Monday, 26 June 2017
           
Home
IL-WIEHED U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-KONVERZJONI VERA JAHDIMHA ALLA FINA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 August 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

paul.jpg

Kull fejn tħares tara l-bżonn li l-Knisja jkollha dak li l-Ingliżi jgħidulu “Revival”, qawmien mill-ġdid.  Fl-Ewropa knejjes jgħalqu kuljum; postijiet li huma teżori tal-arkitettura, xhieda tal-Fidi żonqrija li l-Ewropa darba kellha fi Kristu, jinbiegħu biex isiru lukandi, supermarkets, shopping arcades, u xi drabi, postijiet fejn jinagħtaw shows mhux xierqa.  In-nuqqas ta’ presbiteri, u n-nies dejjem jonqsu mill-attendenza għal-liturġija qed jikkawża li ħafna parroċċi jmutu u l-fdal  li jibqa’ jingħaqdu flimkien.  Il-Knisja ftaqret anke finanzjarjament u m’għandhiex il-ħila żżomm il-manteniment ta’ dawn il-postijiet għeżież li missirijietna taw ġidhom u xogħolhom biex waqqfu.  Minn dawn il-postijiet xterdet l-evanġelizzazzjoni li rebħet il-kontinenti għal Kristu u għall-Knisja tiegħu.  X’dieqa tara dawn l-imkejjen fejn kienet tiltaqa’ l-ġemgħa nisranija jaqgħu f’idejn l-għedewwa, f’idejn dawk li l-alla tagħhom huwa mammona, l-flus, u hekk fejn qabel kienet tiġi mwettqa l-Ewkaristija, issa jsir post għall-kult pagan.

 

Fl-istess ħin il-Mulej qiegħed ifarraġ il-Knisja tiegħu għax l-evanġelizzazzjoni fil-kontinenti l-oħra, speċjalment fl-Afrika u fl-Asja qegħda tirbaħ għal Kristu mewġiet kbar ta’ konverżjonijiet.  F’ħafna pajjiżi tad-dinja l-Knisja qegħda tikber b’ritmu  mgħaġġel u s-seminarji huma mimlija żgħażagħ li qed  jinagħtaw kollhom kemm huma għat-tixrid tal-Aħbar it-Tajba.  Imma ħafna jistaqsu x’għandu jsir biex il-Knisja tinagħta wiċċ ġdid, biex il-Vanġelu jitħabbar b’lingwaġġ li jolqot il-qalb ta’ kontinent xiħ li sar tant xettiku u li rremetta l-Fidi li darba kellu?  Ħafna qatgħu qalbhom quddiem is-sekularizzazzjoni u quddiem il-kultura dominanti li hi l-alla l-ġdid tal-Ewropa u tal-punent, għax wara kollox din l-imxija li qegħda tbegħdna minn Alla u tellfitna l-innoċenza li qed naraw f’kontinenti oħra, ma bdietx il-bieraħ.  Ħafna jaqblu li kollox tnissel mill-filosfi li welldu r-Rivoluzzjoni Franċiża, l-hekk imsejħa l-“Illuministi”, l-“Imdawlin” bħal Voltaire eċċ.  Qed nitkellmu fuq iktar minn 250 sena ilu.

 

 

Il-liturġija tal-lum tagħti tweġiba għall-mistoqsija dwar tiġdid tal-Knisja. Jekk sinċerament trid iġġedded il-Knisja, ikkonverti int l-ewwel, iġġedded int fi Kristu.  Jekk int sinċier fl-imħabba tiegħek lejn il-Mulej u lejn il-Knisja mħabbta tiegħu, qis li ma tikkuntentax li wasalt x’imkien għax dejjem il-Knisja u tħobb titlob.  Jien, int u l-ieħor għandna lkoll bżonn urġenti ta’ konverżjoni.  Il-bniedem li ma jħossx tensjoni ta’ bidla fih, li ma jismax fil-fond tiegħu l-leħen li jistiednu kuljum biex jikkonverti dejjem iktar lejn il-Mulej, mhux veru li huwa Nisrani.  Jista’ jkun li hu reliġjuż naturali, imma mhux Nisrani. 

 

Kull bniedem hu xi ftit jew wisq reliġjuż; kull bniedem jitwieled b’qies reliġjuż fih.  Din hi parti min-natura tal-bniedem.  Hawn min jitfa’ r-reliġjożità tiegħi biex ifittex sinċerament lil Alla; hawn min ir-reliġjożità tiegħu timbuttaħ jilgħab bil-gandlieri u bl-istatwi; hawn min jissodisfa l-imbuttatura reliġjuża tiegħu f’qima pagana lejn l-idoli tad-dinja, bħalma jista’ jkun xi passatemp, il-politika, l-akkwist tal-għana;  hawn min ma jemminx f’Alla imma xorta hu reliġjuż u juża din il-kwalità biex jaħdem f’xi moviment li jagħmel il-ġid ’l hawn u ’l hemm.  Insomma, ssib min kollox.  Imma hemm differenza bejn reliġjożità u l-Fidi adulta fi Kristu.

 

It-tiġdid tal-Knisja llum jibda minni; minnek.  Dan it-tiġdid fina jaħdmu Alla; hi biċċa xogħol tiegħu.  Imma hu ma jażżardax jibda din il-biċċa xogħol meraviljuża ta’ bidla fina mingħajr l-“Iva” tagħna.  Għax il-mod kif jaħdem Alla hu “namur”.  Alla hu namrat sensittiv immens għall-maħbuba tiegħu.  Hu jrid jirbaħ il-qalb u billi hu l-Imħabba nnifisha, jaf li l-qalb ma tistax tisforzaha biex tħobb, imma trid tirbaħha bl-Imħabba.  Qalb il-bniedem twebbset u saret egoista propju għax għandha suspett dwar jekk Alla hux Imħabba dejjiema jew le.  Biex din il-qalb tirtab, tinbidel u tibda tħobb hemm bżonn li l-Mulej jikkonvinċiha mill-Imħabba tiegħu. 

 

Kien għalhekk li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja.  Hu bagħtu għalija personali, għalik personali biex jimpressjona lil qalbna u jirnexxilu jirbaħha biex jislet minnha dik il-famuża Kelma mbierka li lissnet Marija fid-Dar ta’ Nazaret, illum f’Loreto: “Iva!  Ħa jsir minni skont Kelmtek!  Irrid li jsir minni skont Kelmtek!  B’qalbi kollha nixtieq li Int tagħmel bija dak li trid Int għax daqs kemm tħobbni Int ma jħobbni ħadd!”  Dan hu l-mument qaddis li l-Missier jistenna biex jibda jaħdem bizzilla divina minn ħajjitna; biex jibda jġedded il-Knisja billi jġedded lilna.

 

L-Ewwel Qari

 

Anke jekk in-Nisrani jkun imdawwar minn aħbarijiet ħżiena; minn nies li jgħidulu li ż-żminijiet inbiddlu u l-bniedem issa sar adult, matur, u m’għandux bżonn iktar lil Alla... huwa ma jaqtax qalbu, jibqa’ ottimist u jistenna ħwejjeġ kbar għax hu jaf f’min emmen u f’min qed jittama.  Hu jaf li Alla hu fidil u qatt ma jitlaq xogħol idejh.  Hu jaf li Sid l-Istorja mhux il-bniedem, jgħid x’jgħid dan fil-kburija tiegħu, imma Sid l-Istorja huwa Alla, Sidt l-Istorja hija l-Imħabba li hi Alla. 

 

Il-profeta Isaija kien jgħix fi żmien ta’ twegħir u sħab iswed għall-poplu ta’ Alla, bħalma għexu l-profeti kollha.  Imma hu kien bniedem li kien jaf li l-unika rejaltà hi Alla; li barra minn Alla kollox hu frugħa li tmut u tgħaddi kif tgħaddi l-moda.  Kien konvint li iktar kemm il-qawwa tal-ħażen tikber, iktar ċerta hi r-rebħa ta’ Alla, konvinzjoni li aktar tard lil San Pawl ġagħalitu joħroġ b’dik il-frażi famuża: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-Grazzja!”  (Rum. 5, 20). 

 

Fil-qalba ta’ rejaltà serja li fiha lżrael kien qed jitlaq lil Jahweh għax kienu jidhru isbaħ l-idoli tal-ġnus ġirien, il-profeta jiddawwal mill-Mulej u jara li l-Fidi f’Alla kellha tinxtered mad-dinja kollha.  Ġnus li qatt ma semgħu biH għad ikunu l-qaddejja fidili tiegħu.  Jekk Iżrael ċaħad il-Fidi, ħafna popli kienu se jsibu s-salvazzjoni, l-identità tagħhom propju f’din il-Fidi li Iżrael kien qed jarmi.  Ma jfakarniex fl-Ewropa, dan kollu?  Isaija jilmaħ il-futur tal-Messija, meta popli sħaħ kellhom jaraw id-Dawl u jikkonvertu u jwasslu lil Iżrael lura lejn Ġerusalemm u lejn il-qima tal-Mulej għax Iżrael dejjem jibqa’ l-poplu ta’ Alla per eċċellenza, is-siġra taż-żebbuġ il-vera li fiha ġejna mlaqqma aħna. 

 

Imma dan qed jiġri fl-Ewropa llum!  Ħafna presbiteri u katekisti mill-Afrika u mill-Asja qed jiġu u jxandru lil Kristu lill-Ewropa li, bħal waħda belha, tisma’ u tistagħġeb qisha qatt ma kienet semegħtu dan il-Kliem!  “Huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb  il-ġnus”, jgħid il-qari, “u jġibu lura ’l ħutkom kollha bħala offerta lill-Mulej.”  (v. 19-20).   L-Ewropa għad terġa’ lura lejn il-Mulej bis-saħħa ta’ ġnus li minnha semgħu b’isem Kristu l-ewwel darba.  Hekk jaħdem Alla.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  66, 18-21

 

Dan igħid il-Mulej : Għad niġi niġbor il-ġnus kollha,

u l-popli ta' kull ilsien;

dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi.

Jiena ngħolli għalihom sinjal,

u nibgħat lil xi wħud mill-fdal ta' Iżrael

għand il-ġnus,

f'Tarsis, Put, Lud, u Mesek, Ros, Tubal u Ġawan,

u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija,

u qatt ma raw is-sebħ tiegħi,

u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.

U jġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens,

bħala offerta lill-Mulej;

iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet,

fuq suġġetti u bgħula u iġmla,

għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi,

f'Ġerusalemm, jgħid il-Mulej,

bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tal-qmuħ tagħhom

f'ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej.

U lil xi wħud minnhom neħodhom

b'qassisin u Leviti,  jgħid il-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 117 huwa l-iqsar Salm fil-Ktieb tas-Salmi.  Jikkonsisti f’żewġ versi mill-isbaħ, versi ta’ tifħir u radd-il-ħajr lil Alla għall-ġenerożità tiegħu.  Liema ġenerożità ?  Il-popli kollha huma mistiedna li jfaħħru u jirringrazzjaw lil Alla għax bellahhom bil-ġenerożità u l-abbundanza tiegħu.  Liema ġenerożità u abbundanza ?  Tax-xita u l-ikel li jnibbet mill-art ?  Iva, imma mhux biss.  Għall-fatt li ħalaq dinja hekk sabiħa madwarna ?  Għal aktar minn hekk, ħafna aktar ! 

 

Il-qari ta’ qabel, minn Isaija, jgħid xi ħaġa stramba : «Il-ġnus jaraw is-sebħ tiegħi għax jien ngħolli għalihom sinjal. »  (Is. 66, 19).  Liema sinjal għolla Alla l-Missier għalina li bih dawlilna l-għajnejn ta’ ruħna u ġrejna għal warajH ?  Liema hu s-sinjal li minħabba fih il-Knisja l-ħin kollu tal-ġurnata madwar id-dinja tiċċelebra Ewkaristija ta’ radd il-ħajr lil Alla minħabba fih ?  Dan is-sinjal li ġennen il-ġnus u ħarrab lil satana huwa s-Salib, b’Alla nnifsu mdendel minnu.  Dan hu s-sinjal li lill-bniedem jgħidlu li hu maħbub minn min ħalqu.  Dan hu s-sinjal, anzi l-uniku sinjal li kapaċi jkellem lil qalb il-bniedem u minn qalb egoista, dejjem fi gwerra, jbiddilha f’qalb ratba, altruwista u li tinagħta għal ħaddieħor.  Is-Salib ta’ Kristu biss kapaċi jagħmel dan.  U għalhekk il-ġnus kollha jkantaw il-versi ta’ dan is-Salm ċkejken imma meraviljuż.

 

Ritornell :  Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba.

 

Salm 117

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,

sebbħuh, intom popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

 

It-Tieni Qari

 

Ara ma jmurx ikun hawn xi ħadd li jaħseb li l-konverżjoni vera hi xi ħaġa sempliċi, ħafifa, bħal meta wieħed imur iqerr għax għandu funeral jew xi tieġ jew għax ġejja l-festa.  X’tifhem b’konverżjoni?  Ġejja l-Ġimgħa l-Kbira u allura kulħadd iqerr u jitqarben, biex l-għada tal-Għid nerġgħu lura għal li konna?  Kemm ħambqu l-profeti kontra dan it-tip ta’ reliġjożità!  Alla jistedinna għal konverżjoni tal-qalb, bidla tal-qalb, bidla fil-profond tagħna u din ma tiġix f’daqqa imma b’mixja serja.  Mhix xi ħaġa kożmetika, bħal meta wieħed jiżbogħ xagħru biex ma jurix li qed jibjadlu, u xorta ma jidħaq b’ħadd.  L-affarijiet kożmetiċi d-dinja tiddeletta bihom, mhux Alla.

 

Li wieħed jikkonverti hi Grazzja, pura Grazzja.  Meta wieħed jersaq tassew lejn Kristu, jinduna kemm mhux bil-ħila tiegħu, imma minkejja d-dgħufija tiegħu li nbidel.  Ħadd minna m’għandu l-ħila jdur lejn il-Mulej bil-ħila tiegħu, u l-qari li ġej se jwiddibna li t-triq hi dejqa, it-taħriġ hu iebes, u l-fuħħari li jgħaffeġ it-tafal u jgħaġnu, huwa Alla nnifsu u mhux aħna.  Il-bidwi li ħareġ jitfa’ ż-żerriegħa jkellimna ħafna fuq dan.  Ħafna jibdew jimxu wara l-Mulej b’entużjażmu, biex imbagħad jaqtgħu qalbhom mal-ewwel intopp.  Oħrajn idumu, imma billi jkollhom sieq waħda fid-dinja, bl-inkwiet tagħha, u s-sieq l-oħra f’Alla, jasal żmien meta jinbarmu wkoll. 

 

L-ewwel ħaġa li jitgħallem min jimxi wara l-Mulej hi li l-konverżjoni hi għan-niżla mhux għat-telgħa.  Ma jfissirx li n-niżla hi eħfef mit-telgħa.  Għall-kuntrarju.  Meta wieħed jiddeċiedi li jixtieq lil Kristu malajr jibda jaħseb li qed itir bħall-anġli, tielgħa ’l fuq, sakemm jiġi xi ħadd jifqagħlu l-bużżieqa, itellaghomlu u jieħu tisbita nobis.  In-niżla tal-konverżjoni hi serja.  Tinżel ifisser tiskopri lilek innifsek, mhux titla ttir ħdejn l-anġli u l-qaddisin.  IIkoll ingannati aħna fuqna nfusna.  Drajna niddefendu ruħna u nirrakkontaw stejjer waqt il-qrar biex inserrħu l-kuxjenża.  Jekk trid tiggranfa ma’ Kristu bħala l-Uniku Salvatur, tiggranfa miegħu b’qawwa tant li ħadd ma jkun jista’ jifirdek minnu, trid l-ewwel nett tagħraf ir-rejaltà miskina tiegħek u taċċerta ruħek li m’għandekx ċans li tgħix tassew, li tħobb tassew, li tifraħ tassew u li ssalva tassew jekk mhux bi Kristu.

 

Dwar dan jindaħal Alla li jgħaddi lil dawk li Hu jiġbed għal wara Ibnu mill-għarbiel ta’ provi u diffikultajiet.  Il-qari li għandna mill-Lhud jgħidilna li “hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu għax Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied.  Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux?”  (v. 7).  Hu għalhekk li Alla jippermetti s-salib.  Kemm mistoqsijiet fuq dan.  Kemm dubji dwar Alla minħabba t-tbatija tal-Ħajja!  Ilkoll kemm aħna xxewwixna kontra Alla minħabba l-Istorja. 

 

Il-Kelma se tgħidilna: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, jolqot lil kull min jilqa’ b’ibnu.”  (v. 5-6).  Għalfejn dan?  Biex jien ninduna jien min jien; li jien midneb u ndur lejn Dak li miet għal min hu midneb.  Id-dnub ma jaqtagħnix minn Alla.  Anzi d-dnub jagħmilni eliġibbli li niġi salvat minn Kristu.  Dnub wieħed hemm li jifridna minn dan kollu: s-suppervja u l-aktar is-suppervja spiritwali.  Ħafna jaħsbu li huma ‘tajbin’, li jekk jidinbu d-dnubiet tagħhom huma żgħar, mhux bħal ta’ ħaddieħor.  Huma jafu bl-amment il-lista ta’ opri tajba li jagħmlu u jfakkru l-Mulej dwarhom.  Il-Vanġelu se jkellimna fuq dan it-tip ta’ nies. 

 

Dawk li jifhmu l-edukazzjoni tal-Missier, it-twiddib tiegħu, il-provi li jibagħtilhom, huma dawk li għamlu esperjenza tad-dnub u jafu li d-dnub joqtol.  Dawn joqogħdu għall-Missier għax il-ħtija għamlithom umli.  Jafu li ma ħaqqhomx salvazzjoni, imma skoprew li l-Missier iċċaħħad minn Ibnu u ħallih imut propju għalihom.  Din l-iskoperta hi l-konverżjoni vera.  Din hi l-Fidi Nisranija li tagħmel li l-bniedem jibda jħobb saħansitra lill-għadu.

 

Għalhekk it-tbatija fil-Ħajja tan-Nisrani, għalkemm hi tbatija bħalma hi fil-Ħajja tal-pagan, hi tbatija differenti għax hi mdawla, fiha sens.  Hu jitfarraġ għax jemmen li Alla ma jagħmel xejn għal xejn; Hu se jgħaddih mill-hemm tal-Ġimgħa l-Kbira għall-Qawmien tal-Għid.  Huwa għalhekk li, bħalma se jgħidilna l-qari, hu jerfa’ l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa u jkompli miexi, miexi.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  12, 5-7,  11-13

 

Ħuti: Nsejtuha għalkollox il-kelma ta' twissija li qalilkom ta' wlied li intom:

 

“Ibni la twarrabx it-twiddib tal-Mulej,

u la taqtax qalbek meta jċanfrek;

għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb,

jolqot lil kull min jilqa’ b’ibnu.”

 

Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu. Alla qiegħed jimxi magħkom ta' wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux?

 

Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta' ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.

 

Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkubbtejn mitluqa tagħkom, u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq, imma jerġa' jieħu saħħtu.

 

Evanġelju

 

B’qawwa l-Mulej isejħilna għall-konverżjoni bis-serjetà u biex ma nilagħbuhiex ta’ Nsara tal-prima klassi ; dan ngħidu għalija u ngħidu għal kull min qed jismagħni għax aħna qegħdin nitkellmu fuq ħwejjeġ ta’ Ħajja jew mewt għal dejjem.  Qegħdin nitkellmu fuq is-salvazzjoni tagħna u m’hemm xejn aqwa minn din f’Ħajjitna.  Il-Ġenna teżisti, l-aħwa u l-infern jeżisti wkoll u Kristu jitkellem fuq dawn b’mod ċar.  Hija d-dinja u l-mentalità tagħha li qegħda tipprova ttappnilna r-rejaltà ta’ Ħajja wara din.  Tant hu serju dan li qed nitkellmu fuqu, li rridu noqogħdu attenti li ma mmorrux inserrħu rasna fuq xi għemejjel tajba li nagħmlu, fuq il-Knisja li mmorru kuljum, fuq it-tlablib tat-Talb tagħna ; lanqas fuq il-priedki li nagħmlu u l-programmi li ntellgħu f’isem il-Mulej.  Jaqblilna ħafna li ngħaddu dawn l-affarijiet mill-għarbiel aħna stess u ma nistennewx li jgħaddihomlna l-Mulej.  Jista’ jkun li kulma qed nagħmlu m’aħniex nagħmlu għax inħobbuH u għaliH, imma biex nidhru sbieħ aħna.  Dan il-Vanġelu se jitkellem fuq dawk li se jkunu maħsuda f’Jum il-Ħaqq, dawk li dejjem sejrin « Il-Mulej ! Il-Mulej ! » bħalma qed nagħmel jien bħalissa, u li kielu l-ġisem tal-Mulej fl-Ewkaristija miljun darba.  Tgħid se jgħidilna : « Ma nafx mnejn intom » ? (v. 25).

 

Mhux li nagħmlu jgħodd imma għalfejn inkunu għamilnih.  Fuq il-għolja kien hemm tliet siġriet, u ma kull waħda kien hemm kriminal imdendel, mislubin it-tlieta għall-mewt.  Fuq waħda kien hemm il-Mulej tiegħi u tiegħek.  Fuq oħra kien hemm ħalliel li spiċċa tajjeb għax kien umli u ametta li kien ħati.  U fuq l-aħħar waħda kien hemm ieħor li fis-suppervja tiegħu ma riedx jammetti li kien midneb u ħati u miet jgħażżaż snienu u spiċċa f’post it-telfien li hu mimli nies li jaħsbu li kellhom raġun ma’ Alla u li Alla kien inġust li tefagħhom hemm. 

 

Meta l-bniedem b’intenzjoni tajba jibda jikkonverti, ikun jixtieq li jgħaqqad it-tbatijiet u l-kuntrarji li jiltaqa’ magħhom ma’ dawk ta’ Kristu, imma malajr jinduna li dan hu tqil wisq għalih li jippersevera fih għax jibda jirvilla kontra xortih u kontra l-Istorja li taħ il-Missier.  Allura jipprova jkun almenu bħall-ħalliel li nidem.  Imma kemm drabi s-suppervja ma tħalliniex nagħmlu dan.  Kemm niskużaw ruħna u nikkwalifikaw dnubna.  Kemm hi tqila għalina l-indiema li tislet id-dmugħ.  Jista’ jkun li x’ħin inħarsu lejna nfusna, flok midneb naraw bniedem li jaħdem għall-parroċċa, li hu ħabib tal-qassisin, li għamel ħafna opri tajba.  Dawn kollha nsemmuhomlu lill-Missier meta nitolbu l-grazzji u l-mirakli u dawn jew idumu ma jiġu jew ma jiġu xejn.  U jiġi mument ta’ dawl meta jien nara lili nnifsi fit-tielet bniedem imdendel… dak li webbes qalbu għax ħass li ma kienx jistħoqqlu dak li kien għaddej minnu.

 

Li ninduna b’dan mhux diżgrazzja imma Grazzja !  In-niżla li semmejna qabel !  Għax hu meta l-bniedem jinduna bix-xejn tiegħu li jiġi jgħaġġel il-Mulej biex isalvah.  Hemm irridu naslu : fl-għarfien sinċier u veru ta’ min aħna biex inħabbtu b’qawwa u verità fuq sidirna u ndura lejn Kristu u ngħidulu : « Ejja għalija, Mulej Ġesù għax abbiss jien li ma nistax inkejlu u jekk ma tkunx Int li tiġi taħtafni, mitluf jien ! »

 

Versett : Hallelujah.  Ħajjarli qalbi, O Alla, għat-twissijiet tiegħek ; il-liġi tiegħek fi tjubitek agħtini.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  13, 22-30

 

F’Dak iż-żmien : Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f'xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: "Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?" U huwa weġibhom: "Tħabtu biex tidħlu mill-bieb  id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, 'Mulej, iftħilna.' Iżda hu jweġibkom u jgħid, 'Ma nafx mnejn intom.' 

 

Mbagħad taqbdu tgħidulu, 'Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.'  Hu jwieġeb u jgħidilkom, 'Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m'hux sewwa!'  Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta' Alla, u intom imkeċċija 'l barra.  

 

U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta' Alla.  U araw, hawn min hu ta' l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta' l-ewwel u għad ikun l-aħħar."

 
< Prev   Next >