Saturday, 16 December 2017
           
Home
IL-HDAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2016) KEMM HU FACLI NKUNU NGANNATI! PDF Print E-mail
Written by Administrator   
Saturday, 11 June 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hdax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

spikenard-anointing-feet-of-jesus.jpg
 Il-mara midimba tahsel riglejn
il-Mulej

 

Dawk li qegħdin ifittxu lil Kristu bis-serjetà fil-ħajja tagħhom u għalihom il-konverżjoni mhux sempliċi kelma oħra imma hi esperjenza vera, jafu tajjeb kemm hu faċli għall-bniedem li jkun ingannat, li jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn!  Il-bniedem li jixxennaq li jiskopri l-Imħabba ta’ Kristu, jibda jiskopri wkoll kemm huma setagħna l-qawwiet tad-dlamijiet u li x-xitan mhux xi ċajta, xi karattru ikrah mill-comics tat-tfal, imma hu dell li jgħatti x-xemx ta’ Alla u jgħammar fina, fl-għerien profondi tal-ġewwieni tagħna. 

 

Hu faċli li nilagħbu bl-affarijiet ta’ Alla, li nagħmlu passatemp minn ħwejjeġ qaddisa.  Meta konna żgħar, ħafna minna s-subien konna nilagħbu b’ xi knisja ċkejkna d-dar, bl-istatwi u l-gandlieri taċ-ċomb.  Din in-nostalġija tibqa’ magħna u nħobbu nilagħbu ta’ kbar bil-knisja bla ma nikkonvertu qatt, bla ma nindunaw kemm għandna bżonn konverżjoni;  kemm, għalkemm nidhru ‘tajbin’ u ‘puliti’, il-ħin kollu nirvinaw il-ħolma li Alla għandu għalina.  Sikwit, il-bniedem ma jissaportix iħares lejn ir-rejaltà tiegħu, lejn il-‘Jien’ veru tiegħu, u jdawwar ħarstu fuq ħaddieħor, jinnota d-difetti ta’ ħaddieħor, jiġġudika lil ħaddieħor u jagħti prosit lilu nnifsu.  Din il-ħaġa Alla jistmella għax hi l-kontra tal-konverżjoni sinċiera.  Ħaddieħor għandu bżonn jinbidel, mhux jien.  Kemm nies jinsabu fil-Knisja bl-ispirtu tal-iben il-kbir fil-parabbola tal-‘Iben il-Ħali’!  Min tassew jagħraf lilu nnifsu ma jiġġudika lil ħadd, anzi, bil-mod il-mod, għax din hi ħaġa ferm diffiċli, jibda jara lil ħaddieħor aħjar minnu. 

 

Hija grazzja mis-sema li niskopru d-dnub tagħna.  Ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li dan hu faċli.  Wieħed jinduna hu min hu tassew bi grazzja u mhux b’xi sforz tiegħu.  Ħafna drabi Alla jinqeda b’esperjenzi, bi ġrajjiet, biex iwassalna li nħabbtu fuq sidirna ta’ veru u mhux bi drawwa.  Hu faċli li nindunaw b’ċerti dnubiet bħalma huma s-serq, id-dagħa, iż-żina... imma mhux faċli li nindunaw li quddiem Alla wieħed ikun ħati ta’ qtil meta jqassas fuq ħaddieħor; mhux faċli li wieħed jinduna li dik li għalih hi mħabba mhi xejn ħlief egoiżmu;  li meta jaħseb li qed jaħdem għal Alla jew għas-soċjetà ta’ madwaru mhu jagħmel xejn ħlief li jibni lilu nnifsu, jaħdem għalih innifsu, għall-fama tiegħu, għall-prosit tan-nies.  Fuq kollox huwa ħafna diffiċli li wieħed jiskopri s-suppervja tiegħu li hi nkallata magħna lkoll.  Ix-xitan jidlikna u jfaħħarna u jgħidilna li aħna aħjar minn ħaddieħor u għandu kapaċità li jingannana u jikkonvinċina li għandna raġun meta jkollna tort.  Mhux ta’ b’xejn li luċifru jfisser ‘anġlu tad-dawl’, dak li jġorr id-dawl, għax hekk jidher f’għajnejna.  Jgħidu li San Filippu Neri, saċerdot qaddis minn Ruma, darba dehritlu xbieha ta’ mara sabiħa li qaltlu li hi l-Madonna.  Filippu Neri flok ma feraħ, besqilha, għax kien makakk biżżejjed biex jagħraf l-inganni tal-għadu tiegħu, u dik il-mara nbidlet f’xitan ikrah.  Għax fl-umiltà tiegħu li tiġi mill-għarfien tiegħu innifsu,  hu qal li ma jistax ikun li l-Madonna tidher lil wieħed bħalu.  Il-qaddisin kollha kien jafu tajjeb li huma midinbin bis-serjetà; li jekk Kristu ma jħarisx lejhom u jgħinhom, mitlufin huma.  Kienu jħarsu lejn in-nies ta’ madwarhom u jħabbtu fuq sidirhom u jammettu li kulħadd kien aħjar minnhom.  Imma l-ferħ tagħhom kien mhux fit-‘tjieba’  tagħhom imma f’Ġesù li jħobb lill-midneb, iħenn għalih u ta ħajtu biex jifdih.

 

L-Ewwel Qari

 

David kien wieħed mill-ħafna li x-xitan kien irnexxielu jinganna.  Kien jaħseb li hu xi ħaġa speċjali, il-magħżul tal-Mulej li minn ragħaj għamlu sultan setgħan.  Kien dara bil-favuri ta’ Alla u beda jħares lejh innifsu bħala xi ħadd li li jrid jagħmlu.  Niżel fi dnubiet mill-aktar koroh bla ma nduna.  Adultera mal-mara ta’ ħaddieħor u qisu ma ġara xejn.  Qatel lir-raġel tagħha u qisu ma ġara xejn.  Gideb kemm felaħ lilu nnifsu u qisu ma ġara xejn.  Id-dnubiet ta’ ħafna minna mhumiex daqshekk spettakolari... huma iktar moħbija, sigrieti... imma huma hekk għan-nies mhux għal Alla.  Huwa mument iebes ħafna meta l-Mulej, fil-ħniena tiegħu jurina dnubietna.  Ħafna jirribellaw.  Ma jaċċettawx li għandhom natura mnawra u korrotta;  anżi, s-suppervja tagħhom, is-suppervja reliġjuża tagħhom, tagħtihom raġun anke kontra  l-leħen ta’ Alla, tal-kuxjenza.  Kemm qrar li jieħu ħafna ħafna ħin għax min iqerr mhux jistqarr dnubu jkun imma jiddiskrivi ċ-ċirkostanzi, idur mal-lewża, jiskuża ruħu, isemmi r-raġuni u jirrakkonta ħafna stejjer biex fl-aħħar mill-aħħar ma jumiljax ruħu u jistqarr li hu midneb mill-agħar. 

 

Quddiem l-akkuża terribli tal-profeta, David wieġeb b’erba kelmiet li jidhru sempliċi, imma li huma enormi meta wieħed jgħidhom bis-sinċerità ta’ qalbu: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!”  F’daqqa waħda il-qxur waqgħu minn għajnejh u, mbellaħ, ra lilu nnifsu u l-verità fuqu nnifsu.  Ra kemm kien ingannat.  Hu li kien jaħseb li hu l-favorit tal-Mulej, kien dineb kontra Alla.  Dan ifisser ħafna.  Min jidneb kontra Alla, ħaġa li għamilniha lkoll, ikun ħati ta’ dnub etern fil-kobor tiegħu għax etern hu Alla li dnibna kontrih.  Ħtija enormi huwa d-dnub kontra Alla u min jista’ jpatti għad-dnub tiegħu?  Ħadd.  Ħadd mhu daqshekk kbir li kapaċi jpatti għal dnubu.  Kien għalhekk li kellna bżonn li Alla nnifsu, fil-persuna ta’ Ġesù, jinżel fid-dinja biex bis-sagrifiċċju tiegħu ipatti hu nnifsu għall-ħażen tagħna.  Din hi l-Aħbar it-Tajba għal kull midneb.  David ġie maħfur mhux għax sempliċement nidem.  Il-maħfra hi ħafna ikbar minn hekk u tiswa ħafna iktar!  Dnubu nħafirlu b’antiċipazzjoni tal-merti li kellu jirbaħ għalih Kristu minn fuq is-salib.  Għax il-merti ta’ Kristu jħassru mhux biss id-dnubiet t’issa u ta’ li ġej, imma wkoll tal-imgħoddi.  Kien minħabba Kristu li David ma mietx bħala konsegwenza tal-kruha tad-dnub tiegħu.

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel.  12, 7-10, 13

 

Mbagħad Natan qal lil David: “Inti hu dak il-bniedem! Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jiena dliktek sultan fuq Iżrael, jiena ħlistek minn idejn Sawl; u tajtek id-dar ta' sidek u n-nisa ta' sidek fi ħdanek; tajtek id-dar ta' Iżrael u ta' Ġuda; u jekk dan kien għadu ftit, kont inżidlek daqshekk ieħor. Għaliex mela stmerrejt  il-kelma tal-Mulej u għamilt il-ħażin f'għajnejh? Drabt lil Urija l-Ħitti  bix-xabla, ħadtlu 'l martu b'martek, u lilu qtiltu bix-xabla ta' l-Għammonin. U issa ma titwarrab qatt ix-xabla mill-familja tiegħek talli int stmerrejtni, u ħadt lil mart Urija l-Ħitti biex tkun martek.

  

U David qal lil Natan: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!” U Natan wieġbu: “Il-Mulej ukoll ħafirlek dnubek; int ma tmutx.” 

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm li se nisimgħu se jgħidilna min hu tassew il-bniedem hieni, il-bniedem ferħan, il-bniedem xortih tajba.  Aħna naħsbu li dan hu min rebaħ xi lotterija kbira ħafna... immaġinaw kif ħajtu tinbidel bħal-lejl min-nhar!  Jista’ jagħmel tant affarijiet li qabel kien biss jixxennaq għalihom!  Aħna naħsbu li hieni hu min ikun marid u jaqla’ grazzja kbira u jfiq minn  marda li ma titfejjaqx.  Aħna naħsbu li tassew hieni hu l-bniedem li jirnexxi, li kulħadd jgħidlu prosit, li kulma jipprova jagħmel isir deheb, bħal dak is-sultan Midas li konna naqraw fuqu fuq il-ktieb tal-iskola meta konna żgħar.

 

Il-Kelma ta’ Alla li ħalaq il-Ħajja u ħadd daqsu ma jaf x’inhi l-Ħajja, tgħidilna li iktar hieni minn dawn kollha hu l-bniedem imtaqqal bil-ħtija tad-dnub, dnub li ma jistax jeħles minnu, imma li jinħafer minn Alla.  Il-midneb iqabbluh ma’ bniedem mgħobbi xkora kbira u tqila fuq dahru.  Hu mġiegħel jimxi dejjem iġorr dan it-toqol li jilwih tnejn u dejjem milwi ganċ iħares ’l isfel u qatt lejn is-sema. Sakemm jasal sa fuq  għolja u hemm taħt salib li miegħu kien hemm imsallab Alla nnifsu, titgerbiblu minn fuqu x-xkora ta’ dnubietu u sa fl-aħħar jista’ jqum dritt u jgħajjat bil-ferħ tal-ħelsien tiegħu.

 

Is-Salm jgħid: “Hieni l-bniedem li dnubietu maħfura.  Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej.” (v. 1).  Mhux għax mhux midneb, imma għax dnubu mhux magħdud mill-Mulej.  U tafu għaliex?  Għax jemmen li l-Iben ta’ Alla miet minħabba dnubietu u li għalhekk dnubietu huma mistura, moħbija, imneħħijin min-nofs, qishom qatt ma ġraw.  Dan tfisser il-Maħfra ta’ Alla.  Kull dnub irid jitħallas għax koroh huma l-konegwenzi tiegħu.  Kull dnub joqtol lil min jagħmlu u jisraqlu l-Ħajja.  Kristu ħa fuqu dan kollu u d-dnub tagħna qatlu fuq il-Kalvarju.  Imma l-mewt tiegħu tfisser il-Ħajja tagħna, midinbin.  Dan hu l-ferħ tan-Nisrani.

 

Ritornell:  Aħfirli, Mulej, il-ħażen ta’ dnubi.

 

Salm 31

 

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,

u ma għandu ebda qerq f'qalbu!

 

 Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,

u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.

Jien għedt: "Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti."

U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.

 

Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni,

iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;

għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta' qalbkom safja.

 

 

It-Tieni Qari

 

Fil-Galazja kienet teżisti komunità ta’ Nsara li kienu ġew ikkatekiżżati minn San Pawl.  Darba waħda, grazzja kbira waqgħet fuq din il-belt.  Pawlu inzerta kien għaddej ma’ sħabu minn hemm u beda jxandar l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù.  Ħafna minn dawk li semgħuh ma fehmu xejn u baqgħu sejrin għal xogħolhom.  Imma kien hemm numru mdaqqas li emmnu l-predikazzjoni ta’ Pawlu, emmnu l-Aħbar it-Tajba tal-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù, u saru dixxipli.  Huma emmnu dak li kien ixandar Pawlu: li aħna lkoll, minna nfusna, midinbin.  Twelidna b’natura miġbuda lejn id-dnub.  Jekk inħarsu sa hawn biss wieħed jaqta’ qalbu u jkollu jgħid li kull bniedem huwa mitluf għax ħadd ma jista’ jifdi lilu nnifsu.  In-nies ta’ Galazja emmnuh dan u beżgħu mill-ġudizzju ta’ Alla għax, bi grazzja, raw id-dnubiet kollha li kienu għamlu u kemm kbir kien id-dejn tagħhom ma’ Alla.  Imma Pawlu xandrilhom li jekk jemmnu, huma, għalkemm midinbin, isiru ġusti quddiem il-Missier.  Għaliex?  Għax ikunu emmnu li l-Missier bagħtilhom lil Ibnu stess biex ikun il-preżż li bih jitħallas id-dejn kollu tagħhom.  F’daqqa waħda tinfetaħ triq mill-isbaħ quddiem il-midneb imħasseb.  Bi Kristu, aħna lkoll ġusti quddiem Alla, ilkoll qaddisin, jekk tassew nemmnu li mhux bl-isforzi tagħna, mhux bil-merti tagħna, imma b’dawk li rebaħ Kristu għalina, nistgħu nidhru bojod u ndaf quddiem Alla.

 

Imma wara li emmnu dan kollu u mtlew bil-ferħ u l-paċi, l-aħwa tal-Galazja ħallew min ixandrilhom Evanġelju ieħor differenti minn dak ta’ Pawlu.  U din hi tentazzjoni għalina lkoll, ingann li nistgħu faċilment naqgħu fih aħna lkoll.  Għaliex tant nies li jipprivaw jimxu wara Kristu, jidhru tant imdejqin, kważi kważi jgħiru għan-nies tad-dinja li jidħqu u jiġru ’l hemm u ’l hawn?  Għaliex dan?  Għax jaħsbu li d-dejn tad-dnub iridu jħallsuh huma.  Jasħbu li Alla hu lista ma taqta’ qatt ta’ liġijiet li jridu jitqanżħu u jaqtgħu nifishom biex jobduhom u sikwit ifallu.  Għaliex dan meta l-Aħbar tal-Kristjaneżmu hu tant sempliċi.  Huwa veru li aħna midinbin, imma tant ħabbna l-Missier li bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex ikun il-Ħaruf tat-tpattija għal dnubietna kollha.  Aħna midinbin maħfura għax emminna!  Ħadd iktar minna m’għandu jkun ferħan, daħqan, ottimist. 

 

Pawlu jisħaq kemm jiflaħ li kollox hu grazzja.  Aħna salvati bi grazzja, b’rigal gratis mhux mistħoqq ta’ Alla.  Ma nsalvawx bl-isforżi tagħna.  Mhux aħna li nsalvaw lilna nfusna għax m’aħniex kapaċi nagħmluh dan, imma nsalvaw għax salvana Kristu meta rebaħ il-mewt ta’ kull wieħed minna.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.  2, 16, 19-21

 

Aħna li nafu li l-bniedem ma jkunx iġġustifikat  bl-opri tal-Liġi imma bil-fidi f'Ġesù Kristu, aħna wkoll emminna f'Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri tal-Liġi, għaliex bl-opri tal-Liġi ebda bniedem ma jkun iġġustifikat. Jekk aħna, li nfittxu l-ġustifikazzjoni permezz ta' Kristu, aħna stess midinbin ukoll, allura Kristu qaddej tad-dnub? Ma jkun qatt! Għax jekk jiena nerġa' nibni dak li nkun ħattejt, nkun qed nagħti prova li jiena ħati.

 

Imma jien permezz tal-Liġi mitt għal-Liġi biex ngħix għal Alla; issallabt ma' Kristu.[Gal:2:20] Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta' Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija. M'iniex inġib fix-xejn il-grazzja ta' Alla; għax kieku l-ġustifikazzjoni kellha tiġi   mil-Liġi, Kristu kien ikun miet għal xejn.

 

Evanġelju

 

Kemm hu qawwi l-kliem ta’ Pawlu li għadna kif smajna!  Jekk naħsbu li se nsalvaw b’kemm aħna bravi aħna, allura dan ifisser li Kristu jkun miet għal xejn għax aħna kapaċi bit-‘tjubija’ tagħna nakkwistaw il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda saħansitra minn hawn.  Għalhekk hu ħafna mportanti li nistaqsu: “X’ġie jagħmel Kristu fid-dinja, meta diġa kien hawn ħafna reliġjonijiet, meta kien ġa jeżisti poplu li jemmen f’Alla l-veru?” U nitolbu fuq din il-mistqosija, biex il-Missier, bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu jdawwalna.  Għax dan hu l-punt li jifred lill-Insara min-nies reliġjuża kollha tad-dinja.  Jekk ma nkunux ċari fuq il-missjoni ta’ Kristu, fuq il-biċċa xogħol enormi li wettaq, qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh u nagħrfu l-Imħabba kbira li l-Missier għandu għalina.

 

Fil-Vanġelu se niltaqgħu ma tnejn min-nies li jippreżentaw ċar dan l-argument li dwaru jitkellem tant San Pawl fl-Ittri tiegħu: jien insalva bl-għemejjel tiegħi, jew bil-Fidi sħiħa tiegħi fi Kristu li miet għalija meta jien kont midneb, biex iħallasli dejni mal-Missier?  Il-Fariżew li se niltaqgħu miegħu fil-qari kien ċert minn ħaġa waħda: li kollox kien jiddependi minnu.  Ħafna drabi anke aħna nasħbu hekk u ma nkunu Nsara xejn.  Xmun il-Fariżew kien bniedem ta’ intenzjoni tajba.  Qatta’ ħajtu kollha jistudja l-Iskrittura, jagħmel karità, tiela’ u nieżel it-Tempju u tant ħwejjeġ oħra tajbin u ta’ min ifaħħarhom.  Problema waħda kellu: dawn l-isforżi kollha tiegħu, li swewlu għaraq u għejja kbira, għamlu minnu bniedem iebes, li jiġġudika lil min ma jissagrifikax ruħu bħalu.  Kien qed jipprova jwettaq il-Liġi biex isalva, imma spiċċa mhux kapaċi jħobb u jiskuża lil min jiżbalja.  Wasal biex iġġudika lil Kristu nnifsu!  Flok sab lil Alla fl-esperjenza reliġjuża tiegħu, sab l-ingann.  Kienu nies bħalu li sallbu lill-Messija li kienu ilhom tant jistennew.

 

Il-persuna l-oħra hija l-Mara Midinba, aktarx prostituta tal-belt.  Qalbha kienet maqsuma bl-indiema tal-passat terribbli tagħha, imma fl-istess ħin, qalbha kienet mimlija ferħ, gratitudni, radd il-ħajr u ringrazzjament.  Fuq kollox qalbha kienet mimlija bl-Imħabba għal Dak (Kristu) li kien ħafrilha kollox.  Kien l-uniku li ma ġġudikahiex, li ma tqażżiżhiex, li ħabbha hekk kif kienet.  Fuq kollox kien l-uniku li seta’ jeħlisha mit-tagħbija tal-kuxjenza tagħha u issa kienet ħielsa għal kollox.  Meħlusa minn Kristu u mhux minn xi ħaġa li għamlet hi.  Kif ma tħobbux lil Kristu wara li kien għamel tant magħha?

 

Din hija t-triq tal-konverżjoni li l-Mulej iridna nimxu.  Mhux it-triq ta’ “x’nista’ nagħmel jien” imma t-triq ta’ “x’għamel Kristu għalija”.  Din il-mara skopriet dan u ħabbet.  J’Alla din tkun ukoll l-esperjenza tagħna.

 

Versett: Hallelujah.  Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom irwieħkom.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  7, 36 – 8, 3

 

Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ;u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b'xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: "Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x'mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!" Imma Ġesù qabad u qallu: "Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek." "Għid, mgħallem," qallu dak. "Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma' wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?" Wieġeb Xmun u qal: "Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed." "Ħsibtha tajjeb" qallu Ġesù. Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb." Mbagħad qal lilha: "Dnubietek maħfura." Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?" Iżda hu qal lill-mara: "Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem."

  

Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta' Magdala, li minnha kienu ħarġu seba' xjaten, Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta' Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Last Updated ( Sunday, 19 June 2016 )
 
< Prev   Next >