Friday, 20 October 2017
           
Home
IT-TLIETA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) MIN JIFHEM IL-HSIEB TA’ ALLA? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 03 September 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tlieta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 san_luqa.jpg

 

Il-bniedem għandu moħħ meraviljuż, superjuri għal dak kollu li ħalaq il-Mulej.  Dan il-moħħ, dan ir-rigal stupend li tah Alla, il-bniedem użaħ biex tejjeb il-qagħda tiegħu fuq din l-art, f’ambjent li għalkemm sabiħ immens, jista’ jkun selvaġġ u perikoluż.  Illum il-bniedem wasal biex wettaq dak li Alla pprogrammah għalih fil-Ġenesi: wasal biex jaħkem il-ħolqien, għalkemm mhux għal kollox, naturalment.  Kultant, f’daqqa waħda jiġru ħwejjeġ, bħat-terremot fl-Italja dan l-aħħar, li jbellhu l-bniedem u juruh kemm fil-fatt hu għadu ċkejken.  Il-qawwa tal-baħħar fir-rabja tiegħu, il-ħalel tax-xita li jkaxkru kollox, il-mard li għalkemm megħlub minn progress tal-għaġeb fil-mediċina xorta jisponta f’forom oħra inkontrollabli... dawn u affarijiet oħra juru lill-bniedem il-limiti tiegħu.

 

Iżda l-progress tant hu kbir li malajr kapaċi jonfoħ lill-bniedem u jibda jaħseb li hu huwa Alla u jibda jiddibatti jekk l-Alla li ma jidhirx hux hemm jew le.  Il-kapaċitajiet tiegħu, mogħtija lilu, għamluh supperv u jemmen biss f’dak li jaraw għajnejh, jisimgħu widnejh u jifhem moħħu.  Dan huwa d-dnub ewlieni li ħaġa maħluqa tista’ taqa’ fih: li taħseb li t-tafal hu superjuri għall-fuħħari li qed jgħaġnu u jifformah f’xi ħaġa sabiħa.  Il-bniedem, u hawn qed nirreferi għal kulħadd, jien u int inklużi, ma jissaportix li dan ix-Xi Ħadd kbir, qaddis, omnipotenti jippjanalu ħajtu Hu.  Għalina lkoll, li nintelqu fi ħdan Alla u nħalluh iwettaq fina l-Pjan tiegħu, hu riskju kbir wisq.  Sikwit il-Fidi tagħna hi dgħajfa u nirribellaw quddiem l-Istorja li ma nifhmuhiex, ma togħġobniex... anzi, flok rigal narawha traġedja.  Hawn ma nistgħux ngħidu li l-bniedem m’għandux xi ftit tar-raġun u ma nistgħu qatt niddubitaw kemm kbar huma l-mogħdrija, is-sabar u l-ħniena tal-Mulej.  Għax l-Istorja taf tkun kattiva, inġusta, ħarxa u traġika.  Li kieku nibdew nisimgħu l-esperjenzi personali tan-nies, nitbellhu.

 

Għalhekk l-ikbar sfida li għandu l-bniedem tal-Fidi huwa appuntu dan: li bħal Marija fir-rakkont glorjuż tat-Tħabbira u rrepetut fit-talba għażiża tal-“Angelus”, jasal biex jgħid (u dan kontra n-natura mwaqqa’ tiegħu), “Ara, jiena l-qaddej/a tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”  (Lq. 1, 38).

 

L-Ewwwl Qari

 

Il-poplu Lhudi kien il-poplu magħżul minn Alla biex Hu juri ruħu lilu u biex, imbagħad, permezz tiegħu il-ġnus kollha jaraw id-dawl.  Iżrael ġabar l-essenza ta’ dak li rċieva mingħand Alla u mill-esperjenza tiegħu ta’ Alla f’kotba antiki mmens, li aħna nsejħulhom l-Iskrittura Mqaddsa, jew il-Bibbja.  Fuq dan l-għerf mogħti minn Alla hija mibnija l-Fidi tagħna, dawl fid-dlam ta’ univers li ma tistax tkejlu, u wkoll dawl fid-dlam ta’ ġrajjiet li ħafna drabi ma naslux biex nifhmuhom.

 

Il-Ktieb tal-Għerf huwa wieħed mill-73 Ktieb tal-Bibbja.  Huwa nkiteb f’era meta l-kultura domnanti taż-żmien kienet il-kultura pagana Griega. Ninsabu fi żmien li, f’ħafna aspetti, jixbah ferm lil dak Grieg!  Anke llum il-kultura dominanti hija pagana; hija l-kultura tal-punent li taħkem il-mezzi ta’ komunikazzjoni u qegħda timpressjona f’moħħ kulħadd li l-progress veru ssibu jekk tħares u tikkopja l-valuri tal-pajjiżi tal-punent!  Fiż-żmien li nkiteb il-Ktieb tal-Għerf, int kont tkun meqjus edukat, progressiv, mhux ta’ wara l-muntanji, jekk kien ikollok kultura Griega.  Bħall-progress li għamel il-bniedem modern, anke l-kultura Griega kienet tgħaxxaq u ġġennen fis-sbuħija tagħha u ħafna popli inħatfu minnha.  Infatti l-kultura tagħna għandha l-għeruq tagħha f’dik Griega.

 

Il-problema tal-kultura Griega, bħal dik moderna tal-lum, hi li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kollox.  Il-bniedem hu Alla.  Ir-reliġjon qegħda hemm biex tagħti ftit iktar kulur lill-Ħajja, imma fir-rejaltà l-kultura moderna ma temminx f’Alla.  Alla wieħed hemm: il-bniedem, bil-progressi tiegħu.  L-istess il-Griegi.  Kellhom ħafna allat, kieku, imma kollha vvintati minn moħħ il-bniedem u allura suġġetti għal-bniedem, jista’ jifhimhom il-bniedem.

 

Iżrael mill-ewwel induna bil-periklu li l-kultura Griega kienet qed tpoġġi quddiemu.  Agħmel użu minnha, imma tħabat qatigħ biex ma jħallihiex taħkimlu moħħu.  Il-Ktieb tal-Għerf, li minnu se nisimgħu silta, huwa appuntu risposta għad-dominazzjoni ta’ din il-kultura.  Il-Griegi kienu jiftaħru li sabu l-għerf, u kienu tassew nies għorrief li pproduċew filosfi tal-għaġeb.  Imma l-għerf tagħhom baqa’ ankrat mal-art.  Għall-Ktieb tal-Għerf, l-Għerf veru hu l-għarfien ta’ Alla, għarfien li jinagħta bi grazzja minn Alla nnifsu għax il-bniedem ma jista’ jista’ qatt jasal għalih.  L-Għerf veru, finalment, huwa Ġesù Kristu, li fil-forma ta’ bniedem li ħa kien Ġesù ta’ Nazaret, bin Marija u Ġużeppi, mastrudaxxa skont is-sengħa, imma li fl-ispirtu kien l-Iben ta’ Alla, Alla nnifsu, l-Għerf veru, anzi l-milja tal-Għerf, li ġie jgħammar fost il-bnedmin.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  9, 13-18

 

Għax min jista' jagħraf ħsieb Alla,

min jista' jifhem x'irid il-Mulej?

Beżżiegħa huma ħsibijiet il-bnedmin,

u kull pjan tagħna m'hu xejn fiż-żgur;

għax ruħna mtaqqla b'ġisem li jitħassar,

u għar-ruħ li taħseb hu piż it-tafal li fih tgħammar.

 

Bilkemm nistgħu nintebħu x'hemm fuq l-art,

u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna;

mela min jista' jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?

Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek,

jekk int innifsek ma tajtux l-għerf,

u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?

 

Hekk saru dritti triqat in-nies ta' l-art,

hekk tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek,

u salvaw bis-saħħa ta' l-għerf."

 

Salm Responsorjali

 

Il-qari li smajna jpoġġina f’postna.  “Min jista’ jagħraf il-ħsieb ta’ Alla?  Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?”  (Għerf 9, 13).  Tassew.  Il-bniedem hu ċkejken wisq u għandu bżonn il-Grazzja mbierka, ir-rigal ta’ Alla, biex jifhem l-Istorja u din tagħmel sens għalih.  Imbierek il-bniedem li jara sens f’kollox bid-dawl tal-Fidi!  Salm 90 jagħtina stampa ta’ dan il-bniedem ixxurtjat.  Huwa bniedem li, l-ewwelnett, mhux aljenat.  Hu jaf li hu ħlejqa bid-duda tal-mewt dejjem tiekol minnu.  Hu jgħid: “Int treġġa’ l-bnedmin lejn it-trab, u tgħid: ‘Erġgħu lura, ulied il-bniedem!’” (v. 3).  Hu jaf li ħajtu hi f’idejn min ħalqu u dan il-ħsieb jagħmlu ċkejken u umli.  Waqt li jara r-rejaltà tiegħu, jinduna bil-kobor infinit ta’ Alla.  “Elf sena huma f’għajnejk bħall-jum tal-bieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl.”  (v. 4).  Dak li għal għajnejn il-bniedem jidher kbir u tal-għaġeb, muntanja, m’hu xejn ħlief żrara quddiem il-Mulej tal-eżerċti.  Waqt li l-Mulej huwa Sid il-Ħolqien u Sid l-Istorja, il-bniedem jiġi u jmur u lanqas daqs ġebla mhu twil għomru.  “Huma bħal ħaxix li jħaddar filgħodu; filgħodu kmieni, sabiħ u jħaddar, imma jidbiel u jinxef sa filgħaxija.”  (v. 5-6).  Dan hu x-xejn tal-bniedem li jrid jagħmel lilu nnifsu Alla!

 

Imma hi ħaġa tal-għaġeb li fil-ħniena tiegħu, Alla jrid jagħti lil din il-ħaxixa li tinbet filgħodu u tinxef filgħaxija, Ħajja ta’ Dejjem!  Dan hu l-għaġeb tar-Rivelazzjoni ta’ Alla.  Dak li l-bniedem jixtieq l-aktar, li jibqa’ ħaj għal dejjem u jfittex u jgħarrex u juża meżżi qarrieqa u jwettaq dnubiet għoxxeni biex mingħalih jiskonġra l-mewt..., dan Alla ma jridx iċaħħdu minnha imma jrid jagħtihielu: Ħajja bla tmiem; Ferħ għal dejjem; għaqda f’natura waħda ma’ Alla nnifsu.  Fis-suppervja tiegħu il-bniedem ma jemminx f’Alla li hu kbir wisq biex jarah u allura jrid jagħmel lilu nnifsu Alla.  Imma ħares ’l hawn, bniedem supperv!  Huwa dan li jixtieq jagħtik Alla nnifsu!  Irid jagħmlek Alla!  Imma mhux frott tas-suppervja u l-ħażen ta’ qalbek, iżda permezz tal-umiltà tal-Fidi tiegħek fi Kristu.  San Ġwann jgħid: “Aħna nkunu bħalu għax narawh kif inhu.”  L-ebda bniedem ma jista’ jara lil Alla u jibqa’ ħaj għax jinħaraq mill-qdusija ta’ Dak li ħalaq kollox.  Allura jekk aħna se naraw lil Alla, dan ifisser li ma nibqgħux aktar kif aħna llum, jgħid San Ġwann, “imma nsiru bħalu għax narawh kif inhu.”

 

Hu tassew minnu li satana ħawwad moħħ il-bniedem, lil moħħna, u serqilna l-Ħajja bla ma ndunajna.  Tama waħda: “Ħa tkun fuqna l-Grazzja ta’ Alla Sidna!” (v. 17).  Alla huwa aqwa mill-għadu tagħna u hemm tama qawwija għalina.

 

Ritornell: Mulej, int kenn għalija.

 

Salm 90

 

Int traġġa' l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: "Erġgħu lura, intom bnedmin!"

Elf sena huma għalik

bħal jum ta' lbieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl.

                        

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet  fil-għodu;

 fil-għodu jwarrad u jħaddar,

fil-għaxija jidbiel u jinxef.

 

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

 Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

 

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta' idejna,

wettaq, iva, xogħol idejna.

 

It-Tieni Qari

 

Kull min hu miġbud lejn il-Mulej u jixxennaq li jgħarfu dejjem iktar, jiġi mgħallem minn Alla permezz tal-esperjenzi li jgħaddih minnhom, biex jidra jafda anke meta r-raġuni tgħidlu mod ieħor.  Dan mhu faċli xejn. 

 

L-ogħla punt tal-fiduċja f’Alla kontra dak kollu li tgħid ir-raġuni laħqu Abraham meta l-Mulej qallu biex joffrilu lil ibnu stess bħala sagrifiċċju, lill-istess iben li kien Hu li wegħdulu u li għalih Abraham dam ħamsa u għoxrin sena jistenna, u li twelidlu fi xjuħitu.  Kien ikun aktar faċli għal Abraham li joqtol lilu nnifsu, imma hu sab is-saħħa tat-tama meta qal: “Alla kapaċi jagħtihuli lura anke mill-mewt.”  (ara Lhud 11, 19).  Ekku sa liema sbuħija, sa liema fedeltà, sa liema fiduċja kapaċi jwassal Alla lill-bniedem li jkun daq kemm hu tajjeb il-Mulej f’ħafna esperjenżi tal-Ħajja. 

 

Fejn tidħol il-fiduċja ikollna nħarsu lejn Marija taħt is-salib ta’ Binha.  Hi li kienet irċeviet il-Wegħda sagrosanta ta’ Alla minn fomm l-Arkanġlu Gabrijel li l-iben li kien se jkollha kien se jiret it-tron ta’ David missieru u li s-Saltna tiegħu kellha tibqa’ għal dejjem (ara Lq. 1, 32-33), issa qed taraH jitniehed fuq is-salib, jitkarrab quddiem Alla u jgħidlu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?!” (Mk. 15, 34).  Hi semegħtu dan il-Kliem!  Dak li, mingħaliha kien l-anġlu ta’ Alla, kien qalilha ħaġa, u hi b’għajnejja kienet qed tara l-kontra, u r-raġuni tagħha kienet tweżweż li hi għexet gidba.  Imma Marija baqgħet temmen, baqgħet tafda, baqgħet tittama kontra kull tama.  Hawn irid iwassal lin-Nisrani, il-Mulej.  Huwa f’din il-forġa li jmut il-bniedem il-qadim tad-dubji, miġbud lejn id-dnub, u jitwieled floku il-bniedem il-ġdid tal-Fidi li jafda f’Alla Missieru anke sal-punt tal-martirju.

 

Din it-tip ta’ Fidi tinbena ħafna fuq l-esperjenza tal-ħajja għax dak li jiġrilna huwa wkoll Kelma ta’ Alla li biha Hu jkun qed jedukana għall-Fidi adulta u għall-Fiduċja.  Huwa għalhekk li Alla jippermetti s-salib u l-provi tal-Ħajja.  Tibda tinduna li kollox huwa parti mill-Misteru tal-Għid: daħla fil-mewt u Qawmien għal Fidi akbar, għal għarfien iktar ċar tal-Imħabba ta’ Alla.  Nerġa’ ngħid li mhux faċli li wieħed jaċċetta dan.  Il-Grazzja hija essenzjali.

 

Pawlu kellu ħabib li kien ikkonvertih hu, jismu Filemon.  Kitiblu ittra li nsibuha fil-Bibbja.  Filemon, milli jidher, kien tat-tajjeb.  Kellu qaddejja u lsiera fi żmien meta l-jasar kien għadu parti mill-kultura ta’ dak iż-żmien.  Wieħed mill-ilsira tiegħu, Onesimu, ħarablu.  Kull ilsir li jaħrab u jinqabad kien jinagħta l-mewt biex l-oħrajn jibżgħu jippruvaw jagħmlu dak li kien għamel hu.  Imma l-pjan ta’ Alla, bħas-soltu moħbi minn għajnejn in-nies, kien li Onesimu jiltaqa’ ma’ Pawlu f’art oħra u sar Nisrani.  Kellha tkun il-ħarba tiegħu li bidlitu f’Nisrani.  Barra minn dan, Pawlu kkonvinċih biex imur lura għand sidu u qallu biex jieħu miegħu din l-ittra li kiteb lil Filemon, is-sid, biex dan jaħfer lill-ilsir tiegħu li issa kien sar ħuh fil-Fidi.  Għal Pawlu, Onesimu kien sar qisu ibnu għax kien hu li kkonvertih għal Kristu u lil Filemon jgħidlu li anke hu kien midjun miegħu għax kien hu li tah il-Fidi u għalhekk ippretenda li jaħfer lill-ilsir.

 

Dan kollu jurina li bil-mod il-mod nibdew nindunaw li minn kull sitwazzjoni li tidher ħażina u kerha għal għajnejna, Alla dejjem joħroġ il-ġid għal dawk li jemmnu fiH.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon.  9-10,  12-17

 

 Għażiż: Jiena nitolbok, f'isem l-imħabba; jiena, Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta' Kristu Ġesù,  qiegħed nitolbok bil-ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-ktajjen, għal Oneżimu.  Jiena bgħatthulek lura, lilu, bħallikieku bgħattlek qalbi stess.  Xtaqt kieku żammejtu miegħi, biex, kif jien fil- ħabs għall-Evanġelju, idur bija minflokok hu.  Iżda ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma nara x'jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb. Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti terġa' tiksbu lura għal dejjem,  mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż; għażiż fuq kollox għalija, imma kemm iktar għalik, skond id-dinja u skond il-Mulej. 

 

Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien! 

 

Evanġelju

 

Min se jifhem lin-Nisrani ?  Id-dinja ma tagħrfux għax ma għarfitx lil Kristu. Ma jistax wieħed ikun Nisrani jekk ikun għadu marbut mad-dinja.  Din hi verità li jtennija Kristu u ttennija wkoll il-Kelma ta’ Alla u għalina tidher Kelma ħarxa u iebsa.  Harxa u iebsa għax għadna marbutin mad-dinja billi l-Magħmudija għadha mhix adulta fina.  Il-Magħmudija għad trid tikber fina għax il-bniedem il-qadim marbut mad-dinja għadu ma għeriqx fl-ilmijiet tagħha u l-bniedem il-ġdid għadu ma deherx.

 

Għal min hu marbut mad-dinja, dan hu Vanġelu li jidher radikali wisq, tqil biex jiftiehem u anatema għall-ispirtu materjalista.  Għax jekk irridu nersqu lejn Kristu irridu nkunu nafu għaliex, x’qed nittamaw li nsibu fiH, x’qed nistennew mingħandu. 

 

Darba mort nisma’ katekeżi għall-adulti wara li rajt strixxun bil-kliem « Stedina għall-Ferħ ».  Kulħadd irid ikun ferħan, mur obsor.  Imma liema tip ta’ ferħ qed nistennew mingħand Kristu ?  Importanti li nkunu ċari għax inkella meta nersqu qrib lejh nindunaw li aħna kellna f’moħħna lil xi ħadd ieħor, lil xi Kristu li vvintajnih aħna u jiġri li naqgħu għaċ-ċajt bħal dak li beda jibni torri jew dar u waqaf nofs leħja għax ma kellux biex ikompli.  Jew bħal dak li mar għall-gwerra, mimli ħeġġa u trijonfi, imma dar lura malli ra l-armata tal-għadu għax kienet wisq aqwa minn tiegħu.  Il-verità hi li Kristu mhux dak il-Kristu li ħafna drabi naraw fis-santi, gustus, bid-daqna hekk, pulita, b’għajnejh ħelwin, żoroq.  Hu qawwi.  Hu serju.  Bla kompromessi.

 

Tassew li Kristu għandu ferħ għalina.  Anzi l-ferħ veru, il-ħelsien veru, l-għana veru, l-Imħabba vera !  Dak li d-dinja tati b’mod kosmetiku bħall-‘make-up’ li jagħmlu n-nisa, Hu jagħtihulna tassew u għal dejjem.  Il-problema hi li aħna ma nistgħux nimmaġinaw dak li għandu lest għalina l-Mulej. Hawnhekk, allura, għandna bżonn dik l-imbierka fiduċja li timbuttana nkomplu meta r-raġuni tagħna tibda twerżaq li aħna mġienen. Min għandu din il-fiduċja fi Kristu u jaf li Hu biss għandu l-Ħajja ta’ Dejjem u li barra minnu kollox qed imut, allura, anke jekk dan il-Vanġelu ma jifhmux għal kollox, hu ma jaħsibx ħażin fih.  Jafda f’dan il-Kliem għax dan il-Kliem qalu Kristu u għalih Kristu hu l-Iben ta’ Alla.  Dan hu l-veru Għerf li d-dinja ma tistax tagħtik. 

 

Versett : Hallelujah.  Urini, Mulej, it-triq tiegħek, mexxina minn mogġdija watja. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  14, 25-33

 

Kotra kbira ta' nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom:  Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u 'l ommu u lil martu u lil uliedu, 'l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.  Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

 

"Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar?  Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista' jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid, 'Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.'

 

Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b'għaxart elef raġel iħabbatha ma' min ġej għalih b'għoxrin elf ruħ?  Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu 'l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.  Hekk ukoll ħadd ma jista' jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

Last Updated ( Saturday, 03 September 2016 )
 
< Prev   Next >