Tuesday, 24 October 2017
           
Home
ID-DSATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-POPLU TA’ ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Wednesday, 10 August 2016

Din hija il- Liturgija  tad-dsatax il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

the-wedding-feast-at-cana-veronese.jpg

 

Il-bniedem jista’ jiftaħar kemm irid bl-iżviluppi kbar li għamel f’kull qasam tal-ħajja, imma fl-aktar ħaġa mportanti, l-għarfien ta’ Dak li minnu ħareġ u li minnu nħalaq, jibqa’ dejjem lil hemm mill-kapaċità tan-natura tiegħu.  Huwa hawn li l-mistoqsijiet l-aktar profondi jqumu waħedhom: “Min għamilni?”  “Għaliex ġejt jien u mhux ħaddieħor floki?”  “Kif inħalaq kollox mix-xejn, fil-baħħ?”  “Min jien, jien?”  “Xi jfisser is-skiet u s-solitudni ta’ univers bla tmiem?”  “Għaliex il-ħajja tinsab fuq pjaneta ċkejkna u li tidher bla siwi f’dan l-univers?”

 

Dawn il-mistoqsijiet mhux qed iqumu llum.  Saru minn dejjem.  Il-bniedem għamel ħiltu biex isolvi l-problema ta’ “min hu Alla”, l-aktar għax ħass li kellu bżonnu.  Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, kultura wara kultura, millenju wara millenju, il-bniedem tħabat biex jerfa’ ħarstu ’il fuq bil-meżżi u l-kapaċità mentali li kellu.  Kulma seta’ jasal għaliha kienet reliġjożità fil-qjies tal-avanz ta’ moħħ il-bniedem.  Din ir-reliġjożità universali tal-bniedem kienet mibnija fuq sett ta’ regoli, liġijiet, li jekk il-bniedem jitħabat biex jobdihom jista’ jmur jitlob quddiem Alla b’ tama li jkun mismugħ; jekk ma jobdihomx... u dejjem kien hemm ribelli li ħaduha kontra dawn il-preċetti soċjali... ma jistax jistenna għajnuna divina, anżi aktarx ifettilha ma’ sħabu l-bnedmin.  L-Alla li moħħ il-bniedem dejjem fassal u mmaġina kien jixbaħ lilu: jippremja lit-tajbin u jikkastiga lill-ħżiena.  Hemm verità f’dan il-ħsieb, iżda hu qatra ilma fl-oċejan tar-rivelazzjoni dwar Alla.

 

Quddiem din l-inkapaċità ta’ moħħ il-bniedem li jinfiltra l-Misteru, Alla minn dejjem kellu l-pjan li jindaħal Hu nnifsu biex juri ruħu lill-bniedem biex b’hekk jgħolli lill-bniedem għas-sura li Hu dejjem xtaq li jagħtih: xbiha tiegħU.  Imma biex Alla juri ruħu, ried jagħżel poplu, mhux bniedem wieħed, mhux profeta mdawwal.  Ried li jkun permezz ta’ poplu li l-ġnus kollha tal-pjaneta-dinja jirċievu mingħand Alla l-għarfien meraviljuż ta’ Dak li ħalaq kollox u jmexxi l-Istorja.  Minn dan il-poplu Lhudi ħarġet ir-rivelazzjoni kompleta ta’ dak li hu Alla, miġbura kollha kemm hi fil-persuna mwellda minn dan il-poplu: Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu ta’ Alla, il-Messija, il-Mistenni, l-Iben ta’ Alla u Alla nnifsu li ġie jgħammar mal-bnedmin f’laħam bħal tagħhom.  Issa kulħadd għandu l-opportunità tal-għaġeb li mhux biss jiskopri minn hu Alla imma anke l-Pjan li hemm fuq Ħajtu, u dan kollu fil-persuna ta’ Ġesù.  F’Ġesù, l-Missier tana kollox u ma jista’  jagħtina xejn iżjed, lanqas jista’ jagħtina xi għarfien ieħor fuqu nnifsu.

 

Din l-ideja ta’ poplu magħżul għadha magħna llum ukoll: il-Knisja.  Il-Knisja hija l-ġemgħa tal-poplu ta’ Alla li fiha jgħix Kristu.  F’din il-ġemgħa hemm id-Dawl qaddis, l-Għerf li  jdawwal lil kull bniedem li jersaq lejh u li jwieġeb għall-aktar mistoqsijiet profondi tiegħu.  Dan il-poplu huwa l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.  Hekk kif Iżrael issawwar minn Alla b’risq id-dinja, l-istess il-Knisja.  Poplu, mhux bniedem wieħed.  Dejjem hekk ħadem Alla.  U dan kollu b’qadi, b’servizz għall-kumplament tal-ħolqien, għax Alla jrid jagħti l-Ħajja ta’ Dejjem lil kulħadd.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla beda jaħdem il-Pjan ta’ Salvazzjoni permezz tal-poplu Lhudi, il-poplu ta’ Iżrael.  Huwa għażel dan il-poplu mhux għax kien xi poplu aqwa mill-ġnus kollha, anzi dejjem kien poplu ċkejken u l-biċċa l-kbira mill-Istorja tiegħu kien taħt ħakkiema barranin. Mhux biss ma kienx politikament importanti, imma lanqas biss ma kien aħjar moralment għax it-taħbit li kellu magħhom il-Mulej kien il-ħin kolu mżewwaq minn infedeltà tal-poplu għax ma setax jegħleb it-tħajjir li kien iħoss għall-idoli tal-ġnus ta’ madwaru.  Din kienet l-ikbar tentazzjoni, li jibdel lil Jahweh ma’ Bagħal, l-alla falz tal-fertilità, jew ma xi allat  oħra bħal Astarte eċċ.   Kien hemm mumenti meta l-mexxejja tagħhom għaddew lil uliedhom minn ġon-nar f’sagrifiċċju għall-idoli biex dawn jgħinuhom f’mumenti kritiċi għax kien tilfu għal kollox il-fiduċja fil-Mulej.

 

Anke lilna għażilna l-Mulej biex inkunu parti mill-Knisja tiegħu, mill-ġens qaddis tiegħu li jgħammar fil-qalba ta’ dinja pagana li tivvinta allat kuljum.  Anke lilna, meta għażilna, ma rax fina xejn speċjali.  Konna għadna f’ġuf ommna meta konna diġa mmarkati minnu għall-Magħmudija, anke jekk Hu kien diġa jaf kemm kbar kellhom ikunu l-infedeltajiet tagħna.  Għalhekk, lilna għażilna mhux għax aħna b’saħħitna spiritwalment iżda għall-kuntrarju, għax aħna dgħajfa, biex iktar tidher il-glorja tiegħu li kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar b’min hu dgħajjef.

 

Meta Alla daħal bil-qawwa fl-Istorja tal-poplu tiegħu, dan il-ġens kien ilsir fl-Eġittu.  Hemm kien maħqur għall-mewt, ippersegwitat, mibgħud u ssuspettat għax barrani.  Ma dan il-gozz ilsiera, bla kultura, bla storja, bla tradizzjoni, bla identità  jew ħolm ta’ ħelsien għax kienu ġew imfarrka anke psikoloġikament, Alla ħariġhom minn hemm b’id qawwija u bi driegħ merfugħ.  Mosè ma kienx ħlief għodda, anke hu dgħajjef u ta’ fidi ċkejkna.  Imma Alla ried li l-poplu jinduna b’mod ċar li kien Alla u mhux il-kapaċità tagħhom li tagħthom il-ħelsien.  Għal Alla l-ikbar ħelsien hu li bniedem jirċievi u jaċċetta l-fidi.  Dan hu l-akbar rigal ta’ Alla.

 

Il-Ktieb tal-Għerf jigglorifka l-poplu f’din is-silta li se nisimgħu u jitkellem fuq lejl, il-lejl tal-Għid, il-lejl tal-mogħdija ta’ Alla, tal-intervent tiegħu, meta l-anġlu tal-mewt għadda u qered lit-tifel il-kbir ta’ kull familja Eġizzjani b’pesta enormi li ħarbtet il-pajjiż kollu f’lejl wieħed.  Iżrael qam filgħodu konvint li l-Alla li ħalaq il-kożmos kien miegħu.  Xejn ma seta’ jiġrilu; u huma ħarġu mill-Eġittu bil-barka tal-Eġizzjani, ikantaw għanjiet ta’ tifħir lil Alla.

 

Alla jixtieq jagħmel Għid miegħi u miegħek; anzi iktar minn wieħed jixtieq jagħmel.  Kull esperjenza ta’ Alla hija Għid.  Imma kull Għid għandu żewġt uċuħ: biex tqum mill-mewt trid tesperjenzja l-mewt qabel.  Għalhekk huwa mportanti s-salib fil-ħajja tagħna.  Kulħadd għandu s-salib tiegħu anke jekk kultant naħbuh kemm nistgħu.  Mingħajr salib m’hemmx Għid.  Dan lilna jdarrasna.  Imma l-wegħda tal-Għid, tal-qawmien, tal-ħruġ mit-tbatija iddawwal it-tbatija.  Għax kull esperjenza tal-Għid tkabbarna fil-Fidi.  Mhux it-tbatija li ġġegħlu jbati lill-bniedem imma t-tbatija bla sens. Ara kemm ibatu n-nies fuq ix-xogħol, imma billi jafu li dik it-tbatija se tissarraf fi ħlas finanzjarju u hekk ikunu jistgħu jixtru dak li imlebilbin għalih, dan jagħti sens lit-tbatija u ma jkunux iridu jgħaddu mingħajrha.  Hu ta’ tbatija kull tip ta’ xogħol imma min irid jitlef ix-xogħol?  Għalhekk il-wegħda tal-Mulej li jiġi jiltaqa’ magħna fit-tbatija biex jgħaddina għal esperjenza tal-Għid għandha titfi n-niggieża tas-salib tagħna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  18, 6-9

 

Dak il-lejl tħabbar minn qabel lil  

missirijietna,

biex, wara li għarfu sewwa f'liema wegħdiet emmnu,

aktar iqawwu qalbhom.

Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien

tal-ġusti,

u l-qerda ta' l-għedewwa tagħhom.

Għax kif int ikkastigajt l-għedewwa

tagħna,

hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.

 

L-ulied twajba tal-ġusti offrew

sagrifiċċju bil-moħbi,

u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta' Alla,

li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom

kemm il-ġid u kemm id-deni;

għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm li għandna jsejjaħ “hieni” lill-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu u li ġie magħżul minnu biex ikun il-wirt tiegħu, jiġifieri jiret lil Alla nnifsu.  Aħna l-Insara nġorru din il-Wegħda tal-wirt ta’ Kristu, il-wirt tal-Missier innifsu.  X’inhu dan il-wirt?  Huwa l-Ħajja ta’ Dejjem.  Din hi teżor li Alla biss għandu.  Ħajja għal dejjem; rebħa fuq il-mewt. 

 

Min jemmen f’dan u qed jistenna li jiret għal dejjem dan il-wirt glorjuż tal-Missier, jibża’ li jitlef din il-Grazzja tant kbira.  Dan hu li jkollok il-biża’ ta’ Alla: il-biża li titlef lil Alla, mhux għax jitilqek Hu, imma għax wieħed jista jitbellah u jiċħad lil Alla biex igawdi l-pjaċiri u s-suċċssi tad-dinja li huma għal ftit żmien.  Għajnejn il-Mulej huma fuq dawn l-umli, iċ-ċkejknin, li jibżgħu li jirvinaw ir-relazzjoni li għandhom ma’ Alla.  Tant hi kbira t-tama tagħhom fiH, tant qed jistennew ħwejjeġ kbar mingħandu, li, bla ma jridu, jinbet fihom ċertu biża’, ċerta tensjoni li, għax billi jafu li huma dgħajfin, jibżgħu li jogħtru quddiem xi tentazzjoni.  Imma l-Mulej iħares b’għajnejn ta’ ħniena u mogħdrija fuq dan it-tip ta’ nies li tant huma umli li ma jafdawx lilhom infushom. Tagħhom hija t-talba li jtennu: “Ejja Mulej Ġesù għax mingħajrek jien nintilef!”

 

Il-bnedmin kollha jixxenqu għal xi ħaġa jew oħra.  Iċ-ċkejknin tal-Mulej, dawk li tassew jagħmlu parti mill-poplu magħżul tiegħu, jixxenqu għal Alla, qalbhom tishar għal laqgħa ħajja miegħu, għal esperjenza tal-Ispirtu s-Santu li jagħmel minn qalbhom ħuġġieġa qaddisa ta’ mħabba.  Kif jgħid Salm ieħor: “O Alla, ruħi bil-għatx għalik, għalik jixxennaq ġismi, bħal art niexfa u maħruqa, bla ilma!”  Dawn in-nies mhumiex fost dawk li jissuspettaw li Alla dejjem irid, dejjem jippretendi ħwejjeġ diffiċli.  Il-kontra.  Huma jixxennqu għal Alla għax il-ħajja li qed ifittxu Hu biss jista’ jagħtihielhom.  Forsi daqu d-dinja u vojta kienu u vojta baqgħu.  Dak li dejjem xtaqu sabuh f’Alla u, kif jgħid il-Ktieb tal-Għerf: “Min iduq lili jaqbdu ġuħ għal aktar.”  Ħa tinżel it-tjieba tal-Mulej fuqna, għax kbar huma t-twegħir u l-intoppi li kull maħluq jiltaqa’ magħhom f’din id-dinja li mhi xejn ħlief kaxxa tar-rigali vojta mgeżwra f’karti “glossy” u sbieħ.

 

Ritornell: Imbierek il-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

 

Salm 33

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b'wirtu.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li

jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna.

 

It-Tieni Qari

 

X’inhu dak li jagħmilna l-poplu ta’ Alla, il-Knisja tiegħu, li Kristu jressaqha quddiem il-Missier bħala l-Għarusa tiegħu, żagħżugħa, sabiħa u bla tikmix?  Hija l-Fidi l-bieb tad-dħul tagħna mal-poplu l-magħżul tal-Mulej.  Il-Fidi kollox.  Mhux il-Fidi li tgħidlek li Alla jeżisti.  Anke satana jemmnu dan, u jafu tajjeb!  Il-Fidi li tgħidlek li Alla hu Missierek; li Hu huwa Sid l-Istorja tiegħek, dik l-istess Storja li lilek ma togħġbokx u tixtieq tibdel; il-Fidi li taċċertak li Alla Missierek iħobbok hekk kif int anke meta tidneb serjament, anke jekk  marbut f’vizzju li ma tixtieqx tinħall minnu.  Hu jħobb lilek imma jobgħod id-dnub li lilek qed jerdagħlek il-Ħajja vera. Il-Fidi tgħidlek li tant iħobbok il-Missier, tant jaf bik u jinteressaħ b’mod intimu minnek u minn dak kollu li għaddej minnu, li Hu bagħat lil Ibnu, ma ħafirhielux, abbandunah fuq salib kiefer, Hu li kien tant u tant innoċenti. Għalfejn?  Biex ikun tpattija għad-dnubiet kollha tiegħek, jekk int temmnu dan.  Kull dnub joqtol.  Kull dnub jisirqilna l-Ħajja.  Kull dnub jagħmel ġerħa fl-ispirtu tagħna.  Aħna nwaħħlu fin-nies jew fix-xorti għax ninsabu fid-dwejjaq, imma r-raġuni dejjem hi waħda: huwa d-dnub li joqtol lill-bniedem.  Il-Misser, tgħidilna l-Fidi, ta lil Ibnu biex fuqu taqa’ s-saħta ta’ kull dnub li għamilt int u li għamilt jien.  Jekk dan nemmnuh (O xi Grazzja kbira tkun din!), jaqa’ minn fuqna t-toqol kollu li ilna nġorru tant żmien; ifiequ l-ġrieħi nterni kollha; inti toħroġ minnek innifsek u tiskopri (x’meravilja!) li l-ferħ hu li int tinagħta għal martek, għal uliedek, għall-kunjata li dejjem żorra miegħek, għall-għadu tiegħek fuq ix-xogħol... tinagħta għall-għadu, hu min hu, għamillek x’għamillek.  Ara ma taħsibx li dan b’liġi, b’xi sforz.  Int m’intix kapaċi tagħmel xejn minn dan, imma l-Fidi tfejqek minn ġewwa, jinxiflek l-egoiżmu kollu u tiskopri li ħadd ma jista’ jisraqlek is-sliem tiegħek, ħadd ma jista’ jġebbdek lura lejn il-ħajja miskina ta’ qabel.  Din hi l-Fidi glorjuża li fuqha se tkellimna l-Ittra lil-Lhud.  Din hi l-Fidi tal-ewwel Insara, il-Fidi tal-Insara “veri” tal-lum.

 

Din hi l-Fidi li tagħmel mill-Knisja Għarusa żagħżugħ u sabiħa ta’ Kristu; il-Fidi li fuqha nbena Iżrael, il-poplu oriġinali ta’ Alla.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  11, 1-2,  8-19

 

Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.  In-nies ta' l-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta' Alla, meta dan qallu biex imur f'art li kien se jagħtih b'wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.  Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f'art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma' Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu ta' l-istess wegħda; għax hu kien iħares 'il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

 

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta' kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda.  Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista' tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta' xatt il-baħar, li ħadd ma jista' jgħoddu.

 

Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art.  Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b'dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom.  Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih.  Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri 'l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet,  hu li Alla kien qallu: "Minn Iżakk int għad ikollok nisel."  Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta' tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

 

Evanġelju

 

Lil dawk li huma tiegħu, Ġesù jsejħihom, « merħla ċkejkna », « il-merħla ċkejkna tiegħu ».  Kemm-il darba jgħidiha lil din il-« merħla ċkejkna » biex ma tibżax għax Hu magħha sal-mewt ?  Jgħidu, (jien m’għoddejthomx) li fil-Bibbja, il-frażi « la tibżax » insibuha daqs kemm hemm ġranet fis-sena : 356.  Jgħidhieli u jerġa’ jgħidhieli din il-Mulej għax min hu fqir fil-Fidi, jibża’, ma jafdax biżżejjed.  Bħal Pietru miexi fuq l-ilma, u bħall-appostli kollha.  Jgħidilna li m’għandniex għax nibżgħu għax il-Missier qatagħha li jagħtina s-Saltna.

 

Kif tħossok quddiem din l-aħbar li l-Missier qatagħha li lilek jagħtik is-Saltna ?  Tibqa’ kalm ?  Tibqa’ hemm qisek ma smajt xejn ?  M’intix temminha din ?  Qed jgħidhielek Kristu mhux jien.  Int irċivejt il-Magħmudija, le ?  Tajjeb, Alla ried li int titwieled hawn għax ried li int tkun tista’ tirċievi l-Magħmudija biex bil-mod il-mod tikber fik il-Fidi biex tagħmel parti mis-Saltna tiegħu.  Il-Missier qatagħha, u ilu li qatagħha, li lilek jagħtik is-Saltna : jagħmlek iben adottiv, bint adottiva, tiegħu.  Bħala iben, bint tiegħu, int awtomatikament intitolat għal wirt ta’ Alla nnifsu, tiret lil Alla.  Ma tiritx xi dar, flus, jew xi propjetà oħra.  Tiret il-Ħajja li ma tispiċċa qatt.  Trid tgħix għal dejjem?  Tajjeb.  Il-Missier qatagħha li int tirċievi din il-Ħajja.  Kulma hu mitlub minnek hu li tiggranfah dan ir-rigal, tħaddan din il-Grazzja, temmen din il-Kelma.

 

Dan il-wirt jinsab riesaq lejna.  Għalhekk min jemmen, dan jishar, jistenna bla sabar, jgħasses u joqgħod attent, li ma jmurx jiġi Ġesù l-Mulej u jsibu mixħut għarkupptejh jadura xi alla falz tad-dinja.  Niftħu qalbna għat-tħabbira tal-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu.

 

Versett:  Hallelujah. Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, igħid il-Mulej; ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  12, 32-48

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu :

 

"Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!  Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes  fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll."

 

"Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;  kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!  Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta' daru.  Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem."

 

"Mulej," qallu Pietru, "din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?"  Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli?  Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f'ħin l-ikel?  Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh.  Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;  sid dak  il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m'humiex fidili.  U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla'.  Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f'idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

 

 

 

Last Updated ( Wednesday, 10 August 2016 )
 
< Prev   Next >