Saturday, 16 December 2017
           
Home
IL-HMISTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-KELMA TA’ ALLA TIPPONTA LEJN IL-PROXXMU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 July 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hmistax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

the-good-samaritan-82691-print-1024.jpg

IL-Ħajja vera tgħammar fil-bniedem meta l-bniedem jagħraf lil Alla.  Il-bniedem jgħix tassew, ikollu s-sliem anke meta jgħaddi mill-għawġ, ikun blata waqt it-tempesta, dar mibnija fuq sisien sodi, meta jsir ħabib ta’ Alla.  U l-bniedem jagħraf lil Alla u jsir ħabib tiegħu meta jisma’ l-Kelma tiegħu.  Il-Fidi tiġi mis-smigħ u mis-smigħ tal-Kelma; u din il-Kelma ddawwal il-Ħajja.  Għalhekk dawk li huma tassew ħbieb ta’ Alla huma mdawlin, jaraw sens fit-tbatija, għalihom il-mewt hi maqsuma, mirbuħa.

 

Mhux l-istess bniedem li għandu l-Fidi u ieħor li m’għandux, bħalma trid tbellaħħielna d-dinja.  Id-dinja tgħidlek: “Int emmen li trid, int ħieles temmen li trid; imma lil ħaddieħor ħallieh għax anke ħaddieħor għandu d-dritt li ma jemminx.”  Dan hu veru, għax Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma tisforza lil ħadd.  Imma min jemmen mhux bħal min ma jemminx.  Min jemmen sab il-milja tal-Ħajja, min ma jemminx jeżisti, jiekol, jorqod, jilgħab, jistana... imma m’għandux il-Ħajja li ma tispiċċax.  Id-differenza bejniethom it-tnejn hi li lil wieħed tista’ faċilment tisraqlu l-ħajja, anke b’kelma waħda goffa, għax il-ħajja li għandu mhix Ħajja ta’ Dejjem.  Imma lill-ieħor, jekk l-ieħor tassew għandu l-Fidi u mhux paroli, tista’ tisraqlu kollox barra l-Ħajja għax il-Ħajja tiegħu mhix naturali, imma hi l-Ħajja ta’ Dejjem, hija l-Ħajja ta’ Alla nnifsu.  Altru li mhux l-istess ikollok il-Fidi u ma jkollokx.

 

 

Ereżija oħra li tgħammar fost ħafna hi li Alla dejjem irid, dejjem ixekklek, jikkontrollak, jgħabbik b’piżijiet.  Jgħidulek li ma tistax tkun ferħan u timxi wara Alla għax Hu stess jgħidlek li min jimxi warajja jrid jerfa’ salibu u jimxi warajja... kuljum!  U min ma jerfax salibu x’jagħmel bih?  Ibiegħu?   Isib min jixtrih?  Għax kull maħluq hu msallab b’xi ħaġa la qed ngħixu f’dinja marida fejn kollox għandu d-DNA tal-mewt.  Min jerfa’ salibu jfisser li mhux qed iħalli s-salib joqtlu, anżi, nduna b’sigriet li ma jitwemminx mid-dinja: it-tbatija twassal għall-glorja, it-tbatija tista’ tinagħta sens, it-tbatija hija wieħed miż-żewġ uċuħ tal-Misteru tal-Għid li jimmarka l-ħajja ta’ kull bniedem.  In-Nisrani jemmen li t-tbatija tal-Ġimgħa l-Kbira, fi Kristu, twasslu għaż-żernieq tal-Għid, tal-Qawmien.  

 

Altru li Alla jrid jeħodlok xi ħaġa!  Alla ma jrid jeħodlok xejn għax mhu bżonn xejn.  Alla għandu s-sigriet tal-Ħajja għal dejjem u dan is-sigriet jixtieq jurih lilek, lili, lil dak, lill-ieħor... imma mhux bil-fors, għax l-Imħabba hi dgħajfa quddiem il-ħelsien li hi tagħti lill-maħbub.  Hija ħaġa ta’ barra minn hawn li Dak li ħalaq l-universi kollha li jeżistu, Dak li hu Sid l-Istorja, Dak li tiegħu hu l-Għerf... hu tant dgħajjef quddiemi!!  Jippreżentali Kelma li tgħidli fejn hi l-Ħajja... imma jistenna kwiet, kwiet biex jara x’għażla se nagħmel.  U billi jħobb lili, lilek, lil dak, dik u l-oħra, hu jirriskja, jirbaħ, jitlef, jifraħ u jagħli.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla resaq lejn il-popli billi għażel ġens wieħed minn fosthom u tah il-Kelma tiegħU, biex minn dan il-ġens tinxtered sa truf l-art kollha.  Il-Kelma tiegħU turi Hu min hu.  Din il-Kelma niżlet mis-sema u strieħet fuq Abraham, l-ewwel, imbagħad fuq il-ġens li ħareġ minnu.  Din il-Kelma nkitbet.  Hija s-sigriet tal-Ħajja.  Il-bniedem ifittex il-Ħajja l-ħin kollu.  Saħansitra qed jivvjaġġa bejn il-kwiekeb.  Ifittex, ifittex.  X’qed ifittex?  Ifittex il-Ħajja, anke jekk jaħseb li qed ifittex xi ħaġa oħra.  Hija l-Ħajja l-problema, għax jaf li l-Ħajja tispiċċa u allura s-soluzzjoni ta’ kollox hi l-Ħajja ta’ Dejjem.  U din il-Ħajja hi mkebba, mgeżwra magħluqa fil-Kelma.  Fil-Kelma ta’ Alla li niżlet minn fomm il-Missier, inagħtat lil Iżrael, u dan induna li hi t-Teżor il-Kbir u kitibha biex ma tintilifx. 

 

Id-Dewteronomju huwa l-aħħar ktieb li nkiteb mill-ħames kotba sagri li jiffurmaw dak li jsejħulu l-Pentatewku, l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja (mill-Grieg “penta” = “ħamsa”).  Dawn l-ewwel ħames kotba: il-Ġenesi, l-Eżodu, il-Levitiku, il-Ktieb tan-Numri u d-Dewteronomju, huma l-aktar parti mill-Bibbja li huma għeżiez għall-poplu Lhudi u kull meta fl-Iskrittura niltaqgħu mal-espressjoni “ir-Romblu tal-Liġi” tkun tirreferi għalihom.  Sal-lum, fis-sinagogi tagħhom, il-Lhud iżommu dawn il-ħames kotba tal-Pentatewku miktuba f’romblu wieħed imgeżwer f’bellus blu mill-ifjen u merfugħ f’dak li huma jsejħulu t-Tabernaklu.  F’dawn il-kotba nsibu mniżżla l-esperjenża li Iżrael kellu ta’ Alla, ibda minn Abraham u spiċċa fil-ħruġ mill-Eġittu, il-mixja fid-deżert u d-dħul fl-art  imwegħda.  Araw kif l-esperjenza tal-Ħajja ssir Kelma ta’ Alla.  Iżrael għaraf Alla min hu l-aktar mill-ġrajja li Alla għaddih minnha.  L-istess aħna.  L-Istorja ta’ kull wieħed u waħda minna hija sagra, qaddisa; hija Kelma ta’ Alla għalina, jekk nirċievu l-grazzja li nifhmuha hekk.

 

Imma barra l-ġrajja ta’ Iżrael, f’dawn il-ħames kotba hemm imniżżla wkoll l-Għaxar Kelmiet jew kmandamenti li Alla ta lil Mosè u kwantità kbira ta’ preċetti u kummenti fuqhom u dwarhom.

 

Iżrael sabha tqila l-Liġi li tah Alla biex jobdiha.  Alla qallu li l-Ħajja tinsab fil-Liġi Qaddisa: jekk jobdiha jkun fil-Ħajja, jekk le jkun mejjet.  Daqshekk sempliċi.  Imma l-poplu malajr għaraf li bis-saħħa tiegħu biss, l-ebda bniedem ma jista’ jgħix il-Liġi u jakkwista l-Ħajja vera.  Huwa l-ħabib ta’ Alla li jirċievi l-Ispirtu qaddis tiegħu li jista’ jifhem x’ried jgħid Mosè meta qal: “Din l-ordni li qiegħed nagħtik illum mhuwiex xi ħaġa iebsa għalik jew li ma tistax tilħaqha.”  (v. 11).  Il-Kelma ta’ Alla hi ħafifa biss għal min hu ħaj minħabba l-Ispirtu li jgħammar fih.  Jekk nersqu lejn il-Liġi bi spirtu legalista biss, bit-tqanżiħ u l-isforżi tagħna, malajr nogħtru u l-Kelma ħanina ta’ Alla narawha muntanja li tbeżżagħna.

 

Din il-Kelma tal-Ħajja niżlet tgħammar fostna u tgħix magħna fil-persuna tal-Mulej Ġesù.  Kristu huwa l-Kelma ta’ Alla magħmula laħam.  Huwa għadda mill-mewt u l-qawmien biex sar Spirtu li jinxtered fuq kull min jemmen fiH.  Dan l-Ispirtu ta’ Ġesù, l-Ispirtu tal-Kelma tal-Ħajja sar, issa, qrib ħafna tal-bniedem ta’ rieda tajba u seħħet il-profezija ta’ Mosè meta qal: “Il-Kelma hi qrib tiegħek ħafna, tinsab fuq fommok u f’qalbek biex tobdiha.”  (v. 14).

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  30, 10-14

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Jekk int tisma' l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta' din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha u b'ruħek kollha.

 

Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, m'hijiex tqila għalik u anqas 'il bogħod minnek. M'hijiex fis-sema biex int tgħid: 'Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?' U anqas ma hi 'l hemm mill-baħar biex int tgħid, 'Min se jmur 'l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha ?’  Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f'fommok u f'moħħok, biex tagħmilha.”

 

Salm Responsorjali

 

Kif diġa semmejna u kif għidna ħafna drabi f’dawn il-kitbiet, il-Kelma ta’ Alla tagħmilha ċara li l-problema dominanti tal-bniedem u li minnha jinbtu l-problemi l-oħra kollha huwa l-fatt li l-bniedem għandu jmut.  Dan, il-bniedem jifhmu ħafna iktar mill-annimali għax għandu moħħ li jaf jaħseb, u allura l-eżistenza tiegħu hija mmarkata minn dan il-monstru.  Huwa veru li meta nkunu għadna tfal jew żgħażagħ insibuha faċli naljenaw ruħna bid-dinja... u hawn min jibqa’ aljenat u jinsa l-mewt sa fi xjuħitu.  Imma l-psikoloġisti jgħidulna li l-mewt fiżika hija dejjem hemm preżenti fis-subkonxju tagħna, f’moħħna, u taffettwa dak kollu li nagħmlu.

 

Is-“survival instinct”, l-istint li jiddefendi ruħu u jtawwal ħajtu, li nsibu fl-annimali kollha, hi ikbar fil-bniedem.  Huwa dan l-istint li jagħmel lill-bniedem jivvinta l-idoli, l-allat foloz biex min għalih jgħinuh itawwal għomru.  Imma dan l-istint huwa wkoll il-qawwa li timbotta lill-bniedem għand Alla, l-uniku għajn ta’ Ħajja bla tmiem u li għandu tinsab l-Wegħda tal-eternità.  Salm 68 jurina l-bniedem dgħajjef, imsejken u batut quddiem din ir-rejaltà li hi bil-bosta ikbar minnu.  Il-bniedem solva ħafna problemi u skumditajiet, imma l-mewt le.  Għalhekk is-salmista jgħid: “Imma jiena msejken u batut; terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek.”  (v. 17). 

 

Għax Alla jħabbar li teżisti salvazzjoni mill-mewt ta’ dejjem.  L-Imħabba li Alla għandu lejn il-bniedem ma tħallihx jisparixxi u jsir trab taħt il-ħakma tal-mewt imma bi Kristu, u bi Kristu biss, jiftaħ triq li tieħu lil hemm mill-mewt.  Jaħasra, ftit huma dawk li jieħdu din il-Wegħda bis-serjetà.  Min jemmen li Kristu qam mill-mewt u qasam fi tnejn il-monstru li jwerwer lill-bniedem, dan jibda jgħix Ħajja għal Dejjem saħansitra minn hawn.  Għax min jinagħta Spirtu li jaċċertah li l-mewt tiegħu ġiet megħluba, diġa hu ħaj għal dejjem minn issa stess.  Ara kif Alla ma jrid jeħdilna xejn, anżi jrid jagħtina l-Ħajja u l-Ħajja vera!

 

Min se jiggranfa ma’ din il-Kelma, ma’ din it-Tama?  Min hu fqir.  Min hu dgħajjef.  Min ma jaħsibx li hu xi ħaġa.  Min mhux aljenat mir-rejaltà mpossibbli tal-bniedem.  “Jaraw hekk l-imsejkna u jifirħu; u qalbkom tgħix, intom li tfittxu lil Alla.  Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej, u ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.”  (v. 34).  Għax min ifittex lil Alla jkun qed ifittex il-Ħajja li ma tintemmx.

 

Ritornell:  Qalbkom tgħix, intom li tfittxu lil Alla.

 

Salm 68

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta' tjubitek

u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

 

Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel;

ħarisni minn min jobgħodni

u eħlisni mill-ilma fond.

Tħallix iġorrni l-ilma,

jew jiblagħni d-dagħbien,

u jingħalaq fuqi l-bir!

 

Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.

 Imma jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

 

Nfaħħar l-isem ta' Alla bl-għana,

nkabbru b'għana ta' radd il-ħajr.

Dan jogħġob lill-Mulej aktar minn offerta

                                                                 ta' gendus,

jew ta' barri bil-qrun u dwiefer ħierġa.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

 

Ifaħħruh is-sema u l-art,

l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom.

 

Għax Alla jsalva 'l Sijon,

u jibni l-bliet ta' Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

 

It-Tieni Qari

 

Mela, il-Kelma ta’ Alla tiġi biex tagħti l-Ħajja lil min ma jgiddibhiex, imma jemminha.  Din hi l-istess Kelma li tat il-Ħajja lill-univers kollu, bix-xmux, il-kostellazzjonijiet differenti tal-kwiekeb, dinjiet li ħadd ma jaf kemm ilaħħqu fin-numru!  Hija l-Kelma setagħna ta’ Alla li ħarġet minn fomm Alla meta qal: “Ħa jkun id-dawl!”  U d-dawl sar.  (Ġen. 1, 3).  Il-Kelma kienet il-prinċipju, il-bidu ta’ kollox.  Il-Ħajja taf ħajjitha lill-Kelma.  M’hemmx fejn tmur lil hemm minn dan.  Ħa jistudja l-bniedem biex jiskopri kif inhuma l-affarijiet, imma l-affarijiet ħarġu mill-Kelma.  Jew jemmen dan, jew il-bniedem jibqa’ mitluf, iteftef fid-dlam. 

 

U din il-Kelma, din il-“Kollox” saret laħam!!  Tbaxxiet, iċċekknet, umiljat ruħha u saret bniedem!  Il-Kelma li biha kollox qiegħed iżomm, se jgħidilna l-qari minn S. Pawl, irreduċiet ruħha f’ġisem ta’ bniedem u bdiet tissejjaħ min-nies “Ġesù ta’ Nazaret”.  Ġesù huwa l-Kelma ta’ Alla, huwa Alla nnifsu għax il-Kelma ta’ Alla hi Alla. Kristu huwa l-essenza ta’ Alla.  Jekk ikollok tagħsar dak kollu li hu Alla u toħroġ l-essenza tiegħu, jien ngħidlek fejn tinsab: ħares lejn kurċifiss u taraha l-essenza ta’ Alla.  Kristu msallab hu l-essenza ta’ Alla.  L-Imħabba lejn l-għadu hija l-essenza ta’ Alla.  Dostoyevski, kittieb famuż Russu, u Nisrani tajjeb, qal li s-sbuħija ssalva d-dinja u l-essenza tas-sbuħija, il-milja tas-sbuħija, il-qalba tas-sbuħija hija l-wiċċ sofferenti ta’ Kristu qed imut għall-għadu.  Skont dan l-awtur, u skont il-Kelma ta’ Alla, din hi l-essenza tas-sbuħija, l-essenza ta’ Alla nnifsu għax Alla huwa s-sbuħija.

 

Alla huwa l-Imħabba lejn “l-ieħor” hu min hu.  Dan hu li se jgħidilna l-Vanġelu.  Din hi l-Ħajja u m’hemmx Ħajja oħra.  Hu ħaj biss min iħobb lill-ieħor hu min hu, ħabib, għadu, gustus, ikrah, minn tagħna, jdejqek...  U din mhix liġi. Kif għandna manija nċekknu kollox, speċjalment aħna tal-punent li writna moħħ legalista mingħand il-kultura ta’ Ruma l-antika!  Li jkollok din is-sbuħija, din l-essenza ta’ Alla fik, din l-Imħabba hi rigal, grazzja ssejħilha l-Knisja.  L-ebda bniedem, qaddis kemm hu qaddis, ma għandu l-ħila jasal sa hawn.  Imma ħafna, ħafna, kotra bla qjies, waslu għax l-essenza ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu invadihom u mlihom u kien Hu li ħabb fihom lill-għadu.  Alla hu fiċ-ċentru ta’ kollox mhux il-bniedem.  Alla fiċ-ċentru, mhux il-qaddis.  Lil Alla nistgħu ngħidulu “Le!” u hemm ċans kbir li din ngħiduhielu, imma jekk jagħmel minna qaddisin, nies Ħajjin, din tkun biċċa xogħol tiegħu mhux tagħna.  L-istess bħalma t-tqala ta’ Marija kienet biċċa xogħol tiegħu mhux tagħha, imma Hi qaltlu: “Iva!”

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.  1, 15-20

 

Hu x-xbieha ta' Alla li ma jidhirx,

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx, 

Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq,

hu li hu qabel kollox, 

u kollox fih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.

Hu li hu l-bidu, 

il-kbir li qam  mill-imwiet, 

sabiex ikun hu l-ewwel f'kollox.

Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;  bih Alla għoġbu jerġa' jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, mxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

Evanġelju

 

San Pawl għadu kif qal li l-Kelma ta’ Alla ġiet fid-dinja mhux biex tneħħi l-mewt, li hi l-konsegwenza tad-dnub u li lanqas Alla ma jista’ jbiddel dan għax id-dnub iġib il-mewt dejjem, imma biex il-Kelma tieħu l-mewt ta’ kull bniedem fuqha u tħallas hi d-dejn ta’ bil-fors li hemm marbut ma’ kull dnub.  Min ma jemminx li Kristu miet minħabbu dnubietu, għadu fil-mewt u se jmut għal dejjem.  Imma min jemmen li l-mewt tiegħu ġiet iffrankata lilu mhux għax ma ħaqqhielux, mhux għax qatt ma dineb, imma għax Kristu ħadha Hu floku, allura hu mhux se jmut imma se jgħix għal dejjem.  Tiegħu hi l-Ħajja ta’ Dejjem u ħadd ma jista’ jmissilu.  Hi l-wirt mirbuħ għalih minn Kristu fuq is-salib u bil-qawmien tiegħu. 

 

Dan il-wirt jibda jitgawda minn hawn stess!!  Dan hu faċli biex wieħed jifhmu!  Altru li n-Nisrani mhux il-bniedem tat-tbatija u li jgħaddi mit-triq b’geddumu jkaxkar mal-art!  In-Nisrani għandu ferħ li d-dinja lesta tħallas il-miljuni għalih u lanqas issib tixtrih!  In-Nisrani hu ferħan għax jaf li l-merti infiniti ta’ Kristu huma kollha tiegħu, kollha għalih, kollha jgħajtu favur tiegħu u xtrawlu l-Ħajja Dejjem.  Dan il-bniedem issa m’għandux għalfejn jitħabat għall-Ħajja iktar; m’hemmx iktar sens ta’ “survival instinct”, ma jiddefendix ruħu iktar u lanqas jiddefendi ġidu iktar.  Fuq kollox, u hawn niġu għall-aktar importanti: dan il-bniedem, issa, li hu tassew Ħaj, kapaċi jħobb lill-għadu, lis-Samaritan li ma jaħsibhiex bħalek, lil dak li hu fonqlu u dejjem issibu lest biex idejqek.  Imma aħna msejħin biex ninagħtaw, (attenti għaliha din il-kelma), biex ninagħtaw għana li l-ebda Samaritan, l-ebda għadu ma jista’ jmissulna... anzi se jkollna ż-żejjed, kejl imburġat u miż-żejjed li jagħtina Alla nagħtu, nagħtu u nibqgħu nagħtu sakemm aħna hawn.

 

Ħa jseħħ dan fina!

 

Versett: Hallelujah. Ilqgħu l-Kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem, imma bħala Kelma ta’ Alla, kif tassew hi.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  10, 25-37

 

F’dak iż-żmien : Iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: "Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?" Qallu Ġesù: "Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?" U dak wieġeb: "Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, u b'ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b'moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek." "Sewwa weġibt," qallu Ġesù, "agħmel hekk u tgħix." 

 

Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: "U l-proxxmu tiegħi min hu?" U Ġesù raġa' qabad jgħidlu: "Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa' f'idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f'lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, "Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa' ngħaddi.'  

 

Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa' f'idejn il-ħallelin?"  "Min ħenn għalih," wieġbu dak. "Mur," qallu Ġesù, "u agħmel hekk int ukoll."

Last Updated ( Saturday, 09 July 2016 )
 
< Prev   Next >