Saturday, 16 December 2017
           
Home
L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2016) IN-NISRANI JHABBAR LIL KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 July 2016

Din hija il- Liturgija  ta' L-Erbatax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 gesu_u_dixxipli.jpg
 Gesu jghazel id-dixxipli

 

It-tagħlim tal-Knisja jgħidilna li l-Magħmudija, fost affarijiet oħra, tagħmilna profeti.  Huwa mportanti nitkellmu ftit fuq dan u l-Liturġija tal-Kelma tal-lum għandha tgħinna.  L-ewwel nett, mhux la kemm tfaqqa’ subgħajk biex l-effetti kollha tal-Magħmudija jilħqu l-milja  tagħhom fina.  Il-Magħmudija hija sagrament li nirċevuh meta nkunu żgħar u bħas-sagramenti l-oħra, jirrikjedi l-Fidi biex jibda jaħdem b’mod meraviljuż.  Allura l-Magħmudija tikber magħna matul iż-żmien, fil-qjies li l-Fidi tikber.  Jekk il-Fidi ma tikber xejn, jew nitilfuha, l-Magħmudija tibqa’ dik iż-żerriegħa li nkunu rċivejna fir-rit, midfuna x’imkien ġo fina. 

 

Jekk il-Fidi tiġi kkurata u mkabbra, allura l-Magħmudija tagħmel minna profeti, waħda mill-kariżmi li tagħtina.  Xi jfisser dan?  Il-profeta hu dak li hu xhud għal Alla f’dinja li hi mhedija u aljenata f’affarijiet li jmutu u jgħaddu.  Hu jwassal il-Kelma tal-Ħajja dejjiema u Alla jibagħtu biex jaħji lill-bniedem li mhux biss laħam u għadam, imma għandu bżonn jisma’ Kelma li tilħaqlu l-ispirtu misterjuż tiegħu.  Għalhekk il-profeta huwa dak li jwassal dak li għandu xi jgħid Alla lill-bniedem u, barra minn dan, jinagħta dixxerniment, għarfien dwar dak li jkun qed jiġri madwaru.  Dan hu għerf qaddis.  Wieħed jista’ ma jkun xejn ta’ skola imma jkollu dan l-għerf li jgħinu jiskopri għaliex qed jiġru ċerti affarijiet, għaliex ikun qed ibati l-bniedem.  Il-profeta jara dak li għal wieħed pagan hu mistur.  Huwa minn hawn li twieldet il-fama tal-profeti li jindunaw b’dak li jkun se jiġri, imma mhux dan hu l-aktar importanti fil-missjoni tagħhom.  Bażikament, il-profeta huwa dak li jixhed li Alla hu ħaj u jimpurtah immens minn kull bniedem.

 

Kull Nisrani huwa msejjaħ għal dan.  Jekk ma jasalx għal dan, dan ikun għax il-Magħmudija tiegħu baqgħet ċkejkna u b’xi mod il-ħolma ta’ Alla għalih ġiet imxekkla.  L-Insara huma l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja u huma hekk mhux għax huma aħjar minn ħaddieħor minnhom infushom, imma rċivew rigali, wieħed minnhom appuntu tal-profezija, biex ikunu ta’ servizz għad-dinja, bħalma l-melħ huwa ta’ servizz għall-borma u d-dawl għall-kamra.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Eżilju f’Babel kien għal Iżrael esperjenza profonda li mmarkatu waħda sew.  Ġie lura poplu mibdul.  Fejn qabel it-Tempju, bir-riti u ċ-ċelebrazzjonijiet tiegħu, kien iċ-ċentru tal-ħajja spiritwali tiegħu, ħajja spiritwali li kienet ħafna ipokrita, issa, wara sebgħin sena bla Tempju, kienet is-sinagoga l-post li bdiet tinfluwenzah minn jum għal jum.  Fis-sinagoga ma kinux isiru s-sagrifiċċji tat-Tempju, imma kien il-post f’kull raħal u belt, fejn il-poplu kien jiltaqa’ biex jitlob u jisma’ l-Kelma ta’ Alla miktuba.  Is-smigħ tal-Kelma saret rikkezza, għana, li qabel il-poplu ma kellux għax it-Tempju ma kienx joffrih dan.  Hekk, Iżrael sar “il-poplu tal-Ktieb”, l-uniku ġens li kien jissajja għall-Kelma tal-Alla tiegħu. Dan kollu sar bi tħejjija għall-miġja tal-Kelma ta’ Alla nfisha fost il-bnedmin, liebsa ġisem bħall-bnedmin l-oħra, fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret.

 

Ir-ritorn ta’ Iżrael lura fl-Art Imwegħda wara l-Eżilju ta’ Babilonja, ma kienx wieħed faċli.  Sabu art meqruda u stat organiżżat li ma kienx jeżisti.  Kellhom jerġgħu jibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm bis-swar tagħha, u fiċ-ċentru, t-Tempju li kien inqered.  Biex tagħqad kien żmien ta’ għaks u faqar terribbli.  Ħafna mill-poplu kellhom ibiegħu lilhom infushom bħala lsiera biex iħallsu dejnhom.  Kien tassew żmien ta’ djieqa u għajb.  Il-poplu kellu bżonn profeta li ‘jaqra’  l-ġrajja u l-esperjenza li kien għaddej minnha u Alla jibagħtlu lil dak li l-istudjużi tal-Bibbja jsejħulu “it-Tielet Isaija”.  Kien bniedem ta’ faraġ u ħniena li wassal Kelma ta’ mogħdrija u nkuraġġiment, anke jekk il-poplu, fil-qtigħ il-qalb li kellu, beda jdur lejn l-idoli tal-ġnus ta’ madwaru.  Mhux hekk nagħmlu aħna meta nkunu mdawrin bil-għawġ... nippruvaw naljenaw ruħna, nderru, bil-ħmerijiet u bid-dnubiet li flok ma jsolvulna l-problema, jnissuna ftit minnha, biex imbagħad narawha ikbar minn qabel?

 

Alla jifhem it-taħwid tal-bniedem, u tagħna, fil-mumenti ta’ kriżi.  Aħna niġġudikaw ħafna lil xulxin u ngħaddu “sweeping statements” fuq għajrna, imma l-istorja Alla biss ikun jafha, u Alla għandu ħniena bla limitu għax jaf kollox.  Hu qatt ma jiġġudikana.  Hu ma jaraniex bħala nies ħżiena, imma bħala nies miġruħa, mmarkati minn Storja li kull tant taf tkun kiefra.  Iżrael huwa jien u int.  Alla jibgħtlu profeta biex ifarrġu bi Kliem ħelu li jinfed sa ġol-qalb.  Jerfagħlu rasu biex iħares ’il quddiem lejn għeġubijiet li kienu resqin lejh, u li hu ma kienx qed jara.  Dawn l-għeġubijiet kellhom jinġabru fil-Messija mwiegħed.  Anke lilna, meta nkunu fid-dlam, il-Mulej iwegħdna l-Messija, li hu Kristu Ġesù.  Fih hemm miġbur il-ġid kollu li l-Missier jista’ jagħtina.  Fih hemm l-Imħabba kollha, dak kollu li tita’ tixtieq qalbna.

 

Qari mill-Ktieb tal-profeta Isaija.  66, 10-14

 

Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha,

Intom ilkoll ħbieb tagħha ! 

Aqbżu bil-ferħ,

Intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha !

Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider

                                                          il-faraġ tagħha;

terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha."

 

Għaliex dan jgħid il-Mulej: "Arani!

Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,

u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.

U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,

u jżiegħlu bikom fuq l-irkubbtejn.

Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena

                                                            nfarraġ lilkom

u f'Ġerusalemm titfarrġu.

Taraw u tifraħ qalbkom,

u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;

u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej.

 

Is-Salm Responsorjali

 

L-isbaħ mumenti tal-bniedem huma meta hu jista’ jdur lejn Alla u jagħmel Ewkaristija.  Xi tfisser ‘Ewkaristija’ ?  Hi kelma ġejja mill-Grieg li tfisser radd il-ħajr, ringrazzjament, tifħir.  Huwa mument meta l-bniedem ikun ħareġ mill-kriżi, mill-inkwiet u t-traġedja li jkunu kiddewh tant, u lil Alla jgħidlu, « Int Qaddis !  Int tal-għaġeb miegħi !  Issa qed nara li Int kont qed tmexxi kollox għall-ġid tiegħi !  X’ma nemminx fik u x’ma nħobbokx ! »

 

Is-Salm 65, huwa wieħed mis-Salmi li jesprimi Ewkaristija lil Alla.  Mhux is-Salmi kollha jagħmluh dan.  Is-Salmi huma rigal hekk meraviljuż għax jesprimu l-ħajja kollha, l-esperjenzi kollha li minnhom jgħaddi l-bniedem.  Hemm Salmi li jittalbu quddiem Alla ; hemm Salmi li juru d-djieqa tal-bniedem ; hemm Salmi li jgħallmu fuq Alla ; u hemm Salmi li jfaħħru lil Alla, bħal dan.

 

Is-Salmista jgħid ħaġa li hi fundamentali : jistieden lin-nies jisimgħuh biex jixhed għal dak li għamel miegħu l-Mulej.  Din hi l-profezija, li xxandar l-għemejjel tal-għaġeb ta’ Alla fil-ħajja tagħna.  Kemm għandna xi ngħidu !  Kulħadd għandu esperjenza ta’ Alla x’jirrakkonta.  Fil-Knisja qed jinbtu ħafna tipi ta’ gruppi żgħar li joħolqu ambjent idejali fejn wieħed ikun jista’ jgħin il-Fidi tal-ieħor billi b’mod sinċier jitkellem fuq dak li Alla jkun għamel miegħu. « Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel miegħi. » Hekk jgħid is-Salm.  Illum in-nies ma tridx tisma’ iktar teoriji fuq Alla, imma trid tisma’ fatti.  Jekk int temmen li Alla jeżisti u jimpurtah mill-istorja tal-individwu, allura għidli għaliex temmnu dan, xi provi għandek li Alla jeżisti, fejn iltqajt miegħu, f’liema ċirkustanzi ?  Ħafna drabi, l-bniedem jiltaqa’ mal-Fidi fl-Istorja, għalhekk hu mportanti li nistaqsu x’irid jgħidilna Alla b’dak li nkunu għaddejjin minnu.  Li ngħarfu dan hu Grazzja.

 

Ritornell :  Għajtu bil-ferħ lil Alla.

 

Salm  65

 

Għajjtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta' ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

Għidu lil Alla: "Kemm int tal-biża' f'għemilek!

 

Għall-kobor tal-qawwa tiegħek

jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.

L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek."

 

Ejjew, araw l-għemejjel ta' Alla;

tal-biża' f'għemilu fost  il-bnedmin.

Biddel il-baħar f'art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

 

Għalhekk, nifirħu bih!

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem.

 

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x'għamel miegħi.

 

Mbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl kien profeta kbir.  Kien xhud fidil ta’ Kristu.  Kien miġnun bl-Imħabba għaliH għax kien jaf minn x’hiex kien qalgħu.  Qabel kien ilsir tar-‘reliġjon’. Kien bniedem reliġjuż imma lsir fl-istess ħin.  Dan, aktarx li ngħaddu minnu aħna lkoll.  Kien jemmen li hu jrid ikun biex isalva ruħu.  Hu kien iċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni tiegħu innifsu.  Kollox kien jiddependi minnu; kollox kien jiddependi minn kemm kien kapaċi jobdi l-Liġi.  Kien Fariżew prim.  Kellu ntenzjoni tajba, kieku, imma kien qed jitfagħha fejn qatt ma seta’ jiltaqa’ ma’ Alla għax ħadd, l-ebda bniedem, m’għandu l-ħila jobdi l-Liġi ta’ Alla.  Għalhekk hu jgħid u jerġa’ jgħid, li l-Liġi waħedha ma tista’ ssalva lil ħadd għax kulħadd jiksirha.

 

Dan l-iżball naqgħu fih ilkoll kemm aħna.  Kemm predikazzjoni moralista smajna f’ħajjitna: x’għandna nagħmlu u x’m’għandniex nagħmlu!  Lil Alla ċekkinniH għal mod kif jaħseb moħħ il-bniedem.  Għax fid-dinja, jekk ma tistudjax ma tgħaddix, jekk ma taħdimx ma tikolx, jekk ma tiżrax ma taħsadx.  Dan kollu hu minnu.  Imma Alla mhux hekk jaħdem, u għalhekk li x-xitan jgħażżas snienu meta jara tant nies jaħarbulu u jinħatfulu minn taħt idejh.  Alla jiġġustifika lill-midneb jekk il-midenb jemmen fil-Ħniena tiegħu murija fi Kristu Ġesù.  Il-ħalliel fuq is-salib salva mhux għax obda l-Liġi, mhux għax għamel xi opra tajba, imma għax, bi Grazzja, ħares lejn Dak li kien hemm imsallab maġenbu, u għaraf li hemm kien hemm Alla nnifsu.  Hu emmen fi Kristu li kien l-Iben ta’ Alla u kien qed isofru biex hu, il-ħalliel, ma jkollux xi jpatti quddiem Alla.  Din il-Fidi hi tal-għaġeb għax tmur kontra n-natura tal-bniedem, li hi natura dgħajfa, midinba imma reliġjuża wkoll.  Ir-‘reliġjon’ tgħidlek li jekk tkun ‘tajjeb’ tmur il-Ġenna u jekk tkun ‘ħażin’ tmur l-infern.  Din hi biss parti ċkejkna mill-verità.  Ħafna nies ‘ħżiena’ salvaw għax emmnu li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja propju għal min hu bħalhom.  Għall-kuntrarju, oħrajn li dehru ‘tajbin’ quddiem id-dinja, intilfu għax emmnu fihom infushom, fit-‘tjieba’ tagħhom, minflok ma emmnu fil-merti li rebaħ għalihom Kristu fuq is-salib.  Għalhekk Kristu nnifsu jgħidilna: “Huma għad jgħiduli, ‘Mhux f’ismek ħabbarna’ u jien ngħidilhom, ‘Morru minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’

 

Il-Fidi vera fi Kristu turini kemm falza hi d-dinja u kemm ftit għandna x’nambu ħwejjeġ minn tagħha, waqt li tagħmel minna ‘ħolqien ġdid’, nies imwellda mill-ġdid, nies diġa salvati ġa minn hawn minħabba l-Fidi tagħhom f’Dak li miet bi tpattija għalihom.  Għal Pawlu u għan-Nisrani, Kristu biss jiswa; il-bqija hu żejjed u ngħaddu għalih.

 

Għeluq l-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.  6, 14-18

 

Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta' Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.  Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta' siwi, ħlief il-ħolqien ġdid.  U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta' Alla.

 

Mil-lum 'il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f'ġismi l-marki ta' Kristu.

 

Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Amen.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu li għandna llum huwa qari qawwi ħafna.  Mhux miktub biss għall-qassisin, għall-patrijiet u għas-sorijiet.  Fil-bidu tal-Knisja, meta xi wħud kitbu dak li kien qal u għamel il-Mulej Ġesù, la kien hemm qassisin, la patrijiet u lanqas sorijiet.  Ġesù kellu quddiemu nies sempliċi, nies normali miżżewġin bit-tfal; nies li kollha kellhom ix-xogħol tagħhom.  Hu jibagħthom, “bħal ħrief qalb l-ilpup” biex jagħtu xhieda għalih, biex jitkellmu fuqu man-nies, biex jagħtu Tama fejn kien hemm il-qtiegħ il-qalb.  Hu bagħthom bla difiża ta’ xejn, bla sigurtà ħlief il-Fidi fiH.  Bla flus, bla ikel, bil-ħwejjeġ neċessarji biss.  Saħansitra lanqas qorq.  Dan kollu jfisser kemm kbir hu l-għana li Kristu għandu lest għal min jiftaħlu qalbu.  Bi Kristu fik int m’għandek bżonn xejn!  Temmnu inti dan?  Bi Kristu fik int bħar-riħ, la taf mnejn hu ġej lanqas fejn hu sejjer; totalment ħieles, bla kalkoli.  Dan mhux xi Papa jew xi Qaddis.  Dan hu n-Nisrani li fih il-Magħmudija kibret u għamlet minnu profeta, xhud ta’ Kristu.  Ħalli jkunu jafu n-nies li fosthom hemm profeta! 

 

Versett: Hallelujah.  Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna, u ’l dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jkunu wlied Alla.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  10, 1-12; 17-20

 

Wara dan, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu.  U qalilhom: "Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.  Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.  Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.  Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, 'Is-sliem lil din id-dar.' U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura għandkom. 

 

Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.  F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;  fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, 'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.' Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu,  'Sa t-trab ta' beltkom infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta' Alla waslet.' Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

 

It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: "Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek!"  U hu qalilhom: "Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa' bħal berqa mis-sema.  Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta' l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. [Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub  fis-smewwiet."

 
< Prev   Next >