Din
hija il- Liturgija tas-sbatax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Mill-ibgħad żminijiet il-bniedem dar lejn Alla, jew lejn
Dak ix-Xi Ħadd li kien jimmaġina li hu setgħan u qawwi, biex jgħinu fil-mumenti
mwiergħa tal-Ħajja. Għax il-Ħajja hi
rigal tassew, imma sikwit hi kumbattiment serju u jiġu mumenti meta l-Ħajja
tissupera l-bniedem, iġġibu dahru mal-ħajt, bla saħħa. Huwa f’dan il-mument li l-bniedem jilħaq
l-ogħla quċċata tan-nobiltà tiegħu li tagħmlu differenti mill-annimali. Fl-qiegħ li jkun jinsab jogħla lejn Dak li
ħalqu u fl-umiltà tiegħu jittallab mingħandu l-għajnuna. Il-bniedem biss hu kapaċi jagħmel dan. Għalhekk il-mument tal-prova, il-forġa tat-tbatija,
l-umiljazzjoni tal-falliment meta r-rejaltà taqa’ fuqek bħal tunnellati ta’
toqol, dan il-mument huwa qaddis, sagru.
Għax hu f’mumenti bħal dawn li l-bnedmin iltagħu ma’ Alla, iltaqgħu
mal-Għerf veru, raw b’għajnehom li Alla tassew jeżisti, li ‘Hu Huwa’... Jaħweh,
kif skoprih Mosè u forsi l-ġara tiegħek
li ilha ddur is-snin b’żewġha marid.
Jekk il-Ħajja tista’ tkun kumbattiment, it-Talb hu
taqtigħa, taqbida li l-bniedem ikollu jitqabad miegħu nnifsu. Kollox jiddependi mill-Fidi. In-nies li skoprew lil Alla jgħidulek li meta
jmorru jitolbu, imorru jitqabdu. It-Talb
huwa taqbida għax ħafna drabi jmur kontra n-natura tagħna li hi għażżiena
f’dawn l-affarijiet u trid kollox issa stess.
It-Talb jiddependi mill-Fidi, naturalment, imma l-Fidi titqawwa mit-Talb
u għalhekk Alla nnifsu jibgħat ċirkostanzi diffiċli biex fit-Talb titqawwa
l-Fidi u ngħaddu, kif jgħid San Pawl, minn Fidi għal Fidi akbar. Kollox fih sens, għax Hu huwa Sid l-Istorja.
Naturalment dak li jaqtagħlna qalbna tant, li jkiddna u
jgħejjina fit-Talb hu l-fatt li Alla mhux dejjem jagħmel ir-rieda tagħna. Missier mhux dejjem jagħmel dak li jittallab
ibnu mingħandu, speċjalment meta ibnu għadu ċkejken. L-istess meta l-bniedem għandu Fidi
‘tat-tfal’ u ma jafx x’għandu jitlob tassew.
X’inhi d-differenza bejnbniedem sempliċement ‘reliġjuż’ u l-bniedem ta’
Fidi matura, in-Nisrani? L-ewwel wieħed irid li sseħħ ir-rieda tiegħu għax ma
jafdax f’dik ta’ Alla, waqt li t-tieni jħalli lil Alla jmexxilu ħajtu. Li mhix faċli.
Imma t-Talb dejjem jibnih lill-bniedem sakemm iwasslu
f’dik l-istatura li, kif se jgħidilna l-Vanġelu tal-lum, jinduna li m’hemmx
wieħed x’jitlob mingħand Alla ħlief l-Ispirtu Qaddis tiegħu. Meta jasal f’din il-konvinzjoni, allura
l-bniedem ikun sar jixbah lil Alla nnifsu, jkun irċieva n-natura tiegħu, ikun
miet u twieled mill-ġdid.
L-Ewwel Qari
Il-faraġ veru tan-Nisrani hu li Alla hu Missieru u li dan
Missieru huwa Sid l-Istorja tiegħu. Alla
mhux Sid il-ħażen, imma l-ħażen hu frott il-fatt li Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma tistax ma tħallix
lill-maħbub fil-libertà. U l-maħbub, li
hu l-bniedem, sikwit hu baħnan u juża ħażin din il-libertà, jagħmel għażliet li
jiċħdu l-Imħabba li wellditu... u hekk id-dinja sabiħa fid-deħra tagħha, ssir
post tal-ġenn, tal-inkwiet, tal-mard, tal-qtil u tal-mewt kif qed naraw jiġri
madwarna bħalissa.
Imma Alla jinqeda b’dan biex juri l-Glorja tiegħu u
jagħmel il-ġid lill-bniedem. Abraham
kien vittma taċ-ċirkostanzi sfortunati li jimmarkaw id-dinja. Il-bniedem qed jipprova jibni l-Ġenna hawn
għax qajla jemmen fuq dak li ma jarax, imma b’dak li jivvinta ma jistax jibdel
in-natura tiegħu. Abraham kien bniedem
għani li għamel suċċess mill-‘business’ tiegħu, imma kien imfarrak għax
in-natura ma tagħtux tfal. Dan għarraqlu
l-viżjoni kollha li kellu tal-ħajja. Dan
jiġri lilna wkoll, naturalment. Imma
kien f’din il-problema li Alla jidħol f’ħajtu u għalhekk li s-salib,
id-diffikulta, hu mument sagru fejn il-bniedem jiltaqa’ ma’ Dak li minnU
ħareġ. Abraham isir il-ħabib ta’ Alla
għax jemmen li Alla hu is-Setgħan, il-Waħdieni li hu Sid il-mewt u dak kollu li
jifni lill-bniedem. Iktar kemm tikber
il-Fidi tiegħu, għax il-Fidi jew tikber jew tmur lura, huwa jidħol f’intimità
mal-Mulej, kif se naraw minn din is-silta tal-Ġenesi. Għax it-Talb jikxef x’relazzjoni għandna ma’
Alla, hux dik ta’ lsir lejn sidu jew ta’ iben lejn il-Pa tiegħu. Abraham ‘jinnegozja’ ma’ Alla dwar id-destin
tal-ibliet ħżiena għax f’waħda minnhom kien jgħammar in-neputi tiegħu, l-uniku
bniedem ġust li kien hemm fihom.
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. 18, 20-32
F’dak
iż-żmien il-Mulej qal: “Hemm l-għajta qawwija ta' Sodoma u Gomorra u t-toqol
kbir ta' dnubhom. U issa
se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skond l-għajta tagħhom li waslet
għandi. Jekk le, nkun naf.”
Dawk
l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa' wieqaf
quddiem Abraham. U Abraham
resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust
f'nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba
l-ħamsin ġust li hemm f'nofsha?
Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust
mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek,
l-imħallef ta' l-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.” U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust
f'nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom.”
U
wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien
trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u
erbgħin se teqred il-belt kollha?” U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib
fiha ħamsa u erbgħin.”
Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin.” U
wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin.
U
qallu: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?” U hu
wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin.” U raġa' qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U
jekk jinstabu hemm għoxrin?” U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba
l-għoxrin.” U wieġeb: “La
tagħdabx, Sidi, jekk nerġa' nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm
għaxra?” U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.”
Salm Responsorjali
Il-Fidi jqabbluha ma’
‘parabola’ dwar ħamiema li waqt li
kienet ittir indunat li seqer kien ġej għaliha.
Hi titwerwer u tipprova taħrab minnu, imma hu kien dejjem joqrob lejha
għax kien ħafna iktar b’saħħtu u ħafif minnha
Hi tara sies b’ħafna ħofor quddiemha u rnexxielha tasal f’waħda qabel ma
jilħaqha l-għadu tagħha. Din it-toqba
kienet ċkejkna, kemm kemm tidħol hi u żgħira wisq għas-seqer biex jidħol
warajha. Imma fil-mument meta ħasbet li
l-periklu kien għadda, ddur u warajha tara serp li kien ġa għolla rasu biex
jattakkaha. Għadu minn barra u minn
ġewwa!
X’se jagħmel il-bniedem li
jsib ruħu f’din is-sitwazzjoni? Kif diġa
għidna, huwa f’dawn il-mementi li titwieled il-Fidi vera, il-konvinzjoni,
iċ-ċertezza li Alla jeżisti tassew u li hu Qawwa favur il-bniedem. Alla jgħaddi u jaħtaf lill-bniedem u
jbiddillu l-biża’ f’għanja ta’ ferħ u eżultanza. L-istess għamel ma’ Iżrael quddiem il-Baħar
l-Aħmar; l-istess għamel ma’ Marija, tqila barra miż-żwieġ u minħabba f’hekk
imdawra b’tant inkwiet. Hi tkanta
l-Magnificat għax sabet li Alla kien tassew fidil u ddefendiha dejjem u
kullimkien. Hekk għamlu tant nies li
kellhom esperjenza ta’ Alla. Hekk jagħmel
is-Salmista tas-Salm tal-lum li jfaħħar lil Alla quddiem l-anġli u quddiem
kulħadd għax fil-jum li fih sejjaħlu, wieġbu l-Mulej u kattarlu l-qawwa f’ruħu.
Ritornell: Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni, Mulej.
Salm
137
Nroddlok ħajr, Mulej, b'qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B'wiċċi fl-art ninxteħet
quddiem is-santwarju tiegħek,
u nroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà
tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f'ruħi.
Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu l-kliem ta' fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej.
Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Jekk insib ruħi fl-għali,
inti tħarisli ħajti;
terfa' idek kontra l-għedewwa tiegħi,
u l-leminija tiegħek issalvani mill-qilla
tagħhom.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa' għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk!
It-Tieni Qari
Attenti
għal din is-silta. Ħafna drabi kliem San
Pawl hu tqil, imma attenti, għax fih insibu mkebba l-ikbar Aħbar li tista’
tfaqqa fil-Ħajja tagħna. Għax hu veru li
Alla lest li jgħinna fl-affarijiet materjali tal-ħajja tagħna, għalkemm dejjem
hemm dik l-‘imma’ meta r-rieda tiegħu ma taqbilx mar-rieda tagħna. Imma l-ikbar grazzja li jista’ jaqlagħlna hi
li aħna nemmnuha din l-Aħbar għax din l-Aħbar Tajba (‘Kerigma’, bil-Grieg)
kapaċi tbiddilna, tagħtina viżjoni ġdida fuq kif inħarsu lejn is-salib tagħna,
u meta nemnuha, dik il-problema li kienet tidher muntanja quddiemna, tiċkien u
ssir żrara!
San
Pawl se jkellimna fuq il-qawwa tal-Magħmudija tagħna. Diffiċli nifhmuh dan. Fir-rit li għamlulna meta konna żgħar hemm
azzjonijiet li huma bħal żerriegħa ċkejkna li ġiet miżrugħa fina. F’din iż-żerriegħa hemm miġbura l-għeġubijiet
kollha li l-Missier jista’ jagħmel mal-bniedem.
Fiż-żerriegħa tal-Magħmudija Alla tana kollox għax fiha hemm
il-possibiltà li, jekk tikber, tagħmel minna ulied Alla li ma jmutu qatt u
qatt!
Meta
l-Magħmudija ssir bl-immmersjoni, meta t-tarbija titniżżel kollha kemm hi
fl-ilmijiet u donnha tiġi mgħarrqa hemm, hi tkun qegħda tmut ma’ Kristu. In-natura qadima tagħha, miġbuda lejn id-dnub
u l-mard, tegħreq, tindifen fl-ilmijiet qaddisa, biex hi toħroġ minn hemm
b’natura oħra, natura ġdida, bniedem ġdid, il-bniedem ta’ Alla. Imma
fit-tarbija dan kollu hu miżrugħ, kif diġa għidna, qisu żerriegħa
fir-raba’. Kollox iseħħ, isir rejaltà,
iktar kemm tikbar il-Fidi iżjed tard.
Kif lil Kristu l-Missier qajmu mill-imwiet, hekk Hu jqajjem lilna
mill-mewt ta’ dejjem fil-Magħmudija biex ikollna l-ħajja flimkien ma’
Kristu. Xejn iktar ma jkun jista’
joqtolna, lanqas f’din id-dinja: l-ebda nkwiet, l-ebda tħassib, l-ebda
persekuzzjoni, l-ebda salib, għax fil-Magħmudija rċivejna l-libsa l-bajda
tan-natura ta’ Alla li hi ’l fuq minn dan kollu. Il-Magħmudija tgħidilna li d-dejn tagħna
kollu hu mħallas minn Kristu; li l-jasar tagħna huwa mifdi minn Kristu; li l-mard
tagħna huwa mfejjaq minn Kristu; li
l-mewt tagħna hi mirbuħa u maqsuma minn Kristu.
Hallelujah!
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.
2, 12-14
Ħuti:
Intom indfintu ma’ Kristu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi
tagħkom fil-qawwa ta' Alla li qajjmu mill-imwiet. Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx
iċ-ċirkonċiżjoni f'ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma' Kristu:
Ħafrilna
dnubietna kollha.
Ħassar
il-kont tad-dejn li kellna
bl-obbligi
li kien hemm kontrina;
neħħieh
min-nofs u sammru mas-salib.
Evanġelju
Il-Vanġelu li għandna llum
huwa bħal ilma frisk għal min għandu qalbu maqtugħa u jinsab mikdud minn xi
problema kbira. Kuraġġ ħija! Alla jaf bl-uġigħ tigħek, anzi Huwa hu l-Imħabba
u l-Imħabba hija Mħabba għax hi tgħix l-uġigħ mal-maħbub. Darba, wieħed lil ħabibu staqsih: ”Ivan,
tħobbni int?” U l-ieħor wieġbu: ”Igor,
ma tafx li nħobbok!” Ivan reġa’
staqsieħ: ”Imma Ivan, taf int x’inhu l-uġigħ li jien għandi moħbi fil-qiegħ ta’
qalbi?” U Ivan wieġeb ”Le. Kif nista’
nkun naf x’għandek moħbi f’qiegħ qalbek?”
U Igor qallu: ”Mela kif tista’ tgħid li tħobbni jekk ma tafx x’inhu dak
li qed jaqsamli qalbi bħalissa?” Għax l-Imħabba vera hi dik li taqsam miegħek
l-uġigħ tiegħek, anżi tkun trid taqsmu miegħek, tkun trid tarmi ’l hemm il-ferħ
u l-kumdita tad-dinja u tidħol fid-dinja tal-uġigħ tiegħek biex tkun
miegħek. Jekk ma jagħmlux dan Alla, min
se jagħmlu? Hu biss it-Tama tagħna. Fl-uġigħ tagħna, fuq spallejH nistrieħu, u
d-dmugħ tagħna jitħallat ma’ tiegħu.
Għax hemm misteru. Alla niżel jgħammar mal-bnedmin u ma neħħiex
it-tbatija, imma tgħabba biha hu wkoll.
Allura hemm sigriet: il-ferħ mhux li ma jkollokx tbatija, traġedji,
mard... mhux li jisparixxu dawn hu l-ferħ, imma li t-tbatija tkun imdawla, li
fit-tbatija dduq l-Imħabba, li fit-tbatija tiskopri qalb ratba... li fl-uġigħ
tiegħek tesperjenzja li int imsallab fuq l-istess salib fejn hemm Kristu
mdendel. Din hi l-Imħabba. Din hi l-intimità. Huwa hawn fejn il-qalb tiegħek u ta’ Kristu
jħabbtu flimkien... u int tgħix għal dejjem bħalu. Għax min ifittex isib; min iħabbat jiftħulu;
min jitlob jaqla’... u dan iseħħ dejjem anke jekk nibqgħu muġugha, morda,
falluti, suġġetti għall-mewt fiżika.
It-Talb jinstema’ dejjem u dan jafu l-marid li talab... u baqa’ marid. Jgħidlek:
”Tassew li t-Talb jinstema’ għax Alla semagħni!”
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 11, 1-13
Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif
spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Mulej, għallimna
nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu." U
qalilhom: "Meta titolbu, għidu,
'Missier, jitqaddes ismek,
tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta' kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min
hu ħati
għalina,
u la
ddaħħalniex fit-tiġrib.' "
Qalilhom
ukoll: "Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f'nofs ta' lejl u jgħidlu,
'Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi
mill-vjaġġ u ma għandix x'nagħtih.' U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u
jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda
miegħi; ma nistax inqum nagħtik.' Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx
jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ
sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu,
ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla'; min ifittex, isib; u min
iħabbat, jiftħulu.
Min
hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih
serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies
ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier
mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!"
|