Saturday, 16 December 2017
           
Home
IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2016) ISHAR: MA TAFX META SE JGHADDI L-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 July 2016

Din hija il- Liturgija  tas-siiax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus_mary__martha270707_01.jpg

 

Huwa mportanti li aħna ngħaddu minn qagħda ta’ ‘reliġjożità naturali’ għal waħda fejn il-Fidi tagħna hi dejjem ‘on the move’, dejjem f’tensjoni biex tikber. Inkunu reliġjużi naturali meta nersqu lejn Alla meta jkollna bżonnu minħabba xi diffikulta, xi kriżi, xi sitwazzjoni li tidher wisq diffiċli għalina. Il-ħajja tipprovdilna ħafna minn dawn l-esperjenzi. Imma meta l-maltemp jgħaddi, hu normali li nibirdu xi ftit fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Għalhekk ir-reliġjożità toffrilna mezz ta’ dixxiplina biex ma ninqatgħux għal kollox minn Alla, u dan il-mezz huwa l-Liġi. Per eżempju għandna l-Liġi li rridu nisimgħu quddiesa kull nhar ta’ Ħadd. Għandna liġi oħra li twiddibna biex nersqu għas-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin almenu darba fis-sena fi żmien l-Għid. Imbagħad għandna jiem ta’ sawm f’Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira.

 

Din ir-relazzjoni ma’ Alla mibnija fuq il-bżonn li ngħoġbuh, nagħtuh il-minimu biex ma jgergirx, biex ma niftluhiex miegħu għax ma tafx fiex tiġi bżonn, hi relazzjoni infantili, żgur mhix matura, mhux mibnija fuq l-imħabba imma fuq l-egoiżmu. Bir-reliġjożità nispiċċaw ninqdew b’Alla biex Hu jagħmel ir-rieda tagħna u mhux aħna nagħmlu r-rieda tiegħu. Infatti jkollna ħafna suspetti fuq fejn tista’ teħodna r-rieda tiegħu u sikwit ma nafdawhx b’ħajjitna. Din hija Fidi ċkejkna wisq li mhix ċerta minn Alla għax Alla hu maqtugħ għalih fil-kobor tiegħu waqt li aħna rridu naħsbu għal rasna hawn isfel.

Iżrael tfixkel meta deher il-Messija propju minħabba dan. Hu kellu ideja ta’ dak li hu l-aħjar għalih li kienet differenti minn dik li kellu Alla. Iżrael huwa propju aħna. Huwa ma setax jidħol f’relazzjoni matura ta’ mħabba ma’ dan Alla tiegħu li hu qatt ma seta’ jifhem. Xtaq ikollu Alla li seta’ jgħaġnu u jifformah skont l-esiġenzi tar-rieda tiegħu, ta’ dak li kien jaħseb li hu l-aħjar għalih, materjalment. Kien għalhekk li kienu jgħoġbuh l-idoli tal-ġnus ta’ madwaru għax kienu invenzjoni tal-bniedem u bħala tali kienu iktar jinftiehmu, iktar “down to earth” għalih.

 

Dak li finalment salva lil Iżrael u wasslu biex welled lil Kristu fid-dinja kienet il-Fidi ta’ fdal tal-poplu mibnija fuq laqgħa ħajja li kellhom ma’ Alla l-mistur. Dan hu li fl-aħħar mill-aħħar jibni Fidi adulta, relazzjoni ta’ mħabba. Alla ma jistax jibqa’ teorija li tisma’ u taqra fuqu. Għandna bżonn esperjenza tiegħu, laqgħa ħajja miegħu u n-Nisrani li jfittex dan irid ikun dejjem għassa, jishar, attent għax Alla jgħaddi u jista’ jkun li hu ma jindunax. Ħafna nies iltaqgħu ma’ Alla f’sitwazzjonijiet l-aktar sempliċi, f’nies normalissimi. Inti tibqa’ mmarkat u tgħid: “Dak in-nhar għadda Alla minn ħajti” u din il-memorja ma jeħodhielek ħadd għax Alla jkun rattablek qalbek darba għal dejjem bil-ħlewwa tiegħu.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Iskrittura tgħid li għandna nilqgħu u nagħtu kas ta’ dak li jkun, hu min hu, għax ħafna nies ġusti laqgħu lil Alla għandhom bla ma kienu jafu. Hekk ġralu Abraham. Kien bniedem li moħħu u qalbu kienu ġew xprunati, ittrenjati biex jgħassu għal Alla għaddej f’kollox u f’kulħadd. Id-diżappunti tad-dinja kienu tawh għan wieħed: jew jiltaqa’ ma’ Alla jew l-eżistenza tiegħu kienet tkun falliet. Hu kien jaf li Alla kien ġej f’ħajtu. Kien qed iġorr wegħda f’ħobbu u għalhekk kellu nar jaqbad, kellu xenqa enormi li jasal il-mument li fih jidher Alla biex jagħtih dak li kien wegħdu.

 

Hu faċi li nagħmlu minn dan il-qari li ġej lezzjoni ta’ ospitalità, twiddiba biex nilqgħu lill-emigranti-refuġjati li qed jiġu f’pajjiżna. Din tkun ħaġa wisq tajba, anke jekk hi prova u ddaħħalna f’kumplikazzjonijiet u n-Nisrani jaf, għax jgħidlu l-Vanġelu li dak li hu jagħmel mad-dgħajjef li jidher quddiemu jkun qed jagħmlu ma’ Kristu nnifsu.

 

Imma dan il-qari famuż mill-Ġenesi jmur ferm iktar lil hemm minn dan. Hemm nies immarkati li għandhom jiltaqgħu ma’ Alla biex ikunu melħ, dawl u ħmira għal ħaddieħor. Il-Knisja hija magħżula biex tkun dan fid-dinja u għad-dinja. Għalhekk int u jien, minħabba l-Magħmudija tagħna, aħna mmarkati biex ikollna laqgħa ħajja ma’ Kristu, b’mod jew b’ieħor biex inkunu ġebel ħaj fi Knisja li ddawwal u tagħti togħma lid-dinja. Abraham ma riedx ikun speċjali, u mingħand Alla kien qed jitlob ftit: iben. Imma l-laqgħa tiegħu mal-Mulej għamlet li llum, ħamest elef sena wara, id-dinja għadha titkellem u tidduskuti fuqu. Alla jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb!

Hu jara tlett irġiel resqin u jara lil Alla fihom. Kien il-bniedem li jgħarrex għal Alla. Kemm hi ħaġa sabiħa din: tkun il-bniedem li jgħarrex għal Alla f’dak li jiġrilek, f’dak li tiltaqa’ miegħu, f’dak li tisma’! Jekk tassew temmen li l-ikbar ġid li jista’ jiġrilek ġej minnU, titħeġġeġ fik tensjoni ta’ stennija, ta’ tfittxija... sakemm tinduna li fil-fatt huwa Hu li dejjem qed ifittxek. Meta jsibek u jkellmek, dan ikun Memorjal li ma tinsieh qatt. Dan il-qari hu l-ewwel passaġġ fir-rivelazzjoni ta’ Alla li juriH bħala tliet persuni.

 

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. 18, 1-10a

 

F’dak iż-żmien: il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta' Mamri; u hu kien fil-bieb ta' l-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U rafa' għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb ta' l-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f'għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom ġidma ħobż, biex titrejjqu, mbagħad tibqgħu sejrin - għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom.” U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt.”

 

U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar.” U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa' bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu.

 

U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?" U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix.” U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben.”

 

Salm Responsorjali

 

Ħafna huma l-imgħammdin imma ftit huma dawk li jistgħu jirrakkontaw dwar laqgħa li kellhom ma’ Alla. Il-Magħmudija hija sinjal qawwi, marka fuq xbin il-bniedem li tagħmlu magħżul, imsejjaħ minn Jahweh għal ħwejjeġ kbar: imsejjaħ biex ikun kopja ta’ Kristu, Kristjan. Imma ħafna dan ma japprezzawhx u jibqgħu fuq livell ta’ reliġjożità naturali fejn Alla hu sett ta’ liġijiet li l-bniedem għandu jobdi jekk irid jistenna li Alla jgħinu; relazzjoni ta’ tifel żgħir li għadu mhux fdat għax mhux matur; jew relazzjoni ta’ lsir ma’ sidu... jobdih mhux għax iħobbu jew għax sar jafu sewwa, imma għax jaqbillu.

 

Salm 14 ipoġġielna ritratt tal-bniedem ta’ Alla, il-bniedem li nduna li Alla jrid jagħtih ħafna. Fil-Vanġelu għandna ritratt ferm aqwa tan-Nisrani: id-Diskors tal-Muntanja. Dak li se jgħidilna dan is-Salm u li nsibu b’mod aqwa u iktar perfett fid-Diskors ta’ Kristu fuq il-muntanja tal-Beatitudni wieħed ma jistax iwettqu hekk billi jiddeċiedi li jwettqu. Ir-ritratt ta’ dan il-bniedem jurini x’kapaċi jagħmel Alla fina. Kollox hu grazzja.

 

Eżempju li jiftiehem ħafna tal-opra ta’ Alla fil-bniedem jagħtihulna t-Testment l-Antik meta l-profeta jara lil Alla bħala fuħħari li għandu ċappa tafal f’idu. Minn dan it-tafal bla sura, fl-aħħar joħroġ vażun bellezza, imma biex seħħlu jagħmel dan il-Mulej jagħmel operazzjoni sħiħa u twila. Kbir u qaddis huwa s-Sabar ta’ Alla magħna! Li bniedem isir qaddis, isir kif iridu Alla, vażun sabiħ f’għajnejn il-Mulej, huwa ħafna, ħafna iktar xogħol tiegħu milli xogħol tagħna. Li aħna nkunu l-bniedem ta’ dan is-Salm jew, iktar u iktar, tad-Diskors tal-Muntanja, ma tkunx frott tal-kapaċità tagħna jew tat-tqanżiħ tagħna, imma Grazzja, opra ta’ Alla. Għalhekk in-Nisrani huwa fuq kollox il-bniedem tat-tifħir, tar-radd il-ħajr għal dak kollu li l-Mulej għamel miegħu.

 

Ritornell: Mulej, min igħammar fid-dar tiegħek?

 

Salm 14

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu.

 

Ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu.

 

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl jitkellem fuq Kristu moħbi. Jitkellem fuqu bħala misteru moħbi imma li issa sar urġenti li jkun muri. Dan huwa l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Ġesù ġie mibgħut mill-Missier f’din id-dinja miskina, mdallma u magħfusa miċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt, għal siegħa waħda. Hu għallem. Hu għamel mirakli u sinjali kbar. Hu stabar. Fuqu San Ġwann jgħid li kieku kellu jinkiteb kollox dwaru lanqas id-dinja ma tesa’ l-kotba li kienu jinkitbu... u tassew li nkitbu fuq li nkitbu kotba li mlew id-dinja.

 

Imma Kristu ġie għal siegħa waħda biss li fiha kellu jwettaq il-Misteru tal-Għid, jiġifieri Hu ġie għall-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt. Dan hu s-sens tal-Messija, u jekk ma nagħrfux li f’dan il-Misteru tal-Għid hemm ħajjitna stess ingastata, mlaqqma fih, allura Kristu jkun bata għalxejn għalina. Huwa biex niskopru dan il-Misteru għani u kbir li aħna għandna ngħarrxu għal laqgħa ħajja ma’ Kristu. Li jien nifhem sa fil-profond dan il-Misteru trid tkun il-Grazzja. U la aħna mgħammdin, din il-Grazzja l-Missier jixtieq jagħtihielna. Din hi l-Wegħda li għandna u li tagħmilna wlied Abraham, għax bħalu nistennew, nishru, ngħarrxu għall-Messija li jgħaddi biex iġorrna miegħu.

 

Għax jekk ‘nara’ s-siwi tas-Salib ta’ Kristu, niskopru wkoll is-sens tat-tbatija, tas-salib tiegħi personali. Jekk ‘nara’ l-glorja tal-Għid ta’ Kristu, nagħraf li anke jien imsejjaħ biex ngħix Għid li jeħodni mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-ħajja... fl-aħħar mill-aħħar: minn din id-dinja għall-Ġenna u Ħajja bla tmiem. Min isib lil Kristu jkun sab kollox. Għalhekk nishru għalih, ngħarrxu għalih, nittalbu għalih.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin. 1, 24-28

 

Ħuti: Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f'ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta' Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skond ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b'mod sħiħ il-Kelma ta' Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu, lil dawk li Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta' dan il-misteru fost il-pagani, li hu Kristu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu.

 

Evanġelju

 

Alla jagħżel nies li meta jisimgħu leħen ir-Ragħaj, jitqanqlu minn ġewwa bla ma jridu. Huma jissemmgħu għalih, anke jekk Hu jibqa’ sieket żmien twil. Imma huma għandhom sejħa midfuna ġewwa fihom u meta din is-sejħa tirbombja, waqt li ħaddieħor ma jisma’ xejn, huma jisimgħu, iqumu, u jitilqu lejn fejn il-leħen jistedinhom. Mhux għax dawn huma nies aħjar mill-oħrajn. Ma naqgħux fil-moraliżmu li jiġġudika u jwelled is-suppervja reliġjuża li hi l-agħar tip ta’ suppervja. Alla għażel lil Ġakobb fuq ħuh Għeżaw meta kienu għadhom f’ġuf ommhom, qabel ma kienu għamlu xi tajjeb jew ħażin. Jista’ jkun ukoll li Alla jagħżel l-iktar dgħajfin biex tidher il-glorja tiegħu.

 

Jista’ jkun hemm tnejn li jkunu qed jisimgħu bniedem jitkellem. Wieħed jara lil Alla f’dan il-bniedem u l-ieħor lanqas biss jinduna fuqhiex qed jitkellem. Din ġrat ħafna drabi. Mhux kwistjoni ta’ tort. Wieħed magħżul biex ikollu laqgħa ma’ Alla u l-ieħor le. Imma jekk wieħed hu magħżul, huwa magħżul b’risq l-ieħor ukoll biex hekk it-tnejn isalvaw. Għax il-Mulej irid isalva l-bnedmin kollha. Dan bħal tnejn li jinsabu ġo foresta f’lejl xitwi bir-riħ ivenven, xita nieżla u dlam taqtgħu b’sikkina. Wieħed minnhom biss jaf it-triq ’il barra minn dak il-post tal-biża’. Imma jekk hu biss jafha t-triq, ma jafhiex għalih innifsu biss imma b’risq l-ieħor ukoll.

 

Marija semgħet leħen u ndunat li kien tar-Ragħaj. Marta semgħet ukoll imma ma semgħet xejn speċjali li kien qawwi biżżejjed li joħroġha mill-egoiżmu li għandhom ħafna nisa li jaqilgħu il-prosit fuq it-tisjir u l-indafa tad-dar. Waħda daħlet fil-mistrieħ tal-Mulej u l-oħra le. Dan għax Marija kienet aħjar minn oħtha ? Le. Imma hi għażlet is-sehem li ma jitteħdilhiex. Fuq dawn l-affarijiet Kristu huwa esiġenti ħafna. Jekk int tara iktar sens fit-taħbit tad-dinja milli fil-Kelma ta’ Alla, Kristu jgħidlek, mur, la trid tmur. Lanqas li tidfen lil missierek ma hu iktar importanti miċ-ċans li forsi tiltaqa’ ma’ Alla. Lanqas li ssellem imqar għall-aħħar darba lil tad-dar. Min għandu jdejħ fuq il-moħriet ma jistax iħares lura għax min jixxennaq għad-dinja jmut bħalma mietet mart Lot. Għandna sejħa. Gwaj jekk nitilfuha għax nagħżlu l-knis tal-art, il-karfa tad-dinja. Kulma d-dinja tista’ toffrielna, wara kollox, huwa nkwiet u tħassib. Dawn issibhom dejjem fejn hemm il-ġid tal-art u l-ambizzjoni materjali.

 

Versett : Halelujah. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, igħid il-Mulej ; u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja. Halleljah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 10, 38-42

 

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, m'intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!" Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."

 

Last Updated ( Saturday, 16 July 2016 )
 
< Prev   Next >