Monday, 26 June 2017
           
Home
IT-TNEJN U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA IS-SUPPERVJA TAGHLAQ BIEB QALBNA GHAL KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 27 August 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tnejn u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus-with-tax-collectors.jpg

 

Id-dnubiet u l-vizzji kollha għandhom “omm” li twellidhom u din hi s-Suppervja, id-dnub prinċipali, id-dnub tal-bidu, primordjali, li wassal għall-waqgħa tal-bniedem fil-Ġnien tal-Għeden.  L-ewwel darba li l-bniedem ġie ttentat kien fis-suppervja tiegħu. Is-serp qal lill-mara: “Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġen. 3, 5).  Din li l-bniedem isir bħal Alla minn dejjem xegħlet moħħ l-umanità.  Ħaġa bħal din ma jistax jixtieqha annimal għax m’għandux l-intelliġenza biex jaħseb fuq dan.  Il-bniedem iva; infatti “l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen.”  (Ġen. 3, 6). 

 

Issa dwar dan ir-rakkont tal-waqgħa tal-bniedem, tat-telfien tal-innoċenza, l-Knisja tgħallem li huwa speċi ta’ parabbola, imma rakkont mimli għerf, għerf mingħand Alla u li l-bniedem wasal għalih wara ħafna esperjenza ta’ Alla.  Matul iż-żmien, il-bniedem għaraf li hija s-suppervja l-ewwel kaġun tal-ħażen fil-bniedem.  Hija s-suppervja li, mhux darba u tnejn f’Ħajjitna, ġagħlitna naraw lil Alla li minnu tnissilna u li minnu aħna, bħala rival.  Flok ma narawH bħala Dak li kien tant ġeneruż li tana l-Ħajja, li minflok ġie ħaddieħor fuq din il-pjaneta ġejt jien, ġejna aħna, u din pura deċiżjoni tiegħU... minflok ma narawH hekk, narawh fil-gidba, jiġifieri li hu dak li jikkontrollana, li jillimitana, li ma jħalliniex nagħmlu li rridu, li jiktbilna Storja bla ma aħna għandna kontroll fuqha, li donnu hu għajjur għall-avvanz tal-bniedem.  Ekku kif il-katekeżi giddieba tas-serp li nstemgħet fil-Ġnien: “Alla jaf li dakinhar issiru bħal allat”, weħlet ma’ moħħ il-bniedem. 

 

Minn dak il-mument ’il quddiem, il-bniedem kellu jieħu deċiżjoni quddiem kull azzjoni tiegħu għax issa sar jaf li hemm it-tajjeb u l-ħażin, u dawn iż-żewġ elementi nistgħu niddiskrivuhom billi ngħidu li t-‘tajjeb’ huwa li l-bniedem ikun umli, jagħraf hu min hu u jagħti qima lil Alla li għamlu dak li hu mix-xejn. Għall-kuntrarju, l-‘ħażin’ huwa l-kburija li tkeskes lill-bniedem biex jeħodha ma’ Alla, ma jaċċettax li jindaħallu, jirvilla kontra l-kobor tiegħu u jemmen li hu kapaċi javanza bil-mod il-mod biex jiddeċiedi hu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għalih.  Illum, il-kultura dominanti, tal-punent b’mod partikulari, titqażżeż mill-kunċett li hemm Xi Ħadd ’il fuq mill-bniedem li jaf aktar minnu x’inhu dak li hu sewwa u dak li mhux.  Jekk iqum argument dwar il-libertajiet soċjali u int tgħid li skont ir-rivelazzjoni li għandna ta’ Alla dan id-dritt li jrid il-bniedem huwa kontra r-rieda divina, int diġa tlift l-argument għax hu skandaluż iddaħħal lil Alla fin-nofs.  Ifisser li int m’intix kapaċi targumenta; anzi int bniedem mingħajr ħniena ma’ ħutek il-bnedmin li qed ibatu.

 

Huwa ċar li qed isir ħafna diffiċli għan-Nisrani juri fehemtu fis-soċjetà tal-lum, naturalment anke f’pajjiżna.  Il-bniedem sar ‘adult’, kiber, u miegħu kibret is-suppervja tiegħu.  Kemm kellu raġun dak li qal li s-suppervja tmut kwarta wara li jmut il-bniedem!  Hija l-għerq ta’ kull gwerra, ta’ kull nuqqas ta’ qbil, ta’ kull tifrik fil-familji, ta’ kull inġustizzja.  Is-Salib jurina ħaġa waħda: Alla nnifsu ħalla li jiġi umiljat u mdendel ma’ għuda bla ma fetaħ fommu biex juri li t-triq għall-Ħajja vera, għall-Ferħ veru, għall-Ħelsien veru hija l-umiltà.  Għax tassew, Kristu huwa l-Ħaruf li rebaħ il-mewt u sar l-Iljun rebbieħ ta’ Ġuda.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb ta’ Ġożwè Bin Sirak, li għex madwar il-250 sena qabel Kristu u għalhekk nistgħu insejħul-Ktieb tiegħu bħala l-aħħar wieħed tat-Testment l-Antik li nkiteb, huwa magħdud mal-Kotba Sapjenzjali tal-Bibbja, jiġifieri l-Kotba li l-għan tagħhom hu li jgħallmu u jgħaddu l-għerf dwar Alla u l-ħolqien li rċieva l-poplu ta’ Izrael. 

 

F’din is-silta li l-Knisja għażlet għalina se nisimgħu dwar il-gwaj li ġġib is-suppervja lill-bniedem u jfaħħar l-għaqal tal-umli.  Ilkoll kemm aħna nitwieldu bid-duda tal-kburija.  Bin Sirak isejħilha ħaxixa ħażina li niżżlet għeruqha ’ isfel fil-profond ta’ kull bniedem.  Infatti, ftit huma dawk li jammettu li huma mkabbrin u suppervi.  Meta nitkellmu fuq is-suppervja aktarx inkunu niġġudikaw lil ħaddieħor u rarissmu nammettu li skoprejna li din il-ħaxixa ħażina hi mxenxla fina wkoll!  Huwa għalhekk li kemm-il darba għidna li l-konverżjoni vera u sinċiera mhix li wieħed iżid fid-devozzjonijiet jew imur iktar knisja, imma li l-ewwel nett jagħraf lilu nnifsu, jagħraf id-dnub tiegħu, jagħraf, fl-aħħar mill-aħħar is-suppervja tiegħu għax, kif diġa għidna qabel, hija din l-omm ta’ kull dnub li nwettqu.

 

Ara ma jkunx hemm min jaħseb li hu faċli li wieħed jiskopri s-suppervja tiegħu.  Wieħed jista’ jgħid kemm irid li huwa supperv, u jħabbat fuq sidru... imma jekk xi ħadd ieħor jgħidlu, “Mur obsor għalik; ma kontx nagħmlek daqshekk supperv!”, malajr jieħu għalih bil-kbir.  Aħna lkoll xorta.  F’dgħajsa waħda qegħdin.  Ilkoll għandna bżonn urġenti ta’ konverżjoni, u dan mhux biex nagħmlu xi pjaċir lil Alla imma biex insibu s-sliem, l-ewwelnett magħna nfusna u mbagħad mal-oħrajn.

 

L-umli hu dak li jaf li hu midneb; għadda minn esperjenzi li wrewh il-verità dwar id-dgħufijat tiegħu.  Hu jaf li jekk Alla jneħħi idu minn fuqu hu jagħmel froġa minn ħajtu.  Imma fl-istess ħin hu skopra li Alla lilu jħobbu hekk kif inhu.  Miet għalih mhux meta kien tajjeb imma meta kien supperv, ma tistax tkellmu, ma jaħsibhiex darbtejn biex jidneb kontra Alla, kontra l-proxxmu u kontra l-Knisja.  Meta kien hekk miet Kristu għalih.  Dan jimlih b’umiltà kbira.  Ma jista’ jiġġudika lil ħadd għax jaf li mhu aħjar minn ħadd.  Hu jaf li jekk Alla jħobbu dan mhux għax hu ‘tajjeb’, jew ‘bravu’, jew aħjar minn ħaddieħor, imma appuntu għax kellu bżonn il-Ħniena u l-Imħabba ta’ Alla.  Allaħares ifaħħruh in-nies għax jiddarras, jistħi, jimbarazza ruħu;  hu jaf li kulma għandu tahulu Alla u mingħajru mhu xejn.  Huwa Alla li ħaqqu l-prosit tal-affarijiet tajba li forsi nagħmlu aħna.

 

Dan il-bniedem umli jkun maħbub min-nies, jgħidilna l-qari.  Jekk togħla u tirnexxi fil-Ħajja, attent!  Żomm il-kolp u tħallix li tintefaħ u tikber għax tisbita kbira jkun hemm tistenniek. Ftakar dejjem li Alla hu l-awtur ta’ kollox u l-iktar ġid li jixtieqlek hu li int issalva ruħek, u għalhekk, jekk tikber fis-suppervja, malajr idawwarlek l-Istorja u jdewqek l-umiljazzjonijiet għax ma jridx li tintilef għal dejjem. 

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  3, 17-20,  28-29

 

Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel,

u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies.

Akbar m'int, iktar għandek iċċekken ruħek,

u ssib grazzja quddiem il-Mulej.

 

Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin,

imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu.

Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej,

imma hu msebbaħ min-nies umli.

 

M'hemmx duwa għall-bniedem kollu kburija,

għax din ħaxixa ħażina b'għeruqha mxenxla fih.

Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji

u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu.

 

Salm Responsorjali

 

Għaliex hawn xi wħud li jifirħu dejjem quddiem Alla u mimlijin gratitudni u radd il-ħajr, waqt li għal ħafna Alla hu xi ħadd li jdejjaq, ir-reliġjon suġġett monotonu, il-liturġija qaddisa tal-Knisja dmir li wieħed irid iwettqu u iktar kemm il-ħin jgħaddi malajr aħjar ?  Għaliex dan ?  Għaliex, waqt li dawk li skoprew lill-Mulej, ixandru dejjem il-ħlewwa tiegħU, waqt li oħrajn qegħdin jaqtgħu mill-Knisja f’numru dejjem jikber u għalihom it-talb u l-quddiesa tal-Ħadd huma ħela ta’ ħin ?

 

Is-Salm 68 jurina li huma l-umli, il-ġusti, dawk li l-Lhud isejħulhom l-« anawim » li jiskopru t-Teżor li hu Alla u li ġie muri lilna f’Ġesù Kristu.  Huwa l-umli li jifraħ f’Alla.  Huwa l-umli li jistkenn fih.  Min hu l-umli ?  Dak li ma jilgħabx ċenteżmu fuq il-ħila tiegħu, mhux għax għandu xi « inferiority complex », imma għax jaf li hu żbalja ħafna u għad jiżbalja.  L-umli hu konxju ta’ hu min hu ; jaf li hu dgħajjef.  Huwa bniedem bħal dan li jkollu bil-fors jistkenn fil-Mulej għax il-Mulej huwa l-unika blata għalih.

 

L-iblah, li hu s-supperv, u allura jien u int, jaħseb għal rasu, jippjana kollox hu, jemmen li l-Istorja qiegħed jiktibha hu bil-ħiliet tiegħu.  Moħħu jgħidlu li jekk ma jkunx hu ħadd mhu se jġibulu sħun, jiġifieri lanqas Alla.  Jekk jirnexxi, jieħu l-prosit kollu hu u jwebbes rasu fil-kapaċità tiegħu.  Jekk jara nies li rnexxew inqas minnu, jiġġudikahom, jimmaġina li hu aħjar minnhom, bieżel iktar minnhom u jħares ’l isfel lejhom u jsiru qishom dubbien għalih.  M’għandu mogħdrija lejn ħadd għax jemmen li kulma għandu ġabu hu b’idejh u ma tahulu ħadd.  Bniedem bħal dan m’għandux ħin għal Alla, u jekk kontra qalbu joffrilu tliet kwarti quddiesa fil-ġimgħa, dan għax hu superstizzjuż u għalih hu għaqli li jżomm xi ftit relazzjoni ma’ Alla.  Dan il-bniedem lanqas biss qatt ma jaħbatlu ma’ moħħu li l-ferħ jinsab fil-Mulej.  Huwa hu alla.  Dan ma jgħidux bil-kliem imma jibni ħajtu madwar din l-ereżija.

 

Is-supperv ma jafx xi jfisser dak li jgħid dan is-Salm, li Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħedhom, lil dawk li huma ċkejknin u dgħajfa.  Hu jemmen biss bil-ħila tal-bniedem u bl-istinkar tiegħu.  Ma għandu xejn x’jirrakkonta fuq Alla.  Min ma jilħaqx l-qjies tiegħu, għalih huwa miskin, baħnan, tistħi tpoġġi maġenbu, ħaqqu jekk hu fqir.

 

Il-verità hi li l-imkabbar qed jgħix f’deżert jikwi, dejjem bl-inkwiet, qatt mhu kuntent, dejjem ifittex, ifittex il-Ħajja bla ma jsibha, anke jekk ma jonqsu xejn.  Din h t-traġedja ta’ ħafna.

 

Ritornell :  O Alla, int hejjejt dar għall-fqajjar.

 

Salm 68

 

Il-ġusti jithennew quddiem Alla,

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

 

Għannu lil Alla, faħħru ismu,

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu.

 

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

 

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom;

imma s-suppervi telaqhom jgħammru f’deżert jikwi.

 

 Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek,

u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

 

Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

 

It-Tieni Qari

 

L-Ittra lil-Lhud tfakkarna f’episodju enormi fl-importanza tiegħu li l-poplu ta’ Alla kien għadda minnu waqt l-esperjenza fid-deżert wara li kien ġie meħlus mill-Eġittu fi żmien Mosè.  Iżrael kien ra ħafna għemejjel tal-Mulej u issa kien waqqaf il-kampijiet tiegħu f’riġlejn il-muntanja qaddisa tas-Sinaj, hemm biex jiltaqa’ ma’ Alla tiegħu għall-ewwel darba.  Iżrael hejja biex jiltaqa’ ma’ dak Alla, l-uniku Alla, l-Alla li ħalaq l-univers u l-ġnus kollha.  Kien jaf li din kienet esperjenza li l-ebda poplu qatt ma kien għadda minnha.  Hu kien il-poplu magħżul biex ikollu esperjenza ta’ Alla, biex ikun xhud tiegħu, xhud li hu jeżisti u li hu qawwi, quddiem il-popli l-oħra.  Il-Kotba tal-Eżodu u d-Dewteronomju jiddiskrivu din il-ġrajja li damdmet lill-poplu.

 

Il-poplu li kien għadu primittiv, kważi selvaġġ, mingħajr kultura, fidi jew imġieba soċjali tajba, jara u jisma’ l-wirja li Alla jagħmel tiegħu innifsu u jibqa’ mwerwer.  Iżrael imtela’ bil-biża’ ta’ Alla, bil-biża’ minn Alla u talbu lil Mosè biex ikun hu li jara u jisma’ lil Alla f’isimhom għax huma ma felħux id-dehra u l-ħsejjes tal-epifanija tal-Mulej fuq is-Sinaj.  Dan il-poplu bla rażan, bla dixxiplina, bla kontroll kellu bżonn din l-esperjenza iebsa.  Tant immarkatu din l-esperjenza li minn dak il-ħin ’il quddiem, ir-relazzjoni ta’ Iżrael ma’ Alla kienet immarkata minn biża’, mill-ubbidjenza għax hemm il-Liġi u t-theddida tal-kastig.  Fil-verità qalb il-poplu qatt ma ntrabtet ma’ Alla bl-Imħabba.  Infatti l-kelma Mħabba ftit li xejn insibuha mniżżla fit-Testment il-Qadim fejn tidħol ir-relazzjoni ta’ Iżrael ma’ Jahweh.  Tiddomina fuq kollox il-Liġi, li min jiksirha kien, f’ħafna każi, jinagħta l-mewt.  Din ir-relazzjoni bejn Jahweh u Iżrael kienet tixbah ħafna lir-relazzjoni li għandhom ma’ Alla dawn il-ħafna fundamentalisti Iżlamiċi li għandna daż-żmien. Il-vjolenza u d-dixxiplina kienu jiddominaw fuq kollox, għax kien żmien ta’ hekk.

 

Infatti, meta Elija l-profeta mar jiltaqa’ ma’ Alla fuq is-Sinaj, mijiet ta’ snin wara, hu ħaseb li Alla kien ġie fit-tempesta qalila li ħabtet għall-post.  Imma Alla ma kienx hemm.  Imbagħad qam riefnu li feraq il-blat u Elija li kellu dan il-biża’ minn Alla immaġina li hawn kien Alla.  Imma Alla ma kienx hemm lanqas.  Fl-aħħar Elija ħass żiffa ħelwa mmens li daret madwaru u li ħadnitu bħalma l-maħbub iħaddan il-maħbuba tiegħu, u hawn kien Alla.  Allura fl-Iskrittura naraw dan il-proċess fil-wirja li Alla għamel tiegħu innifsu lill-poplu... minn Alla li jiddixxiplina, iwissi u jikkastiga, għal Alla li jħobb u jagħder.  Dan laħaq il-milja tiegħu fid-dehra ta’ Alla nnifsu fostna fil-persuna ta’ Ġesù, kif se nisimgħu.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  12, 18-19, 22-24a

 

Ħuti: Intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u  r-riefnu;  lejn dak id-daqq ta' tromba u ħoss ta' kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar; Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta' Sijon u lejn il-belt ta' Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; rsaqtu lejn eluf ta' anġli f'ġemgħa ferrieħa;  lejn il-ġemgħa ta' l-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta' kulħadd; lejn l-erwieħ ta' nies tajba u perfetti; lejn Ġesù l-medjatur ta' patt ġdid.

 

Evanġelju

 

Il-qari li smajna juri il-mogħdija li Alla nnifsu għamel mid-dehra setagħna u kbira fuq is-Sinaj għal dik umli, tenera u sensittiva meta niżel jiltaqa’ ma’ Elija.  Fuq kollox l-umiltà u l-mogħdrija tal-Mulej tidher f’Ġesù, ibda mit-twelid fqir u menżża’ minn kull glorja fl-għar ta’ Betlehem, sal-mewt umiljanti u terribli fuq l-agħar forka tal-kriminali li qatt ivvinta l-bniedem.

 

Alla huwa umli għax m’għandux bżonn jimpressjona lil ħadd. Il-bniedem li għandu għatx li jaqta’ figura tajba, li jintefaħ u jitgħaxxaq meta jfaħħruh in-nies, li jaħseb li hu xi ħaġa kbira, huwa fil-fatt bniedem dgħajjef li l-ħin kollu jipprova jaħbi x-xejn tiegħu taħt gidba.  Il-parabbola li se jsemmagħlna l-Mulej titkellem ċar dwar il-waqgħa li hemm lesta għal min jitkabbar, għax il-verità llum jew għada toħroġ. Għall-kuntrarju, min jiċċekken, min ma jippretendihiex, min hu ħaruf, se jitgħolla.  Din hi Kelma ta’ Kristu.  “Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”  (Lq. 14, 11). 

 

Imma min jemmnu dan il-Kliem qaddis?  Id-dinja tiddieħaq bih.  Id-dinja tfaħħar u tgħolli lil dawk li jagħmlu suċċess u jippretenduha u għandhom “superiority complex” li ddardrek.  Min minnhom jemmen li hemm tisbita tistennihom?  Huma jxammru mneħirhom quddiem iż-żgħir u jimmaġinaw li huma allat.  Ġesù jgħid li mbierek huwa l-bniedem li jagħmel ħbieb maż-żgħar, li jiggosta l-kumpanija sinċiera u innoċenti tagħhom u li lilhom jippreferi jistieden għall-festi tiegħu.  Dan il-bniedem mhux se jħallsuh dawn in-nies għax m’għandhomx mnejn.  Il-ħlas tiegħu hu għand Alla, ħlas li jibqa’ għal dejjem.

 

L-agħar tip ta’ suppervja hija s-suppervja spiritwali jew reliġjuża, jiġifieri dik l-attitudni li għax il-bniedem, bl-isorżi tiegħu, iwettaq xi opri li jidhru tajbin, huwa jħares b’ġudizzju u bi kburija lejn dawk li ma jaslux li jagħmlu dak li qed jagħmel hu.  Dan il-bniedem ikun qed jinqeda bi ħwejjeġ qaddisa biex jagħmel lilu nnifsu alla.  Ikun qed jinqeda bl-istess ħwejjeġ li Alla jixtiequ jagħmel biex jidneb flok biex jitqaddes. 

 

Tip ta’ dan kienu l-Fariżej, l-iskribi u l-qassisin ta’ żmien Ġesù.  Mhux in-nies tal-politika, lanqas iż-żienja jew il-ħallelin jew dawk li qatt ma kienu jersqu lejn it-Tempju li sallbu l-Mulej tal-Ħajja, imma dawk li suppost kienu l-ħbieb tiegħu, in-nies reliġjużi, il-mexxejja tat-Tempju.  Kienu dawn li sallbu l-Mulej, huma li Hu kien isejħilhom “oqbra mbajda”.  Din hi tentazzjoni li hi komuni fostna u li ħafna minna jintrebħu minnha.  Ħa jħarisna l-Mulej milli qatt ninsew li aħna midinbin; li fil-prova, ħafna drabi ċħadnih u li l-unika differenza bejnna u bejn ħaddieħor hi li d-dnub tagħna huwa moħbi waqt li ta’ ħaddieħor, miskin, hu magħruf.

 

Versett:  Hallelujah.  Għax ried hu, il-Missier wellidna bil-kelma tas-sewwa, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  14, 1. 7-14

 

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih.

 

Billi ra b'għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta' quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: [Lq:14:8] "Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta' tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta' quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, [Lq:14:9] u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, 'Agħti l-post lil dan', u int imbagħad, b'regħxa ta' mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta' l-aħħar. [Lq:14:10] Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta' l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, 'Ħabib, itla’ f'post aktar 'il fuq.' U dan ikun ta' ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. [Lq:14:11]Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar." [Lq:14:12] Mbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: "Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. [Lq:14:13]  Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, [Lq:14:14] u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!"

Last Updated ( Saturday, 27 August 2016 )
 
< Prev   Next >