Alla u kien qam mill-imwiet u kien ħaj għal dejjem. 

 

Issa l-konverżjoni tagħna m’hemmx għalfejn tkun daqshekk spettakolari!  Biżżejjed inkunu naqraw il-Bibbja, jew qed nisimgħu lil xi ħadd ixandar lil Kristu, jew xi ġrajja, xi mogħdija tal-Mulej minn ħajtek... jekk f’waqt wieħed l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla jmisslek qalbek, kollox jieħu n-nar.  Dan hu tal-għaġeb.  Kristu għandu l-ħila jibdel lilek u lili llum stess u jagħmel minna qaddejja tiegħu li jaqduh mhux bil-fors imma bl-entużjażmu u l-ħeġġa kollha.

 

Pawlu kellu nar jaqbad f’għadmu, li ma setax iżommu.  Dan in-nar ma kienx minnu nnifsu imma minn Alla.  Għalhekk, jekk Pawlu ġera ma’ kullimkien ixandar dak li kien jaf li hu l-verità, dan għamlu mhux għax kien aħjar minn ħaddieħor, iżda għax seħħ fih il-Miraklu Morali, xogħol il-Mulej.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.  1, 11-19

 

Dan ngħarrafkom, ħuti: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien m'huwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.

 

Intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija, kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta' Alla u nfittex li nħarbatha; u kemm kont 'il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta' mpari, mġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta' missirijieti.  Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku.

 

Mbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd; iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu jippreżentalna xena tixbaħ lil dik tal-armla ta’ Sarefta fl-Ewwel Qari.  Hija xena ta’ Għid li jseħħ fil-ħajja ta’ waħda armal u binha;  Għid veru; mogħdija mill-mewt għall-Ħajja; mid-dlamijiet għad-dawl; mill-vistu għall-festa; mill-biki għar-radd il-ħajr. Dan hu li jseħħ, darba wara darba, f’ħajjitna, għalkemm fuq livell iżgħar, imma kull darba li jseħħ l-Għid f’ħajjitna, tikber il-Fidi u jiġrilna dak li jgħid San Pawl: nikbru minn Fidi għal Fidi akbar.  Dan huwa s-sens ta’ ħajjitna: li nikbru dejjem fil-Fidi, fl-għarfien ta’ kemm aħna maħbubin minn Alla; nikbru fl-istennija tal-Ġenna meraviljuża li hemm tistenniena. 

 

Huwa mportanti li nistennew il-Ġenna.  Forsi fl-istennija tal-Ġenna l-Fidi tilħaq l-ogħla punta tagħha, għax l-eskatoloġija jew it-tħannin biex ningħaqdu ma’ Kristu fis-Saltna tiegħu għal dejjem kapaċi ġġib fix-xejn il-biża’ tal-mewt.  il-mewt ma tibqax mostru imma ssir ħabiba li tiftħilna l-bieb lejn il-post fejn irridu mmorru.  Din tkun ir-rebħa vera ta’ Kristu fuq id-dlamijiet u l-biża’ tagħna.  U Kristu kapaċi jagħmlu dan.  Il-martri kienu jmorru jkantaw lejn il-martirju għax il-mewt ma baqgħetx għadu għalihom imma mezz ta’ salvazzjoni għal dejjem, mezz ta’ ferħ, mezz ta’ ħelsien li ħadd ma seta’ jeħodulhom.

 

Immaġinaw in-nies li raw il-qawmien ta’ iben l-armla ta’ Naim!  Ir-rakkont jgħidlna li huma mtlew b’biża’ kbir.  Biża’ ġej minn stagħġib ta’ barra minn hawn.  Dawn in-nies kienu lesti jemmnu dak kollu li kellu x’jgħidilhom Ġesù għax raw b’għajnejhom il-qawwa ta’ Alla.  Ara taħsbu li llum m’għadhomx jiġru mirakli kbar.  Imma dawn ma jitwemmnux jekk ma nkunux preżenti aħna.  Il-Miraklu li jrid iwettaq Ġesù fina hu li jbiddlilna lil qalbna u jagħmilna ċerti li xejn ma jista’ jiġrilna li jifridna mill-Imħabba tiegħu.

 

Versett:  Hallelujah.  Ilqgħu l-Kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.  Hallelujah.

 

Wara dan imbagħad mar f'belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta' nies. 

 

Kif wasal qrib il-bieb  tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta' nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha. "Tibkix," qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: "Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!"  U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.  In-nies kollha tkexkxu bil-biża', u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: "Profeta kbir qam fostna" u, "Alla żar il-poplu tiegħu."  U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

Last Updated ( Tuesday, 07 June 2016 )
 
< Prev   Next >