Wednesday, 16 August 2017
           
Home
IT-TNAX-IL HADD MATUL IS-SENA MIN HU GESŁ GHALIK? PDF Print E-mail
Written by Administrator   
Friday, 17 June 2016

Din hija il- Liturgija  tat-tnax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 infantjesus_johnbaptist.jpg
 Gesu u Gwanni l-Battista

 

Għaliex il-kurċifiss kien dejjem importanti tant fil-ħajja tal-Qaddisin u ta’ kull Nisrani veru?  Għax hu jurina min hu tassew Ġesù għalina.  Għax illum, fil-Liturġija tal-Kelma, ġejja tiltaqa’ magħna mistoqsija mportanti li mhux lakemm wieħed iweġibha kif imiss: “Min hu Ġesù għalik?”  Kristu nnifsu jsaqsihielna lili u lilek.  Tant hi mistoqsija mportanti li Kristu ħass il-bżonn lijistaqsija lid-dixxipli tiegħu.  Hu kien jaf ċar min kienu jaħsbu li hu u li kellhom ħafna idejat imħawdin fuqu, imma Hu staqsihom din il-mistoqsija biex jikkonċentralhom moħħhom fuqha.  Hu faċli li neħduh ‘for granted’ lill-Mulej u Hu jridna naħsbu fil-fond fuq min hu Hu għalina għax dan hu mportanti ħafna, mhux għalih imma għalina.

 

“Min hu Ġesù għalik?”  Tant mhix mistoqsija faċli, li malli sema’ t-tweġiba ispirata ta’ Pietru, Kristu ċċassa lejh u qallu, fi kliem ieħor, li mhux hu kien li skopra min hu, bl-għerf jew bl-intelliġenza tiegħu, imma kien l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla li lluminah, dawlu, kellimlu lil qalbu, biex seta’ jasal għall-konklużjoni tiegħu li kienet:  “Inti l-Messija ta’ Alla l-Ħaj!”

 

U min kien il-Messija għal wieħed Lhudi bħal Pietru?  Kienet figura ħafna politika.  Kien il-mexxej mħabbar mill-profeti u mistenni mill-poplu magħkus għal sekli sħaħ.  Il-poplu mhux li kelli xi profondità spiritwali kbira ħafna.  Il-ħajja għalih kienet dak li jara, jisma’ u jħoss.  Kien jaf ħaġa waħda.  Iżrael minn dejjem kien ġens ċkejken imdawwar minn potenzi kbar li għamlu isem fl-istorja tad-dinja.  Daqqa kien l-Eġittu li kien jiddomina, daqqa l-Assirja, daqqa Babilonja, u daqqa l-Persja.  Żid ma’ dawn popli iżgħar imma perikolużi wkoll, bħall-Filistin, l-Aramin, l-Edomin eċċ u wieħed jista’ jibda jinduna bil-qagħda mqallba tal-poplu ta’ Alla fil-Lvant Nofsani... l-istess kif għadu sal-lum.  Għalhekk, għalhom il-Messija kien dak li kien se jeħlishom mill-ħakma tal-barrani li fi żmien Kristu kienu r-Rumani, issa, u mhux biss jirbħilhom l-Indipendenza u jerġa’ jwaqqaf is-Saltna ta’ David li kienet sfaxxat, imma jibni Imperu kbir li jibqa’ għal dejjem.  Dawn kien idejat u ħolm li kienu jġennu n-nies.

 

Imma l-Kurċifiss jgħidilna xi ħaġa ferm lil hemm minn dan kollu.  Il-problemi veri ta’ kull bniedem mhumiex politiċi imma spiritwali.  Huma l-ġrieħi nterni li kull bniedem iġorr f’qalbu li l-ebda politika ma tasal biex tfejjaq, anke jekk il-politika twettaq servizz kbir lill-bniedem.  Dawn il-ġrieħi huma effett tad-dnub li nirtu minn missirijietna u li nitwieldu bihom, effett tad-dnub li nagħmlu aħna, u tad-dnub li jagħmel ħaddieħor u li bihom ħaddieħor iferina.  Kulħadd għandu l-Istorja tiegħu x’jirrakkonta.  Id-dnub mhux xi ħmieġ li wieħed jista’ jnaddaf malajr b’xi ħasil.  Id-dnub huwa ġerħa.  Kull dnub iħalli ġerħa f’qalb il-bniedem, ġerħa li minnha tnixxi l-ħajja vera.  Tista’ tqum filgħodu kuntent u fis-sliem, tmur minn qalbek għax-xogħol, tisma kelma żejda li tagħfaslek xi waħda minn dawn il-feriti nterni, u daqshekk int.  Tinsteraqlek il-Ħajja.  B’xi mod int tmut ftit ieħor.

 

Huwa biex ifejjaq il-ġrieħi nterni tiegħi u tiegħek li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja.  Huwa għallem kemm felaħ; Huwa għamel ħafna mirakli; huwa kien mudell perfett tal-qdusija.  Imma mhux dawn kienu l-għanijiet prinċipali il-għala l-Missier abbanduna lill-Ibnufir-riefnu tas-setgħat tal-ħażen li jaħkmu d-dinja.  Il-Mesija mhux sultan politiku kellu jkun, ġeneral li jwerwer il-potenzi kollha tad-dinja, imma Ħaruf bla tebgħa li jiġi offrut bħala sagrifiċċju ta’ tpattija fuq l-altar tas-salib biex minn jemmen fiH jinxfulu l-ġrieħi ġewwinija tiegħu li ma jħalluhx iħobb lill-ieħor anke meta l-ieħor joqtlu.  Ġrieħi li jġagħluna nkunu egoisti mingħajr ma rridu.  Meta jitfejqulna dawn l-uġigħat minn qalbna, allura tassew li nkunu nistgħu ngħixu mhux biss l-Għaxar Kelmiet ta’ Mosè, imma, aqwa minn dawn, id-Diskors tal-Muntanja li Kristu tana bħala ritratt tan-Nisrani veru.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Ewwel Qari li għandna, u li se jkellimna ħafna dwar il-figura tal-Messija mistenni, hu meħud mill-Ktieb qasir tal-Profeta Żakkarija li għex  xi ħames mija u għoxrin sena qabel Kristu. L-isem Żakkarija huwa komuni ħafna fil-Bibbja u nsibuh jirreferi għal xi tmienja u għoxrin bniedem differenti, fosthom missier Ġwanni l-Battista.  Dan il-profeta Żakkarija għandu profezija qawwija ferm u kommoventi ħafna fuq il-Messija li kellu jiġi maqtul minn niesu stess.  Kienet profezija misterjuża, li għal sekli sħaħ l-istudjużi Lhud ma setgħux jifhmu, bħalma ma setgħux jifhmu l-erba’ poeżiji ta’ Isaija li jitkellmu fuq il-Qaddej ta’ Jahweh li kellu jbati u jmut għall-kotra.

 

Żakkarija jara mill-bogħod din il-figura ta’ bniedem innoċenti li jiġi ‘minfud’, biex nużaw l-istess verb li juża hu, ‘minfud’ minn qrabatu u n-nies ta’ ġensu li ħasbu li kienu qed jagħmlu r-rieda ta’ Alla meta qatluh.  Imma l-Missier idawwal il-poplu li jinduna bl-iżball enormi u tal-biża’ li kienu wettqu u jibku biki kbir ta’ ndiema għall-vittma tagħhom stess għax mhux biss jindunaw li kien innoċenti imma għax hu kien miet b’risq tagħhom, kien miet għalihom, minflokhom, bi tpattija għal dnubiethom.  Din hi Grazzja kbira li jinagħta l-bniedem meta jħares lejn Kristu msallab u jara li, l-ewwelnett hu kellu sehem mit-tbatijiet ħorox ta’ dan il-bniedem għax kienu dnubietu u l-bżonn li dawn jitpattew li kaxkruh għal fuq is-salib, u li dan il-bniedem imdendel mhux biss kien Alla imma kien bata għalih biex dejnu jitħallas.  Il-Grazzja biss trid tkun biex dawn l-affarijiet naraw tassew bl-għajnejn ta’ ruħna.  Wieħed jista’ jitgħallem ħafna, jisma’ ħafna, jaqra ħafna fuq il-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu, imma jekk ma jkunx imdawwal mill-Ispirtu s-Santu bi Grazzja, ftit li xejn iħoss indiema, u ftit li xejn tinbidel ħajtu.

 

Dan il-qari li se nisimgħu mhux qed ikellimna fuq indiema kwalunkwe, għax nibżgħu mill-infern, jew għax nibżgħu li Alla ma jgħinnix jekk ma nqerrux dnubna.  Dik li qed jitkellem fuqha l-profeta hija l-indiema perfetta, l-indiema li tislet imħabba kbira għal Alla li nkunu offendejna bi dnubna.  Din hija l-indiema li tassew tfejja minn ġewwa u tbiddel l-atteġġjament ta-nies.  Żakkarija jgħid li “dak in-nhar il-biki ta’ Ġerusalemm ikun kbir daqs il-biki ta’ Ħadad-Rimmon fil-wita ta’ Megiddo.  F’dan il-post, fis-sena 609 Q.K. Iżrael kien tilef battalja kbira u mportanti kontra l-qawwiet tal-Fargħun tal-Eġittu.  Imma d-diżgrazzja kienet tant kbira għax fit-taqtigħa nqatel is-Sultan ta’ Ġuda, Ġożija.  Guda kellha fuq l-għoxrin sultan fl-Istorja tagħha, imma minn dawn kienu biss tlieta li għamlu r-rieda ta’ Alla: David, Ħeżekija u dan Ġożija.  Anzi, Ġożija hu meqjus bħala l-iktar sultan qaddis li kellu Iżrael u għamel kemm felaħ biex jirriforma r-reliġjon u jressaq il-poplu tiegħu lejn Alla.  Il-mewt tiegħu kienet traġika mhux biss għax ġie maqtul meta kien għadu ta’ eta żgħira imma għax il-gwerra nnfisha kienet bla bżonn u setgħet ġiet evitata.  Tant kienet kbira l-popolarita ta’ Ġożija li l-poplu kollu bkieh għal żmien twil, bħal meta wieħed jibki lil ibnu l-waħdieni jew lil ibnu l-kbir, jgħdi il-profeta.

 

Din hi l-indiema li aħna lkoll għandna nitolbu lil Alla għaliha, l-indiema bħal dik li kellu Pietru meta nduna li kien ċaħad lill-uniku ħabib veru li kellu, indiema li tislet id-dmugħ.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija.  12, 10-11.

 

Dan igħid il-Mulej: Fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru f’Ġerusalem insawwab spirtu ta’ ħniena u talb.  U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki ’l ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir.

 

Dak in-nhar il-biki ta’ Ġerusalemm ikun kbir daqs il-biki ta’ Ħaddad-Rimmon fil-wita ta’ Megiddo.

 

Salm Responsorjali

 

Mhux li kien li jkollna l-għatx għal Alla l-istess kif jesprimi dan is-Salm li jgħid: “O Alla, int Alla tiegħi!  Għalik inbakkar jiena.  Għalik għatxana ruħi ġismi qiegħed inin għalik, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.”  (v.1).  Kristu miet għalina, imma sakemm ma jkunx l-Ispirtu s-Santu li jiftħilna għajnejna biex ‘naraw’ kif raw in-nies ta’ Ġerusalemm fil-qari minn Żakkarija li smajna, Huwa jkun qisu miet għalxejn, jew għadu ma mietx għalina.  Għax Kristu jmut u jirbaħ il-mewt għalina f’dak il-mument meta moħħna jinfetaħ u nifhmu l-ġrajja qaddisa tas-salvazzjoni tagħna.  Għax allura kollox jibqa’ fuq livell ta’ kultura, tagħlim u drawwiet, sbieħ kemm huma sbieħ. 

 

Kull bniedem, bla ma jaf, għandu dan l-għatx li jiskopri l-Imħabba li waslet lill-Missier biex joffri lil Ibnu bħal Ħaruf ta’ tpattija għad-dnubiet ta’ dawk li jemmnu.  Ħafna drabi, dan l-għatx misterjuż li jeżisti f’kull bniedem, ma nifhmuhx.  Naħsbu li ġej minn nuqqas ta’ flus, u għalhekk naħdmu kemm nifilħu u nfaddlu qisha se taqa’ d-dinja.  Dan l-għatx nibdluh max-xewqa li nibqgħu b’saħħitna u ngħixu għomor twil ħafna u għalhekk nippruvaw naqtgħu l-għatx billi nieħdu ħsieb ħajjitna b’serjeta kbira u ġejjin u sejrin għand it-tobba.  Jew dan l-għatx naħsbu li taqtagħhulna l-fama, l-popolarità, li n-nies jistmawna u jgħidu t-tajjeb fuqna; u allura nagħmlu minn kollox biex nogħġbu lil kulħadd, u dan jiswielna ħafna tbatija.  Hawn min jipprova jaqta’ dan l-għatx bl-isports, b’xi passatemp, jew billi jissodisfa l-ġibdiet ta’ ġismu u jagħtiha għax-xalar u għad-dnub.  Imma dan l-għatx hemm jibqa’ u ma naqtgħuhx sa dak in-nhar li niskopru lil Kristu msallab għalina u nindmu ndiema tad-dmugħ.  Wieħed mill-iktar nies għorrief li qatt dehru, u li daq dan l-għatx u prova jaqtgħu b’kollox, inkluż bid-dnub, kien Santu Wistin, li wasal biex qal: “Int ħlaqtna għalik, O Alla, u m’hemmx mistrieħ għal qlubna ħlief fik!”

 

Ritornell: Għalik għatxana ruħi, Mulej, Alla tiegħi.

 

Salm 63

 

O Alla, int Alla tiegħi!

Għalik inbakkar jiena.

Għalik għatxana ruħi,

Ġismi qiegħed inin għalik,

Bħal art niexfa, maħruqa bla ilma.

 

Irrid niġi naħseb fik fit-tempju,

Biex nara s-setgħa tiegħek u l-glorja tiegħek.

Għax il-grazzja tiegħek aħjar mill-ħajja,

Xofftejja jfaħħruk.

 

Hekk inbierkek ħajti kollha,

U f’ismek nerfa’ jdejja.

Bħalma jien nimtela b’ikel li jsemmen,

Hekk fommi jgħanni b’xofftejn ferrieħa.

 

Għax int kont għajnuna għalija;

Għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bl-ferħ.

Ruħi miegħek tqabbad;

Lili żżommni l-leminija tiegħek.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl isejjaħ lill-Galatin, u lil kull Nisrani veru li qatt eżista, bħala “nisel Abraham”.  Xi jfisser tkun nisel Abraham?  Abraham li ma kienx jaf min hu Alla.  Ħadd ma kien kellmu fuqu.  Kellu kriżi sewda f’ħajtu.  Għalkemm kellu flus kemm irid, ma kellux tfal, u din il-ħaġa kienet serja dak in-nhar aktar mil-lum.  Alla daħal f’ħajtu billi wegħdu iben, anke jekk dan kien impossibli għax martu kienet sterilu u t-tnejn li huma kienu issa kibru fiż-żmien.  Imma Abraham emmen lil Alla, emmen li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun, u din il-fidi għamlitu ġust quddiem Alla, u Alla tah l-iben li xtaq ħafna snin wara.

 

In-Nisrani huwa bħal Abraham.  Huwa jinagħta wegħda bħal Abraham.  Il-wegħda li jagħti hija mpossibbli għall-bniedem, inkella ma tkun wegħda xejn.  Din il-wegħda hija li fih jitwieled l-Ispirtu ta’ Ġesù, xi ħaġa li l-ebda bniedem, l-ebda qaddis ma hu kapaċi jakkwista bil-merti jew bil-penitenzi tiegħu.  Li nikbru fil-Fidi fi Kristu u ninbidlu fih bil-mod il-mod hi Grazzja, rigal mogħti b’xejn mill-Missier, bħalma b’xejn kien ir-rigal mogħti lil Abraham.

 

Dan ir-rigal jagħmilna wlied Alla. Xi jfisser dan?  Tkun iben Alla jfisser li jkollok l-istess natura tiegħu, natura ġdida miġbuda għat-tajjeb mhux għall-ħażin, fejnqan tal-ġrieħi tal-qalb li semmejna fil-bidu, u fuq kollox, natura li ma tmut qatt, Ħajja ta’ Dejjem, ħaġa li Alla biss għandu.  Kull min jilbes lil Kristu, jiġifieri jagħraf x’għamel għalih Kristu u jitwaħħad miegħu b’Imħabba kbira, iħoss Imħabba u għaqda mal-bnedmin kollha.  M’hemmx iktar firdiet ta’ razez jew ta’ ġeneru.  Min kien ilsir iħossu ħieles daqs sidu għax għamlu ħieles Kristu; u min hu fqir iħoss li hu għani daqs l-ikbar sinjur għax iġorr ġewwa fih l-għana tal-iskoperta ta’ Kristu.

 

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.  3, 26-29

 

Ħuti: Intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.  Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.  Issa m’hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, m’hemmx ilsir u anqas ħieles, m’hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù. Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skont il-wegħda.

 

Evanġelju

 

L-Evanġelju jpoġġi quddiemna dik il-mistoqsija li tkellemna fuqha fil-bidu u matul dan il-programm.  Min hu l-Messija.  Min hu Kristu.  Mhux x’jgħidu li hu.  Mhux x’tgħallimt fuqu, imma min hu għalik, b’mod sinċier u mingħajr tidwir mal-lewża.  Għal ħafna Kristu kien raġel tajjeb li spiċċa vittma tal-ħażen li hawn fid-dinja, bla ma qatt jindunaw li huma parti mill-ħażen tad-dinja.  Oħrajn jaraw fih bniedem politku li ried ibiddel il-liġijiet u l-istrutturi tas-soċjetà biex ma teżistix iktar l-inġustizzja tal-għonja fuq il-foqra; ideja li tagħmel minn Kristu bniedem li falla għal kollox għax dawn l-affarijiet għadhom jeżistu sal-lum, forsi iktar ukoll.  Hawn ħafna li jaħsbu li Kristu ġie biex jagħtina liġi iktar perfetta minn dik ta’ Mosè, imma liġi tant hi iebsa li ħadd ma għandu l-ħila jwettaqha u jekk Kristu hu mudell, hu mudell li ħadd ma jista’ jilħqu.  F’dan il-kas il-Missier żbalja bil-kbir, allura u juri ruħu bħala Alla li ma jafx x’ħalaq, ma jafx kemm hu dgħajjef il-bniedem li ħalaq.

 

Jekk Pietru kellu bżonn id-dawl tal-Ispirtu s-Santu biex jagħraf min kien Kristu, kemm aktar aħna!  Id-dinja qegħda tistenna bil-ħerqa li jidhru l-ulied ta’ Alla, dawk li jagħrfu tassew min hu Kristu, għax huma jkunu s-sinjal, id-dawl li d-dinja għandha bżonn biex tfieq mill-ġrieħi tagħha.  Lilna, l-Missier irid jagħmilna Insara veri biex nixhdu għal Kristu u nuruh hekk kif inhu lid-dinja mdallma.  Nixhdu għal Kristu jfisser inkun reklami veri tiegħu biex dawk li huma bil-għatx u qed jippruvaw jaqtgħu l-għatx tagħhom bil-perżut, jagħrfu li fi Kristu biss hemm is-sens tal-Ħajja, fih biss hemm il-fejqan intern, fih biss hemm il-ħlas tad-dejn li kull bniedem iġorr ġo xkora fuq dahru hu u miexi matul il-vjaġġ tal-ħajja.  Kristu huwa l-fejqan, huwa l-ħelsien, huwa l-ferħ li int u jien ilna nfittxu.

 

Versett: Hallelujah.  Il-mogħdijiet tiegħek, Mulej, għarrafni, mexxini fis-sewwa tiegħek.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  9, 18-24

 

Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min igħidu n-nies li jien?”  Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi.”  Qalilhom: “Intom, iżda, min tgħidu li jien?”  Qabeż Pietru u qallu: “Int il-Messija ta’ Alla.”

 

Imbagħad ikkmandahom u orndalhom ħafna birx ma jgħidu lil ħadd b’dan.  U qalilhom li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mix-xjuħ u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

 

Darba qal lin-nies kollha: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.  għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, dan isalvaha.”

Last Updated ( Sunday, 19 June 2016 )
 
< Prev   Next >