Wednesday, 16 August 2017
           
Home
IT-TWELID TA’ GWANNI L-BATTISTA LEHEN JGHAJJAT FID-DEZERT PDF Print E-mail
Written by Administrator   
Friday, 24 June 2016

Din hija il- Liturgija  tat-twelid tal-Battista matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

san_gwann_1.jpg
 San Gwann Battista

 

L-Antifona tad-Dħul għall-Ewkaristija tal-Jum tal-Festa tat-Twelid ta’ Ġwanni, tixħet dawl qawwi ta’ għarfien fuq il-missjoni li għaliha Alla bagħatu fid-dinja.  L-Antifona tgħid: “Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.  Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl, ħalli b’hekk lill-Mulej ilestilu poplu mhejji sewwa.”  Nistgħu ngħidu li din kienet ukoll il-missjoni ta’ kull profeta li ġie qabel Ġwanni, imma f’bin Żakkarija il-qawwa u s-setgħa tal-profezija hi miġbura b’mod tal-għaġeb u dan bir-raġun għax, bħalma ngħidu, iż-żmien isajru l-bajtar, u ż-żmien kien sar, l-Istorja tas-Salvazzjoni kienet laħqet il-milja tagħha, l-istennija għas-Salvatur, għall-Messija kienet waslet fi tmiemha għax Dak li kellu jiġi, ara kien fil-bieb.  Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li naraw kemm kienu mportanti l-missjoni u l-figura ta’ Ġwanni.  Huwa kien l-aħħar Kelma ta’ Alla qabel il-ġrajja l-kbira, l-avveniment, l-istorja li biha Alla kellu jgħaddi u jsalva l-umanità kollha bi Kristu.

 

Ġwanni kien l-aħħar profeta tar-Rabta l-Qadima; kien il-bieb li jinagħlaq u ieħor li jinfetaħ.  Huwa kien il-leħen jgħajjat fid-deżert. Liema deżert?  Mhux dak tar-ramel, mhux ix-xagħri fiżiku li nsibu ’l hemm u ’l hawn fil-ġeorgrafija tad-dinja, imma d-deżert li hemm f’kull wieħed minnha, id-deżert li kienet fi żmienu d-dinja u li jeżisti fi żmienna wkoll.  Id-deżert huwa l-post fejn m’hemmx ħajja għax m’hemmx ilma.  Huwa l-post mejjet bil-għatx fejn tgħammar il-mewt.  Dan il-post huwa l-ġewwieni tal-bniedem li minħabba l-waqgħa ta’ Adam u Eva, wiret mingħandhom natura miġruħa, feruta, marida għax fil-Ġnien tal-Għeden daħal suspett f’moħħ il-bniedem dwar jekk Alla jħobbux jew le, jekk Alla hux miegħu jew rival tiegħu.  Dan il-ħsieb daħal bħal serp jitkgħawweġ f’moħħ il-bniedem u dejjem jiġi biex jagħtina interpretazzjoni dwar l-Istorja, ifissrilna dak li jiġrilna, il-gwaj li ngħaddu minnu.  Kull bniedem jisma’ leħen, protesta li tqum imqanqla ġewwa fih, għajta vjolenti: “Kieku Alla lilek iħobbok, kien jippermetti li jseħħ dan?”

 

Kull bniedem hu vittma ta’ dan il-konflitt ġewwa fih u għalhekk li jitrabba fih deżert, għax ixxotta l-ilma li hu l-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li kapaċi jfissrilna l-Istorja meta din ma nifhmuhiex, imma fejn hemm id-deżert ma hemmx ilma, m’hemmx l-Ispirtu.  Id-dnub joqtol kollox.  Il-bniedem ma jistax iħobb għax fid-deżert tiegħu ma tistax tinbet il-ħajja.  Mingħajr ma jrid huwa egoista u anke l-imħabbiet tiegħu, b’xi mod huma mċappsa bl-egoiżmi tiegħu.  Jiġbed lejh f’kollox għax għandu għatx terribli ġo fih.  Għalhekk sikwiet dik li hu jaħseb li  hi mħabba kapaċi tinbidel f’mibegħda meta tkun miċħuda jew traduta.  Dan mhux għax il-bniedem huwa ħażin imma għax hu lsir, marid, u dan huwa jien u int.

 

Hu f’dan id-deżert li Alla jibgħat il-profeta tiegħu b’leħen jgħajjat li jeħodha kontra l-leħen tas-serp.  Ġwanni għadu, naturalment, jgħodd għalina llum għax hu ċar li d-deżert għadu jeżisti f’qalb il-bniedem.  Hu jgħajjat illum ukoll b’leħen għoli għax il-bniedem, bħal dejjem, jipprova jifqa’ d-deżert tiegħu b’ilmijiet maħmuġa li ma jnisslux ħajja imma jkattru fih il-mewt.  Għax ġie Kristu bl-ilma tal-Ħajja, imma d-dinja m’għarfitux.  Anke llum għandna bżonn il-Prekursur biex iħejji t-triq għall-Mulej li waħdu u Hu biss jista’ jbiddel id-deżert tagħna fi ġnien imsoqqi sewwa li jagħti frott minn kull tip u jwarrad b’kuluri u fwejjaħ tal-ġenna.

 

L-Ewwel Qari

 

Ġwanni għex l-esperjenza li għex kull profeta qablu.  Kien jaf għal xhiex kien dieħel, għal xhiex Alla kien għażlu.  Hu ma qagħadx lura għax minn ġuf ommu kien mimli bl-Imħabba ta’ Alla li hi l-ilma li tbiddel id-dezert tal-bniedem f’art għammiela.  Hu ħabb lil Alla għax kien Alla li ħabbu l-ewwel.  Dan hu s-sigriet tal-ħajja.  Liema bniedem m’għandux deżert ġewwa fih?  Huwa dak li nduna, għaraf, emmen li Alla hu miġnun fuqu, li jħobbu f’qies li ħadd ma jista’ jkejlu, li ċċaħħad minn Ibnu u ma ħafirhielux b’risq tiegħi u tiegħek.  Jekk is-suspett fuq l-Imħabba ta’ Alla biddel il-bniedem f’deżert, l-għarfien li jgħaġġeb tal-Imħabba ta’ Alla jagħmel mill-bniedem ħuġġieġa nar li jħobb lil kulħadd, saħansitra lill-għadu.  Dan mhux bis-saħħa tiegħu imma bis-saħħa tal-Imħabba ta’ Alla li kienet bħal spark li xegħlet fih ħolqien ġdid, bniedem ġdid.

 

Isaija se jkellemna fuq l-esperjenza tiegħu bħala messaġġier tal-Mulej, li kienet l-istess esperjenza ta’ Ġwanni, kif ukoll l-esperjenza ta’ kull Nisrani li jieħu bis-serjetà s-sejħa tiegħu.  Il-qari jiftaħ bil-Kelma “Isimgħuni!”  Din hi l-Kelma per eċċellenza tal-profeta.  Il-profeta jrid li jinstema’, inkella x’jitkellem jagħmel?  Isaija wkoll jgħid li l-Mulej sejjaħlu mill-ġuf.  Anke Pawlu jgħidha din.  Għax Alla hu kbir biżżejjed biex jippjana minn qabel, anżi minn qabel il-ħolqien tad-dinja Alla kellu f’moħħu lili u lilek, lilna lkoll, ilkoll b’xi missjoni, b’xi biċċa xogħol, ċkejkna u umli kemm trid, imma mportanti għal Alla.  Lil Isaija, lil Ġwanni, lill-profeta Alla jagħtih ilsien li kien xabla msinna, xabla taqta’ għax tgħid il-verità.  Illum l-edukazzjoni tgħidlek, “Ara kif titkellem.  Qies kliemek.  Iddejjaq lil ħadd!”  Ivvintajna l-espressjoni “tkun politikament korrett” jiġifieri mhux permess li tgħid il-verità jekk din tweġġa’.  Paċi falża.  Relazzjonijiet mibnija fuq il-gideb.  Din hi d-dinja tal-lum.  B’dan tiftaħar.  Ħdejn dan, il-profeta jidher selvaġġ, skomdu, bla kultura.  Għalhekk ħadd ma jċapċaplu l-profeta, la fi żmien Isaija, la fi żmien Ġwanni u lanqas illum.  Prova ddefendi ż-żwieġ Nisrani, il-familja skont kif iridha Alla bejn raġel u mara, il-‘gender’ tal-bniedem u tara xi tlaqqat.  Il-profeta qatt mhu popolari għax dejjem jgħid il-verità.

 

Għalhekk jiġi mument meta Isaija jidħol fi kriżi bħalma anke Ġwanni daħal fi kriżi fil-ħabs.  Jiġi mument meta l-bniedem jgħid, “Tħabatt għal xejn.  Ħlejt ħajti għal ħaddieħor u ma qlajtx ħlief tgħajjir u bżieq.”  Mhux faċi dan.  Il-bniedem hu maħluq biex iħobb u jkun maħbub, imma l-profeta hu l-bniedem solitarju, waħdu, mwarrab, middieħaq u umiljat.  Jiġu mumenti meta ma jara l-ebda frott għall-keded li jkun ħa.  X’jiġri minnu li kieku kien ifittex il-prosit mingħand in-nies?  Il-faraġ tiegħu hu fil-Mulej.  Fil-bnedmin ma jsibx imħabba imma f’Alla iva.  Huwa dan li joħorġu mill-kriżi tiegħu: il-leħen ħlejju li jgħidlu, “Kuraġġ!  Jien inħobbok.  Jien għaziltek.  Inti tiegħi. Jien għalik biżżejjed!” 

 

Il-profeta jwassal l-ilma fid-deżert biex min hu mejjet bil-għatx jixrob.  Mhux din hija l-missjoni tan-Nisrani fid-dinja tal-lum?  Mhux din hi l-missjoni tagħna.  L-ilma jista’ jkun Kelma, imma ħafna drabi hi tbissima, hi għajnuna f’waqtha, hi azzjoni li ssaħħan il-qalb ta’ xi ħadd li twebbsitlu.  In-Nisrani wkoll għandu għajnejn ta’ profeta li jaraw dak li ħafna oħrajn ma jarawx: li huwa mdawwar b’nies miġruħa, feruti mill-Istorja, għatxana għal ftit faraġ; u jinduna n-Nisrani li Alla ma bagħtux għal xejn fid-dinja, imma bagħtu għall-oħrajn.  U dan hu l-ferħ veru.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  49, 1-6.

 

Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda!  Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi.  Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni.  Għamel minn vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni.  U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”

 

U jien għidt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.”  Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

 

U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.  Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel.  Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm li l-Knisja tpoġġielna quddiemna fil-Festa ta’ Ġwanni l-Battista jurina ċar li kull profeta, kull qaddis, kull bniedem ta’ Alla huwa xogħol Alla.  Naturalment lill-bniedem Alla tah il-ħelsien li jgħid le għall-pjan tiegħu għalih.  Dan hu misteru.  Jien nista’ ngħid le lil Alla u nirvinalu kollox, imma fl-istess ħin jekk ngħid iva ma ħaqqni l-ebda prosit għax kull ħaġa tajba li nistgħu nagħmlu jkun għamilha Hu, Alla nnifsu, għalina. Dan hu tagħlim ta’ San Pawl.  Anzi Pawlu jkompli jgħid li ġa minn qabel il-ħolqien tad-dinja Alla lestielna l-għemejjel tajba u qaddisa li għandna nagħmlu u biex dan iseħħ u jippreparana, jagħtina d-doni tiegħu biex dawn l-għemejjel inkunu nistgħu nagħmluhom.

 

Is-Salmista, lil Alla jgħidlu, li hu kien intiseġ minnu meta kien f’ġuf ommu.  Ġwanni mtela bil-grazzja u bil-ferħ tal-Mulej meta kien għadu fetus fi ħdan Eliżabetta.  Malli qorob lejh Kristu fil-ġuf ta’ Marija, Ġwanni tqaddes, daq il-ferħ u l-ħelsien tal-bniedem ta’ Alla qabel it-twelid, qabel ma għamel xi ħaġa tajba hu.  Kull min jagħraf tassew lil Alla jinduna bix-xejn tiegħu u bil-kobor tal-Mulej.  Tkun Nisrani veru meta tinduna li l-bniedem ħmerijiet kapaċi jfassal biss, imma jekk jgħid iva lil Alla,  Alla bih jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb.  Il-qdusija hi ta’ Alla u ta’ Alla biss, imma Hu jħobb ilibbes bnedmin dgħajfa biha.  Huwa għalhekk li l-ikbar qima tagħna, l-ikbar radd il-ħajr għandhom imorru lejH, Hu li minnu ġejja kull tjieba, kull barka.

 

Ritornell:  Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni.

 

Salm 138

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

Int taf meta noqgħod u meta nqum,

Int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

Triqati kollha inti tafhom sewa.

 

Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

U f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni:

Tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

 

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

Meta kont qiegħed insir fis-satra

U nintiseġ fil-qigħan tal-art.

 

It-Tieni Qari

 

L-ebda profeta li mhux profeta falz (u fid-dinja għandna ħafna minnhom dawn!), l-ebda profeta tajjeb ma jxandar lilu nnifsu, ma jitħabat u jistinka għalih innifsu, iżda għal Alla.  Ġwanni kien jaf x’inhi l-penitenza u l-kontroll fuq il-ġisem; kien jaf x’ifisser tinkedd meta tkun taf il-verità imma din tkun meruta kullimkien; kien jaf xi tfisser is-solitudni meta kulħadd idur kontrik u ħadd ma jista’ jifhmek.  Li kieku dan kollu għamlu għalih innifsu, biex jibqa’ magħruf, biex jikseb it-tifħir, kien ikun l-iktar bniedem imsejken u fallut.  Il-faraġ ta’ Ġwanni kien li kulma kien qed jagħmel kien qed jagħmlu għal Alla u għall-Kristu tiegħu.  Dan hu l-faraġ veru u l-ebda għadu ma seta jagħmillu xejn, ħadd ma seta’ jisraqlu xejn għax l-għana tiegħu ma kienx għana materjali li tawhulu n-nies imma l-Ispirtu ta’ Alla li kien jgħammar fih.  Dan ħadd ma seta’ jmissulu.

 

Ġwanni ġie biex iħejji poplu għall-Messija.  B’liema mod iħejjih?  Billi jurih dnubu.  Aħna lkoll insibuha faċli naraw id-dnub ta’ ħaddieħor.  Aħna esperti u surmastrijiet fuq dnub ħaddieħor u dnub ħaddieħor jidher tant ċar għal għajnejna.  Imma għajnejna jiddalmu u ma jgħarfux id-dnub tagħna.  Għandna nklinazzjoni li nosservaw dnub ħaddieħor għax dan iġegħelna ninsew tagħna.  Inħossuna tajjeb hekk.  Dan hu ta’ ħasra kbira għax min jagħraf dnubu biss jista’ jiltaqa’ ma’ Kristu li ġie biex ipatti għad-dnubiet.  Min jaħseb li ftit jidneb, li kważi dejjem għandu raġun... allura Kristu mhux għalih ġie u qatt mhu se jduq is-Sorpriża Qaddisa li daqu l-qaddisin kollha meta għarfu li Alla ħabbhom anke meta kienu għedewwa tiegħu bid-dnub.  Ġwanni jxandar lil Kristu bħala l-“Ħaruf ta’ Alla”.  Il-Ħaruf jinqatel bi tpattija għad-dnubiet tal-bniedem imma dan kollu ma jiftehimx jekk il-bniedem ma jammettix dnubu.  Din hi l-bxara tas-salvazzjoni li l-Prekursur ġie biex iħejji poplu għaliha.  Il-Fariżej ma kinux lesti biex jilqgħu Ħaruf li jmut għal dnubiethom għax ftit kienu jammettu dnubiet.  Għalhekk Ġwanni kien jgħajjarhom bħalma għajjarhom Kristu warajh.  Ġwanni xandar magħmudija ta’ ndiema.  Indiema mid-dnub.  Min jaħseb li mhux midneb mhux se jisma’ minn Ġwanni, u inqas u inqas minn Kristu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  13, 22-26.

 

F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt lil David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’  Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù.  Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.

 

U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien.  Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli li nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’  Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”

 

Evanġelju

 

L-isem Ġwanni bil-Lhudi huwa ‘Johanan’ li bi lsienna jfisser ‘Alla Ħanin’, ‘Alla Jagħder’.  Fi Ġwanni Alla juri ruħu bħala dak li jħenn u jgħader il-qagħda miskina tal-bniedem.  Huwa minħabba l-Ħniena u l-Mogħdrija tiegħu li Alla bagħat il-profeta Ġwanni biex ilesti nies għall-Mulej ħalli meta jidher ikun hemm min jilqa’ l-Kelma.  Infatti xi wħud mill-Appostli tiegħu kienu dixxipli ta’ Ġwanni. 

 

Il-Ħniena u l-Mogħdrija tiftaħ fomm il-bniedem biex dan ifaħħar lil Alla bħalma għamel Żakkarija.  Żakkarija huwa xempju ta’ bniedem mikul mid-dubju li jħallih qisu pparaliżżat, ma jistax ifaħħar lil Alla għax l-Istorja sewditlu qalbu billi xtaq li jkollu tfal u ma kellux. Il-muta ta’ Żakkarija hi dak l-istat li fih inkunu meta ma nħossux l-għala għandna nfaħħru lil Alla għax l-Istorja ma togħġobniex u għalhekk ikollna dieqa u diżappunt f’qalbna.  Hu naturali li bħala bnedmin inħossuh dan.  Iżda l-Fidi tgħid li minn kull deni Alla joħroġ il-ġid.  Alla hu ħanin u jagħder u ħadd daqsu ma jaf lill-bniedem li Hu ħalaq.  Hieni l-bniedem li, meta jkun għaddej minn wied mudlam, jibqa’ jittama u jafda fil-Ħniena u l-Mogħdrija ta’ Alla u jgħid f’qalbu li Alla qed jaħdem Pjan Glorjuż għalih u mid-deni se joħroġ il-ġid.  Dan hu wara kollox il-Misteru tal-Għid li hu l-qalba tal-Fidi tagħna.  Il-Missier ħalla lil Ibnu jinżel ’l isfel sa ma sab ruħu mejjet fuq forka kiekfra.  Iżda mill-Ġimgħa l-Kbira twieled Jum il-Mulej, Jum il-Qawmien.  U kif Abraham ra Jum il-Mulej beta tawh f’idu lil Iżakk, hu li ma setax ikollu tfal, l-istess ġralu Żakkarija.  Anke Żakkarija ra Jum il-Mulej, Jum l-Għid, Jum il-Qawmien, il-Jum ta’ Ġesù Kristu; u fetaħ fommu nfexx f’għajta ta’ radd il-ħajr.

 

Kull min jinsab għaddej minn nixfa u bruda fejn jidħol Alla, jew qed iġarrab xi tip ta’ passjoni u tbatija kbira f’ħajtu, ħa jittama fil-Ħniena u l-Mogħdrija ta’ Alla, ħa jħares ’il quddiem u jitfarraġ għall-ħsieb li għalih ukoll, bħal Żakkarija, għad ifeġġ il-Jum tal-Mulej, il-Jum tal-Qawmien, il-Jum li jfejqu mill-muta u jibda jfaħħar bla ma  jieqaf lil Dak li jkun għamel ħwejjeġ kbar miegħu.

 

Versett: Hallelujah. Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli, għax tmur quddiem il-Mulej biex thejjilu triqatu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 57-66, 80.

 

Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel.  Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera l-ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.  Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkunċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.”  Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”

 

Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekh:  “Ismu huwa Ġwanni.”  U kulħadd baqa’ mistagħġeb.  Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.

 

U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.  It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dak in-nhar li ħareġ quddiem Israel.

 

Last Updated ( Saturday, 25 June 2016 )
 
< Prev   Next >