Monday, 26 June 2017
           
Home
IL-GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IN-NISRANI: SINJAL TA KONTRADIZZJONI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 August 2016

Din hija il- Liturgija  ta' l-Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

16360826-mosaic-of-the-prophet-jeremiah_rome-italy-.jpg

 

Il-Mulej Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, igħid xi ħaġa li tinstema’ stramba ħafna għal widnejna... bħas-soltu jissorprendina, għax aħna li aħna tant żgħar quddiemu ma nistgħu qatt neħdulu kopja!  Hu jgħid: “Taħsbu intom li jien ġejt biex nagħti l-paċi lid-dinja?  Le, ngħidilkom, imma l-firda!” (Lq. 12, 51).   U fuqu, meta kien għadu ċkejken, Xmun fit-Tempju qal: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Izrael; se jkun sinjal li jmeruh!”  (Lq. 2, 34).  Dan il-kliem jista’ jaħsad, għalhekk darba, Huwa stess qal: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija.”  (Lq. 7, 23).  Għaliex Kristu, li hu l-istess Imħabba tal-Missier għalina li libset laħam biex tbati hi minflokna, kellu jkun sinjal li jmeruh, sinjal ta’ għawġ u mhux ta’ sliem kif xtaq li jkun?  Għaliex f’ħajtu kollha u anke fil-Knisja li ħalla warajh, dejjem qanqal kontriH għira, vjolenza, mibegħda, persekuzzjoni u twegħir?  Għaliex, mhux biss Iżrael imma anke d-dinja, ma aċċettawhx, lilu li ma ġiex biex jiġġudika d-dinja imma biex isalvaha?  (Ġw. 3, 17). 

 

M’għandux għalfejn jissorprendina l-fatt li fejn jidher Kristu jitqanqal il-mewġ kollu tal-inkwiet għax Hu ġie biex ikeċċi d-dlam bid-Dawl tal-verità u d-dlam dan ma jistax għalih.  Hu ġie biex jaqla’ l-gidba li l-bniedem għandu fil-fond ta’ qalbu, u satana, missier il-gideb, jagħmillu gwerra fuq dan.  Hu ġie biex iħabbar li l-imħabba u l-għaqda huma s-sigriet tal-Ħajja vera, imma fid-dinja hawn wisq interessi kbar li jistagħnew fuq il-mibegħda, l-gwerer u l-firdiet.  Aħna qegħdin ngħixu f’dinja li dejjem bagħdet lil Kristu u l-Iskrittura tgħidilna li ħadd ma jista’ jħobb lil Kristu u lid-dinja fl-istess ħin. 

 

Minħabba din id-deċiżjoni li aħna lkoll irridu nieħdu, jiġifieri lil min nagħżlu, hux lid-dinja jew lil Kristu, anke fina Kristu jqanqal gwerra.  Anke fina, Kristu ma ġiex biex iġib il-paċi imma taqbida enormi mal-ħażen naturali li jgħammar fina.  Fina hemm iż-żerriegħa tal-mewt li tagħmilna egoisti.  Kristu, jekk inħalluh, jidħol fina biex jitqabad kontra din iż-żerriegħa tal-mewt, biex joqtol il-bniedem il-qadim miġbud lejn l-egoiżmi u d-dnub, u minflok irawwem Bniedem Ġdid, il-bniedem ta’ Alla, il-bniedem li jħossha naturali li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, għall-kuntrarju tal-ieħor li n-natura tiegħu tgħidlu biex jagħmel ir-rieda tiegħu nnifsu.  Kristu jġib il-gwerra fl-intern ta’ kull bniedem li jieħdu bis-serjetà, firda li tirrenja fina sakemm nikkonvertu għal kollox lejH. 

 

Ħafna, anke nies serji u tal-affari tagħhom li ssibhom jiddefendu l-Knisja u l-valuri nsara, kemm kemm ma jeħduhx biċ-ċajt lil Kristu.  Kristu kien radikali u qatt ma ħabb il-kompromessi u l-“ejja ħa naraw kif se niftehmu... jien inċedi biċċa u int ċeddi biċċa oħra u nirranġaw!”  Kristu qatt ma kien diplomatiku.  “Jew miegħi jew kontra tiegħi”, kien jgħid.  Kien jisfida lid-dixxipli biex jiddeċiedu dwar dan.   Kien dan li mmarkah għal mewt ċerta.  Għalhekk mietu l-martri kollha tal-Knisja.  Li kieku kienu jafu jagħmlu l-kompromessi għall-għan tal-paċi ma kinux ixerrdu demmhom għal Kristu.  Hawn ħafna li jaħsbu li Kristu irid il-paċi “at all cost”, jiġri x’jiġri.  Altru li le.  Kristu jrid il-verità “at all costs”, iva, mhux il-paċi.  Min iġorr fih in-nar tal-Ispirtu s-Santu se jispiċċa fl-inkwiet u dan jixhduh il-qaddisin kollha, u b’qaddisin m’ininix nifhem dawk ta’ ġon-niċeċ biss, imma tant nies normali li saħansitra firdu l-familja tagħhom għax żammew lil Kristu l-ewwel u qabel kollox.

 

Għalhekk, kull meta l-Knisja kellha ħafna poter, kienet stmata minn kulħadd fil-pajjiż, kienet ħabiba ta’ min jaħkem, imdawra bil-kumdita tas-sliem, qatt ippersegwitata, anzi ippersegwitat hi lil ħaddieħor... meta kienet hekk ftit kienet tagħti xhieda għal Kristu imma għaliha nfisha.  Kull meta kellha l-mases magħha, għax hekk jaqbel, u kull meta ħxienet u kien jaqbillek tilħaq fil-ġerarkija tagħha għax tpappija, Kristu kien midfun fiha u ħadd ma seta’ jarah. 

 

Kemm qed jinbidlu ż-żminijet illum!  Kristu huwa Sid l-Istorja!  Huwa Hu li jmexxi l-Istorja.  Huwa hu li jippermetti li jiġru affarijiet li, jaħasra, jidhru tant koroh għal għajnejna.  Hu qiegħed jożbor il-Knisja tiegħu, qed ineżżagħha minn tant kapep tqal u żejda li qed jgħejjuha biex issir mill-ġdid żagħżugħa, innamrata għal darb’ oħra u lesta li tqabbad in-nar tal-inkwiet, għaliha nnifisha l-ewwelnett, basta twassal lil Kristu, u lil Kristu hekk kif inhu.  Għax hi trid tkun bħall-Għarus tagħha li ġie mhux biex iġib paċi taparsi, imma l-paċi vera, il-paċi li titwieled minn ħafna nkwiet u theddid u moħqrija. 

 

Ħafna nies telquH lil Kristu għax ħassewh tqil kliemu.  Hekk qed jiġri llum.. anke lilna jistaqsina: “Tridux titilqu intom ukoll?”  Imma fejn se mmorru aħna, issa.  Ilna tant infittxu l-Mulej, u issa la għadna iktar tajbin għad-dinja u, jekk nitilquH, lanqas inkunu tajbin għaliH.  Mela ħa nimxu warajH, għax aħna nemmnu li Hu l-Iben ta’ Alla u anke meta kliemu ma nifhmuhx u nħossuh tqil biex inwettquh, imma nafu, iva nafu li Hu biss, biss għandu l-Kliem tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Id-dinja ħwejjeġ li jmutu biss għandha x’toffrielna.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-profeta Ġeremija huwa xbiha ta’ Kristu u xbiha wkoll tan-Nisrani li sinċerament jimxi wara Kristu.  Ix-xorti tal-bniedem li Kristu jsejjaħlu sabiex jimxi warajh hi xorti tassew glorjuża u dan l-unur ma jimmeritah ħadd.  Kristu huwa Aħbar Tajba għall-bniedem u ġid bla tmiem għandu lest għal min jilqa’ s-sejħa tiegħu, ġid li jibda saħansitra minn hawn.  Imma, kif diġa għidna, Kristu huwa kontradizzjoni, bħalma l-Ħajja Nisranija hija kontradizzjoni.  Madwaru, Kristu ħoloq kontroversji, storbji, tilwim, nies li jmeruH, saħansitra inkwiet politiku u fl-aħħar sab ruħu kkundannat bħala kriminal.  GħaliH, il-Qassis il-Kbir, ir-rappreżentant ta’ Alla f’għajnejn il-poplu, kien qal li aħjar imut bniedem wieħed għall-poplu milli jinqered il-poplu kollu.  Imma jekk madwaru dejjem xegħlet il-gwerra, fl-ispirtu ta’ Kristu dejjem kien hemm sliem li ħadd ma seta’ jmissulu, ferħ komplet għax kellu mħabba kompleta, fiduċja u sigurtà għax Alla kien Missieru.

 

L-istess il-profeta Ġeremija.  Fl-arti jġibuh dejjem jibki fuq il-ħasra tal-poplu tiegħu.  Kien l-aktar profeta li bagħdu l-għedewwa tas-sewwa.  Kien maħqur, kif se nisimgħu f’din is-silta; falla għal kollox fil-missjoni tiegħu.  Kien l-aħħar profeta qabel l-istraġi l-kbira tal-Eżilju lejn Babilonja.  Kien l-aħħar ċans għall-poplu li kien telaq lil Alla.  Ħafna profeti ġew qablu imma dawn ma rnexxilhomx idawru r-rotta ta’ poplu stupidu li ra fil-ġnus ta’ madwaru dak li jissejjaħ ‘progress’ u li huwa xtaq jimita... bħalna llum, bħal f’pajjiżna llum. 

 

Meta deher Ġeremija, kienu ilhom li telqu lil Alla, s-sigurtà vera tagħhom, l-identità tagħhom, dak li kien sawwarhom f’poplu, u nfixlu fuq ix-xejxi tal-ġnus ġirien.  Ġeremija falla, u l-poplu nqered fi gwerra enormi; Ġerusalemm, l-għaxqa tagħhom, ġiet imwittija u s-swar tagħha mġarrfa, waqt li t-Tempju, iċ-ċentru tar-reliġjożità ipokrità tagħhom, il-binja tal-għaġeb li Salamun kien tella’ biex fiha tgħammar il-Preżenza ta’ Alla, ġie maħruq u ma kienx baqa’ ġebla fuq oħra minnu.  Ġeremija, li ħabb il-poplu tiegħu sal-aħħar, ra dan kollu b’għajnejh, anzi kien jaf minn qabel li se jseħħ.  Hu kien jaf li, jħambaq kemm iħambaq, il-poplu ma kienx se jagħti kasu u d-destin tiegħu kien issiġillat.

 

Mhux darba u tnejn li l-profeta daħal fi kriżi quddiem dan kollu u lill-Mulej, darba minnhom, imur jgħidlu, “Int dħaqt bija!  Ma rridx inwassal kliemek iktar li dawn in-nies!”  Imma, jgħid Ġeremija nnifsu: “Kif nista’ niskot?  Kif nista’ ma nitkellimx fuqU?  Inħoss bħal nar jaqbad ġo għadmi li ma nistax nissaportih.  Jista’ l-iljun jara l-priża u ma jgħajjatx?  Jista’ l-għassies ta’ fuq is-swar idoqq it-tromba tal-gwerra u n-nies ma tirtgħodx bil-biża’?  Jista’ Alla jitkellem u jien ma nxandarx?”

 

L-istess ħaġa jħoss min tassw iħobb lil Ġesù.  In-Nisrani huwa dak li jaf li Kristu miet minfloku fuq is-salib.  Huwa jaf li se jiret il-Ħajja ta’ Dejjem mhux għax tistħoqq lilu imma għax rebaħhielu Kristu bit-tbatijiet, l-umiljazzjonijiet, il-Passjoni u l-mewt tiegħU.  Jekk aħna nsalvaw, dan jaħtih Kristu għax Hu wettaq ir-rieda tal-Missier b’risq tagħna.  Huwa Hu s-salvazzjoni tagħna.  Meta jiskopri din l-enormità ta’ mħabba, in-Nisrani ma jistax jiskot quddiem il-mixja tal-poplu lejn it-tradiment ta’ Alla, lejn is-sekularizzazzjoni, il-paganizmu u l-ateiżmu tal-ġnus ta’ madwarna.  Aħna lkoll ħatja tas-skiet li hawn fil-pajjiż fejn jidħol Alla.  Ġeremija ħoloq storbju sħiħ u kellu jħallas għal dan.  Għalhekk, il-profeta li f’qalbu jitniehed għall-paċi, jara li dak li jgħid inissel gwerra, għajat, tgħajjir u vjolenza.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  38, 4-10

 

F’dak iż-żmien: Il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: "Ħalli jiġi maqtul dal-bniedem, għax b'dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta' qalb is-suldati li fadal f'din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan m'huwiex ifittex il-ġid ta' dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu."

 

U s-sultan Sedekija qalilhom: "Araw, f'idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista' jagħmel xejn magħkom!"   U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta' Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa ta' l-għassa; mbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f'dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.

  

Għebed-melek, il-Kusi, fizzjal, kien qiegħed fil-palazz tas-sultan meta sama' li kienu tefgħu lil Ġeremija fil-bir. Issa s-sultan kien bilqiegħda ħdejn il-Bieb ta' Benjamin.  Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu:  "Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f'kull ma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt."

 

Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: "Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella' lil Ġeremija,  il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut."

 

Salm Responsorjali

 

Fil-Magħmudija, kull Nisrani jiġi ttimbrat bħala Profeta.  Ġo fina hemm żerriegħa żgħira li, jekk tikber, tagħmel minna profeti lkoll kemm aħna.  Il-Profeta huwa dak li jixhed għal Alla għax diġa jkollu esperjenza ta’ Alla b’mod personali f’ħajtu.  Ħadd ma jista’ jagħti milli m’għandux, speċjalment f’dawn l-affarijiet qaddisa.  Wieħed li jgħallem u jixtieq jgħaddi l-informazzjoni li għandu lill-istudenti, jista’ jagħmel dan billi jiftaħ ktieb u jispjega dak li hemm miktub fih.  Imma min irid jitkellem bis-serjetà f’Isem Alla, dan ma jistax jagħmlu b’dan il-mod.  Jew ikollu esperjenża f’ħajtu li Alla tassew jeżisti, li tassew iħobbu u li kien hemm mumenti meta Allaħares ma kienx hu għalih... jew inkella fommu jimmuta.  Żakkarija mmuta għax għalkemm kien sema’ ħafna fuq Alla ma kellux esperjenza personali tiegħU u ma setax ifaħħru u jxandru.  Dan għamlu tassew wara meta ra l-għaġeb ta’ Alla jseħħ f’ħajtu.

 

Is-salmista se jxandar u jfaħħar b’qalbu kollha lil Alla għax kellu din l-esperjenza eżistenzjali ta’ Alla.  Huwa dan li jżomm il-fidi f’Alla tixgħel, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.  Huwa jgħid: “Jiena ttamajt u ttamajt b’tama qawwija fil-Mulej, u Hu miel lejja u sema’ l-għajta tiegħi.”  (S. 40 1).  Hu qawwi dan il-vers li bih jiftaħ dan is-Salm!  Il-bniedem, jittama, jittama u jittama kontra kull tama.  It-tama hija l-aħħar li tmut.  Jekk il-bniedem jemmen xi ftit f’Alla, u jara li hu ma jista’ jagħmel xejn, idur lejH u jittama fiH.  Kemm hi tal-għaġeb is-Sorpriża ta’ Alla!  Il-bniedem jibqa’ mbellah meta jara lil Alla jaħdem f’ħajtu, ħafna drabi mhux bil-mod li ried hu, li talab hu, imma b’mod aqwa, b’mod iktar ġeneruż, b’mod iktar għaref.

 

Huwa meta jinagħlaq il-bir fuqna u m’hemm l-ebda tama ta’ ħruġ, ta’ salvazzjoni mill-esperjenza terribli li nkunu għaddejjin minnha, huwa f’dak il-ħin li titwieled il-fidi vera, f’dak il-ħin jgħaddi Alla u jwetta Għid magħna kif wettqu ma’ Kristu, u kif wettqu ma’ Ġeremija, kif smajna fl-ewwel qari.

 

Ritornell: Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni.

 

Salm 40

 

 

Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja u sama'  l-għajta tiegħi.

Minn bir waħxi tellagħni,

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja,

u saħħaħli l-mixi tiegħi.

 

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu,

u jittamaw fil-Mulej.

 

Imma jien, fqajjar u msejken,

għandi 'l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!

 

It-Tieni Qari

 

Il-Ħajja Nisranija mhix faċli, imma kuraġġ għax din il-Ħajja mhux se ngħixuha waħedna.  Alla hu magħna u Hu jrid juri lid-dinja li hu magħna, biex id-dinja tara u tikkonverti.  Alla jixtieq jagħmel minna wirja, għax id-dinja għandha bżonn tara biex temmen.  Għalhekk, jekk inħalluh, Alla se jagħmel ħwejjeġ kbar magħna biex aħna nkunu reklam għalih. 

 

Il-Bibbja tgħid li fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-Grazzja.  Id-dnub ma keċċiex il-Grazzja ’l hemm, anzi l-kontra: fuq il-midneb Alla jroxx il-Grazzja tas-salvazzjoni li hemm fi Kristu.  Għalhekk m’għandna qatt naqtgħu qalbna quddiem id-dgħufija tagħna, l-infedeltà tagħna lejn Kirstu, il-ġibda lejn id-dnub li tgħammar fin-natura tagħna.   Importanti, jgħid dan il-qari mill-Ittra lil-Lhud, li nżommu ħarsitna dejjem imwaħħlin fuq Ġesù għax hemm naraw l-Imħabba li Alla għandu għall-midneb.  Inżommu għajnejna msammrin fiH jekk inħobbu l-Kelma tiegħu u nitolbuH s-saħħa biex inwettquha; jekk nikbru fl-intimità miegħU permezz tat-talb; jekk nixorbu mill-għejjun tas-sagramenti.  Fl-aħħar mill-aħħar, jgħid il-qari, ħadd minna qatt ma ġie mitlub jagħti ħajtu fil-ġlieda tiegħu kontra l-ħażen ta’ madwarna.

 

Madwarna għandna sħaba kbira ta’ xhieda. Dawn ix-xhieda narawhom fl-Iskrittura, imma anke fl-Istorja tal-Knisja.  Kollha jgħinuna għax kollha kienu nies normali bħalna.  Ma kinux aħjar minna, anke jekk hu tqil għalina nemnnuh dan.  Kienet il-Grazzja fidila tal-Mulej li tathom is-saħħa jwettqu ħwejjeġ li dehru kbar għal ħaddieħor.  Dawn ix-xhieda kollha jgħidulna ħaġa waħda: li aħna l-poplu tal-Għid.  In-Nisrani jixhed li Alla wettaq u jerġa’ jwettaq l-Għid fl-Istorja tiegħu.  Jgħaddina mill-prova tal-Ġimgħa l-Kbira, imma ma jħalliniex hemm għax fit-tielet jum iqajjimna u jdewwaqna l-ferħ kbir tal-Għid.  Ġeremija kellu l-esperjenza tal-Ġimgħa l-Kbira meta beda jegħreq fil-ħama tal-bir.  Imma Alla dewqu l-Għid għax ħarġu minn hemm.  In-Nisrani hu Nisrani għax jixhed li f’ħajtu dan ġara iktar minn darba, anżi ħafna drabi.  Aħna xhud ta’ dan anke jekk forsi ġieli ħriġna minn inkwiet serju bla ma ndunajna li kien Alla li dewwaqna l-Għid, dewwaqna l-mogħdija mill-mewt għall-ħajja biex jgħallimna li Hu jeżisti u li qed jieħu ħsieb ħajjitna.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  12, 1-4

 

Ħuti : Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta' xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b'qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna;  nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta' Alla. Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom.

 

Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.

 

Evanġelju

 

Ġesù kien jaf li l-Missier bagħtu fid-dinja biex jgħix l-Għid, sabiex dawk li jemmnu fiH ikollhom stampa ċara tal-verità.  Imma bħala bniedem, il-fatt li kien jaf minn qabel b’din l-esperjenza, beżżgħu anke jekk Hu kien jaf li l-Missier qatt u qatt ma kien se jħallih fil-mewt. 

 

Jien u int għandna nkunu ċerti minn dan:  li l-Missier, qatt u qatt mhu se jħallina fil-mewt, fil-kriżi, imdallmin mis-sħab tal-ħajja.  Kollox jgħaddi.  Alla jgħallimna s-sabar nistennew.  Dan mhux faċli.  Tħawwad Kristu, ma nitħawdux aħna ?  Wara kollox dan hu t-tifsir tal-Magħmudija li se tissemma’ fil-Vanġelu.  Mhux rit ta’ ‘ejja suq u mexxi’ fil-knisja, u wara nagħmlu party.  Il-Magħmudija mhix introduzzjoni għall-ħajja soċjali tal-komunità li ngħixu fiha.  Kemm hi aktar serja minn hekk !  Hi profezija ta’ dak li Alla jintrabat li jagħmel li jseħħ f’ħajjitna.  Meta wieħed jara l-Magħmudija bl-immersjoni, jara l-bniedem jinżel u jegħreq fl-ilmijiet tal-vaska, u dan ifisser li hemm bniedem fina li jrid imut.  Ma nistgħux nidħlu fis-Saltna jekk ma nitweldux mill-ġdid.  Għax Alla ma jħalliniex mgħarrqa fl-ilmijiet, imma jtellagħna minn hemm ġew, bnedmin ġodda, bnedmin ta’ Alla, bnedmin ħielsa, ferħana u b’rieda sħiħa li nkunu xhieda għaliH.  Għalhekk il-Magħmudija timmarka l-ħajja tagħna kollha u l-esperjenzi kollha li ngħaddu minnhom.  Huwa għalhekk li Kristu se jgħid : « Hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ ! »  Liema Magħmudija ?  L-esperjenza tal-Għid, tal-Għid sħiħ… daħla fil-mewt u qawmien rebbieħ fuqha.  Dan, fl-aħħar mill-aħħar, ngħixuh bl-aktar mod eżistenzjali fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajjitna.  Imma biex dawn l-aħħar ħinijiet ma jkunux tqal u diffiċli, il-Mulej ihejjina minn qabel billi jgħaddina minn numru ta’ mogħdijiet, passaġġi, minn Għidijiet li lkoll jibnuna fil-Fidi.

 

Versett : Hallelujah. Hienja dawk li, b’qalb imhejjija mill-aħjar, iżommu fihom il-kelma ta’ Alla u jagħmlu l-frott billi jibqgħu sħaħ fil-fehma. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  12, 49-53

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!  Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x'diqa għandi sa ma dan iseħħ!  Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;  għax mil-lum 'il quddiem ħamsa minn nies f'dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;  jinfirdu l-missier kontra  l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha."

Last Updated ( Saturday, 13 August 2016 )
 
< Prev   Next >